European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/250

3.2.2026

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/250

tat-2 ta’ Frar 2026

li jikkoreġi r-Regolament (UE) 2024/3190 dwar l-użu tal-bisfenol A (BPA) u ta’ bisfenoli oħra u derivattivi tal-bisfenol bi klassifikazzjoni armonizzata għal proprjetajiet perikolużi speċifiċi f’ċerti materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 10/2011 u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/213

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1), il-punti (a), (h), u (i) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2024/3190 (2) jistabbilixxi regoli dwar l-użu tal-bisfenol A (BPA) u ta’ bisfenoli oħra u derivattivi tal-bisfenol bi klassifikazzjoni armonizzata għal proprjetajiet perikolużi speċifiċi f’ċerti materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel.

(2)

Dak ir-Regolament fih ċerti inkonsistenzi u żbalji, u huwa importanti li dawn jiġu kkoreġuti biex jiġi żgurat il-funzjonament korrett tar-Regolament.

(3)

Fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2024/3190, ir-referenza għal “BPA u tal-imlieħ tiegħu” hija inkonsistenti mad-definizzjoni ta’ “bisfenol” stabbilita fl-Artikolu 2(2)(c) ta’ dak ir-Regolament, li tinkludi l-forma tal-melħ tal-bisfenol, u mal-bqija tat-test li sempliċiment jirreferi għal “BPA”. Għalhekk, il-kliem “u tal-imlieħ tiegħu” jenħtieġ li jitħassru mill-Artikolu 3.

(4)

L-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2024/3190 għandu l-għan li jipprovdi deroga mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1) ta’ dak ir-Regolament li jintuża l-BPA fil-manifattura tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f’kuntatt mal-ikel imsemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dak ir-Regolament u mill-introduzzjoni fis-suq tal-Unjoni ta’ tali materjali u oġġetti li jiġu f’kuntatt mal-ikel manifatturati bl-użu tal-BPA. Għal din ir-raġuni u għall-konsistenza mal-Artikolu 3(1), l-Artikolu 3(2) jenħtieġ li jirreferi wkoll għall-introduzzjoni fis-suq tal-Unjoni ta’ dawn il-materjali u l-oġġetti li jiġu f’kuntatt mal-ikel.

(5)

L-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) 2024/3190 għandu l-għan li jiżgura li jintuża metodu xieraq ta’ analiżi biex tiġi ddeterminata l-konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament. Peress li l-Artikolu 4 jipprojbixxi l-preżenza ta’ “BPA residwu”, l-Artikolu 9(2)(c) ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li jirreferi wkoll għal “BPA residwu”.

(6)

Kif spjegat fil-premessi 16 u 17 tar-Regolament (UE) 2024/3190, l-Artikolu 11 ta’ dak ir-Regolament għandu l-għan li jipprovdi dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-ewwel introduzzjoni fis-suq ta’ oġġetti finali għall-użu ta’ darba li jiġu f’kuntatt mal-ikel. Peress li dak l-Artikolu 11, madankollu, jirreferi b’mod żbaljat biss għall-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel “introdotti fis-suq”, dan jenħtieġ li jiġi kkoreġut. Għal raġunijiet ta’ konsistenza, il-premessa 18 tar-Regolament (UE) 2024/3190 jenħtieġ li tiġi kkoreġuta wkoll.

(7)

L-għan tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) 2024/3190 huwa li jippermetti li l-oġġetti finali għall-użu ripetut li jiġu f’kuntatt mal-ikel, li tqiegħdu għall-ewwel darba fis-suq f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta’ dak l-Artikolu, jibqgħu fis-suq għal perjodu massimu ta’ 12-il xahar, sabiex in-negozji jkunu jistgħu jgħaddu dawk l-oġġetti li jiġu f’kuntatt mal-ikel lill-klijenti, kif spjegat fil-premessa 22 ta’ dak ir-Regolament. Peress li t-tmiem tal-perjodu tranżizzjonali għall-oġġetti li jiġu f’kuntatt mal-ikel fil-paragrafu 1 huwa differenti minn tmiem il-perjodu tranżizzjonali għall-oġġetti li jiġu f’kuntatt mal-ikel fil-paragrafu 2, id-data indikata tal-20 ta’ Jannar 2029 tapplika biss għall-oġġetti introdotti fis-suq għall-ewwel darba f’konformità mal-paragrafu 2. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi stabbilita d-data addizzjonali tal-20 ta’ Lulju 2027 fl-Artikolu 12(3) għall-oġġetti li jiġu f’kuntatt mal-ikel imsemmija fil-paragrafu 1 u introdotti fis-suq għall-ewwel darba sal-20 ta’ Lulju 2026.

(8)

Il-formulazzjoni attwali tal-punt 3 tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2024/3190 tirrikjedi l-identifikazzjoni kemm tal-materjali intermedji li jiġu f’kuntatt mal-ikel kif ukoll tal-oġġetti finali li jiġu f’kuntatt mal-ikel fid-dikjarazzjoni tal-konformità, li tista’ toħloq kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità għall-operaturi tan-negozju. Madankollu, kif spjegat fil-premessa 14 ta’ dak ir-Regolament, l-għan huwa li tkun rikjesta l-identità tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f’kuntatt mal-ikel meta jingħaddu minn negozju għal ieħor. Għalhekk, il-formulazzjoni jenħtieġ li tiġi kkoreġuta biex tirrikjedi li tissemma l-identità tal-materjal intermedju li jiġi f’kuntatt mal-ikel jew tal-oġġett finali li jiġi f’kuntatt mal-ikel li għalih tkun inħarġet id-dikjarazzjoni ta’ konformità.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2024/3190 jiġi kkoreġut kif xieraq.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2024/3190 huwa kkoreġut kif ġej:

(1)

fil-premessa 18, ir-raba’ sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Għalhekk, sabiex jingħata biżżejjed żmien biex l-applikazzjonijiet għal dawn it-tipi ta’ imballaġġ jinġiebu fuq skala kummerċjali u biex tiġi evitata l-ħela tal-ikel, jixraq li l-oġġetti finali li jiġu f’kuntatt mal-ikel li jkunu ġew prodotti bl-użu ta’ verniċ u kisi manifatturati bil-BPA, speċifikament għall-imballaġġ użat għall-preservazzjoni tal-frott, il-ħxejjex u l-prodotti tas-sajd ipproċessati, jitħallew jiġu introdotti fis-suq għall-ewwel darba matul perjodu ta’ 36 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.”

(2)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Projbizzjoni tal-użu tal-BPA

1.   L-użu tal-BPA fil-manifattura tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f’kuntatt mal-ikel imsemmija fl-Artikolu 1(2) u l-introduzzjoni fis-suq tal-Unjoni tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f’kuntatt mal-ikel manifatturati bl-użu tal-BPA, huwa pprojbit.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-BPA jista’ jintuża fil-manifattura ta’ materjali u oġġetti li jiġu f’kuntatt mal-ikel għal applikazzjoni speċifika u l-introduzzjoni fis-suq tal-Unjoni ta’ tali materjali u oġġetti li jiġu f’kuntatt mal-ikel huwa permess f’konformità mal-Anness II, soġġett għar-restrizzjonijiet stabbiliti fih.”

.

(3)

fl-Artikolu 9, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Għall-għażla tal-metodi użati biex jiġi vverifikat li materjal jew oġġett li jiġi f’kuntatt mal-ikel ma jkunx fih BPA residwu, bisfenol perikoluż ieħor jew derivattiv tal-bisfenol perikoluż, jew li ma jirrilaxxax dawk is-sustanzi fl-ikel f’ammonti ogħla mil-limitu ta’ detezzjoni speċifikat jew mil-limitu ta’ migrazzjoni speċifiku, japplikaw ir-regoli addizzjonali li ġejjin:

(a)

meta l-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea (“EURL”, European Union Reference Laboratory) għall-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel ikun żviluppa jew irrakkomanda metodu, għandu jintuża dak il-metodu;

(b)

metodu għandu jkollu limitu ta’ detezzjoni ta’ 1 μg/kg sakemm ma jkunx stabbilit limitu ta’ detezzjoni differenti fl-Anness II, jew bħala parti mill-metodu rrakkomandat f’konformità mal-punt (a);

(c)

sabiex jiġi vverifikat li materjal jew oġġett li jiġi f’kuntatt mal-ikel ma fihx BPA residwu, bisfenol perikoluż ieħor jew derivattiv tal-bisfenol perikoluż, għandu jintuża metodu tal-estrazzjoni.”

.

(4)

L-Artikolu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 11

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali dwar l-oġġetti finali għall-użu ta’ darba li jiġu f’kuntatt mal-ikel

1.   L-oġġetti finali għall-użu ta’ darba li jiġu f’kuntatt mal-ikel manifatturati bl-użu tal-BPA u li jikkonformaw mar-regoli kif applikabbli qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, li ma jikkonformawx mar-regoli f’dan ir-Regolament, jistgħu jiġu introdotti fis-suq għall-ewwel darba sal-20 ta’ Lulju 2026.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-oġġetti finali għall-użu ta’ darba li jiġu f’kuntatt mal-ikel li ġejjin, li jikkonformaw mar-regoli kif applikabbli qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u li ma jikkonformawx mar-regoli f’dan ir-Regolament, jistgħu jiġu introdotti fis-suq għall-ewwel darba sal-20 ta’ Jannar 2028:

(a)

oġġetti finali għall-użu ta’ darba li jiġu f’kuntatt mal-ikel maħsuba għall-preservazzjoni tal-oġġetti tal-ikel li ġejjin:

(i)

frott jew ħxejjex, esklużi l-prodotti definiti fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE (13); jew

(ii)

prodotti tas-sajd kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14);

(b)

oġġetti finali għall-użu ta’ darba li jiġu f’kuntatt mal-ikel li fuqhom ikun ġie applikat verniċ jew kisi manifatturat bl-użu tal-BPA biss fuq il-wiċċ estern tal-metall.

3.   L-oġġetti finali għall-użu ta’ darba li jiġu f’kuntatt mal-ikel introdotti għall-ewwel darba fis-suq f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 jistgħu jimtlew bl-ikel u jiġu ssiġillati matul it-12-il xahar wara l-iskadenza tal-perjodu tranżizzjonali applikabbli. L-ikel ippakkjat li jirriżulta jista’ jiġi introdott fis-suq sakemm jispiċċaw l-istokkijiet.”

.

(5)

fl-Artikolu 12, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-oġġetti finali għall-użu ripetut li jiġu f’kuntatt mal-ikel li ġew introdotti fis-suq għall-ewwel darba f’konformità mal-paragrafu 1 jistgħu jibqgħu fis-suq sal-20 ta’ Lulju 2027. L-oġġetti finali għall-użu ripetut li jiġu f’kuntatt mal-ikel li ġew introdotti fis-suq għall-ewwel darba f’konformità mal-paragrafu 2 jistgħu jibqgħu fis-suq sal-20 ta’ Jannar 2029.”

.

(6)

fl-Anness III, il-punt 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(3)

l-identità tal-materjali intermedji li jiġu f’kuntatt mal-ikel jew tal-oġġetti finali li jiġu f’kuntatt mal-ikel;”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Frar 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/1935/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2024/3190 tad-19 ta’ Diċembru 2024 dwar l-użu tal-bisfenol A (BPA) u ta’ bisfenoli oħra u derivattivi tal-bisfenol bi klassifikazzjoni armonizzata għal proprjetajiet perikolużi speċifiċi f’ċerti materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 10/2011 u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/213 (ĠU L, 2024/3190, 31.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/3190/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/250/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)