|
5.11.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 274/11 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1639
tat-13 ta' Lulju 2018
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw aktar l-elementi tal-kodiċi ta' kondotta li għandhom jiġu żviluppati minn amministraturi ta' parametri referenzjarji li huma bbażati fuq data tal-input minn kontributuri
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b'mod partikolari r-raba paragrafu tal-Artikolu 15(6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2016/1011 jesiġi li amministratur ta' parametru referenzjarju li jkun ibbażat fuq data tal-input minn kontributuri jiżviluppa kodiċi ta' kondotta għal dak il-parametru referenzjarju li jispeċifika biċ-ċar ir-responsabbiltajiet u l-obbligi tal-kontributuri fir-rigward tal-kontribut tad-data tal-input. Jekk amministratur iforni familja ta' parametri referenzjarji li jikkonsistu f'aktar minn parametru referenzjarju wieħed fuq il-bażi ta' data tal-input minn kontributuri, il-kodiċi ta' kondotta uniku jista' jiġi żviluppat għal familja ta' parametri referenzjarji. Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 15 ta' dak ir-Regolament jelenka l-elementi li jridu jiġu inklużi, bħala minimu, f'kull kodiċi ta' kondotta żviluppat skont dak l-Artikolu. L-ebda kodiċi ta' kondotta mhu meħtieġ jekk il-parametru referenzjarju huwa parametru referenzjarju ta' data regolata kif definit fl-Artikolu 3(1)(24) ta' dan ir-Regolament. |
|
(2) |
Sabiex jiġi żgurat li l-parametru referenzjarju jiġi determinat b'mod korrett, huwa kruċjali li d-data tal-input ipprovduta mill-kontributuri jkollha l-karatteristiċi kollha meħtieġa mill-metodoloġija u tkun kompluta. Jinħtieġ li għalhekk l-kodiċi ta' kondotta jiddeskrivi dawk il-karatteristiċi f'biżżejjed dettall u jispeċifika liema data għandha tiġi kkunsidrata mill-kontributur, liema data l-kontributur jista' jeskludi u kif il-kontributur għandu jittrażmetti d-data tal-input lill-amministratur. |
|
(3) |
Fattur ewlieni fl-iżgurar tal-integrità ta' parametru referenzjarju bbażat fuq kontribuzzjonijiet tad-data tal-input huwa li l-persuni maħtura mill-kontributur li jippreżenta data tal-input jkollu l-għarfien, ħiliet, taħriġ u esperjenza korretti biex iwettaq dan ir-rwol. Jinħtieġ li għalhekk l-kodiċi ta' kondotta jinkludi dispożizzjoni li tirrikjedi li kull kontributur iwettaq għadd ta' verifiki fir-rigward ta' dawk li għandhom isiru sottomettenti, qabel ma jawtorizzahom bħala sottomittenti. |
|
(4) |
L-affidabbiltà ta' parametru referenzjarju jiddependi ħafna fuq il-korrettezza tad-data tal-input tiegħu. Għalhekk huwa kruċjali li l-kontributuri jiċċekkjaw id-data qabel u wara sottomissjoni għal kull entrata suspettuża u wkoll biex jikkonfermaw il-konformità mar-rekwiżiti tad-data tal-kodiċi tal-kondotta. Jenħtieġ li għalhekk il-kodiċi ta' kondotta jinkludi dispożizzjonijiet li jirrikjedu li l-kontributuri jwettqu kontrolli ta' qabel u wara l-kontribuzzjoni tad-data. |
|
(5) |
Ir-riskju ta' żball jew manipulazzjoni probabbilment huwa l-iktar f'każijiet fejn il-kontributuri jistgħu jeżerċitaw diskrezzjoni fil-kontribuzzjoni ta' data tal-input. Jinħtieġ li għalhekk il-kodiċi ta' kondotta jirrikjedi lill-kontributuri jistabbilixxu politiki li jispeċifikaw meta, kif u mingħand min tista' tiġi eżerċitata d-diskrezzjoni. |
|
(6) |
Jenħtieġ li l-kodiċi ta' kondotta jinkludi dispożizzjonijiet li jirrikjedu li l-kontributuri jżommu rekords ta' data li tkun ġiet ikkunsidrata għal kull kontribuzzjoni u kull eżerċizzju ta' diskrezzjoni. Dawn ir-rekords ikunu għodda essenzjali biex jiġi stabbilit jekk kontributur ikunx segwa l-politiki meħtieġa mill-kodiċi ta' kondotta li għandhom l-għan li jiżguraw li tiġi pprovduta d-data tal-input rilevanti. |
|
(7) |
L-identifikazzjoni u l-ġestjoni kif imiss tal-kunflitti ta' interess fil-livell tal-kontributuri huwa pass neċessarju lejn l-integrità u l-preċiżjoni tal-parametri referenzjarji. Għal din ir-raġuni, jinħtieġ li l-kodiċi ta' kondotta jkun fih dispożizzjonijiet li jeħtieġu li s-sistemi u l-kontrolli tal-kontributur jinkludu reġistru ta' kunflitti ta' interess li fih il-kontributur jinħtieġ li jirreġistra l-kunflitti ta' interess identifikati u l-miżuri meħuda biex dawn jiġu mmaniġġati. |
|
(8) |
F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, dan ir-Regolament jevita li jpoġġi piż amministrattiv eċċessiv fuq l-amministraturi u l-kontributuri fir-rigward ta' parametri referenzjarji sinifikanti u mhux sinifikanti billi jippermetti lill-amministraturi ta' parametri referenzjarji sinifikanti jew mhux sinifikanti li jiżviluppaw kodiċi ta' kondotta li huma anqas dettaljati minn dawk meħtieġa għall-parametri referenzjarji ta' importanza kritika. |
|
(9) |
Jinħtieġ li l-amministraturi jingħataw biżżejjed żmien biex iħejju l-kodiċijiet ta' kondotta li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Jinħtieġ li għalhekk dan ir-Regolament jibda japplika xahrejn wara li jidħol fis-seħħ. |
|
(10) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati ppreżentati mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni. |
|
(11) |
L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Konċernati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit mill-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Deskrizzjoni tad-data tal-input
Il-kodiċi ta' kondotta li għandu jiġi żviluppat mill-amministratur skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011 (“il-kodiċi ta' kondotta”) għandu jinkludi deskrizzjoni ċara, u r-rekwiżiti fir-rigward, tal-inqas il-kwistjonijiet li ġejjin fir-rigward tad-data tal-input li għandha tiġi pprovduta:
|
(a) |
it-tip jew tipi ta' data tal-input li tiġi pprovduta; |
|
(b) |
l-istandards meħtieġa rigward il-kwalità u l-preċiżjoni tad-data tal-input; |
|
(c) |
il-kwantità minima ta' data tal-input li għandha tiġi pprovduta; |
|
(d) |
l-ordni ta' prijorità, jekk ikun hemm, li fih tipi differenti ta' data tal-input għandha tiġi kontribwita; |
|
(e) |
il-format li fih id-data tal-input għandha tiġi pprovduta; |
|
(f) |
il-frekwenza tas-sottomissjoni tad-data tal-input; |
|
(g) |
iż-żmien tas-sottomissjoni tad-data tal-input; |
|
(h) |
il-proċeduri, jekk ikun hemm, li kull kontributur ikun meħtieġ li jkollu fis-seħħ għall-aġġustamenti u l-istandardizzazzjoni tad-data tal-input. |
Artikolu 2
Sottomittenti
1. Il-kodiċi ta' kondotta għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw li persuna tkun permessa biss taġixxi bħala sottomittent ta' data tal-input f'isem il-kontributur jekk il-kontributur ikun sodisfatt li l-persuna għandha l-ħiliet, l-għarfien, it-taħriġ u l-esperjenza meħtieġa għal dan ir-rwol.
2. Il-kodiċi ta' kondotta għandu jiddeskrivi l-proċess ta' diliġenza dovuta li kontributur huwa meħtieġ iwettaq sabiex ikun sodisfatt li persuna għandha l-ħiliet, l-għarfien, it-taħriġ u l-esperjenza meħtieġa biex jippreżenta data tal-input f'ismu. Id-deskrizzjoni ta' dan il-proċess għandha tinkludi r-rekwiżit li jsiru verifiki li jivverifikaw:
|
(a) |
l-identità tal-persuna; |
|
(b) |
il-kwalifiki tal-persuna; kif ukoll |
|
(c) |
ir-reputazzjoni tal-persuna, inkluż jekk il-persuna tkunx ġiet preċedentement eskluża milli tippreżenta data tal-input għal parametru referenzjarju għal raġunijiet ta' mġiba ħażina. |
3. Il-kodiċi ta' kondotta jispeċifika l-proċess u l-mezz ta' komunikazzjoni li għandhom jintużaw minn kontributur biex jinnotifika lill-amministratur bl-identità ta' kwalunkwe persuna li tippreżenta data tal-input f'ismu, sabiex jippermetti lill-amministratur jivverifika li sottomittent ikun awtorizzat li jibgħat id-data f'isem il-kontributur.
Artikolu 3
Politiki biex jiġi żgurat li kontributur jipprovdi d-data tal-input rilevanti kollha
Il-kodiċi ta' kondotta għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jirrikjedu li l-kontributuri jkollhom fis-seħħ u jikkonformaw ma' tal-anqas il-politiki li ġejjin:
|
(a) |
politika ta' data tal-input li tinkludi mill-inqas deskrizzjoni ta':
|
|
(b) |
politika dwar it-trażmissjoni tad-data lill-amministratur li tinkludi mill-inqas:
|
Artikolu 4
Sistemi u kontrolli
1. Il-kodiċi ta' kondotta għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw li s-sistemi u l-kontrolli msemmija fl-Artikolu 15(2)(d) tar-Regolament (UE) 2016/1011 jinkludu, fost affarijiet oħra, l-elementi li ġejjin:
|
(a) |
kontrolli ta' qabel il-kontribuzzjoni biex tiġi identifikata kwalunkwe data tal-input suspettuża, inklużi kontrolli f'forma ta' rieżami tad-data minn persuna oħra; |
|
(b) |
kontrolli ta' wara l-kontribuzzjoni li jikkonfermaw li d-data tal-input ġiet ikkontribwita f'konformità mar-rekwiżiti tal-kodiċi ta' kondotta u biex jidentifikaw kwalunkwe data tal-input suspettuża; |
|
(c) |
monitoraġġ tat-trasferiment tad-data tal-input lill-amministratur skont il-politiki applikabbli. |
2. Il-kodiċi ta' kondotta jista' jippermetti lil kontributur li juża sistema awtomatizzata għall-kontribuzzjoni ta' data tal-input li fiha persuni fiżiċi ma jkunux kapaċi jimmodifikaw il-kontribuzzjoni ta' data tal-input, biss jekk il-kodiċi ta' kondotta jagħmel tali permess suġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
il-kontributur ikun jista' jimmonitorja l-funzjonament tajjeb tas-sistema awtomatizzata fuq bażi kontinwa; kif ukoll |
|
(b) |
il-kontributur jikkontrolla s-sistema awtomatizzata wara kull aġġornament jew bidla għas-softwer tagħha, qabel ma tiġi kkontribwita data tal-input ġdida. |
F'dan il-każ, kodiċi ta' kondotta ma jirrikjedix li l-kontributur ikun meħtieġ jistabbilixxi l-verifiki msemmija fil-paragrafu 1.
3. Il-kodiċi ta' kondotta għandu jiddefinixxi l-proċeduri li kontributur irid jkollu fis-seħħ biex jindirizza kull żball fid-data tal-input ikkontribwita.
4. Il-kodiċi ta' kondotta għandu jirrikjedi li l-kontributur jagħmel rieżami tas-sistemi u l-kontrolli stabbiliti minnu fir-rigward tal-kontribut tad-data tal-input fuq bażi regolari u, fi kwalunkwe każ, tal-anqas darba fis-sena.
Artikolu 5
Politiki dwar l-użu tad-diskrezzjoni fil-kontribut ta' data tal-input
Jekk il-kodiċi ta' kondotta jipprevedi li kontributur juża d-diskrezzjoni fil-kontribuzzjoni ta' data tal-input, dan għandu jirrikjedi li l-kontributur jistabbilixxi politiki dwar l-użu tad-diskrezzjoni li jispeċifikaw mill-inqas dan li ġej:
|
(a) |
iċ-ċirkostanzi li fihom il-kontributur jista' jeżerċita diskrezzjoni; |
|
(b) |
l-individwi fl-organizzazzjoni tal-kontributur li huma permessi li jeżerċitaw diskrezzjoni; |
|
(c) |
il-kontrolli interni li jirregolaw l-eżerċizzju ta' diskrezzjoni tal-kontributur skont il-politiki tiegħu; |
|
(d) |
l-individwi fl-organizzazzjoni tal-kontributur li huma awtorizzati jwettqu evalwazzjoni ex post tal-eżerċizzju ta' diskrezzjoni. |
Artikolu 6
Politiki ta' żamma tar-rekords
1. Il-kodiċi ta' kondotta għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jeħtieġu li l-kontributuri jistabbilixxu politiki taż-żamma li jiżguraw li jinżamm rekord mill-kontributur tal-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa biex tiġi vverifikata l-aderenza tal-kontributur mal-kodiċi ta' kondotta, inkluż rekord ta' mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
il-politiki u l-proċeduri tal-kontributur li jirregolaw il-kontribuzzjoni tad-data tal-input u kwalunkwe bidla materjali lil dawk il-politiki u l-proċeduri; |
|
(b) |
ir-reġistru ta' kunflitti ta' interess imsemmija fl-Artikolu (8)(1)(b) ta' dan ir-Regolament; |
|
(c) |
kull azzjoni dixxiplinarja meħuda kontra kull persunal tal-kontributur fir-rigward tal-attivitajiet relatati mal-parametri referenzjarji; |
|
(d) |
lista tas-sottomittenti u ta' persuni li jwettqu kontrolli fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet, inklużi l-ismijiet u r-rwoli tagħhom fl-organizzazzjoni tal-kontributur u d-dati meta dawn ġew awtorizzati u, fejn applikabbli, waqfu milli jkunu awtorizzati biex iwettqu r-rwoli related mas-sottomissjoni tagħhom; |
|
(e) |
fir-rigward ta' kull kontribuzzjoni ta' data tal-input:
|
2. Il-kodiċi ta' kondotta għandu jirrikjedi li l-politiki taż-żamma ta' rekords jipprovdu li l-informazzjoni tinżamm għal minimu ta' ħames snin, jew tliet snin fejn ir-rekords ikunu ta' konverżazzjonijiet telefoniċi jew komunikazzjonijiet elettroniċi, u jiġi maħżuna f'mezz li jippermetti li l-informazzjoni tkun aċċessibbli għal referenza fil-futur.
3. L-amministratur jista' jagħżel li jħalli barra r-rekwiżit fil-punt (iv) tal-paragrafu 1(e) fil-każ ta' kontributur li jikkontribwixxi d-data tal-input għal parametru referenzjarju sinifikanti.
4. L-amministratur jista' jagħżel li jħalli barra wieħed jew iż-żewġ rekwiżiti fil-punti (iv) u (v) tal-paragrafu 1(e) fil-każ ta' kontributur li jikkontribwixxi d-data tal-input lil parametru referenzjarju mhux sinifikanti.
Artikolu 7
Rappurtar ta' data tal-input suspettuża
1. Il-kodiċi ta' kondotta għandu jirrikjedi lil kontributur li jistabbilixxi proċeduri interni dokumentati li jipprovdu lill-persunal tiegħu li jirrapportaw kull data tal-input suspettuża lill-funzjoni ta' konformità tal-kontributur, jekk ikun hemm, u lill-maniġment superjuri tal-kontributur.
2. Il-kodiċi ta' kondotta jispeċifika l-kundizzjonijiet li taħthom kontributur għandu jirrapporta data tal-input suspettuża lill-amministratur, u għandu jispeċifika l-proċess u l-mezz tal-komunikazzjoni li għandhom jintużaw mill-kontributur biex jikkuntattja lill-amministratur.
Artikolu 8
Kunflitti ta' interess
1. Il-kodiċi ta' kondotta għandu jirrikjedi li kontributur jistabbilixxi sistemi u kontrolli dwar il-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess li jinkludu mill-inqas l-elementi li ġejjin:
|
(a) |
l-istabbiliment ta' politika dwar il-kunflitti ta' interess li tindirizza:
|
|
(b) |
l-istabbiliment ta' reġistru ta' kunflitti ta' interess li għandu jintuża biex jirreġistra kull kunflitt ta' interess identifikat u kull miżura meħuda biex dawn jiġu mmaniġġati, flimkien mar-rekwiżiti sabiex ir-reġistru jinżamm aġġornat u li l-awdituri interni jew esterni jiġu pprovduti b'aċċess għalih. |
2. Il-kodiċi ta' kondotta għandu jirrikjedi li l-membri tal-persunal tal-kontributur li huma involuti fil-proċess ta' kontribuzzjoni jkunu mħarrġa fil-politiki, proċeduri u kontrolli kollha relatati mal-identifikazzjoni, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess.
3. L-amministratur jista' jagħżel li jħalli barra wieħed jew aktar mir-rekwiżiti fil-punti (iii), (v), (vi) u (vii) tal-paragrafu 1(a) fil-każ ta' kontributur li jikkontribwixxi d-data tal-input lil parametru referenzjarju mhux sinifikanti.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-25 ta' Jannar 2019.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84)