Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fit‑18 ta’ Diċembru 2025 (1)
Kawża C‑771/24
Fédération belge du stationnement ASBL,
Interparking SA
vs
Région de Bruxelles-Capitale
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Obbligu li titwettaq evalwazzjoni ambjentali – Pjan jew programm fis-settur tat-trasport, tal-ippjanar tat-territorju urban u rurali jew tal-użu tal-artijiet – Digriet li jistabbilixxi kundizzjonijiet għall-operat tal-parkeġġi – Żamma fis-seħħ tal-effetti”
“Drum prüfe, wer sich ewig bindet” (2)
I. Introduzzjoni
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li teżamina żewġ aspetti marbuta mad-Direttiva dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva EAS”, fejn l-akronimu “EAS” jirreferi għal evalwazzjoni ambjentali strateġika).
2. Dawn l-aspetti huma, minn naħa, il-kwistjoni dwar x’għandu jinftiehem bil-kombinazzjoni ta’ kunċetti ta’ “pjanijiet u programmi” u l-kundizzjonijiet li fihom dawn għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali strateġika. Il-komprensjoni ta’ din il-kombinazzjoni ta’ kunċetti hija essenzjali sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva EAS, li madankollu għadha ma ġietx iċċarata biżżejjed mill-ġurisprudenza preċedenti. B’mod partikolari, fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi eżaminat jekk il-kombinazzjoni ta’ kunċetti ta’ “pjanijiet u programmi” timplikax dimensjoni ta’ ppjanar jew programmatika fis-sens ta’ leġiżlazzjoni dwar l-ippjanar tat-territorju urban u rurali.
3. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja hija għal darba oħra mitluba teżamina l-ġurisprudenza tagħha dwar il-kundizzjonijiet li fihom l-effetti ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali adottata bi ksur tar-regoli proċedurali tad-dritt tal-Unjoni jistgħu eċċezzjonalment jinżammu fis-seħħ.
II. Il-kuntest ġuridiku
4. L-għanijiet tad-Direttiva EAS jirriżultaw b’mod partikolari mill-Artikolu 1 tagħha:
“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jsiru disposizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jkun jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, billi jkun assigurat li, skond din id-Direttiva, issir stima ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.”
5. Il-pjanijiet u l-programmi huma ddefiniti fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva EAS:
“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:
(a) ‘pjanijiet u programmi’ tfisser pjanijiet u programmi, inklużi dawk ko-finanzjati mill-Komunità Ewropea, kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:
– li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u
– li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi”.
6. L-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ambjentali strateġika huwa previst fl-Artikolu 3 tad-Direttiva EAS:
“1. L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.
2. Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,
(a) li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar ta’ l-iskart, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art u li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-[Direttiva SEA (4)], jew
(b) […]”
III. Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari
7. B’digriet tal‑25 ta’ Frar 2021 (5), li qiegħed jiġi kkontestat fil-kawża prinċipali, il-Gvern tar-Région de Bruxelles-Capitale (ir-Reġjun ta’ Brussell Kapitali (il-Belġju)) stabbilixxa kundizzjonijiet għall-operat ġenerali għall-parkeġġi koperti u miftuħa.
8. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-digriet ikkontestat japplika għall-parkeġġi ta’ iktar minn għaxar postijiet ta’ parkeġġ. Taħt it-titolu “Kundizzjonijiet ġenerali għall-operat tal-parkeġġi koperti u mhux koperti”, dan id-digriet jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-użu, id-disinn u s-sinjalar, il-kundizzjonijiet għall-manutenzjoni u l-kontroll, il-kundizzjonijiet għall-punti tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi u l-kundizzjonijiet relatati mal-ispazji għall-parkeġġ tar-roti.
9. Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-digriet ikkontestat jistabbilixxi, taħt it-titolu “Kundizzjonijiet partikolari għall-operat tal-parkeġġi mhux koperti”, il-kundizzjonijiet dwar il-manutenzjoni tal-veġetazzjoni, l-użu tal-melħ sabiex iħoll is-silġ mit-toroq u l-manutenzjoni tal-installazzjonijiet ta’ infiltrazzjoni u tad-dawl artifiċjali kif ukoll, taħt it-titolu “Kundizzjonijiet speċifiċi għall-operat ta’ parkeġġi koperti”, jipprevedi l-kundizzjonijiet dwar, inter alia, it-tqassim u t-tagħmir tal-parkeġġ, is-sigurtà, l-istandards tal-kwalità tal-arja u l-ventilazzjoni mekkanika u naturali.
10. Barra minn hekk, id-digriet ikkontestat jeżiġi, għall-parkeġġi l-ġodda, l-installazzjoni ta’ punti tal-iċċarġjar għall-vetturi bil-mutur elettriċi u ta’ spazji għall-parkeġġ tar-roti. Bħala prinċipju, it-tisħin ta’ spazji ta’ parkeġġi koperti huwa pprojbit.
11. Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-kriterji u l-modalitajiet stabbiliti mid-digriet ikkontestat huma vinkolanti għall-awtoritajiet pubbliċi meta jiġu biex joħorġu permess ambjentali tal-parkeġġi, sa fejn ma humiex applikabbli derogi speċifiċi espressament previsti. Konsegwentement, tali permess jingħata jew jiġġedded biss jekk il-kundizzjonijiet għall-operat jiġu osservati.
12. Minbarra l-permess ambjentali, min ikun jixtieq jibni parkeġġ jew anki, għal dan l-għan, jibdel l-użu maħsub ta’ bini jew jibdel b’mod sinjifikattiv il-profil tal-art jeħtieġ li jkollu permess ta’ żvilupp urban, li l-ħruġ tiegħu huwa suġġett għall-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fil-pjanijiet u fir-regolamenti dwar l-ippjanar tat-territorju urban u rurali.
13. Skont l-Artikolu 1 tiegħu, id-digriet ikkontestat jimplimenta parzjalment id-Direttiva (UE) 2018/844 (6) (iktar ’il quddiem “l-emendi għad-Direttiva dwar il-bini” (7)) li ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 194 TFUE u li hija maħsuba biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-bini.
14. Bħala parti mill-proċedura għall-adozzjoni tad-digriet ikkontestat, it-Taqsima Leġiżlattiva tal-Kunsill tal-Istat stqarret, fl-Opinjoni tagħha Nru 68.487/1 tat‑12 ta’ Jannar 2021, li d-digriet propost kien jeħtieġ evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS sa fejn x’aktarx kien ser ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Id-digriet kellu jitqies li jiddefinixxi l-kuntest li fih kellhom jew setgħu jitwettqu l-proġetti infrastrutturali li kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 10(b) tal-Anness II tad-Direttiva SEA. Fil-fatt, dan id-digriet kien jinkludi kundizzjonijiet għall-operat u modalitajiet ta’ deċiżjoni dwar il-permessi ambjentali għall-parkeġġi fir-Reġjun ta’ Brussell Kapitali kollu.
15. Madankollu, ir-Reġjun ta’ Brussell Kapitali adotta d-digriet ikkontestat mingħajr ma evalwa l-effetti tiegħu fuq l-ambjent.
16. Fit‑30 ta’ April 2021, il-Fédération belge du stationnement ASBL u Interparking SA ppreżentaw rikors għall-annullament tad-digriet ikkontestat quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat).
17. Huma jqisu li d-digriet ikkontestat jikkostitwixxi pjan jew programm fis-sens tad-Direttiva EAS. Dan id-digriet jistabbilixxi ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-permess u għall-implimentazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, il-proġetti ta’ parkeġġ jistgħu jiġu awtorizzati biss jekk ikunu konformi mar-regoli, mal-kriterji u mal-modalitajiet stabbiliti mill-imsemmi digriet, li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent urban.
18. Għall-kuntrarju, ir-Reġjun ta’ Brussell Kapitali jikkunsidra li att jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” biss jekk ikollu, kif jissuġġerixxi dan il-kunċett, dimensjoni ta’ ppjanar jew programmatika. Din id-dimensjoni hija nieqsa sa fejn id-digriet ikkontestat la jippjana u lanqas ma “jipprogramma” l-postijiet fejn jistgħu jinbnew parkeġġi fir-Reġjun ta’ Brussell Kapitali jew in-numru ta’ parkeġġi permessi f’din iż-żona. Huwa jistabbilixxi biss ir-regoli (vinkolanti) li għandha tissodisfa, fil-fażi tal-operat, kull installazzjoni ta’ parkeġġ wara t-tlestija tiegħu (tagħmir intern, sigurtà taċ-ċiklisti, ventilazzjoni, eċċ.). Għaldaqstant, huwa ma jikkontribwixxix, fih innifsu, għar-realizzazzjoni jew għat-twettiq ta’ proġett. Il-kundizzjonijiet settorjali kkontestati, strettament marbuta mal-operat tal-parkeġġi bħala tali wara li jingħata permess, la jippermettu li jiġi ddeterminat il-post u lanqas in-numru ta’ parkeġġi li jistgħu jiġu operati fi Brussell.
19. Skont il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għal atti li jirregolaw il-kostruzzjoni u l-operat ta’ installazzjonijiet (eoliċi), filwaqt li d-digriet ikkontestat, għalkemm jikkonċerna l-operat tal-parkeġġi, ma jistabbilixxix regoli dwar il-kostruzzjoni tagħhom. Fil-fatt, dawn ir-regoli jinsabu fil-pjanijiet u fir-regolamenti dwar l-ippjanar tat-territorju urban u rurali, li min-naħa tagħhom diġà kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali strateġika.
20. Skont l-Artikolu 98 tal-Code Bruxellois de l’Aménagement du Territoire (CoBAT, il-Kodiċi ta’ Brussell dwar l-Ippjanar tat-Territorju Urban u Rurali), il-bini ta’ parkeġġ jeħtieġ permess ta’ żvilupp urban (dan ir-rekwiżit jiżdied ma’ dak ta’ permess ambjentali). L-għoti ta’ tali permess huwa suġġett għall-osservanza tar-regoli stabbiliti mill-pjanijiet u mir-regolamenti dwar l-ippjanar tat-territorju urban u rurali, b’mod partikolari r-regoli għall-protezzjoni tas-siti msemmija mid-Direttiva dwar il-habitats (8), b’tali mod li dawn il-pjanijiet u r-regolamenti jikkostitwixxu l-kuntest għall-għoti fil-futur ta’ dan il-permess.
21. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi jekk id-digriet ikkontestat, li jistabbilixxi biss il-kundizzjonijiet għall-operat tal-parkeġġi mingħajr ma jipprevedi regoli dwar il-kostruzzjoni tagħhom jew dwar in-numru massimu tagħhom, jistax jiġi kklassifikat bħala pjan jew programm fis-settur tal-ippjanar tat-territorju urban u rurali jew tal-użu tal-artijiet. Barra minn hekk, huwa jiddubita jekk l-operat ta’ parkeġġ għandux neċessarjament jiġi kklassifikat bħala parti mis-settur tat-trasport.
22. Għaldaqstant, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) L-Artikolu 3(2) (a) [tad-Direttiva EAS] għandu jiġi interpretat fis-sens li ordni [digriet], bħal dak inkwistjoni, li sempliċement jistabbilixxi kundizzjonijiet għall-operat tal-parkings mingħajr ma jipprevedi regoli relatati mal-lokalizzazzjoni tagħhom jew man-numru massimu tagħhom, għandu madankollu jkun ikkwalifikat bħala pjan jew bħala programm fis-settur tat-trasport, tal-ippjanar tat-territorju urban u rurali jew tal-użu tal-artijiet?
2) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda qorti nazzjonali tista’ tapplika dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tippermettilha żżomm l-effetti ta’ att regolatorju annullat, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-operat tal-parkings fuq it-territorju ta’ reġjun, matul żmien limitat, sabiex l-awtorità reġjonali tkun tista’ twettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ dawn il-kundizzjonijiet għall-operat qabel ma twettaq eventwali riformulazzjoni ta’ dan l-att?”
23. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Fédération belge du stationnement ASBL u Interparking SA flimkien, mir-Renju tal-Belġju, mir-Repubblika tal-Latvja kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. B’applikazzjoni tal-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma ssirx seduta għas-sottomissjonijiet orali.
IV. Analiżi legali
A. L-ewwel domanda
24. Permezz tal-ewwel domanda tiegħu, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jixtieq ikun jaf jekk l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS għandux jiġi interpretat fis-sens li att li jistabbilixxi esklużivament il-kundizzjonijiet għall-operat tal-parkeġġi jeħtieġx evalwazzjoni ambjentali strateġika skont id-Direttiva EAS.
25. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu, fl-ewwel lok, jiġi eżaminat jekk tali att jaqax taħt id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva EAS. Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk il-kombinazzjoni ta’ kunċetti ta’ “pjanijiet u programmi” teħtieġx karatteristiċi impliċiti iktar estiżi u, jekk dan ikun il-każ, jekk dawn humiex preżenti. Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat, fit-tielet lok, jekk att analogu jissodisfax ukoll il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS.
1. Pjanijiet u programmi fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva EAS
26. Skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva EAS, il-frażi “pjanijiet u programmi” tfisser il-pjanijiet u l-programmi li, l-ewwel nett, huma mfassla u/jew adottati minn awtorità fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali jew li huma ppreparati minn awtorità sabiex jiġu adottati mill-parlament jew mill-gvern, permezz ta’ proċedura leġiżlattiva, u, it-tieni nett, huma meħtieġa li jiġu stabbiliti permezz ta’ dispożizzjonijiet legali jew amministrattivi.
27. Mill-formulazzjoni tad-domanda magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jirriżulta li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ma joħolqulu ebda dubju. L-ewwel nett, il-Gvern tar-Reġjun ta’ Brussell Kapitali adotta d-digriet tal‑25 ta’ Frar 2021. It-tieni nett, għalkemm ma jidhirx li hemm obbligu li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-operat inkwistjoni, huwa biżżejjed, f’dan ir-rigward, li l-adozzjoni tagħhom tkun irregolata minn dispożizzjonijiet legali u amministrattivi nazzjonali, li jiddeterminaw l-awtoritajiet kompetenti u l-proċedura ta’ tfassil tagħhom (9). Skont il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), il-bażi legali tad-digriet ikkontestat hija, kif jirriżulta mill-preambolu tiegħu, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1), l-Artikolu 10(2) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 63(3) tar-Regolament tal‑5 ta’ Ġunju 1997 dwar il-permessi ambjentali (10).
2. Fuq l-interpretazzjoni tal-kombinazzjoni ta’ kunċetti ta’ “pjanijiet u programmi”
28. Il-kwistjoni prinċipali tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kombinazzjoni ta’ kunċetti ta’ “pjanijiet u programmi”, b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk karatteristiċi oħra humiex neċessarji lil hinn mid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva EAS.
29. Il-punt tat-tluq huwa l-konstatazzjoni li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva EAS ma jiddefinixxix il-kombinazzjoni ta’ kunċetti ta’ “pjanijiet u programmi”, iżda jorbotha biss maż-żewġ rekwiżiti – addizzjonali – li għadhom kemm ġew eżaminati (11). Madankollu, dan ma jeskludix a priori li kundizzjonijiet oħra jkunu inerenti għall-kombinazzjoni ta’ kunċetti.
30. Fl-estensjoni tal-argument żviluppat mir-Reġjun ta’ Brussell Kapitali fil-kawża prinċipali, ir-Renju tal-Belġju jsostni li att jista’ jaqa’ taħt il-kombinazzjoni ta’ kunċetti ta’ “pjanijiet u programmi” biss jekk ikollu dimensjoni ta’ ppjanar jew programmatika. Din id-dimensjoni hija nieqsa fir-rigward tad-digriet ikkontestat, peress li la jippjana jew “jipprogramma” l-postijiet fejn il-parkeġġi jistgħu jiġu stabbiliti fir-Reġjun ta’ Brussell Kapitali, u lanqas in-numru ta’ parkeġġi ammissibbli f’dan it-territorju (12). Ir-Renju tal-Belġju b’hekk jifhem i-kombinazzjoni ta’ kunċetti ta’ “pjanijiet u programmi” bħala leġiżlazzjoni dwar l-ippjanar tat-territorju fil-forma ta’ determinazzjoni (minn qabel) tal-użu li jista’ jsir f’żona partikolari.
31. Din l-interpretazzjoni ma jidhirlix li hija konvinċenti. Għall-kuntrarju, il-formulazzjoni, l-istruttura u l-oriġini tad-Direttiva jimmilitaw kontriha. L-argumenti l-oħra mressqa mir-Reġjun ta’ Brussell Kapitali u mir-Renju tal-Belġju insostenn ta’ din l-interpretazzjoni lanqas ma huma konvinċenti (ara f’dan ir-rigward taħt il-punt a).
32. Sa fejn ir-rekwiżit ta’ “dimensjoni ta’ ppjanar jew programmatika” jirreferi għall-użu ta’ dan il-kunċett fil-ġurisprudenza, dan lanqas ma jista’ jiġġustifika interpretazzjoni restrittiva tal-kombinazzjoni ta’ kunċetti ta’ “pjanijiet u programmi”. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza ma tistabbilixxix, flimkien mad-“dimensjoni ta’ ppjanar jew programmatika”, rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex atti jitqiesu li huma “pjanijiet u programmi” (ara f’dan ir-rigward taħt il-punt b).
a) Leġiżlazzjonijiet dwar l-ippjanar tat-territorju urban u rurali
33. Ir-Renju tal-Belġju għandu dubji qabelxejn dwar l-eżistenza ta’ pjan jew ta’ programm minħabba li d-digriet ikkontestat ma jipprovdix regoli dwar l-ippjanar tat-territorju urban u rurali.
34. Madankollu, ma iniex konvint minn interpretazzjoni li tgħid li l-kombinazzjoni ta’ kunċetti ta’ “pjanijiet u programmi” teħtieġ tali leġiżlazzjoni dwar l-ippjanar tat-territorju urban u rurali.
35. L-ewwel nett, il-formulazzjoni tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva EAS ma tinkludix tali limitazzjoni.
36. It-tieni nett, l-enumerazzjoni tas-setturi fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS tkun ineffettiva jekk il-kombinazzjoni ta’ kunċetti ta’ “pjanijiet u programmi” tiġi interpretata fis-sens li teħtieġ regoli dwar l-ippjanar tat-territorju urban u rurali. Skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS, evalwazzjoni ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi li jkunu mfassla għas-setturi tal-agrikoltura, tal-forestrija, tas-sajd, tal-enerġija, tal-industrija, tat-trasport, tal-immaniġġjar tal-iskart, tal-amministrazzjoni tal-ilma, tat-telekomunikazzjonijiet, tat-turiżmu u tal-ippjanar tat-territorju urban jew rurali jew tal-użu tal-artijiet. Is-settur tal-“ippjanar tat-territorju urban jew rurali jew tal-użu tal-artijiet” huwa għalhekk imsemmi bħala wieħed minn diversi setturi li fihom jistgħu jitfasslu pjanijiet u programmi fis-sens tad-Direttiva EAS.
37. It-tielet nett, ix-xogħol preparatorju tad-Direttiva EAS jikkonferma l-importanza ta’ dan l-argument sistematiku. Huwa jissuġġerixxi li l-Artikolu 2(a) deliberatament ma jipprevedi ebda kundizzjoni f’dan ir-rigward.
38. Fil-fatt, il-proposta inizjali tal-Kummissjoni għad-Direttiva EAS kienet tinkludi wkoll, fl-Artikolu 2(a), il-formulazzjoni “fis-settur tal-ippjanar tat-territorju urban u rurali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (13). Skont il-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta, id-direttiva kellha tkun limitata għall-pjanijiet u l-programmi fis-settur tal-ippjanar tat-territorju urban u rurali (14).
39. Din il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ġiet ikkritikata mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi, Monetarji u l-Politika Industrijali tal-Parlament Ewropew fl-opinjoni tiegħu, li ppropona formulazzjoni “li tabbanduna r-rabta diretta mal-ippjanar tat-territorju urban u rurali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (15). Huwa mmotiva d-deċiżjoni tiegħu bil-fatt li anki d-deċiżjonijiet strateġiċi li ma humiex immedjatament identifikabbli fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom fuq l-ippjanar tat-territorju urban u rurali jista’ jkollhom effetti ftit jew wisq qawwija fuq l-ambjent. Sussegwentement għal dan, il-Parlament adottata, fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu, l-emenda 17 li fiha rrinunzja għaż-żieda “fis-settur tal-ippjanar tat-territorju urban u rurali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (16). Sa mill‑proposta emendata tal‑Kummissjoni tal‑1999, din iż‑żieda ma kinitx iktar preżenti (17).
40. Madankollu, il-Kummissjoni sostniet li l-miżura għandha tkun marbuta ma’ sit wieħed. L-Artikolu 2(a) tal-proposta emendata kien jeżiġi li l-pjanijiet u l-programmi jiddefinixxu l-kuntest ta’ proġetti futuri billi jirreferu għal-lokalizzazzjoni u, fost l-oħrajn, għan-natura, għad-daqs jew għall-kundizzjonijiet għall-operat ta’ dan il-proġett (18).
41. Fl-aħħar nett, il-Pożizzjoni komuni tal-Kunsill għamlet distinzjoni bejn id-definizzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni skont il-verżjoni finalment adottata, irrinunzjat, fid-definizzjoni, għall-kriterju tar-riferiment għal-lokalizzazzjoni u semmiet l-“ippjanar tat-territorju urban u rurali jew tal-użu tal-artijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fil-kamp ta’ applikazzjoni bħala wieħed mis-setturi possibbli li fihom jistgħu jitfasslu pjanijiet u programmi (19).
42. Ir-raba’ nett, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju tal-Belġju, ir-rekwiżit ta’ leġiżlazzjoni dwar l-ippjanar tat-territorju urban u rurali lanqas ma jista’ jiġi dedott mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
43. Sa fejn, fil-kawża Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kklassifikatx l-att inkwistjoni dwar id-devjazzjoni ta’ xmara bħala “pjan jew programm”, dan ma kienx dovut għan-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni dwar l-ippjanar tat-territorju urban u rurali. Ċertament, fl-espożizzjoni tal-motivi tagħha, hija indikat li l-att la kien jistabbilixxi l-kriterji u l-modalitajiet tal-operat tas-sit u lanqas ir-regoli u l-proċeduri ta’ kontroll applikabbli għall-implimentazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar (20). Il-Qorti tal-Ġustizzja rriproduċiet din il-formulazzjoni mis-sentenza Inter-Environnement Bruxelles et iċċitata fiha. Ir-riferiment li jsir għall-kriterji u għall-modalitajiet tal-użu tat-territorju huwa spjegat biss mill-fatt li l-att kkontestat kien effettivament tfassal fis-settur tal-ippjanar tat-territorju urban u rurali, kif jirriżulta mingħajr dubju mill-punti preċedenti (21). Fir-rigward tal-motivi tal-kawża Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et, dak li huwa għalhekk determinanti ma huwiex l-assenza ta’ kundizzjonijiet għall-użu tal-art, iżda pjuttost l-assenza ta’ kriterji ta’ kontroll, jiġifieri l-fatt li l-att inkwistjoni ma stabbilixxiex qafas għal proġetti futuri.
44. Huwa minnu li fil-kawża D’Oultremont et, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-pjanijiet u l-programmi għandhom ikopru ċertu territorju (22). Madankollu, kien biżżejjed li l-miżura tapplika għall-qasam kollu tal-kompetenza tal-korp li adottaha (23).
45. Fl-aħħar nett, fil-kawżi magħquda Terre wallonne ASBL u Inter-Environnement Wallonie ASBL, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà inkludiet fil-kombinazzjoni ta’ kunċetti ta’ “pjanijiet u programmi” att li jirregola l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tan-nitroġenu (24). Lanqas dan l-att ma kien jipprevedi regoli speċifiċi dwar l-ippjanar tat-territorju urban u rurali.
46. Il-ħames nett, lanqas l-oġġezzjoni li din l-interpretazzjoni tal-kombinazzjoni ta’ kunċetti ta’ “pjanijiet u programmi” testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-evalwazzjoni ambjentali strateġika ma tista’ tintlaqa’. Fil-fatt, hemm lok li jiġu inklużi l-atti kollha li jirregolaw l-operat tal-installazzjonijiet (25).
47. Huwa ċertament minnu li l-fehma sostnuta hawnhekk ma tistax tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-evalwazzjoni ambjentali strateġika f’dan ir-rigward. Madankollu, il-klassifikazzjoni ta’ att bħala pjan jew programm fis-sens tad-Direttiva EAS għadha ma toħloqx obbligu li ssir evalwazzjoni ambjentali strateġika. Għall-kuntrarju, huwa biss l-Artikolu 3 tad-Direttiva EAS li jiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom dan huwa neċessarju. Il-kriterji stabbiliti fih jillimitaw b’mod xieraq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-evalwazzjoni ambjentali strateġika (26).
b) Dimensjoni ta’ ppjanar u programmatika fil-ġurisprudenza
48. Mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja użat il-kunċett ta’ dimensjoni programmatika jew ta’ ppjanar fil-ġurisprudenza tagħha ma jistax jiġi dedott li huwa meħtieġ li jkunu ssodisfatti ċerti rekwiżiti sabiex atti jitqiesu li huma “pjanijiet jew programmi”.
49. Il-Qorti tal-Ġustizzja użat dan il-kunċett għall-ewwel darba fil-kawża Inter-Environnement Bruxelles et, fejn hija enfasizzat li l-att ikkontestat kien fih regoli ġenerali, kellu ċertu livell ta’ natura astratta u kellu l-għan ta’ trasformazzjoni ta’ viċinat. Dan kien jixhed id-dimensjoni programmatika jew ta’ ppjanar tal-att u ma kienx jipprekludi l-inklużjoni tiegħu fil-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” (27). Minn dan jista’ jiġi dedott, minn qari superfiċjali, li l-kombinazzjoni ta’ kunċetti ta’ “pjanijiet u programmi” timplika dawn l-elementi.
50. Madankollu, fuq qari iktar mill-qrib, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettux li wieħed jasal għal din il-konklużjoni.
51. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja introduċiet dan ir-raġunament bil-kliem “barra minn hekk”. Għaldaqstant, dan ir-raġunament sar biss b’mod sussidjarju. Għaldaqstant, it-tifsira tiegħu tidher biss fid-dawl tal-argument veru tagħha li n-natura ġeneralment vinkolanti ta’ att ma tipprekludix li dan jaqa’ taħt il-kombinazzjoni ta’ kunċetti ta’ “pjanijiet u programmi” (28). Fil-fatt, kuntrarjament għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus (29), id-Direttiva EAS ma tagħmilx distinzjoni bejn il-“pjanijiet u programmi”, il-“politiki” u d-“dispożizzjonijiet legalment vinkolanti ta’ applikazzjoni ġenerali”. Permezz ta’ dan l-argument, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-oġġezzjoni tar-Renju tal-Belġju li, minħabba n-natura ġeneralment vinkolanti tiegħu, l-att inkwistjoni ma kienx pjan jew programm fis-sens tad-Direttiva EAS.
52. B’hekk, meta ddeċidiet dwar dimensjoni programmatika jew ta’ ppjanar u dwar l-imsemmija ċirkustanzi (leġiżlazzjoni ġenerali, livell ta’ natura astratta u ppjanar tat-territorju), il-Qorti tal-Ġustizzja ma introduċietx kundizzjoni supplimentari għal pjan jew programm.
3. Il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva EAS
53. Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva EAS, “huma biss” il-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li huma suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali strateġika. Skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS, evalwazzjoni ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha li jissodisfaw żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, il-pjanijiet u l-programmi għandhom jitħejjew għal wieħed mis-setturi elenkati u, it-tieni nett, għandhom jiddefinixxu l-kuntest li fih l-implimentazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva SEA tista’ tiġi awtorizzata fil-futur.
54. Kuntrarjament għad-dubji tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) (30), id-digriet ikkontestat tfassal f’wieħed mis-setturi elenkati (ara f’dan ir-rigward taħt il-punt a). Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) għandu jeżamina jekk id-digriet jistabbilixxix ukoll qafas għal permessi futuri. Il-fattur determinanti f’dan ir-rigward huwa jekk id-digriet jipprevedix, għall-awtorità li toħroġ il-permess, kriterji u modalitajiet vinkolanti li jistgħu jipproduċu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (ara f’dan ir-rigward taħt il-punt b).
a) Żvilupp f’settur elenkat
55. Fost is-setturi li fihom jistgħu jitfasslu l-pjanijiet u l-programmi, elenkati fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS, is-setturi tat-“trasport” u tal-“ippjanar tat-territorju urban u rurali jew tal-użu tal-artijiet” huma rilevanti fil-kawża ineżami
56. Qabelxejn, għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kunċett ta’ “elaborazzjoni f’settur” fis-sens li huwa biżżejjed li l-pjan jew il-programm “jikkonċerna” dan is-settur (31). Madankollu, la fid-Direttiva EAS u lanqas fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hemm definizzjoni tad-diversi setturi.
57. Fuq din il-bażi, il-kundizzjonijiet għall-operat tal-parkeġġi jikkonċernaw is-settur ta’ “trasport”. Sfortunatament, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ma jesponix ir-raġunijiet għad-dubji tiegħu dwar l-effett fuq dan is-settur. Fi kwalunkwe każ, dawn ma humiex evidenti għalija. Għall-kuntrarju, huwa probabbli ħafna li l-kundizzjonijiet għall-operat tal-parkeġġi jikkonċernaw is-settur tat-trasport sa fejn jirregolaw id-disinn u l-użu ta’ infrastruttura tat-trasport.
58. Ċertament, il-ġurisprudenza ma tinkludix spjegazzjonijiet ġenerali dwar x’għandu jinftiehem bis-settur tat-“trasport”. Madankollu, fl-unika kawża rilevanti sa issa, Bund Naturschutz in Bayern, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq interpretazzjoni wiesgħa ta’ dan is-settur. Mingħajr ġustifikazzjoni oħra, hija kkunsidrat li s-settur tat-“trasport” kien ukoll ikkonċernat meta dispożizzjoni kienet tirregola l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni għas-sewqan jew għall-ipparkjar ta’ vetturi bil-mutur barra mill-ispazju pubbliku tat-toroq fiż-żona ta’ protezzjoni tal-pajsaġġ (32).
59. Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha tinkludi l-ipparkjar ta’ vetturi bil-mutur fl-ispazju mhux pubbliku fis-settur tat-“trasport”, l-istess għandu japplika wkoll għall-parkeġġi li l-operat tagħhom huwa suġġett għal regoli partikolari. Fil-fatt, fl-assenza ta’ parkeġġi, it-trasport individwali ta’ persuni huwa prattikament inkonċepibbli. Bħala infrastruttura neċessarja, il-parkeġġi għandhom għalhekk jiġu inklużi fis-settur tat-“trasport”.
60. Il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet għall-operat ta’ parkeġġi jikkonċernawx ukoll is-settur tal-“ippjanar tat-territorju urban u rurali jew tal-użu tal-artijiet” tiddependi mit-tfassil speċifiku tal-kundizzjonijiet għall-operat.
61. Id-dubji tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) dwar jekk is-settur tal-“ippjanar tat-territorju urban u rurali jew tal-użu tal-artijiet” huwiex affettwat jidhru li jirriżultaw għalhekk mill-fatt li l-kostruzzjoni ta’ parkeġġi, minbarra permess ambjentali li jimplika l-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-operat, teħtieġ barra minn hekk permess ta’ żvilupp urban, li jimplika l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-ippjanar tat-territorju urban u rurali. Skont l-indikazzjonijiet u l-fehma tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), ir-regoli tal-ippjanar tat-territorju urban u rurali jiddefinixxu l-kuntest tal-permess ta’ żvilupp urban għall-kostruzzjoni ta’ parkeġġ u għalhekk kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali strateġika (33).
62. Madankollu, l-eżistenza ta’ qafas legali fis-settur tal-ippjanar tat-territorju urban u rurali ma teskludix li regoli oħra li jistabbilixxu rekwiżiti vinkolanti għall-proġett jeħtieġu evalwazzjoni ambjentali strateġika. Dak li huwa importanti huwa jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS. Jekk ma jkunx hekk, l-Istati Membri ikunu jistgħu jevitaw l-obbligu li jwettqu evalwazzjoni ambjentali strateġika għal pjanijiet jew programmi billi jadottaw rekwiżiti f’atti differenti, li att wieħed minnhom biss ikun suġġett għal evalwazzjoni ambjentali strateġika (34).
63. Fir-rigward ukoll tal-interpretazzjoni tal-kombinazzjoni ta’ kunċetti tal-“ippjanar tat-territorju urban u rurali jew l-użu tal-artijiet”, din timplika, kif isostni il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), dispożizzjoni li għandha effett fuq l-użu ta’ sit.
64. Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja tassumi li s-settur ma jinkludix biss il-klassifikazzjoni tal-artijiet f’żoni u d-determinazzjoni tal-użi li huma awtorizzati fihom, iżda li huwa mfassal b’mod iktar wiesa’, peress li jirreferi kemm għall-ippjanar tat-territorju urban u rurali kif ukoll għall-użu tal-artijiet (35). Madankollu, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja ma għandux jinftiehem fis-sens li ma huwiex neċessarju li jkun hemm effett fuq l-użu ta’ żona. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tqabbel ma’ xulxin iż-żewġ kunċetti ta’ “ppjanar tat-territorju urban u rurali” u ta’ “użu tal-artijiet”. F’dan ir-rigward, hija tispjega b’mod konvinċenti li, minbarra l-ippjanar tal-livell ta’ użu konkret (użu tal-art), il-livell ta’ ppjanar superjuri, bħall-ġestjoni tal-iżvilupp territorjali jew il-protezzjoni tan-natura u tar-riżorsi (ippjanar tat-territorju urban u rurali), huwa kopert ukoll mill-kombinazzjoni ta’ kunċetti. Konsegwentement, fil-ġurisprudenza tagħha li rrikorriet għal din l-interpretazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat biss fis-settur tal-“ippjanar tat-territorju urban u rurali jew tal-użu tal-art” atti li kellhom effett fuq l-użu ta’ żona (36). Minn dan tassew ma jistax jiġi dedott li tali effett huwa strettament neċessarju; madankollu, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jeskludix tali rekwiżit.
65. Ix-xogħol preparatorju tad-Direttiva EAS jissuġġerixxi wkoll li l-kombinazzjoni ta’ kunċetti tal-“ippjanar tat-territorju urban u rurali jew l-użu tal-artijiet” jimplika dispożizzjoni li għandha effett fuq l-użu ta’ żona. Il-proposta tal-Kummissjoni kienet tindika espressament fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tagħha li “l-pjanijiet u l-programmi fis-settur tal-ippjanar tat-territorju urban u rurali jiddeterminaw l-użu tal-art” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (37). Ċertament, matul il-proċedura leġiżlattiva, il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva EAS għas-settur tal-ippjanar tat-territorju urban u rurali ġiet abbandunata. Madankollu, ma jidhirx li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea fl-istess ħin ried jabbanduna din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ppjanar tat-territorju urban u rurali.
66. Jekk wieħed jibbaża ruħu fuq din l-interpretazzjoni tas-settur tal-“ippjanar tat-territorju urban u rurali jew użu tal-artijiet”, ma jistax jiġi eskluż li dan is-settur ikun affettwat minn att li jistabbilixxi esklużivament kundizzjonijiet għall-operat ta’ parkeġġi, mingħajr ma jiġu previsti regoli dwar il-kostruzzjoni ta’ dawn il-parkeġġi jew dwar in-numru massimu tagħhom. Il-kwistjoni dwar jekk tali att għandux effett fuq l-użu ta’ żona għandha tiġi eżaminata mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat).
b) Qafas għall-awtorizzazzjoni futura tal-proġetti suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent
67. Il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet għall-operat ta’ parkeġġi għandhomx ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali tiddependi għalhekk essenzjalment minn jekk dawn jimponux fuq l-awtorità li toħroġ il-permess kriterji u modalitajiet vinkolanti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.
68. Fil-fatt, skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS, il-pjanijiet jew il-programmi kkonċernati għandhom jiddefinixxu wkoll il-kuntest li fih l-implimentazzjoni tal-proġetti tista’ tiġi awtorizzata fil-futur u dawn il-proġetti għandhom jagħmlu parti mill-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva SEA.
69. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar regolarment li l-kunċett (38) ta’ “pjanijiet u programmi” jirreferi għal kull att li, billi jiddefinixxi regoli u proċeduri ta’ kontroll applikabbli għas-settur ikkonċernat, jistabbilixxi ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-għoti tal-permess u għall-implimentazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (39).
70. Din l-interpretazzjoni hija intiża, minn naħa, sabiex tiżgura li l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti minn qabel (“kriterji u modalitajiet għall-għoti ta’ permess”) isiru biss wara evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent (40). Għalhekk, dak li huwa deċiżiv huwa jekk il-pjan jew il-programm jistabbilixxux – b’mod vinkolanti għall-awtorità li toħroġ il-permess – speċifikazzjonijiet stabbiliti minn qabel għad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ permess sussegwenti.
71. Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni hija intiża wkoll sabiex jiġi evitat, fis-sens ta’ regola de minimis (“ġabra sinjifikattiva”), li sempliċi ffissar iżolat ta’ kriterji jew ta’ modalitajiet individwali li jkunu irrilevanti fuq l-effetti ambjentali jirrendi neċessarju evalwazzjoni ambjentali. Il-kwistjoni determinanti dwar jekk il-kriterji u l-modalitajiet stabbiliti jaqbżux il-limitu ta’ ġabra sinjifikattiva għandha tiġi riżolta permezz ta’ evalwazzjoni kwalitattiva (41). Għalhekk huwa importanti li jiġi stabbilit jekk il-kriterji u l-modalitajiet stabbiliti jistax ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (42).
72. Għad-determinazzjoni tas-sinjifikat tal-effetti fuq l-ambjent, jista’ jsir riferiment għall-kriterji – mhux eżawrjenti – stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva EAS. Huwa għalhekk li anki l-Qorti tal-Ġustizzja – mingħajr ma rreferiet espressament għall-ewwel inċiż tal-punt 1 tal-Anness II – diġà indikat li l-kriterji u l-modalitajiet jistgħu jirrigwardaw b’mod partikolari l-lokalizzazzjoni, in-natura, id-daqs u l-kundizzjonijiet għall-operat tal-proġetti jew l-allokazzjoni ta’ riżorsi marbuta magħhom (43).
73. Kif tagħti x’tifhem it-talba għal deċiżjoni preliminari, b’mod partikolari, ir-regoli dwar id-dawl artifiċjali u l-faċilitajiet ta’ infiltrazzjoni ta’ parkeġġi mhux koperti, kif ukoll ir-rekwiżiti dwar il-punti tal-iċċarġjar u l-ispazji għall-parkeġġ tar-roti, jista’ jkollhom effett fuq l-ambjent. Madankollu, huwa l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) li għandu jivverifika jekk, minħabba dan il-fatt jew permezz ta’ kontenut ieħor tad-digriet ikkontestat, il-kriterji ta’ qafas ta’ permessi futuri (definizzjoni obbligatorja ta’ sett sinjifikattiv ta’ kriterji) humiex issodisfatti. B’mod partikolari, huwa għandu jeżamina jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni lokali fi Brussell, dawn ir-regoli jistgħux ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.
74. L-osservazzjonijiet li għamel fit-talba għal deċiżjoni preliminari dwar in-natura vinkolanti tal-kundizzjonijiet għall-operat jitolbu wkoll il-kumment li ġej: skont il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), il-kundizzjonijiet għall-operat jipprevedu l-possibbiltà għall-awtorità li toħroġ il-permess li tidderoga minn ċerti dispożizzjonijiet. Kif ġustament jirrikonoxxi l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), il-possibbiltà ta’ deroga tirrelativizza n-natura obbligatorja tal-kundizzjonijiet għall-operat. Għalhekk, dak li huwa determinanti huwa li jsir magħruf għal liema dispożizzjonijiet il-kundizzjonijiet għall-operat jipprevedu tali possibbiltà. Fil-fatt, anki jekk il-possibbiltajiet ta’ deroga previsti jikkonċernaw preċiżament il-kriterji u l-modalitajiet li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, in-natura vinkolanti għall-awtorità li toħroġ il-permess tista’ preċiżament tkun nieqsa għalihom.
4. Konklużjoni intermedja
75. Konsegwentement, l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS għandhom jiġu interpretati fis-sens li miżura nazzjonali li tistabbilixxi esklużivament il-kundizzjonijiet għall-operat ta’ parkeġġi, mingħajr ma tipprevedi regoli dwar il-lokalizzazzjoni tagħhom jew in-numru massimu tagħhom, għandha tiġi kklassifikata bħala pjan jew programm fis-settur tat-trasport. Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk tali pjan jew programm għandhomx ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali tiddependi minn jekk dawn jimponux, fuq l-awtorità li toħroġ il-permess, kriterji u modalitajiet obbligatorji li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.
B. Fuq it-tieni domanda
76. Permezz tat-tieni domanda, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi jekk qorti nazzjonali tistax tapplika dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tippermettilha żżomm fis-seħħ, għal perijodu limitat, l-effetti ta’ att annullat li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-operat tal-parkeġġi f’reġjun partikolari, sabiex l-awtorità reġjonali tkun tista’ twettaq evalwazzjoni ambjentali a posteriori ta’ dawn il-kundizzjonijiet għall-operat qabel ma tadotta, jekk ikun il-każ, dan l-att mill-ġdid.
77. Ċertament, att adottat bi ksur tad-Direttiva EAS għandu, bħala prinċipju, jiġi sospiż jew irrevokat (ara, f’dan ir-rigward, taħt il-punt 1). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta, b’mod eċċezzjonali, taħt ċerti kundizzjonijiet, li l-qrati nazzjonali jżommu fis-seħħ l-effetti ta’ tali atti (ara, f’dan ir-rigward, taħt il-punt 2). Finalment, għandhom isiru xi rimarki dwar l-applikazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet (ara, f’dan ir-rigward, taħt il-punt 3).
1. Obbligu fundamentali li l-att jiġi sospiż jew irrevokat
78. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda preliminari, għandu jitfakkar, qabelxejn, li d-Direttiva EAS ma tinkludix dispożizzjonijiet dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn ksur tar-regoli proċedurali li hija tistabbilixxi (44).
79. Madankollu, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri huma obbligati jħassru l-konsegwenzi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni (45). Il-korpi nazzjonali kompetenti, inklużi l-qrati nazzjonali aditi b’rikors kontra att tad-dritt intern adottat bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, huma għalhekk obbligati li jieħdu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, il-miżuri kollha neċessarji sabiex jirrimedjaw l-ommissjoni ta’ evalwazzjoni ambjentali (46).
80. Il-qorti nazzjonali għandha għalhekk, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, tissospendi jew tannulla pjanijiet jew programmi adottati bi ksur tal-obbligu li ssir evalwazzjoni ambjentali (47).
2. Żamma fis-seħħ eċċezzjonali tal-effetti tal-att
81. Peress li s-sospensjoni jew ir-revoka ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni jista’ jkollha konsegwenzi sfavorevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju.
82. Wara li stabbilixxiet, inizjalment, erba’ kundizzjonijiet għal dan l-għan (48), hija naqsithom – ġustament – għall-elementi essenzjali tagħhom fis-sentenza A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele): din iż-żamma fis-seħħ għandha tkun neċessarja sabiex tiggarantixxi interess imperattiv, f’dan il-każ it-tkomplija tal-implimentazzjoni ta’ att tad-dritt tal-Unjoni intiż sabiex jipproteġi l-ambjent (49) jew sabiex jipprevjeni ħsara sinjifikattiva għall-provvista tal-enerġija tal-Istat Membru (50). Konsegwentement, hija ma għandhiex iddum iktar milli jkun neċessarju sabiex jiġi rrimedjat id-difett proċedurali bl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni permezz ta’ evalwazzjoni ambjentali mwettqa a posteriori (51).
83. It-talba tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) titlob li jiġi osservat li, fil-kawża A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele), il-Qorti tal-Ġustizzja ma bbażatx ir-raġunament tagħha li kien hemm interess imperattiv li jinżammu t-turbini eoliċi fuq il-portata tal-iżvantaġġi ambjentali, iżda fuq l-impatt tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ att tad-dritt tal-Unjoni fuq il-protezzjoni tal-ambjent (52). Għalhekk, meta jeżisti l-obbligu ta’ traspożizzjoni ta’ att tad-dritt tal-Unjoni intiż għall-protezzjoni tal-ambjent u l-Istat Membru jkun kiser id-dispożizzjonijiet proċedurali tad-Direttiva EAS waqt it-traspożizzjoni tiegħu, l-effetti tal-att ta’ traspożizzjoni jistgħu jinżammu jekk, altrimenti, jirriżulta defiċit ta’ traspożizzjoni.
84. It-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) hija bbażata fuq il-formulazzjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi preċedenti Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne u Association France Nature Environnement. F’dawk il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet għadha tassumi li l-lakuna ġuridika kienet, f’dak ir-rigward, iktar detrimentali għall-ambjent, peress li l-annullament kien iwassal għal livell iktar baxx ta’ protezzjoni ambjentali u b’hekk kien imur kontra l-għan fundamentali tad-direttiva li għandha tiġi trasposta (53).
85. Il-Qorti tal-Ġustizzja ġustament ma rriproduċietx din il-formulazzjoni fil-kawża A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele). Fil-fatt, il-kriterju tad-defiċit ta’ traspożizzjoni huwa ħafna iktar ċar mill-kwistjoni dwar jekk l-annullament imurx kontra l-għan fundamentali tal-att tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, tali kriterju jipprovdi iktar ċertezza legali u jiffaċilita wkoll l-applikazzjoni tal-liġi mill-qrati nazzjonali.
86. Konsegwentement, anki żvantaġġi ambjentali limitati, anki jekk ikunu sempliċement minimi u ġeografikament u materjalment limitati, jistgħu jkunu biżżejjed sabiex jinżammu l-effetti ta’ att nazzjonali.
3. Kummenti dwar l-applikazzjoni tal-kriterji
87. Huwa l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) li għandu jivverifika jekk il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti fil-kawża ineżami. F’dan ir-rigward, għandhom isiru l-osservazzjonijiet li ġejjin.
88. Skont il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), l-att ikkontestat jittrasponi parzjalment l-emendi għad-Direttiva dwar il-bini. Fuq din il-bażi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi jekk huwiex kuntrarju għall-għan fundamentali ta’ din il-leġiżlazzjoni li t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-bini ma tibqax żgurata għal ftit xhur fis-settur tal-operat tal-parkeġġ fir-Reġjun ta’ Brussell Kapitali (54). Jidher li, mill-fatt li l-att ikkontestat huwa intiż parzjalment sabiex jittrasponi l-emendi magħmula lid-Direttiva dwar il-bini, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jiddeduċi impliċitament li hemm miżura ta’ traspożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent.
89. Din l-ipoteżi tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) hija wisq ġenerali.
90. Qabelxejn, għandu jiġi nnotat li l-emendi għad-Direttiva dwar il-bini jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent. L-istess bħad-Direttiva dwar il-bini nnifisha, dawn ċertament ma humiex ibbażati fuq il-kompetenza ambjentali, jiġifieri l-Artikolu 192 TFUE, iżda fuq il-kompetenza enerġetika tal-Unjoni skont l-Artikolu 194 TFUE. Madankollu, skont il-premessa 3 tad-Direttiva dwar il-bini, din hija intiża wkoll għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u, għaldaqstant, għall-protezzjoni tal-ambjent u, skont il-premessa 1 tagħha, l-emendi għad-Direttiva dwar il-bini jikkondividu dan l-għan (55).
91. Madankollu, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ser ikollu jeżamina jekk id-dispożizzjonijiet li biħsiebu jżomm fis-seħħ l-effetti tagħhom jittrasponux l-emendi għad-Direttiva dwar il-bini. Huwa biss f’dan ir-rigward li tqum il-kwistjoni, imqajma mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), dwar jekk it-tħassir tat-traspożizzjoni tal-emendi għad-Direttiva dwar il-bini jmurx kontriha.
92. Sa fejn wieħed jista’ jara, huma biss id-dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ punti tal-iċċarġjar li jservu biex jittrasponu l-emendi għad-Direttiva dwar il-bini.
93. Barra minn hekk, jidher diġà dubjuż li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ikkunsidra li annullament eventwali tal-kundizzjonijiet għall-operat joħloq neċessarjament lakuna ġuridika (56). F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat jekk prattika ta’ awtorizzazzjoni bħal dik li kienet teżisti qabel l-adozzjoni tal-kundizzjonijiet għall-operat tippermettix li jiġi evitat li titfaċċa lakuna ġuridika waqt it-traspożizzjoni. Fil-fatt, skont l-espożizzjoni tar-Renju tal-Belġju u d-diskussjonijiet, esposti fit-talba għal deċiżjoni preliminari, li saru waqt l-adozzjoni tal-att inkwistjoni, l-awtoritajiet kompetenti kienu jordnaw, qabel l-adozzjoni ta’ dan l-att, il-kundizzjonijiet għall-operat li huma stabbiliti fih f’kull permess (każ b’każ) (57). Din il-prattika tista’ terġa’ tintuża, tal-inqas temporanjament, għal permessi futuri.
4. Konklużjoni intermedja
94. Għalhekk, meta jkun neċessarju li tiġi żgurata t-tkomplija tat-traspożizzjoni ta’ att tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent, qorti nazzjonali tista’ tapplika dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tawtorizzaha żżomm fis-seħħ, għal perijodu limitat ta’ żmien, l-effetti ta’ att adottat bi ksur tar-regoli proċedurali previsti mid-Direttiva EAS. Hija tista’ tagħmel dan biss għall-perijodu ta’ żmien li jkun neċessarju sabiex l-awtorità kompetenti twettaq evalwazzjoni ambjentali tal-att qabel ma tadottah, jekk ikun il-każ, mill-ġdid.
V. Konklużjoni
95. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari kif ġej:
“1) L-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent għandhom jiġu interpretati fis-sens li miżura nazzjonali li tistabbilixxi esklużivament il-kundizzjonijiet għall-operat ta’ parkeġġi, mingħajr ma tipprevedi regoli dwar il-lokalizzazzjoni tagħhom jew in-numru massimu tagħhom, għandha tiġi kklassifikata bħala pjan jew programm fis-settur tat-trasport. Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk tali pjan jew programm għandhomx ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali tiddependi minn jekk dawn jimponux, fuq l-awtorità li toħroġ il-permess, kriterji u modalitajiet obbligatorji li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.
2) Meta jkun neċessarju li tiġi żgurata t-tkomplija tat-traspożizzjoni ta’ att tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent, qorti nazzjonali tista’ tapplika dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tawtorizzaha żżomm fis-seħħ, għal perijodu limitat ta’ żmien, l-effetti ta’ att adottat bi ksur tar-regoli proċedurali previsti mid-Direttiva 2001/42. Hija tista’ tagħmel dan biss għall-perijodu ta’ żmien li jkun neċessarju sabiex l-awtorità kompetenti twettaq evalwazzjoni ambjentali tal-att qabel ma tadottah, jekk ikun il-każ, mill-ġdid.”
1 Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 “Qis mitt darba u aqta’ darba”, Das Lied von der Glocke, Friedrich Schiller.
3 Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).
4 Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2012, L 18, p. 7, u fil-ĠU 2015, L 174, p. 44), emendata l-aħħar bid-Direttiva 2014/52/UE (ĠU 2014, L 124, p. 1).
5 Arrêté du Gouvernement de la Région de Bruxelles-Capitale du 25 février 2021 fixant des conditions générales et spécifiques d’exploitation applicables aux parking (id-Digriet tal-Gvern tar-Reġjun ta’ Brussell Kapitali tal‑25 ta’ Frar 2021 li Jistabbilixxi l-Kundizzjonijiet Ġenerali u Speċifiċi għall-Operat Applikabbli għall-Parkeġġi), Moniteur belge tat‑3 ta’ Marzu 2021, p. 18655.
6 Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU 2018, L 156, p. 75, rettifika fil-ĠU 2021, L 195, p. 9).
7 Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU 2010, L 153, p. 13).
8 Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102).
9 Sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 52); tat‑12 ta’ Ġunju 2019, CFE (C‑43/18, EU:C:2019:483, punt 54); tat‑12 ta’ Ġunju 2019, Terre wallonne (C‑321/18, EU:C:2019:484, punt 34); tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Thybaut et (C‑160/17, EU:C:2018:401, punt 43); u tat‑22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 31).
10 Talba għal deċiżjoni preliminari, p. 30.
11 Ara l-konklużjonijiet preċedenti tiegħi fil-kawża D’Oultremont et (C‑290/15, EU:C:2016:561, punt 28) u fil-kawżi magħquda Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:120, punt 38).
12 Talba għal deċiżjoni preliminari, p. 21; osservazzjonijiet tar-Renju tal-Belġju, punti 21 u 23.
13 Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent tal‑4 ta’ Diċembru 1996 (COM(96) 511 final, p. 17.)
14 Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, (COM(96) 511 final, p. 2.)
15 Opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi, Monetarji u l-Politika Industrijali dwar ir-rapport dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent tal‑25 ta’ Ġunju 1998 (A4/1998/245).
16 Riżoluzzjoni leġiżlattiva li tagħti opinjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, tal‑20 ta’ Ottubru 1998 (ĠU 1998, C 341, p. 22).
17 Proposta emendata għal direttiva tal-Kunsill dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (COM(1999) 73 final) tat‑22 ta’ Frar 1999 (ĠU 1999, C 83, p. 15 u 16).
18 Proposta emendata għal direttiva tal-Kunsill dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (COM(1999) 73 final) tat‑22 ta’ Frar 1999 (ĠU 1999, C 83, p. 15 u 16).
19 Pożizzjoni komuni tal-Kunsill tat‑30 ta’ Marzu 2000 bl-għan li tiġi adottata d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (5685/1/00 REV 1, p. 7 u 8).
20 Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C‑43/10, EU:C:2012:560, punt 95).
21 Sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2012:159, punti 28 u 29).
22 Sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et (C‑290/15, EU:C:2016:816, punt 45).
23 Sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et (C‑290/15, EU:C:2016:816, punt 46).
24 Sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:355, punti 41 u 42).
25 Talba għal deċiżjoni preliminari, p. 19; osservazzjonijiet tar-Renju tal-Belġju, punti 43 u 44.
26 Din it-teknika regolatorja tirriżulta mid-distinzjoni bejn id-definizzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva. Kemm l-abbozz inizjali kif ukoll l-abbozz emendat tal-Kummissjoni jiddefinixxu t-tnejn li huma l-“pjanijiet u programmi” billi jużaw il-kundizzjonijiet li, fil-verżjoni fis-seħħ tagħhom, jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva EAS. Ara r-riferimenti fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 10 u 14.
27 Sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑671/16, EU:C:2018:403, punt 60); kif ukoll is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 61).
28 Sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑671/16, EU:C:2012:403, punt 60); kif ukoll is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele)(C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 61).
29 Il-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2005, L 124, p. 4), konkluża permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 17).
30 Talba għal deċiżjoni preliminari, p. 36 u 37.
31 Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Bund Naturschutz in Bayern (C‑300/20, EU:C:2022:102, punt 49) b’riferiment għas-sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 66), u tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et (C‑290/15, EU:C:2016:816, punt 44).
32 Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Bund Naturschutz in Bayern (C‑300/20, EU:C:2022:102, punt 53).
33 Talba għal deċiżjoni preliminari, p. 36 u 37.
34 Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑671/16, EU:C:2012:403, punt 55), u tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et (C‑290/15, EU:C:2016:816, punt 48), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Inter-Environnement Bruxelles et (C‑671/16, EU:C:2018:39, punt 25) u fil-kawża D’Oultremont et (C‑290/15, EU:C:2016:561, punt 55).
35 Sentenzi tat‑22 ta’ Frar 2022, Bund Naturschutz in Bayern (C‑300/20, EU:C:2022:102, punt 50), u tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑671/16, EU:C:2018:403, punt 43) u Thybaut et (C 160/17, EU:C:2018:401, punt 48).
36 Il-kawża Inter-Environnement Bruxelles et kienet tikkonċerna regolament reġjonali dwar l-iżvilupp urban; il-kawża Thybaut kienet tikkonċerna żona urbana ta’ rikompożizzjoni; il-kawża Bund Naturschutz in Bayern kienet tikkonċerna d-definizzjoni ta’ żona ta’ protezzjoni tal-pajsaġġ.
37 Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent tal‑4 ta’ Diċembru 1996 (COM(96) 511 final, p. 2). Ara wkoll il-pjanijiet u l-programmi elenkati mill-Kummissjoni fil-paġna 3 biex turi l-kamp ta’ applikazzjoni.
38 Il-formulazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija kemxejn sfortunata sa fejn, sa mis-sentenza D’Oultremont et, hija tirreferi għall-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”. Kif jirriżulta mill-kuntest tal-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-realtà jispeċifika l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni f’“kuntest għall-għoti ta’ permessi futuri ta’ proġetti”.
39 Sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2023, An Bord Pleanála et (Is-sit ta’ St Teresa’s Gardens) (C‑9/22, EU:C:2023:176, punt 38); tat‑22 ta’ Frar 2022, Bund Naturschutz in Bayern (C‑300/20, EU:C:2022:102, punt 60); u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 67).
40 Sentenzi tat‑22 ta’ Frar 2022, Bund Naturschutz in Bayern (C‑300/20, EU:C:2022:102, punt 61), u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 68).
41 Sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2019, Associazione “Verdi Ambiente e Società - Aps Onlus” et (C‑305/18, EU:C:2019:384, punt 51); tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑671/16, EU:C:2018:403, punt 55); u tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Thybaut et (C‑160/17, EU:C:2018:401, punt 55); ara l-konklużjonijiet preċedenti tiegħi fil-kawża Inter-Environnement Bruxelles et (C‑671/16, EU:C:2018:39, punt 26).
42 Sentenzi tat‑22 ta’ Frar 2022, Bund Naturschutz in Bayern (C‑300/20, EU:C:2022:102, punt 61), u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 68).
43 Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Bund Naturschutz in Bayern (C‑300/20, EU:C:2022:102, punt 62).
44 Sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 82), u tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 42).
45 Sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 83), u tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 43).
46 Sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 83), u tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punti 44 u 45).
47 Sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 83), u tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 46).
48 Sentenzi tat‑28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement (C‑379/15, EU:C:2016:603, punt 43), u tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 63).
49 Sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 90).
50 Sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 92).
51 Sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 94).
52 Sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 90).
53 Sentenzi tat‑28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement (C‑379/15, EU:C:2016:603, punt 41), u tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 61).
54 Talba għal deċiżjoni preliminari, p. 42.
55 B’mod simili s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 91).
56 Talba għal deċiżjoni preliminari, p. 42.
57 Talba għal deċiżjoni preliminari, p. 20, osservazzjonijiet tar-Renju tal-Belġju, punti 37 sa 39.