SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
18 ta’ Settembru 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(2)(b) – Fallimenti, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanniji falluti, arranġamenti ġuridiċi, kompożizzjoni jew proċedimenti analogi – Esklużjoni – Rikors intiż għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kreditu għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza – Applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1346/2000 – Artikolu 41 – Kontenut tal-produzzjoni ta’ kreditu – Proċedura prinċipali u proċedura sekondarja ta’ insolvenza – Lis pendens u azzjonijiet relatati – Applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 – Inammissibbiltà”
Fil-Kawża C‑47/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Jannar 2018, fil-proċedura
Skarb Państwa Rzeczypospolitej Polskiej – Generalny Dyrektor Dróg Krajowych i Autostrad
vs
Stephan Riel, bħala amministratur stralċjarju ta’ Alpine Bau GmbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, C. Toader, A. Rosas u M. Safjan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-iSkarb Państwa Rzeczypospolitej Polskiej – Generalny Dyrektor Dróg Krajowych i Autostrad, minn A. Freytag, Rechtsanwalt, |
|
– |
għal S. Riel, bħala amministratur stralċjarju ta’ Alpine Bau GmbH, minn S. Riel, Rechtsanwalt, |
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn M. Sampol Pucurull, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u M. Wilderspin, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Svizzeru, minn M. Schöll, bħala aġent, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ April 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(b) u tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 41 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Skarb Państwa Rzeczypospolitej Polskiej – Generalny Dyrektor Dróg Krajowych i Autostrad (it-Teżor Pubbliku tar-Repubblika tal-Polonja – Direttur Nazzjonali tat-Toroq Nazzjonali u l-Awtostradi) u Stephan Riel, bħala amministratur stralċjarju fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali miftuħa fl-Awstrija kontra Alpine Bau GmbH, fir-rigward ta’ azzjoni intiża għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ krediti. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Nru 1215/2012
|
3 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi: “1. Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii). 2. Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal: […]
[…]” |
|
4 |
Skont l-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament: “1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 31(2), meta proċedimenti li jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, kull qorti apparti l-ewwel qorti li jkollha quddiemha l-każ għandha fuq inizjattiva tagħha stess tissospendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti invokata. 2. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, fuq talba ta’ qorti li tieħu konjizzjoni tal-kawża, kwalunkwe qorti invokata għandha mingħajr dewmien tinforma lill-ewwel qorti bid-data meta tressqu l-proċedimenti quddiemha skont l-Artikolu 32. 3. Meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti invokata, kull qorti oħra apparti l-ewwel qorti invokata għandha tastjeni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.” |
|
5 |
L-Artikolu 30 tal-imsemmi regolament huwa mfassal kif ġej: “1. Meta azzjonijiet relatati jkunu pendenti fi qrati ta’ Stati Membri differenti, kwalunkwe qorti apparti l-qorti li tkun l-ewwel invokata għandha tissospendi l-proċedimenti ta’ quddiemha. 2. Fejn l-azzjoni tkun pendenti fil-prim’istanza quddiem l-ewwel qorti, kwalunkwe qorti oħra tista’ wkoll, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, tiċħad il-ġurisdizzjoni jekk il-qorti l-ewwel invokata jkollha ġurisdizzjoni fuq l-azzjonijiet ikkonċernati u li l-liġi tagħha tippermetti l-konsolidazzjoni tagħhom. 3. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, azzjonijiet huma meqjusa li jkunu relatati meta jkunu konnessi hekk mill-qrib illi jkun aktar konvenjenti illi jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex ikun evitat ir-riskju ta’ sentenzi irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati.” |
Ir-Regolament Nru 1346/2000
|
6 |
Il-premessi 2, 6, 8, 12, 18, 19 u 21 tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdu:
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
|
|
7 |
L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprovdi kif ġej: “1. Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju. 2. Meta ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali ta’ debitur ikun jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stati Membri oħra għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiftħu proċedimenti ta’ falliment kontra dak id-debitur fil-każ biss li dak ikollu stabbiliment fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. L-effetti ta’ dawk il-proċedimenti għandu jkun ristrett għall-assi tad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju ta’ l-Istat Membru l-ieħor. 3. Meta proċediment ta’ falliment jinfetħu permezz ta’ paragrafu 1, xi proċedimenti miftuħa sussegwentament permezz ta’ paragrafu 2 għandhom ikunu proċedimenti sekondarji. Dawn il-proċedimenti ta’ l-aħħar għandhom ikun proċedimenti ta’ l-egħluq. […]” |
|
8 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jipprevedi: “1. Ħlief fejn ipprovdut b’ mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ falliment u l-effetti tagħhom għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura, minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala l-’Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti’. 2. Il-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom. Għandu jiddetermina b’ mod partikolari: […]
[…]” |
|
9 |
Skont l-Artikolu 27 tal-istess regolament: “Il-ftuħ tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(1) minn qorti ta’ Stat Membru u li jkun rikonoxxut fi Stat Membru ieħor (proċedimenti prinċipali) għandu jippermetti l-ftuħ f’dak l-Istat Membru l-ieħor, li qorti tiegħu jkollu ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(2), ta’ proċedimenti sekondarji ta’ falliment mingħajr ma l-falliment tad-debitur ikun eżaminat fl-Istat l-ieħor. […] L-effetti tagħhom għandhom ikunu ristretti għall-assi tad-debitur li jkun jinstab fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor.” |
|
10 |
L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdi: “1. Bla ħsara għar-regoli li jirrestrinġu il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni, il-likwidatur fil-proċedimenti prinċipali u l-likwidaturi fil-proċedimenti sekondarji għandu jkollhom id-dmir li jikkomunikaw informazzjoni lill-xulxin. Għandhom immedjatament jikkomunikaw xi informazzjoni li tista’ tkun relevanti għal proċedimenti l-oħra, b’ mod partikolari l-progress magħmul fil-preżentazzjoni u l-verifika ta’ talbiet u l-miżuri kollha li jkollhom il-għan li jitterminaw il-proċedimenti. 2. Suġġett għar-regoli applikabbli għal kull waħda mill-proċedimenti, il-likwidatur fil-proċedimenti prinċipali u l-likwidaturi fil-proċedimenti sekondarji għandhom ikollhom id-dmir li jikkooperaw flimkien. […]” |
|
11 |
L-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Xi kreditur li jkollu r-residenza abitwali tiegħu jew id-domiċilju jew l-uffiċju rreġistrat fi Stat Membru apparti minn dak l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti, inklużi l-awtoritajiet tat-taxxa u awtoritajiet tas-sigurtà soċjali ta’ Stati Membri, għandu jkollu d-dritt li jippreżenta talbiet bil-miktub fil-proċedimenti ta’ falliment.” |
|
12 |
Skont l-Artikolu 40 tal-imsemmi regolament: “1. Malli jinfetħu proċedimenti ta’ falliment fi Stat Membru, il-qorti ta’ dak l-Istat li jkollha l-ġurisdizzjoni, jew il-likwidatur maħtur minnha, għandha immedjatament tinforma lill-kredituri magħrufa li jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom, id-domiċilju jew l-uffiċju irreġistrat f’xi Stati Membru oħra. 2. Dik l-informazzjoni, ipprovduta b’avviż individwali, għandha b’ mod partikolari tinkludi limiti taż-żmien, il-penalitajiet imposti rigward dawk il-limiti ta’ żmien, il-korp jew awtorità awtoriżżata li taċċetta il-preżentazzjoni ta’ talbiet u l-miżuri l-oħra mitluba. Avviż bħal dan għandu wkoll jindika jekk il-kredituri li t-talbiet tagħhom ikunu preferenzali jew assigurati in rem jenħtiegx li jippreżentaw it-talbiet tagħhom.” |
|
13 |
L-Artikolu 41 tal-istess regolament jipprovdi: “Kreditur għandu jibgħat kopji ta’ dokumenti sostenituri, jekk ikun hemm, u għandi jindika n-natura tat-talba, id-data li fiha din tkun saret u l-ammont tagħha, kif ukoll jekk jallegax preferenza, sigurtà in rem jew reserva ta’ titolu fir-rigward ta’ talba u liema assi jkunu koperti bil-garanzja li jinvoka.” |
|
14 |
L-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 1346/2000 huwa fformulat kif ġej: “1. L-informazzjoni pprovduta fl-Artikolu 40 għandha tiġi pprovduta bil-lingwa uffiċjali jew b’waħda mill-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat li jiftaħ l-proċedimenti. Għal dan l-iskop, għandha tintuża formola li jkollha l-intestatura ‘Stedina għal preżentazzjoni ta’ talba’. Limiti taż-żmien li għandhom jiġu osservati bil-lingwi uffiċjali kollha ta’ l-Istituzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea’. 2. Xi kreditur li jkollu r-residenza abitwali tiegħu, id-domiċilju jew l-uffiċju rreġistrat f’xi Stat Membru apparti minn dak l-Istat tal-bidu tal-proċedimenti jista’ jippreżenta t-talba tiegħu fil-lingwa uffiċjali jew waħda mill-lingwi uffiċjali ta’ dak l-Istat l-ieħor. F’dak il-każ, b’dana kollu, il-preżentazzjoni tat-talbiet tiegħu għandhom ikollhom l-intestatura ‘Preżentazzjoni ta’ talba’ bil-lingwa uffiċjali jew b’waħda mill-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat li jiftaħ il-proċedimenti. Barra minn hekk, dan jista’ jiġi mitlub jipprovdi traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mill-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat li jiftaħ il-proċedimenti.” |
Id-dritt Awstrijak
|
15 |
L-Artikolu 102 tal-Insolvenzordnung (il-Liġi dwar l-Insolvenza), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“IO”), jipprovdi: “Il-kredituri għandhom jippreżentaw il-krediti tagħhom fil-proċedura ta’ insolvenza skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin, anki jekk ikunu s-suġġett ta’ kawża.” |
|
16 |
L-Artikolu 103(1) tal-IO jipprovdi: “Id-dikjarazzjoni għandha tindika l-ammont tal-kreditu u l-fatti li fuqhom huwa bbażat, kif ukoll il-klassifika mitlub; hija għandha tispeċifika l-elementi ta’ prova li jistgħu jiġi ppreżentati insostenn tal-kreditu allegat.” |
|
17 |
L-Artikolu 110(1) KE tal-IO jipprovdi dan li ġej: “Id-detenturi ta’ krediti li l-eżattezza jew il-grad tagħhom jibqgħu kkontestati jistgħu jaġixxu għall-konstatazzjoni tal-eżistenza tagħhom, meta r-rimedju ġudizzjarju jkun ammissibbli, billi jindirizzaw ir-rikors tagħhom kontra l-kontestanti kollha […]. Il-pretensjonijiet magħmula fil-kuntest ta’ din l-azzjoni jistgħu jkunu bbażati biss fuq il-motiv invokat fil-kuntest tad-dikjarazzjoni u waqt is-seduta ta’ verifika; dawn ma jistgħux jikkonċernaw ammont ogħla minn dak li kien indikat f’din l-okkażjoni.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
18 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, responsabbli mill-amministrazzjoni tat-toroq statali Pollakki, fdat lil Alpine Bau bit-twettiq ta’ diversi proġetti ta’ kostruzzjoni tat-toroq fil-Polonja, liema kuntratti ngħataw wara sejħiet għal offerti pubbliċi. Il-kuntratti relattivi għal dawn il-proġetti kienu jinkludu klawżoli dettaljati dwar id-danni u l-interessi li kellhom jitħallsu f’każ ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tagħhom. |
|
19 |
Fid-19 ta’ Ġunju 2013, infetħet proċedura ta’ amministrazzjoni ġudizzjarja fl-Awstrija fir-rigward ta’ Alpine Bau u S. Riel ġie maħtur amministratur stralċjarju ta’ din il-kumpannija. |
|
20 |
Fl-4 ta’ Lulju 2013, din il-proċedura ġiet ikklassifikata mill-ġdid bħala “proċedura ta’ falliment”. L-għada, b’applikazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija), fil-fajl tal-proċeduri ta’ insolvenza ġie indikat li din kienet proċedura ta’ insolvenza prinċipali, fis-sens tar-Regolament Nru 1346/2000. |
|
21 |
Fil-Polonja nfetħet proċedura ta’ insolvenza sekondarja kontra Alpine Bau quddiem is-Sąd Rejonowy Poznān-Stare Miasto w Poznaniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznān-Stare Miasto, il-Polonja). |
|
22 |
Xi krediti ġew ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fis-16 ta’ Awwissu 2013 u fit-22 ta’ Ġunju 2016 fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali miftuħa fl-Awstrija kif ukoll fis-16 ta’ Mejju 2014 u fis-16 ta’ Ġunju 2015 fil-proċedura ta’ insolvenza sekondarja fil-Polonja. |
|
23 |
Il-parti l-kbira tal-krediti hekk ippreżentati ġew ikkontestati minn S. Riel, maħtur fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali Awstrijaka, u mill-amministratur stralċjarju maħtur fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza sekondarja Pollakka. |
|
24 |
Fl-1 ta’ April 2015, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat, fil-Polonja, rikors għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kreditu f’ammont ta’ PLN 309663865 (zloty Pollakki) (madwar EUR 73898402). |
|
25 |
Fil-31 ta’ Ottubru 2016, din ippreżentat ukoll, quddiem il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna), azzjoni intiża għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kreditu f’ammont ta’ EUR 64 784 879.43, filwaqt li skont l-Artikoli 29 u 30 tar-Regolament Nru 1215/2012, talbet is-sospensjoni tad-deċiżjoni sakemm id-deċiżjoni fil-proċeduri pendenti fil-Polonja, dwar il-verifika ta’ krediti, tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata. |
|
26 |
Permezz ta’ sentenza interlokutorja tal-25 ta’ Lulju 2017, il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna), ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali f’ammont ta’ EUR 265 132.81, mingħajr ma ddeċidiet dwar it-talba għal sospensjoni tad-deċiżjoni. |
|
27 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat minn din is-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), billi invokat, b’mod partikolari, difett proċedurali sa fejn il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna) kienet irrifjutat li tissospendi d-deċiżjoni, bi ksur tal-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1215/2012. |
|
28 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk l-azzjoni għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kreditu li hija adita biha taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 jew dak tar-Regolament Nru 1346/2000. |
|
29 |
Fit-tieni lok, hija tistaqsi dwar l-applikazzjoni, eventwalment b’analoġija, tar-regoli dwar il-lis pendens previsti mir-Regolament Nru 1215/2012, fil-każ ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000. |
|
30 |
Fit-tielet lok, din tesprimi dubji dwar il-portata tar-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1346/2000 dwar il-kontenut tal-preżentazzjoni ta’ kreditu mill-kredituri stabbiliti fi Stat Membru. |
|
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
32 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ kreditu għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament? |
|
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolamenti Nri 1215/2012 u 1346/2000 għandhom jiġu interpretati b’mod li tiġi evitata kull sovrappożizzjoni bejn ir-regoli tad-dritt stabbiliti minn dawn it-testi u kull lakuna legali. Għalhekk, l-azzjonijiet esklużi, taħt l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, għaliex huma “falliment, proċedimenti relatati mal-istralċ ta’ kumpanniji insolventi jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġudizzjarji, ftehimiet u proċedimenti analogi”, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000. B’mod simmetriku, l-azzjonijiet li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Valach et, C‑649/16, EU:C:2017:986, punt 24, kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2018, Feniks, C‑337/17, EU:C:2018:805, punt 30). |
|
34 |
Minn dan jirriżulta li l-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ dawn iż-żewġ regolamenti huma limitati b’mod ċar u li azzjoni li toriġina direttament minn proċeduri ta’ insolvenza u li hija marbuta mill-qrib magħha ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, iżda taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000 (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, Wiemer & Trachte, C‑296/17, EU:C:2018:902, punt 31). |
|
35 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li d-diversi tipi ta’ azzjonijiet li ħadet konjizzjoni tagħhom kienu eżerċitati fl-okkażjoni ta’ proċeduri ta’ insolvenza. Barra minn hekk, hija fuq kollox intrabtet li tiddetermina kull darba jekk l-azzjoni inkwistjoni kinitx toriġina mid-dritt tal-proċeduri ta’ insolvenza jew minn regoli oħra (sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Nickel de Goeldner Spedition, C‑157/13, EU:C:2014:2145, punt 26, kif ukoll tal-4 ta’ Diċembru 2014, H, C‑295/13, EU:C:2014:2410, punt 18). |
|
36 |
B’mod partikolari, l-element determinanti adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tidentifika l-qasam li taqa’ fih azzjoni hija l-bażi legali ta’ din tal-aħħar. Skont dan l-approċċ, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk id-dritt jew l-obbligu li fuqu tkun ibbażata l-kawża joriġinax mir-regoli komuni tad-dritt ċivili u kummerċjali jew minn regoli derogatorji, speċifiċi għall-proċeduri ta’ insolvenza (sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition, C‑157/13, EU:C:2014:2145, punt 27; tal-11 ta’ Ġunju 2015, Comité d’entreprise de Nortel Networks et, C‑649/13, EU:C:2015:384, punt 28; tad-9 ta’ Novembru 2017, Tünkers France u Tünkers Maschinenbau, C‑641/16, EU:C:2017:847, punt 22, kif ukoll tal-20 ta’ Diċembru 2017, Valach et, C‑649/16, EU:C:2017:986, punt 29). |
|
37 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, minbarra l-fatt li l-azzjoni sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ krediti prevista fl-Artikolu 110 tal-IO, eżerċitata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi element tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka dwar l-insolvenza, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din l-azzjoni għandha tiġi eżerċitata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, minn kredituri li jipparteċipaw għaliha, f’każ ta’ kontestazzjoni li tirrigwarda l-eżattezza jew il-grad ta’ krediti ddikjarati minn dawn il-kredituri. |
|
38 |
Għaldaqstant, jidher li, fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi, il-kawża għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ krediti prevista fl-Artikolu 110 tal-IO tirriżulta direttament minn proċedura ta’ insolvenza, hija marbuta mill-qrib magħha u toriġina mid-dritt tal-proċeduri ta’ insolvenza. |
|
39 |
Konsegwentement, il-kawża msemmija ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, iżda taħt dak tar-Regolament Nru 1346/2000. |
|
40 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ kreditu għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. |
Fuq it-tieni domanda
|
41 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, li hija tagħmel biss fil-każ fejn tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika b’analoġija għal kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, iżda li taqa’ taħt dak tar-Regolament Nru 1346/2000. |
|
42 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, billi jipprovdi li, meta talbiet li għandhom l-istess suġġett u l-istess kawża jitressqu bejn l-istess partijiet quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, il-qorti adita t-tieni għandha tissospendi l-proċeduri quddiemha ex officio sakemm tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita l-ewwel, l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 huwa intiż sabiex jevita li jingħataw deċiżjonijiet inkonċiljabbli fir-rigward ta’ dawn it-talbiet. |
|
43 |
Għandu jiġi rrilevat ukoll li, sa fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni eskluda espliċitament ċerti oqsma mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, id-dispożizzjonijiet tiegħu, inklużi dawk li għandhom natura purament proċedurali, ma japplikawx b’analoġija għal dawn l-oqsma. |
|
44 |
Barra minn hekk, tali applikazzjoni tmur kontra s-sistema tar-Regolament Nru 1346/2000 u għalhekk, tippreġudika l-effettività tad-dispożizzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari sa fejn, skont l-Artikoli 3 u 27 ta’ dan ir-regolament, moqrija fid-dawl tal-premessi 12, 18 u 19 tiegħu, proċeduri sekondarji ta’ insolvenza jistgħu jinfetħu b’mod parallel mal-proċedura prinċipali ta’ insolvenza, ħaġa li l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma jippermettix. |
|
45 |
Barra minn hekk, kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, fir-rigward tas-sistema tar-Regolament Nru 1346/2000, l-Artikolu 31 tiegħu jippermetti li jiġi evitat ir-riskju ta’ deċiżjonijiet irrikonċiljabbli billi jiġu stabbiliti regoli fil-qasam ta’ informazzjoni u ta’ kooperazzjoni fil-każ ta’ proċeduri ta’ insolvenza paralleli. |
|
46 |
Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax, lanqas b’analoġija, għal azzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, iżda li taqa’ taħt dak tar-Regolament Nru 1346/2000. |
Fuq it-tielet domanda
|
47 |
Peress li t-tielet domanda saret biss fil-każ fejn tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda jew għal dak fejn tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għaliha. |
Fuq ir-raba’ u l-ħames domandi
|
48 |
Permezz tar-raba’ u l-ħames domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandux jiġi interpretat fis-sens li kreditur jista’, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, jippreżenta kreditu mingħajr ma jindika formalment id-data meta beda, meta l-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun infetħet din il-proċedura tkun tippermetti dan u meta din id-data tkun tista’ tiġi dedotta mid-dokumenti ta’ sostenn imsemmija f’dan l-Artikolu 41. |
|
49 |
Mill-premessi 2 u 8 tar-Regolament Nru 1346/2000 jirriżulta li dan għandu l-għan li jippermetti funzjonament effikaċi u effettiv tal-proċeduri ta’ insolvenza transkonfinali kif ukoll li dawn jittejbu u jitħaffu. |
|
50 |
B’mod partikolari, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 21 u mill-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar huwa intiż sabiex jiżgura l-ugwaljanza fit-trattament tal-kredituri fi ħdan l-Unjoni u sabiex jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom. |
|
51 |
L-Artikolu 4(2)(h) tar-Regolament Nru 1346/2000 jistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li r-regoli dwar il-produzzjoni, il-verifika u l-ammissjoni tal-krediti għandhom jiġu ddeterminati mil-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ il-proċedura ta’ insolvenza. L-Artikolu 41 ta’ dan ir-regolament, li jinsab fil-Kapitolu IV tiegħu, intitolat “Proviżjon ta’ informazzjoni għal kredituri u preżentazzjoni tat-talbiet tagħhom”, jistabbilixxi madankollu ċerti rekwiżiti relatati mal-kontenut tal-produzzjoni ta’ kreditu, li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 59 u 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu rekwiżiti massimi, relatati mal-kontenut tal-produzzjoni ta’ kreditu, li jistgħu jiġu imposti minn leġiżlazzjoni nazzjonali lill-kredituri li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom, id-domiċilju tagħhom jew is-sede tagħhom fi Stat Membru li ma huwiex dak li fit-territorju tiegħu nfetħet il-proċedura ta’ insolvenza. |
|
52 |
Fost dawn ir-rekwiżiti, dan l-Artikolu 41 jipprevedi, b’mod partikolari, li l-kreditur jibgħat kopja tad-dokumenti ġustifikattivi, jekk ikunu jeżistu, u li jindika d-data meta beda l-kreditu. |
|
53 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, ir-regoli li jikkonċernaw il-verifika u l-ammissjoni tal-krediti jibqgħu, skont il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 4(2)(h) tar-Regolament Nru 1346/2000, iddeterminati mil-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħet il-proċedura ta’ insolvenza. |
|
54 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1346/2000 ma għandux ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni li għandha bħala effett li teskludi l-preżentazzjoni ta’ kreditu għar-raġuni li d-dikjarazzjoni ta’ kreditu inkwistjoni ma tinkludix waħda mill-indikazzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu 41, meta r-referenza għal din l-indikazzjoni ma tkunx imposta mil-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun infetħet il-proċedura ta’ insolvenza u meta l-imsemmija indikazzjoni tkun tista’, mingħajr diffikultà partikolari, tiġi dedotta mid-dokumenti ġustifikattivi msemmija fl-imsemmi Artikolu 41, u dan għandu jiġi evalwat mill-awtorità kompetenti, inkarigata mill-verifika tal-krediti. |
|
55 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għar-raba’ u għall-ħames domandi għandha tkun li l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li kreditur jista’, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, jipproduċi kreditu mingħajr ma jindika formalment id-data meta sar, meta l-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun infetħet din il-proċedura ma timponix l-obbligu li tiġi indikata din id-data u li din tal-aħħar tista’, mingħajr diffikultà partikolari, tiġi dedotta mid-dokumenti ta’ sostenn imsemmija f’dan l-Artikolu 41, u dan għandu jiġi evalwat mill-awtorità kompetenti, inkarigata mill-verifika tal-krediti. |
Fuq l-ispejjeż
|
56 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.