23.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 482/14


P7_TA(2014)0010

Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Jannar 2014 dwar Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020 – Kura tas-saħħa innovattiva għas-seklu 21 (2013/2061(INI))

(2016/C 482/03)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2012 intitolata “Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020 – Kura tas-saħħa innovattiva għas-seklu 21” (COM(2012)0736),

—

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-30 ta’ April 2004 bit-titolu (“Is-Saħħa elettronika – intejbu l-kura tas-saħħa għaċ-ċittadini Ewropej: pjan ta' azzjoni għal Żona Ewropea ta' Saħħa Elettronika”) (COM(2004)0356),

—

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 dwar l-interoperabbiltà transkonfinali tas-sistemi tar-rekords elettroniċi tas-saħħa (2008/594/KE),

—

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-4 ta' Novembru 2008 bit-titolu ‘It-telemediċina għall-benefiċċju tal-pazjenti, tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tas-soċjetà (COM(2008)0689),

—

wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura transkonfinali,

—

wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Istrateġiji tas-Saħħa Elettronika tal-Kummissjoni ta' Jannar 2011 intitolat “European countries on their journey towards national eHealth infrastructures” (Il-pajjiżi Ewropej fi triqithom lejn infrastrutturi nazzjonali tas-saħħa elettronika) (1),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0443/2013),

A.

billi l-aċċess ugwali għal kura tas-saħħa universali ta’ kwalità għolja hu rikonoxxut internazzjonalment – speċjalment fl-UE – bħala dritt fundamentali;

B.

billi l-aċċess għal sistema tal-kura tas-saħħa f'ħafna każijiet hu ristrett minħabba limitazzjonijiet finanzjarji jew reġjonali (pereżempju f'żoni b'densità ta' popolazzjoni baxxa), u s-sistemi tas-Saħħa elettronika jistgħu jiżvolġu rwol importanti fit-titjib dawn l-inugwaljanzi tas-saħħa;

C.

billi l-fiduċja tal-pazjenti fis-servizzi tal-kura tas-saħħa pprovduta lilhom hija kruċjali bil-għan li tiġi żgurata kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja;

D.

billi l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipula li l-azzjoni tal-Unjoni jeħtieġ li tikkumplementa l-politiki nazzjonali u tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni tal-kundizzjonijiet u l-mard fiżiċi u mentali u tbiegħed is-sorsi ta’ periklu għas-saħħa fiżika u mentali;

E.

billi, għaldaqstant, l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-Saħħa elettronika tikkonsisti f’għajnuna lill-awtoritajiet kompetenti kollha fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew statali sabiex dawn jikkoordinaw l-isforzi tagħhom fil-livell nazzjonali u transkonfinali u appoġġ għall-azzjonijiet tagħhom fl-oqsma fejn l-intervent tal-UE jista’ jagħti valur miżjud, bil-għan li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini;

F.

billi l-kriżi ekonomika timplika tnaqqis fil-baġits nazzjonali tal-kura tas-saħħa, li jimplika li għandhom jinstabu soluzzjonijiet biex tiżdied l-effiċjenza tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħhom;

G.

billi s-Saħħa elettronika għandha tkun mezz kost-effettiv u effiċjenti kif tingħata kura tas-saħħa lill-pazjenti filwaqt li timmira li tnaqqas l-ispejjeż mediċi tagħhom mingħajr ma tpoġġi piż żejjed fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa nazzjonali attwali;

H.

billi l-inugwaljanzi li jirriżultaw minħabba d-distakk diġitali se jestendu għal inugwaljanzi tal-kura tas-saħħa jekk l-aċċess għall-konnessjonijiet tal-internet b’veloċità għolja ma jittejjibx huma u jitkabbru s-servizzi tas-Saħħa elettronika;

I.

billi l-approċċi organizzattivi u kulturali fir-rigward ta' kif tingħata l-kura tas-saħħa bejn Stat Membru u ieħor ivarjaw, u dan hu element b'valur sinifikanti, b'mod partikolari fl-inkoraġġiment tal-innovazzjoni;

J.

billi qed niffaċċjaw tħassib multiplu dwar is-saħħa transkonfinali;

K.

billi qed tiżdied il-mobilità tal-pubbliku ġenerali fi ħdan is-sistemi tal-kura tas-saħħa ta’ pajjiżhom, u billi issa huwa iktar komuni li xi pazjenti jagħmlu trattamenti mediċi barra mill-pajjiż ta’ residenza tagħhom;

L.

billi l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali jistipula li azzjoni tal-Unjoni m’għandhiex taffettwa l-liġijiet u r-regolamenti fl-Istati Membri dwar l-użu tal-lingwi;

M.

billi ftit hemm benefiċċju għall-pazjenti li joqogħdu jirrepetu testijiet kliniċi bla bżonn meta r-riżultati tagħhom diġà jeżistu fir-rekords mediċi tagħhom u jistgħu jiġu aċċessati minn professjonisti tal-kura tas-saħħa li jitrattawhom f'postijiet oħra;

N.

billi t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni żviluppaw sa livell għaldaqstant avvanzat li jistgħu jintużaw fis-sistemi tas-Saħħa elettronika, u diġà jeżistru esperjenzi pożittivi ta’ dan f’diversi Stati Membri u f'pajjiżi madwar id-dinja, u dan jinvolvu diversi benefiċċji fil-livell nazzjonali, b'mod partikolari bħala mezz biex tissaħħaħ is-sikurezza tal-pazjenti, jiġi faċilitat approċċ olistiku għall-kura tal-pazjenti, jitrawwem l-iżvilupp tal-mediċina personalizzata u tiżdied l-effiċjenza – u għaldaqstant is-sostenibilità – tas-sistemi tal-kura tas-saħħa;

O.

billi madankollu, huwa meħtieġ aktar investiment fir-riċerka, l-iżvilupp, il-valutazzjoni u l-monitoraġġ biex jiġi żgurat li s-sistemi tas-Saħħa elettronika (inklużi l-applikazzjonijiet tal-mowbajl) iwasslu għal riżultati pożittivi;

P.

billi jeħtieġ li jkun hemm kollaborazzjoni bejn l-ispeċjalisti tal-ICTs, il-konsumaturi, il-pazjenti, il-persuni li jindukraw b’mod informali, u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa b’mod ġenerali – u t-tobba b’mod partikolari – u l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika biex jaħdmu flimkien f'dan il-qasam;

Q.

billi inizjattivi u proġetti tas-saħħa elettronika ta’ suċċess bħall-epSOS jew l-inizjattiva tal-Bniedem Fiżjoloġiku Virtwali (“Virtual Physiological Human initiative”) urew il-valur kbir tas-soluzzjonijiet tas-Saħħa elettronika;

R.

billi għandha tingħata importanza lill-bażijiet tad-dejta (bħall-cloud computing) u lill-kwistjoni ta' fejn u kif se jinżammu, u billi s-sigurtà ta' bażijiet tad-dejta ta' dan it-tip għandha tkun prijorità;

S.

billi għandha tingħata prijorità lil kunsiderazzjonijiet legali u tal-protezzjoni tad-dejta relatati mas-Saħħa elettronika, u minħabba li d-dejta dwar is-saħħa tal-pazjenti hi ta' natura estremament sensittiva, jeħtieġ li l-protezzjoni tad-dejta tiġi bbilanċjata mal-aċċess għad-dejta u li jkun hemm ċarezza rigward ir-responsabilità;

T.

billi hemm ħtieġa ta’ oqfsa regolatorji rigward is-Saħħa elettronika fl-Istati Membri kollha;

U.

billi huma meħtieġa linji gwida tal-UE għall-professjonisti tas-saħħa dwar kif jużaw id-dejta tal-pazjenti b’mod korrett;

V.

billi jeħtieġ li jitrawwem l-użu ta' standards mal-UE kollha fit-tfassil tas-sistemi tas-Saħħa elettronika, u li dawn tal-aħħar ikunu interoperabbli fid-diversi Stati Membri biex tkun żgurata l-effikaċja tagħhom fuq skala Ewropea u transkonfinali, filwaqt li jkun żgurat ukoll li l-azzjonijiet ta' standardizzazzjoni jfittxu biss li jiżguraw l-interoperabilità u ma jirriżultawx f'sitwazzjoni fejn parti waħda jkollha pożizzjoni monopolistika;

W.

billi mhux iċ-ċittadini u l-professjonisti fis-settur tas-saħħa kollha għandhom l-opportunità li jużaw għodod tal-IT jew il-ħiliet meħtieġa biex jibbenefikaw mis-servizzi tas-Saħħa elettronika;

X.

billi, b'konsegwenza, u biex jipprovdu lill-atturi kollha bl-għarfien u bil-ħiliet meħtieġa biex jinvolvu rwieħhom fis-Saħħa elettronika,

—

il-professjonisti involuti fil-kura tas-saħħa għandhom jingħataw taħriġ vokazzjonali (inkluż bħala parti mill-iżvilupp professjonali kontinwi tagħhom) fl-użu tal-ICTs applikati fis-sistemi tal-kura tas-saħħa, u,

—

il-pazjenti u dawk li jindukraw informalment għandhom jiġu provduti b'assistenza fl-użu tal-ICTs applikati fis-sistemi tal-kura tas-saħħa;

Y.

billi, minħabba l-istennija tal-għomor itwal u s-sensittività tal-ġeneru ta' ċertu mard, in-nisa jintlaqtu minn mard kroniku u diżabilitanti b’rata ogħla mill-irġiel;

Z.

billi l-pazjenti b’mard kroniku jeħtieġu approċċ multidixxiplinari;

AA.

billi s-soluzzjonijiet tas-Saħħa elettronika għandhom il-potenzjal li jżidu l-benesseri tal-pazjenti – speċjalment kroniċi – għax huwa iktar faċli li tingħatalhom il-kura fid-dar;

1.

Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020: Kura tas-saħħa innovattiva għas-seklu 21, li taġġorna l-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika adottat fl-2004 billi tistabbilixxi aktar azzjonijiet, speċjalment fir-rigward tat-titjib tal-aċċess għal servizzi tas-saħħa, it-tnaqqis tal-ispejjeż tas-saħħa u billi tiżgura aktar ugwaljanza fost iċ-ċittadini Ewropej; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli taħdem lejn l-adozzjoni kompluta tas-Saħħa elettronika fl-UE kollha;

2.

Iqis li, bin-nuqqasijiet kollha tagħha, is-Saħħa elettronika għandha potenzjal kbir u tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-professjonisti involuti fil-kura tas-saħħa, il-pazjenti u dawk li jindokraw informalment u l-awtoritajiet kompetenti nfushom;

3.

Jindika l-possibilitajiet ta' applikazzjonijiet tas-Saħħa elettronika li jippermettu politiki tal-kura tas-saħħa deċentralizzati f’livell reġjonali jew lokali, u biex jadattaw il-politiki tal-kura tas-saħħa għall-ħtiġijiet u d-differenzi lokali;

4.

Iqis li l-provvediment tal-għodod meħtieġa għall-użu ta' dejta pubblika f’ħin reali se jiffaċilita komprensjoni aqwa tar-riskji u l-benefiċċji, it-tbassir ta’ avvenimenti negattivi u titjib fl-effiċjenza tal-valutazzjonijiet tat-teknoloġiji tas-saħħa;

5.

Jenfasizza li l-applikazzjonijiet tas-Saħħa elettronika jridu jkunu aċċessibbli għal kulħadd u li, fl-iżvilupp ta' kwalunkwe prodott jew applikazzjoni ta' software, l-aċċessibilità għandha tkun kondizzjoni mandatarja, biex tiġi prevenuta kwalunkwe inugwaljanza rigward l-aċċess;

6.

Jirrakkomanda li jittieħdu l-passi meħtieġa biex jingħalaq id-distakk diġitali bejn ir-reġjuni differenti tal-Istati Membri u biex ikun żgurat li l-aċċess għas-servizzi tas-Saħħa elettronika u l-użu tagħhom ma jsirx għajn ta' inugwaljanza soċjali jew territorajli, biex huma jibbenefikaw b'mod indaqs liċ-ċittadini kollha tal-UE, jilħqu pazjenti li mhumiex familjari mat-teknoloġiji tal-ICT kif ukoll dawk li altrimenti jkunu esklużi jew mhux moqdija biżżejjed mis-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa.

7.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw aċċess indaqs għan-nisa fil-qasam tas-Saħħa elettronika, mhux biss bħala pazjenti iżda wkoll bħala dawk li jindukraw (professjonali u mhumiex), bħala speċjalisti tal-ICT u bħala dawk li jfasslu l-politiki; jenfasizza l-fatt li n-nisa huma involuti fil-livelli kollha tas-settur tas-saħħa tul ħajjithom kollha;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ u tippromwovi s-servizzi tas-saħħa elettronika mfassla għal dawk li jindokraw lill-oħrajn (b'mod informali) fil-familja, sabiex jingħataw appoġġ fil-kompiti tagħhom ta’ indokrar li sikwit ikunu tqal u sabiex ikunu jistgħu joffru l-aħjar kura possibbli;

9.

Jindika li l-adozzjoni ta' 'kultura ta' Saħħa elettronika' mill-professjonisti tal-kura tas-saħħa hija importantissma, bħalma hu importanti l-ħolqien tal-kundizzjonijiet li jwasslu biex il-pazjenti jingħataw setgħa ta' azzjoni u jkollhom fiduċja fis-Saħħa elettronika;

10.

Jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tat-tisħiħ tar-rwol tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa, u tal-pazjenti u organizzazjonijiet tal-pazjenti, fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tas-Saħħa elettronika;

11.

Jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jkun żgurat li l-pazjenti jkollhom il-possibilità li jikkonsultaw u jużaw informazzjoni li tikkonċerna lil saħħithom, u jitlob, għaldaqstant lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-pazjenti jkunu litterati fis-saħħa biex jingħata lok għal implimentazzjoni effettiva tal-għodod tas-Saħħa elettronika;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-kompetenza diġitali u lit-taħriġ tekniku biex jiġi żgurat li l-għodod tas-Saħħa elettronika, b’mod speċjali t-telemediċina, ikunu ġenwinament effettivi u aċċessibbli għall-popolazzjoni kollha kemm hi;

13.

Iqis b'dispjaċir, speċjalment fid-dawl tal-kriżi tal-kompetittività attwali fl-Unjoni, it-tnaqqis propost għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-broadband u s-servizzi diġitali; jittama li l-finanzjament għal dan il-qasam fl-ambitu tal-inizjattiva Orizzont 2020 jinżamm; iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħmlu użu effettiv mill-fondi tal-UE għall-finanzjament tas-Saħħa elettronika, mingħajr ma jnaqqsu l-fondi għas-servizzi tas-saħħa tradizzjonali jew jagħlqu sptarijiet tal-komunità, pereżempju, u jaqsmu bejniethom l-għarfien dwar is-saħħa;

14.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu r-riżorsi ekonomiċi, umani u materjali meħtieġa biex jiżguraw li l-aċċess u l-użu tas-servizzi tas-Saħħa elettronika ma jżidux l-inugwaljanzi territorjali fl-aċċess għas-servizzi tal-ICT eżistenti.

15.

Iħeġġeġ b'mod partikolari lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-fondi strutturali tal-UE biex itejbu l-konnettività tal-internet u jnaqqsu d-distakk diġitali;

16.

Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa dawn l-isforzi permezz tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, tiffaċilita l-użu ta' dawn il-fondi għal dan l-iskop, filwaqt li tipprovdi linji gwida ċari dwar il-finanzjament biex b'mod dirett tappoġġa s-setturi tal-ICT u tas-saħħa, u biex tinvolvi ruħha aktar mal-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet biex tħeġġeġ l-immappjar tal-broadband.

17.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw għodod ġodda tas-Saħħa elettronika li jkunu aċċessibbli u faċli biex jintużaw għall-anzjani u għall-persuni b’diżabilità;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi soluzzjonijiet tas-Saħħa elettronika għan-nisa iżolati, mhux biss dawk li jgħixu f'żoni remoti iżda wkoll nisa li ma joħorġux minn djarhom li m'għandhomx il-mobilità meħtieġa u/jew netwerk ta' appoġġ (soċjali) għas-sostenn tas-saħħa u l-benessri tagħhom;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu rwol ewlieni f’li jgħaqqdu flimkien il-partijiet interessati differenti biex jaqsmu l-esperjenzi u l-aħjar prattiki;

20.

Jitlob, fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, biex tiġi stabbilita pjattaforma għall-kollaborazzjoni fir-riċerka bejn il-pazjenti, l-akkademja, l-industrija u l-professjonisti sabiex jiġi żgurat it-twassil ta’ politika tas-Saħħa elettronika effettiva u li tinkludi kollox.

21.

Jindika li l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet tas-Saħħa elettronika, inklużi l-użu u l-użu mill-ġdid tad-dejta tas-saħħa, jeħtieġ miżuri dwar il-kunfidenzjalità, il-protezzjoni tad-dejta, ir-responsabilità u r-rimborż biex ikun żgurat li dejta sensittiva tiġi mħarsa mill-hacking, bejgħ illegali tad-dejta u forom oħra ta' abbuż; jilqa', f'dan ir-rigward, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għal studju fir-rigward tal-aspetti legali tas-servizzi tas-Saħħa elettronika;

22.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippreżentaw linji gwida u proposti leġiżlattivi li jindirizzaw il-lakuni ġuridiċi li jeżistu attwalment, b'mod partikolari fil-qasam tar-responsabilitajiet u l-obbligazzjoni, u biex tkun żgurata applikazzjoni effettiva tas-sistema tas-Saħħa elettronika fl-UE;

23.

Iħeġġeġ b'mod partikolari lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproċedu bil-linji gwida u l-leġiżlazzjoni dwar il-kunsiderazzjonijiet legali u tal-protezzjoni tad-dejta relatati mas-Saħħa elettronika, b'mod partikolari l-leġiżlazzjoni li tippermetti l-kondiviżjoni, l-ipproċessar u l-analiżi sikuri tad-dejta, biex ikun hemm bilanċ bejn il-protezzjoni tad-dejta u l-aċċess għaliha.

24.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw governanza tajba fl-operazzjonijiet relatati mal-informazzjoni dwar is-saħħa fuq l-internet;

25.

Jenfasizza l-ħtieġa li t-tobba, professjonisti oħra involuti fil-kura tas-saħħa, il-pazjenti u dawk li jindokraw informalment jiġu provduti b'assistenza u taħriġ kontinwu u speċjalizzat fis-Saħħa elettronika biex jgħinuhom jiżviluppaw il-litteriżmu diġitali tagħhom u jagħmlu l-akbar użu mis-servizzi tal-Saħħa elettronika mingħajr ma jżidu l-inugwaljanzi soċjali jew territorjali;

26.

Jemmen li l-assistenza u t-taħriġ għandhom jipprijoritizzaw

1)

it-taħriġ fl-użu ta' strumenti tal-IT u t-taħriġ fis-saħħa diġitali, filwaqt li l-ħiliet relevanti għal professjonisti tas-saħħa jiġu aġġornati; għal dan l-għan, l-istudenti u l-professjonisti ġodda għandhom jingħataw kurrikuli aġġornati dwar is-Saħħa elettronika;

2)

fil-livell nazzjonali u transkonfinali, il-litteriżmu fl-IT u s-sensibilizzazzjoni tas-servizzi tas-Saħħa elettronika għall-pazjenti.

27.

Jirrakkomanda li jitqiesu l-fehmiet tat-tobba u ta' professjonisti oħra involuti fil-kura tas-saħħa, flimkien ma' dawk tal-assoċjazzjonijiet tal-pazjenti, mhux biss fl-iżvilupp tal-applikazzjonijiet tas-Saħħa elettronika iżda wkoll fl-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tagħhom;

28.

Jenfasizza l-importanza li tinżamm dimensjoni umana fil-kura tas-saħħa, speċjalment fil-kuntest ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ u li għalhekk qed isir kulma jmur aktar diffiċli li ssir distinzjoni bejn l-aspetti mediċi u dawk soċjali; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-teknoloġiji tas-Saħħa elettronika ma jsirux sostitut għar-relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-pazjenti u l-professjonisti tal-kura (tas-saħħa) tagħhom;

29.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħmlu kampanji ta’ qawmien ta’ kuxjenza u taħriġ dwar il-litteriżmu fl-IT (li jqisu l-inugwaljanzi soċjali u territorjali) biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ għarfien u fiduċja fost il-pazjenti, il-pubbliku ġenerali u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa; jemmen li dawn il-kampanji jridu jkunu mfassla biex ikunu adatti għall-gruppi soċjali li jkunu qed jindirizzaw, għax hu kruċjali li ċ-ċittadini jinżammu infurmati u jipparteċipaw attivament fl-iżvilupp effettiv ta' mudelli ġodda ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa;

30.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni fil-qasam tas-Saħħa elettronika fil-livell nazzjonali, reġjonali u transkonfinali, b’tali mod li l-pajjiżi l-aktar avvanzati f’dan il-qasam jgħaddu l-għarfien tagħhom lill-pajjiżi b’inqas esperjenza;

31.

Jistieden lill-Istati Membri jaqsmu l-esperjenzi, l-għarfien u l-prattiki tajba tagħhom, u jikkollaboraw bejniethom, mal-Kummissjoni u l-partijiet interessati, biex tikber l-effikaċja tas-sistemi tas-Saħħa elettronika ffokati fuq il-pazjenti;

32.

Jenfasizza li, għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom ikomplu jikkollaboraw permezz ta' pjattaformi elettroinċi li jippermettulhom li jaqsmu l-prattiki tajba dwar sistemi u soluzzjonijiet tas-Saħħa elettronika, u li kemm il-Kummissjoni u kemm l-Istati Membri t-tnejn għandhom jappoġġaw il-konnessjoni bejn il-proġetti differenti ta' Saħħa elettronika fl-UE;

33.

Jenfasizza l-potenzjal tal-applikazzjonijiet għall-apparat tal-mowbajl għall-pazjenti, speċjalment għal dawk b’mard kroniku, u jħeġġeġ l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet utli u orjentati speċifikament fuq is-saħħa, b’kontenut medikament ivverifikat;

34.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq “pjan ta’ azzjoni tas-Saħħa mobbli” għall-apparat tal-mowbajl, li għandu jinkludi linji gwida dwar is-sorveljanza tas-suq tal-applikazzjonijiet tas-Saħħa mobbli biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-dejta u l-affidabilità tal-informazzjoni tas-saħħa pprovduta, u li dawn l-applikazzjonijiet jiġu żviluppati taħt skrutinju mediku xieraq;

35.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw standards dwar l-applikazzjonijiet għall-apparat tal-mowbajl relatati mas-saħħa biex tiġi żgurata l-eżattezza tal-informazzjoni trażmessa, u jiġi rimedjat in-nuqqas ta’ ċarezza legali u trasparenza fl-użu tad-dejta miġbura minn applikazzjonijiet bħal dawn;

36.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jaħdmu permezz ta' proġetti pilota, bħal epSOS u “Tiġdid tas-saħħa”, u/jew l-inizjattiva tal-Bniedem Fiżjoloġiku Virtwali (“Virtual Physiological Human initiative”) biex tiġi żviluppata l-interoperabilità pan-Ewropea, u biex ikomplu jiġu appoġġati soluzzjonijiet innovattivi għal kura ċċentrata fuq il-persuna, inkluż immudellar avvanzat u simulazzjonijiet, meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet tal-mediċina li tbassar u tkun personalizzata;

37.

Jisħaq li l-organizzazzjoni tas-sistemi tal-kura tas-saħħa taqa’ fil-kompetenza tal-awtoritajiet tal-Istati Membri; iħeġġeġ, madankollu, lill-Kummissjoni tkompli taħdem mal-professjonisti tal-kura tas-saħħa, l-assoċjazzjonijiet tal-pazjenti, il-partijiet interessati ewlenin oħra u l-awtoritajiet kompetenti meta tfassal l-oqsfa tal-politika tagħha u tindirizza l-prijoritajiet konflinġenti fis-Saħħa elettronika, filwaqt li tiftakar li l-prijorità ewlenija hi l-aċċess tal-pazjenti għal sistema tal-kura tas-saħħa effettiva u bi prezz li jintlaħaq;

38.

Jenfasizza li s-Saħħa elettronika toħloq impjiegi ġodda fil-mediċina, fir-riċerka u fis-servizzi relatati mas-saħħa, u, f’dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jagħmlu użu mill-fondi tal-UE biex jiffinanzjaw programmi għas-Saħħa elettronika u t-theddid transkonfinali għas-saħħa;

39.

Jistieden lill-Istati Membri, minħabba li l-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika għandu l-għan li joħloq opportunitajiet ta’ impjiegi ġodda fis-setturi tar-riċerka, is-saħħa, il-mediċina u l-ICT, jagħtu attenzjoni partikolari lill-bilanċ tal-ġeneri fl-edukazzjoni, it-taħriġ u r-reklutaġġ f’dawn is-setturi kollha;

40.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw mudelli ta’ finanzjament sostenibbli għas-servizzi tas-Saħħa elettronika fil-baġits nazzjonali tas-saħħa, u biex jikkonsultaw ma’ partijiet interessati oħra bħall-fondi tal-assigurazzjoni tas-saħħa, l-istituzzjonijiet nazzjonali tas-saħħa, il-professjonisti tal-kura tas-saħħa u l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti meta tagħmel dan;

41.

Jenfasizza l-fatt li l-innovazzjonijiet fil-qasam tas-Saħħa elettronika joħolqu opportunitajiet kummerċjali u jikkontribwixxu għat-tkabbir fil-futur;

42.

Jenfasizza li jeħtieġ tiżdied ir-riċerka fis-sistemi tas-Saħħa elettronika, iżda dan għandu jsir b'mod li n-nefqa fuq ir-riċerka ma jkollhiex impatt dirett fuq kemm jiswa s-servizz provdut;

43.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddedika riżorsi għas-Saħħa elettronika fi ħdan il-programmi futuri ta’ qafas tar-riċerka u l-iżvilupp;

44.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi garantit appoġġ xieraq għall-SMEs, sabiex jiġi żgurat ambjent b’kundizzjonijiet ekwi fis-settur tas-Saħħa elettronika, tingħata spinta lill-aċċess tal-SMEs għas-suq f’dan il-qasam u jiġi żgurat li jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali u territorjali;

45.

Jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni tappoġġa u tiffaċilita l-proġetti tal-SMEs tas-Saħħa elettronika billi tistabbilixxi linji gwida dwar is-suq tas-Saħħa elettronika u ttejjeb il-kooperazzjoni bejn l-SMEs fuq in-naħa l-waħda, u l-partijiet interessati, il-korpi tar-riċerka u l-iskemi ta' assigurazzjoni tas-saħħa, fuq in-naħa l-oħra, biex toħloq innovazzjoni għall-fornituri tal-kura tas-saħħa.

46.

Jenfasizza li fir-rigward tal-iżvilupp ta' għodod tal-ICT min-naħa tal-SMEs, hi meħtieġa t-trasparenza u l-kompetizzjoni biex ikunu żgurati prezzijiet li jintlaħqu għall-għodod tas-Saħħa elettronika.

47.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw standards tad-dejta għall-ġbir, il-kondiviżjoni u r-rappurtar dwar kwistjonijiet transkonfinali relatati mas-saħħa;

48.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien mal-pazjenti u ma' partijiet interessati relevanti oħra bl-għan li jidentifikaw għodod u mudelli tas-saħħa elettronika biex jappoġġaw l-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/24/UE li jittratta l-iżvilupp tan-netwerks ta’ referenza Ewropej bejn dawk li jipprovdu l-kura tas-saħħa u ċ-ċentri ta’ għarfien espert;

49.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jaħdmu fuq l-implimentazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/24/UE dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali, bl-għan li jiġi stabbilit netwerk tas-Saħħa elettronika;

50.

Jistieden lill-Kummissjoni tippermetti s-sħubija tal-awtoritajiet reġjonali kollha li huma kompetenti għall-applikazzjonijiet tas-Saħħa elettronika fin-Netwerk tas-Saħħa elettronika stabbilit permezz tad-Direttiva 2011/24/UE;

51.

Jenfasizza l-ħtieġa ta’ kodiċi ta’ prattika etika għall-attivitajiet transkonfinali mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tas-sussidjarjetà;

52.

Jenfasizza li huwa essenzjali għall-pazjenti li jkunu jistgħu jaċċessaw id-dejta personali tas-saħħa tagħhom; jenfasizza li l-pazjenti, li jkunu taw il-kunsens tagħhom minn qabel għall-użu ta' din id-dejta, għandhom dejjem jiġu infurmati, b'mod ċar u trasparenti, dwar kif qed tiġi proċessata;

53.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japplikaw l-istandards dwar l-ipproċessar tad-dejta personali relatata mas-saħħa stabbiliti fil-proposta għal regolament dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali u l-moviment liberu ta’ din id-dejta, ladarba jidħol fis-seħħ;

54.

Jindika l-ħtieġa li jintużaw standards internazzjonali kemm fl-immudellar tal-informazzjoni kif ukoll fl-iskambju tagħha fl-Istati Membri kollha, biex jiġu żviluppati kodiċijiet internazzjonali għall-professjonisti tas-Saħħa elettronika u jiġu armonizzati d-definizzjonijiet relevanti;

55.

Jilqa’, f’dan ir-rigward, il-kollaborazzjoni internazzjonali li għaddejja bħalissa mal-WHO u l-OECD;

56.

Jilqa’ l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar is-Saħħa elettronika, ikkaratterizzata minn kollaborazzjoni kontinwa bħalma hi dik żviluppata fil-kuntest tal-Memorandum ta’ Qbil dwar il-kooperazzjoni rigward l-informazzjoni tas-saħħa u t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni, inklużi, b’mod partikolari, il-pjan direzzjonali tal-KE-HHS żviluppat b’mod konġunt għall-iżvilupp ta’ standards ta’ interoperabilità rikonoxxuti internazzjonalment u tl-ispeċifikazzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-interoperabilità għas-sistemi ta’ informazzjoni tas-Saħħa elettronika;

57.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati l-istandardizzazzjoni teknika u l-interoperabilità ta' soluzzjonijiet li jiffunzjonaw bl-ICT u tal-iskambji tad-dejta fil-livelli kollha tas-sistemi tal-kura tas-saħħa Ewropej, filwaqt li jiġu żviluppati linji gwida għall-interoperabilità mal-UE kollha ta' dawn is-sistemi;

58.

Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-interoperabilità bejn l-applikazzjonijiet ta' software użati mill-pazjenti u mit-tobba, rispettivament, sabiex jinkisbu riżultati aħjar u tittejjeb il-komunikazzjoni;

59.

Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi Qafas ta’ Interoperabbiltà dwar is-Saħħa elettronika sal-2015 u jqis li dan hu pass importanti ħafna lejn l-għoti ta’ setgħa ta' azzjoni lill-pazjenti fis-Saħħa elettronika; iqis li hu importanti li f’dan il-Qafas jiġu inklużi l-ħolqien ta’ rappurtar standardizzat għar-rekords mediċi kif ukoll appoġġ għall-iżvilupp ta’ apparat mediku, inkluża karatteristika ta’ ħażna elettronika awtomatika tar-rekords mediċi;

60.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li d-diversità kulturali u lingwistika tal-Unjoni Ewropea tiġi rispettata b’mod sħiħ fir-rigward tal-istandardizzazzjoni teknika u l-interoperabilità tas-sistemi tal-kura tas-saħħa Ewropej;

61.

Jitlob biex jiġu żviluppati għodod tas-Saħħa elettronika mhux biss abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet teknoloġiċi u finanzjarji, iżda wkoll fuq l-effikaċja tagħhom u s-siwi tagħhom f’dak li hu titjib tar-riżultati tas-saħħa u l-kwalità tal-ħajja, u jenfasizza li l-għan ewlieni tal-iżvilupp ta' tali għodod għandu jkun l-aħjar interessi tal-pazjenti, inklużi l-anzjani u l-pazjenti b’diżabilità;

62.

Jistieden lill-Istati Membri ħalli, meta meta jkunu qed jippromwovu l-pjan, jenfasizzaw l-importanza tal-bilanċ tal-ġeneri;

63.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu approċċ bilanċjat fir-rigward tal-ġeneri għall-kura tas-saħħa u l-mediċina u, waqt l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika, iqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa u l-bniet bħala benefiċjarji tal-kura tas-saħħa;

64.

Jenfasizza l-importanza tal-istħarriġ globali fil-bini tal-evidenza fir-rigward tas-Saħħa elettronika;

65.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), jiġbru data diżaggregata skont il-ġeneru dwar sejbiet inizjali rigward l-aċċessibilità u l-impatt ta’ sistemi u għodda tas-Saħħa elettronika, u jitlob li jittieħdu passi għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fl-implimentazzjoni tas-Saħħa elettronika;

66.

Ifakkar fil-ħtieġa li l-Pjan ta’ Azzjoni futur dwar is-Saħħa elettronika jiżgura l-prinċipji ewlenin li ġejjin:

—

li jiġi ottimizzat l-infiq fil-kura tas-saħħa fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika;

—

li jissaħħu u jiġu promossi l-applikazzjonijiet u s-soluzzjonijiet għall-iżvilupp tas-suq;

—

li tiġi żgurata l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-kura tas-saħħa u tal-isptarijiet;

67.

Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika kull sentejn analiżi tal-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika fl-Istati Membri individwali, fejn turi kif din l-għodda ġiet immodifikata b’modi innovattivi sabiex tagħti liċ-ċittadini sistemi tal-kura tas-saħħa effiċjenti u, fid-dawl ta' dan, tistabbilixxi, fil-livell nazzjonali u f'dak tal-Unjoni, indikaturi effettivi għall-kejl tal-progress u tal-impatt tal-azzjonijiet ippjanati, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lil diskriminazzjoni potenzjali jew inugwaljanzi fl-aċċess li jistgħu jaffettwaw lill-konsumaturi u lill-pazjenti.

68.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Istati Membri.


(1)  http://www.ehealth-strategies.eu/report/eHealth_Strategies_Final_Report_Web.pdf