|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/3180 |
4.6.2025 |
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Pubblikazzjoni tal-għadd totali tal-kwoti fiċ-ċirkolazzjoni fl-2024 għall-finijiet tar-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq skont is-Sistema tal-UE għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet
(C/2025/3180)
1. Introduzzjoni
Fl-2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 (1) (“id-Deċiżjoni dwar l-MSR”) biex joħolqu Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq (l-“MSR” jew ir-“riżerva”), bħala parti mis-Sistema tal-UE għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (l-“EU ETS”) stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE (2) (“id-Direttiva dwar l-ETS”). L-MSR ilha operattiva mill-2019. Il-fini tagħha huwa li jiġi evitat li jkun hemm eċċess strutturali tal-kwoti fis-suq tal-karbonju tal-UE. Dan iġib miegħu r-riskju assoċjat li eċċess jipprevjeni li l-EU ETS tagħti s-sinjal ta’ investiment meħtieġ biex tinkiseb il-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE. L-MSR għandha l-iskop ukoll li l-EU ETS issir aktar reżiljenti għall-iżbilanċi bejn il-provvista u d-domanda, u b’hekk is-suq tal-karbonju tal-UE jkun jista’ jiffunzjona mingħajr xkiel.
Skont l-Artikolu 1(4) tad-Deċiżjoni dwar l-MSR, kull sena l-Kummissjoni tippubblika l-għadd totali tal-kwoti fiċ-ċirkolazzjoni (TNAC) għas-sena ta’ qabel. Din iċ-ċifra tiddetermina l-operat tal-MSR, jekk il-kwoti jiġux irtirati mill-volum tal-irkant u jitqiegħdu fir-riżerva jew jiġux rilaxxati mir-riżerva u jiġux irkantati. Għalhekk, il-pubblikazzjoni annwali tat-TNAC hija karatteristika importanti tal-MSR u tal-EU ETS.
Fit-3 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat it-TNAC għall-2023, li kien jammonta għal 1 111 736 535 (3). Għaldaqstant, 266 816 768 kwota kellhom jitqiegħdu fir-riżerva mill-1 ta’ Settembru 2024 sal-31 ta’ Awwissu 2025. L-għadd tal-kwoti fir-riżerva li ġew invalidati fl-1 ta’ Jannar 2024 kien jammonta għal 381 744 844.
Din il-Komunikazzjoni hija d-disa’ pubblikazzjoni tat-TNAC u tikkonċerna l-2024. Tagħti dettalji dwar il-kalkolu sottostanti u l-għadd tal-kwoti li se jitqiegħdu fir-riżerva mill-1 ta’ Settembru 2025 sal-31 ta’ Awwissu 2026. Tindika wkoll l-għadd tal-kwoti fir-riżerva li ġew invalidati fl-1 ta’ Jannar 2025.
2. Funzjonament tar-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq
L-MSR tiffunzjona awtomatikament meta t-TNAC ikun ’il barra mill-firxa stabbilita. Il-kwoti jiġu rtirati mill-volum tal-irkant u jitqiegħdu fir-riżerva jekk it-TNAC jaqbeż il-livell limitu ta’ 833 miljun. Ir-rata ta’ inkorporazzjoni tar-riżerva hija stabbilita għal 24 % tat-TNAC meta dan l-ammont ikun ogħla minn 1 096 miljun. Meta t-TNAC ikun bejn 833 miljun u 1 096 miljun, l-inkorporazzjoni tkun id-differenza bejn it-TNAC u 833 miljun. Jekk it-TNAC ikun inqas mil-livell limitu ta’ 400 miljun, 100 miljun kwota mir-Riżerva jiġu rilaxxati u rkantati. Il-kwoti jitqiegħdu fir-riżerva jew jiġu rilaxxati minnha tul 12-il xahar. Mill-2023’il quddiem, kwalunkwe kwota miżmuma fir-riżerva fl-1 ta’ Jannar ta’ kull sena li tkun ogħla mil-livell limitu ta’ 400 miljun ma tibqax valida aktar.
Skont l-Artikolu 1(5) tad-Deċiżjoni dwar l-MSR u f’konformità ma’ din il-Komunikazzjoni, 24 % tat-TNAC fil-31 ta’ Diċembru 2024 jew id-differenza bejn it-TNAC u 833 miljun se jitqiegħdu fir-riżerva fuq perjodu ta’ 12-il xahar li jibda fl-1 ta’ Settembru 2025. Għadd korrispondenti ta’ kwoti se jitnaqqas mill-volumi tal-irkant tal-Istati Membri tal-UE, tat-tliet pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea u tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja) u, għall-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit. Dawn il-kwoti se jitnaqqsu f’konformità mal-ishma rispettivi tal-irkant tal-pajjiżi.
Skont l-Artikolu 1(5) tad-Deċiżjoni dwar l-MSR, sal-31 ta’ Diċembru 2030, kwalunkwe kwota distribwita għall-finijiet ta’ solidarjetà u tkabbir fl-EU ETS (4) ma tiġix inkluża fil-kalkolu tal-ishma rilevanti għall-finijiet tal-MSR.
3. Għadd totali tal-kwoti fiċ-ċirkolazzjoni
Skont l-Artikolu 1(4) tad-Deċiżjoni dwar l-MSR, it-TNAC f’sena partikolari għandu jkun l-għadd kumulattiv ta’ kwoti maħruġa fir-rigward tal-installazzjonijiet u l-kumpaniji tat-tbaħħir u mhux imqiegħda fir-riżerva fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2008, inkluż l-għadd ta’ kwoti maħruġa skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2003/87/KE, fil-verżjoni fis-seħħ fit-18 ta’ Marzu 2018, f’dak il-perjodu u d-drittijiet biex jintużaw il-krediti internazzjonali eżerċitati mill-installazzjonijiet fl-ambitu tal-EU ETS, sal-31 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena partikolari, neqsin it-tunnellati kumulattivi tal-emissjonijiet ivverifikati mill-installazzjonijiet u mill-kumpaniji tat-tbaħħir fl-ambitu tal-EU ETS bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u l-31 ta’ Diċembru ta’ dik l-istess sena partikolari, u kwalunkwe kwota kkanċellata f’konformità mal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2003/87/KE.
Fil-qosor, it-TNAC rilevanti għall-funzjonament tal-MSR jiġi kkalkolat permezz ta’ din il-formula aġġornata:
TNAC — Provvista — Domanda
Iż-żewġ elementi huma deskritti fid-dettall f’din il-Komunikazzjoni. It-tabella fl-aħħar tad-dokument tagħti ħarsa ġenerali lejn iċ-ċifri kollha.
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1(4a) tad-Deċiżjoni dwar l-MSR jistabbilixxi li mill-2024, il-kalkolu tal-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni fi kwalunkwe sena partikolari għandu jinkludi l-għadd kumulattiv ta’ kwoti maħruġa fir-rigward tal-avjazzjoni u t-tunnellati kumulattivi ta’ emissjonijiet verifikati mill-avjazzjoni fl-ambitu tal-EU ETS, li jeskludu l-emissjonijiet minn titjiriet fuq rotot koperti minn kumpens ikkalkulat skont l-Artikolu 12(6) tad-Direttiva 2003/87/KE, bejn l-1 ta’ Jannar 2024 u l-31 ta’ Diċembru ta’ dik l-istess sena partikolari.
L-EU ETS tkopri l-emissjonijiet mill-attivitajiet tat-trasport marittimu mill-1 ta’ Jannar 2024. Għaldaqstant, l-għadd tal-kwoti maħruġa fir-rigward tal-kumpaniji tat-tbaħħir u tal-emissjonijiet ivverifikati mill-kumpaniji tat-tbaħħir mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2024 huma inklużi fil-kalkolu tat-TNAC għall-2024. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(4a) tad-Deċiżjoni dwar l-MSR jistabbilixxi li l-kwoti kkanċellati skont l-Artikolu 3gb tad-Direttiva 2003/87/KE għandhom jitqiesu bħala maħruġa għall-finijiet tal-kalkolu tal-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni.
Provvista
Il-provvista tal-kwoti fis-suq tal-karbonju tal-UE tikkonsisti mill-elementi li ġejjin:
|
— |
Kwoti mfaddlin (5) mill-fażi 2 tal-EU ETS (2008–2012), li kienu ammontaw għal 1 749 540 826 (6). |
|
— |
Kwoti allokati bla ħlas mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2024 (7), inkluż il-kwoti allokati mir-Riżerva għall-Entranti Ġodda (NER). Dan il-volum jammonta għal 8 747 619 334 kwota (8). |
|
— |
Kwoti rkantati mill-1 ta’ Jannar 2013 (9) sal-31 ta’ Diċembru 2024 (10), u kwoti użati għall-finijiet ta’ flessibbiltà fl-2021–2024 skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2018/842 (11) (“ir-Regolament dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi”). Skont ir-rapporti tal-irkant dwar il-pjattaforma komuni tal-irkant u l-pjattaformi rilevanti ta’ pajjiżi nonparteċipanti (12), il-volum tal-kwoti rkantati, inkluż l-“irkanti bikrin”, kien ta’ 8 190 671 500 . Ma’ dan il-volum, iridu jiżdiedu 28 855 152 kwota fil-qafas tal-flessibbiltà stabbilita fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi (13). |
|
— |
Kwoti monetizzati għall-programm NER300. B’kollox ġew monetizzati 300 000 000 kwota mill-Bank Ewropew tal-Investiment. |
|
— |
Krediti internazzjonali eżerċitati għall-emissjonijiet mill-2013 sal-31 ta’ Diċembru 2020 (14). L-installazzjonijiet użaw 497 248 017 -il kreditu internazzjonali għall-emissjonijiet li ġġeneraw (15). |
|
— |
Skont l-Artikolu 1(4) tad-Deċiżjoni MSR, il-kwoti mqiegħda fl-MSR ma għadhomx parti mill-kalkolu tat-TNAC. |
Domanda
Id-domanda għall-kwoti fis-suq tal-karbonju tal-UE tinkludi l-emissjonijiet ivverifikati totali mill-installazzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2013 (16) sal-31 ta’ Diċembru 2024 (17), li jammontaw għal 18 365 179 314 il-tunnellata (18), u 705 930 kwota kkanċellati tul dan il-perjodu skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva dwar l-ETS.
Għadd totali tal-kwoti fiċ-ċirkolazzjoni
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, it-TNAC fl-2024 jammonta għal 1 148 049 585 kwota.
Kwoti miżmuma fir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq
Bħala segwitu tal-invalidazzjoni tal-kwoti fl-1 ta’ Jannar 2024, 400 000 000 kwota baqgħu fir-riżerva.
F’konformità mal-Komunikazzjonijiet dwar it-TNAC tal-aħħar snin, fir-riżerva tqiegħdu l-volumi tal-kwoti li ġejjin:
|
— |
181 567 159 kwoti mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Awwissu 2024 (19); |
|
— |
88 938 927 kwota mill-1 ta’ Settembru 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2024 (20). |
Fil-31 ta’ Diċembru 2024, kien hemm 670 506 086 kwota fil-MSR. Fl-1 ta’ Jannar 2025, 270 506 086 minn dawn il-kwoti ġew invalidati skont l-Artikolu 1(5a) tad-Deċiżjoni dwar l-MSR. Il-kumplament tal-kwoti miżmuma tar-riżerva jammontaw għal 400 000 000 kwota.
4. Konklużjoni
F’konformità mad-Deċiżjoni dwar l-MSR, se jitqiegħdu b’kollox 275 531 900 kwota fir-riżerva tul it-12-il xahar mill-1 ta’ Settembru 2025 sal-31 ta’ Awwissu 2026.
Il-pubblikazzjoni tas-sena d-dieħla tat-TNAC se tiddetermina l-operat tal-MSR minn Settembru 2026 sa Awwissu 2027.
Ħarsa ġenerali
|
Provvista |
|
||
|
1 749 540 826 |
||
|
8 747 619 334 |
||
|
8 190 671 500 |
||
|
28 855 152 |
||
|
300 000 000 |
||
|
497 248 017 |
||
|
Total (tal-provvista) |
19 513 934 829 |
||
|
|
|
||
|
Domanda |
|
||
|
18 365 179 314 |
||
|
705 930 |
||
|
Total (tad-domanda) |
18 365 885 244 |
||
|
|
|
||
|
Għadd totali tal-kwoti fiċ-ċirkolazzjoni |
1 148 049 585 |
(1) Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta' riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ skambju tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 264, 9.10.2015, p. 1).
(2) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).
(3) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Pubblikazzjoni tal-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni fl-2023 għall-finijiet tar-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq skont is-Sistema tal-UE għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE (ĠU C, C/2024/3415, 3.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3415/oj).
(4) Skont l-Artikolu 10(2)(b) tad-Direttiva 2003/87/KE.
(5) Il-kwoti maħruġa tul il-fażi 2 tal-EU ETS tal-UE (2008–2012), li ma ġewx ċeduti biex ikopru l-emissjonijiet ivverifikati jew li ma ġewx ikkanċellati ġew “imfaddlin” biex jintużaw fil-bidu tal-fażi 3 tal-EU ETS (2013–2020). Dawn il-kwoti tħassru u fl-istess ħin inħoloq għadd ugwali ta’ kwoti fil-fażi 3. B’hekk, dan l-għadd jirrappreżenta l-għadd eżatt tal-kwoti tal-ETS fiċ-ċirkolazzjoni fil-bidu tal-fażi 3 tal-EU ETS.
(6) COM (2015) 576 – Ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Rapport ta’ progress dwar l-azzjoni klimatika, li jinkludi r-rapport dwar il-funzjonament tas-suq Ewropew tal-karbonju u r-rapport dwar ir-rieżami tad-Direttiva 2009/31/KE dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju.
(7) Skont l-Artikolu 1(4a) tad-Deċiżjoni MSR, għall-avjazzjoni, jitqiesu l-kwoti allokati bla ħlas mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2024.
(8) Il-kwoti allokati bla ħlas huma bbażati fuq id-data estratta mir-Reġistru tal-Unjoni fl-1 ta’ April 2025, inkluża d-data tal-EU ETS għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru skont l-amministrazzjoni tal-Iżvizzera.
(9) Din iċ-ċifra tinkludi l-“irkanti bikrin”, jiġifieri l-kwoti validi għall-fażi 3 tal-EU ETS (2013–2020), li ġew irkantati qabel l-1 ta’ Jannar 2013.
(10) Skont l-Artikolu 1(4a) tad-Deċiżjoni dwar l-MSR u peress li l-EU ETS tkopri l-attivitajiet tat-trasport marittimu mill-1 ta’ Jannar 2024, għall-avjazzjoni u għat-tbaħħir, jitqiesu l-kwoti rkantati mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2024.
(11) Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26).
(12) Ir-rapporti tal-irkanti: European Energy Exchange (https://www.eex.com/en/market-data/market-data-hub/environmentals/eu-ets-auctions) u Intercontinental Exchange (https://www.ice.com/report/148).
(13) Ir-Regolament (UE) 2018/842 joħloq dispożizzjoni tal-flessibbiltà ta’ darba li biha l-Istati Membri jista’ jkollhom sa massimu ta’ 100 miljun kwota tal-EU ETS ikkanċellati kollettivament fl-2021–2030, sabiex ikunu jistgħu jikkonformaw mal-miri tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont dan ir-Regolament. Id-dispożizzjoni tal-flessibbiltà qiegħda għall-Istati Membri b’miri ferm ogħla mill-medja tal-UE u mill-potenzjal tagħhom li ta’ tnaqqis kosteffettiv, kif ukoll għall-Istati Membri li ma allokaw l-ebda kwota bla ħlas tal-EU ETS għall-installazzjonijiet industrijali fl-2013. Kanċellazzjoni ssir mill-volum tal-irkantar tal-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar l-ETS. Il-kwoti kkanċellati jitqiesu bħala kwoti tal-EU ETS fiċ-ċirkolazzjoni meta jiġi ddeterminat it-TNAC għall-finijiet tal-MSR f’sena partikolari.
(14) Il-krediti internazzjonali ma jistgħux jintużaw għall-konformità mill-2021.
(15) Abbażi ta’ silta mir-Reġistru tal-Unjoni mill-1 ta’ April 2025. Dawn il-krediti internazzjonali jikkonċernaw biss dawk skambjati għall-kwoti tal-UE fil-fażi 3 tal-EU ETS (2013–2020). Madwar 1,1 biljun kreditu internazzjonali li jistgħu jintużaw direttament għall-finijiet ta’ konformità fil-fażi 2 tal-EU ETS (2008–2012) huma riflessi fl-għadd tal-kwoti mfaddlin mill-fażi 2.
(16) Li jikkorrispondu għall-emissjonijiet ivverifikati tul il-perjodu 2008–2012 (fażi 2), ara n-nota 5 f’qiegħ il-paġna.
(17) Skont l-Artikolu 1(4a) tad-Deċiżjoni dwar l-MSR, u peress li l-EU ETS tkopri l-attivitajiet tat-trasport marittimu mill-1 ta’ Jannar 2024, għall-avjazzjoni u għat-tbaħħir, jiġu inklużi l-emissjonijiet ivverifikati mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2024.
(18) L-emissjonijiet totali vverifikati huma bbażati fuq id-data estratta mir-Reġistru tal-Unjoni fl-1 ta’ April 2025 u mir-Reġistru tal-ETS Żvizzera għall-emissjonijiet tal-EU ETS għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru skont l-amministrazzjoni tal-Iżvizzera. Iċ-ċifra tinkludi l-emissjonijiet ivverifikati rrappurtati sal-31 ta’ Marzu 2025 – l-iskadenza tar-rappurtar fl-EU ETS. L-emissjonijiet irrappurtati wara din id-data ma jiġux riflessi fit-total.
(19) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Pubblikazzjoni tal-għadd totali tal-kwoti fiċ-ċirkolazzjoni fl-2022 għall-finijiet tar-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq skont is-Sistema tal-UE għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (ĠU C 172, 15.5.2023, p. 1). Kif konkluż fil-punt 4 ta’ din il-Komunikazzjoni, se jitqiegħdu 272 350 737 kwota fl-MSR mill-1 ta’ Settembru 2023 sal-31 ta’ Awwissu 2024. Il-volum li jikkorrispondi għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Awwissu 2024 kien ta’ 181 567 159.
(20) C/2024/3415, kif imsemmi fin-nota 3 f’qiegħ il-paġna. Kif konkluż fil-punt 4 ta’ din il-Komunikazzjoni, se jitqiegħdu 266 816 768 kwota fl-MSR mill-1 ta’ Settembru 2024 sal-31 ta’ Awwissu 2025. Il-volum li jikkorrispondi għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Diċembru 2024 kien ta’ 88 938 927.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3180/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)