Brussell, 14.10.2024

COM(2024) 482 final

2024/0265(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) (ST 12275/22 INIT; ST 12275/22 INIT ADD 1) tal-4 ta’ Ottubru 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tan-Netherlands


2024/0265 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) (ST 12275/22 INIT; ST 12275/22 INIT ADD 1) tal-4 ta’ Ottubru 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tan-Netherlands

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 1 , u b’mod partikulari l-Artikolu 20(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Wara l-preżentazzjoni tal-pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (recovery and resilience plan, “RRP”) min-Netherlands fit-8 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni pproponiet il-valutazzjoni pożittiva tagħha lill-Kunsill. Il-Kunsill approva l-valutazzjoni pożittiva permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Ottubru 2022 2 . Din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill ġiet emendata fis-17 ta’ Ottubru 2023 3 .

(2)Fis-16 ta’ Settembru 2024, in-Netherlands għamlu talba motivata lill-Kummissjoni biex jagħmlu proposta biex tiġi emendata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Ottubru 2022 f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2021/241 għar-raġuni li l-RRP parzjalment ma għadux jista’ jinkiseb minħabba ċirkostanzi oġġettivi. Abbażi ta’ dan, in-Netherlands ppreżentaw RRP emendat.

Emendi bbażati fuq l-Artikolu 21 tar-Regolament 2021/241

(3)L-emendi tal-RRP ippreżentati min-Netherlands minħabba ċirkostanzi oġġettivi jikkonċernaw 16-il miżura.

(4)In-Netherlands spjegaw li erba’ miżuri ġew emendati biex jimplimentaw alternattivi aħjar sabiex tinkiseb l-ambizzjoni oriġinali tal-miżura. Ġew affettwati l-mira 62, l-isem u d-deskrizzjoni tal-miżura tal-investiment C2.3 I1 (IT Rivoluzzjonarja (GrIT)) taħt il-komponent 2 (Aċċellerazzjoni tat-trasformazzjoni diġitali); l-istadju importanti 72 u d-deskrizzjoni tal-miżura tar-riforma C3.1 R3-4 (Ippjanar ċentralizzat biex tiżdied il-provvista tad-djar) taħt il-komponent 3 (It-titjib tas-suq tad-djar u li l-proprjetà immobbli ssir aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija); il-mira 104 u d-deskrizzjoni tal-miżura tal-investiment C4.2 I2-1 (Appoġġ għal parteċipanti ġodda biex jiġi evitat it-telf tat-tagħlim) taħt il-komponent 4 (It-tisħiħ tas-suq tax-xogħol, il-pensjonijiet u l-edukazzjoni orjentata lejn il-futur); l-istadju importanti 117 u d-deskrizzjoni tal-miżura tar-riforma C6.1 R1-1 (Il-politika tat-taxxa Netherlandiża) taħt il-komponent 6 (L-indirizzar tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-ħasil tal-flus) u d-dispożizzjonijiet introduttorji tal-komponent 6. Fuq din il-bażi, in-Netherlands talbu li jiġu emendati d-deskrizzjonijiet tal-miżura C2.3 I1, il-miżura C4.2 I2-1 u l-mira relatata tagħha 104, u l-miżura C6.1 R1-1 u l-istadju importanti relatat tagħha 117. Barra minn hekk, in-Netherlands talbu li l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-istadju importanti 72 tiġi estiża u li tiġi emendata d-deskrizzjoni ta’ dan l-istadju importanti, mingħajr ma titnaqqas l-ambizzjoni tiegħu. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Ottubru 2022 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(5)In-Netherlands spjegaw li ġew emendati 11-il miżura biex jimplimentaw alternattiva aħjar li tippermetti li jitnaqqas il-piż amministrattiv, filwaqt li xorta waħda jintlaħqu l-objettivi tal-miżuri rispettivi. Ġew affettwati l-istadju importanti 1 u d-deskrizzjoni tal-miżura tal-investiment C1.1 R1-1 (Riforma tat-tassazzjoni fuq l-enerġija), l-istadju importanti 6 u d-deskrizzjoni tal-miżura tar-riforma C1.1 R4-1 (Riforma tat-tassazzjoni fuq il-karozzi), il-mira 23 u d-deskrizzjoni tal-miżura tal-investiment C1.1 I2-3 (Enerġija ekoloġika tal-idroġenu) taħt il-komponent 1 (Il-promozzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika); l-istadju importanti 36 tal-investiment C2.1 I1-2 (Quantum Delta NL), il-mira 40 tal-investiment C2.1 I2-4 (Komunitajiet tat-tagħlim tal-AI Ned u IA applikata), id-deskrizzjoni tal-miżura tal-investiment C2.2 I3-2 (Stazzjonijiet intelliġenti mal-ġenb tat-triq (iWKS)), l-istadju importanti 65 u d-deskrizzjoni tal-miżura tal-investiment C2.3 I2-1 (Id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja kriminali) taħt il-komponent 2 (L-aċċellerazzjoni tat-trasformazzjoni diġitali); il-mira 77 u d-deskrizzjoni tal-miżura tal-investiment C3.1 I1-3 (Il-ftuħ ta’ proġetti ġodda ta’ kostruzzjoni) u l-mira 83 u d-deskrizzjoni tal-miżura tal-investiment C3.2 I2 (Sussidju għall-investiment għall-enerġija sostenibbli u l-iffrankar tal-enerġija) taħt il-komponent 3 (It-titjib tas-suq tad-djar u li l-proprjetà immobbli ssir aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija); l-istadju importanti 85 u d-deskrizzjoni tal-miżura tar-riforma C4.1 R2-1 (Assigurazzjoni ta’ diżabilità għal persuni li jaħdmu għal rashom) taħt il-komponent 4 (It-tisħiħ tas-suq tax-xogħol, il-pensjonijiet u l-edukazzjoni orjentata lejn il-futur); l-istadji importanti 128, 129 u 130 u d-deskrizzjoni tal-miżura tal-investiment C8-I1 (Sussidju tal-investiment għall-enerġija sostenibbli u l-iffrankar tal-enerġija) taħt il-komponent 8 (REPowerEU) u d-dispożizzjonijiet introduttorji tal-kapitolu REPowerEU. Fuq il-bażi ta’ dan, in-Netherlands talbu li titneħħa informazzjoni ta’ sfond mhux meħtieġa jew elementi proċedurali li ma jikkontribwixxux għall-objettivi tal-miżuri, li jiġi ċċarat li ċerti elementi huma relatati mal-objettivi jew mal-kuntest tal-miżuri, u li jiġu ssimplifikati d-deskrizzjonijiet tal-miżuri jew l-istadji importanti u l-miri li jikkawżaw piż amministrattiv mhux ġustifikat biex jintlaħqu l-objettivi tal-miżuri rispettivi. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Ottubru 2022 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(6)In-Netherlands spjegaw li miżura waħda parzjalment ma għadhiex tista’ tinkiseb minħabba żviluppi reċenti fis-suq, li rriżultaw f’domanda aktar baxxa milli mistenni. Dan jikkonċerna l-mira 111 tal-investiment C5.1 I2-1 (Estensjoni tal-Kura Intensiva) taħt il-komponent 5 (It-tisħiħ tal-kura tas-saħħa pubblika u t-tħejjija għall-pandemiji). Fuq il-bażi ta’ dan, in-Netherlands talbu li jiġu emendati l-miri msemmija hawn fuq. Jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Ottubru 2022 tiġi emendata skont dan.

(7)Il-Kummissjoni tqis li r-raġunijiet ippreżentati min-Netherlands jiġġustifikaw l-emendi skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) 2021/241, u jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Ottubru 2022 tiġi emendata skont dan.

Distribuzzjoni tal-istadji importanti u l-miri

(8)Id-distribuzzjoni tal-istadji importanti u l-miri f’pagamenti parzjali jenħtieġ li tiġi modifikata biex tqis l-emendi għall-pjan u l-iskeda ta’ żmien indikattiva ppreżentata min-Netherlands. Dan jinkludi b’mod partikolari l-avvanz tal-implimentazzjoni tal-istadju importanti 6 tar-riforma C1.1 R4-1 (Riforma tat-tassazzjoni fuq il-karozzi) taħt il-komponent 1 (Il-promozzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika) mit-tielet pagament parzjali għat-tieni pagament parzjali ta’ appoġġ mhux ripagabbli.

Korrezzjonijiet ta’ żbalji klerikali

(9)Ġie identifikat żball klerikali wieħed fit-test tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, li jaffettwa mira waħda u miżura waħda taħt komponent wieħed. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill jenħtieġ li tiġi emendata biex tikkoreġi dan l-iżball klerikali li ma jirriflettix il-kontenut tal-RRP ippreżentat lill-Kummissjoni fit-8 ta’ Lulju 2022, kif miftiehem bejn il-Kummissjoni u n-Netherlands. Dan l-iżball klerikali huwa relatat mal-isem u d-deskrizzjoni tal-mira 133 tar-riforma C8-R1 (Pakkett ta’ riforma tas-suq tal-enerġija) taħt il-komponent 8 (REPowerEU). Din il-korrezzjoni ma taffettwax l-implimentazzjoni tal-miżura kkonċernata.

Valutazzjoni tal-Kummissjoni

(10)Il-Kummissjoni tqis li l-emendi mressqa min-Netherlands ma jaffettwawx il-valutazzjoni pożittiva tal-RRP stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill ST 12275/22 INIT; ST 12275/22 INIT ADD 1 tal-4 ta’ Ottubru 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRP għan-Netherlands rigward ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-RRP mal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19(3), il-punti (a), (b), (c), (d), (da), (db), (e), (f), (g), (h), (i), (j) u (k).

Valutazzjoni pożittiva

(11)Wara l-valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni tal-RRP emendat bis-sejba li l-RRF jikkonforma b’mod sodisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/241, f’konformità mal-Artikolu 20(2) u l-Anness V ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-riformi u l-proġetti ta’ investiment meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-RRP emendat, l-istadji importanti, il-miri u l-indikaturi rilevanti, u l-ammont li għandu jsir disponibbli mill-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-RRP emendat fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju li ma jitħallasx lura.

Kontribuzzjoni finanzjarja

(12)Il-kostijiet totali stmati tal-RRP emendat tan-Netherlands huma ta’ EUR 5 443 293 000. Peress li l-ammont tal-kostijiet totali stmati tal-RRP emendat huwa ogħla mill-kontribuzzjoni finanzjarja massima disponibbli ta’ EUR 5 441 423 046 għan-Netherlands, il-kontribuzzjoni finanzjarja ddeterminata f’konformità mal-Artikolu 20(4) allokata għall-RRP emendat tan-Netherlands jenħtieġ li tkun ugwali għall-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja disponibbli għall-RRP emendat tan-Netherlands. Dan l-ammont huwa ta’ EUR 5 441 423 046.

(13)Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) (ST 12275/22 INIT; ST 12275/22 INIT ADD 1) tal-4 ta’ Ottubru 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRP għan-Netherlands jenħtieġ li tiġi emendata skont dan. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, jenħtieġ li l-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill jiġi sostitwit kompletament.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Ottubru 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għan-Netherlands hija emendata kif ġej:

(1) L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRP

Il-valutazzjoni tal-RRP modifikat tan-Netherlands fuq il-bażi tal-kriterji previsti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241 hija approvata. Ir-riformi u l-proġetti ta’ investiment skont l-RRP, l-arranġamenti u l-iskeda ta’ żmien għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-RRP, inkluż l-istadji importani u l-miri rilevanti u l-istadji importanti u l-miri addizzjonali relatati mal-pagament tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u tas-self, l-indikaturi rilevanti marbuta mal-issodisfar tal-istadji importanti u l-miri previsti, u l-arranġamenti biex il-Kummissjoni tagħti aċċess sħiħ għad-data rilevanti sottostanti huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.”;

(2) L-Anness huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2
Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.
(2)    ST 12275/22 INIT; ST 12275/22 INIT ADD 1.
(3)    ST 13613/1/23; 13613/23 REV 1 (en), ST 13613/1/23 ADD1 REV1