IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.2.2019
COM(2019) 116 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL
Dwar l-applikazzjoni tal-arranġamenti speċjali dwar it-taxxa AIEM applikabbli fil-Gżejjer Kanarji
(ippreżentat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 377/2014/UE tat-12 ta' Ġunju 2014)
WERREJ
A.
Sfond
2
B.
Sommarju
3
C.
Analiżi
3
1.
Tkabbir ekonomiku – varjabbli tal-attività u tal-impjieg
…3
2.
Proposta ta’ aġġustamenti tekniċi
5
3.
L-iżvantaġġi li jifdal jiġġustifikaw l-applikazzjoni kontinwata tal-arranġamenti speċjali li jikkonċernaw l-AIEM
5
D. Konklużjonijiet ……………………………………………………………………………………………………………………………………6
A.Sfond
L-AIEM (“Arbitrio sobre las Importaciones y Entregas de Mercancías en las islas Canarias”) hija taxxa imposta fuq prodotti importati jew miksuba fil-Gżejjer Kanarji. Minħabba l-ħafna ostakli li l-Gżejjer Kanarji jiffaċċjaw, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 377/2014/UE tat-12 ta’ Ġunju 2014 dwar it-taxxa AIEM applikabbli fil-Gżejjer Kanarji tipprevedi arranġamenti fiskali speċjali. B’mod partikolari, tawtorizza lir-Renju ta’ Spanja biex jeżenta, jew inaqqas parzjalment mit-taxxa AIEM, ċerti prodotti magħmula fil-Gżejjer Kanarji li huma elenkati fl-anness ta’ din id-Deċiżjoni. Din l-awtorizzazzjoni tapplika mill-1 ta’ Lulju 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020. Id-differenza fit-tassazzjoni bejn prodotti intaxxati fuq bażi regolari u dawk li għalihom tapplika eżenzjoni jew japplika tnaqqis parzjali ma tistax tkun ogħla minn 5 %, 10 %, 15 % jew 25 %, skont il-prodott.
Dik id-Deċiżjoni ssostitwiet id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/546/KE tal-20 ta’ Ġunju 2002, li hija bbażata fuq l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonferixxi l-istatus ta’ reġjun ultraperiferiku tal-UE lill-Gżejjer Kanarji. Dan l-artikolu jirrikonoxxi l-limiti permanenti li r-reġjuni ultraperiferiċi jiffaċċjaw - it-tbegħid, l-insularità, id-daqs żgħir, it-topografija u l-klima diffiċli, u d-dipendenza ekonomika fuq ftit prodotti – u jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi mfassla apposta għal dawn ir-reġjuni. Ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-adozzjoni tal-arranġamenti speċjali huma l-problemi li l-Gżejjer Kanarji jiffaċċjaw, minħabba l-iżolament u l-frammentazzjoni tas-suq lokali tagħhom. Dan jikkawża diversi diffikultajiet, prinċipalment relatati ma’ spejjeż tal-produzzjoni ogħla (trasport, enerġija, forniment ta’ materja prima, trattament tal-iskart, eċċ.) u mad-diversifikazzjoni baxxa tal-ekonomija, li tkun aktar dgħajfa u aktar suxxettibbli għal bidliet negattivi mis-swieq Ewropej u dawk globali.
Fi kliem ieħor, il-miżuri speċjali ġew introdotti biex itaffu l-iżvantaġġi li l-Gżejjer Kanarji jiffaċċjaw, u b’hekk l-ekonomija tal-Gżejjer tkun tista’ tiżviluppa. Il-miżuri huma mmirati b’mod speċjali lejn it-tisħiħ tal-industrija domestika billi tittejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tagħha, li hija żvantaġġata minħabba l-pożizzjonament, l-istruttura u d-daqs tas-suq.
L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 377/2014/UE jitlob li sat-30 ta’ Settembru 2017,l-awtoritajiet Spanjoli jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-arranġamenti li jikkonċernaw it-taxxa AIEM. L-iskop tar-rapport huwa li jivvaluta l-impatt tal-miżuri meħuda u l-kontribut tagħhom għall-promozzjoni jew għaż-żamma tal-attivitajiet ekonomiċi lokali, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżvantaġġi li jaffettwaw lill-Gżejjer Kanarji. F’Ottubru 2017, Spanja ppreżentat rapport interim lill-Kummissjoni (l-Anness 1). Traduzzjoni tar-Rapport, bl-Ingliż, hija annessa wkoll (l-Anness 2). Il-Kummissjoni kienet qed twettaq analiżi addizzjonali u kellu jkollha skambji addizzjonali mal-awtoritajiet Spanjoli matul l-2018 sabiex tiffinalizza l-valutazzjoni.
Barra minn hekk, l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 377/2014/UE jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Kunsill li jinkludi analiżi tal-aspetti ekonomiċi u soċjali tal-applikazzjoni ta’ dawk l-arranġamenti speċjali li jikkonċernaw it-taxxa AIEM u, fejn xieraq, proposta għall-adattament tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni.
B.Sommarju
L-iskop ta’ dan ir-rapport huwa li jeżamina l-impatt tal-miżuri meħuda taħt id-Deċiżjoni, għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2014 sa tmiem l-2016, u li jiġi vvalutat il-kontribut tagħhom għall-promozzjoni jew għaż-żamma tal-attivitajiet ekonomiċi lokali. L-ostakli li jħabbtu wiċċhom magħhom il-Gżejjer Kanarji huma kkunsidrati b’mod xieraq.
B'mod ġenerali, jidher li bejn l-2014 u l-2016, il-miżuri stabbiliti kkontribwew għall-irkupru ekonomiku tar-reġjun ultraperiferiku kkonċernat. Hemm xejriet pożittivi viżibbli ġġenerati mill-eżenzjonijiet mill-AIEM, bħat-tkabbir fil-Prodott Domestiku Gross (PDG) u ż-żieda pożittiva fl-għadd ta’ kumpaniji u impjiegi li nħolqu. Fl-istess perjodu, żdied l-introjtu mit-taxxa AIEM. L-importazzjonijiet ta’ prodotti soġġetti għall-AIEM żdiedu wkoll bejn l-2014 u l-2016. It-tqabbil tal-prodotti lokali, li bbenefikaw u li għadhom jibbenefikaw mill-miżuri speċjali inkwistjoni, ma’ prodotti importati kumparabbli suġġetti għall-AIEM, ma żvelax effetti negattivi li jistgħu jitkejlu għall-prodotti importati fil-kategoriji tal-prodotti kkonċernati.
C.Analiżi
Din l-analiżi hija bbażata fuq id-data pprovduta mill-awtoritajiet Spanjoli fir-rapport interim tagħhom għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2014 sa tmiem l-2016, ippreżentat lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni. Ir-rapport jiddeskrivi diversi fatturi, inklużi bidliet li seħħew wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni fl-2014.
1.Tkabbir ekonomiku – varjabbli tal-attività u tal-impjieg
Matul il-perjodu analizzat, meta kienu applikabbli arranġamenti speċjali għat-taxxa AIEM, ġew osservati ħafna xejriet pożittivi. Jingħata għadd ta’ eżempji bħala evidenza tal-impatt tal-miżuri relatati mal-AIEM u l-kontribut tagħhom għaż-żamma jew l-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi domestiċi. Madankollu, huwa ċar li l-attività industrijali hija influwenzata minn ħafna fatturi, bħall-kuntest ekonomiku, il-qafas ta’ taxxi oħra u spejjeż li jaffettwaw l-operazzjonijiet, kif ukoll il-kundizzjonijiet dejjem jinbidlu fis-suq u s-sistemi ta’ distribuzzjoni. Għalhekk, l-iżolament tal-impatti diretti tal-AIEM fuq l-attività industrijali fil-Gżejjer Kanarji huwa eżerċizzju kumpless.
F’termini ġenerali, l-ambjent ekonomiku mill-2014 ’l hawn esperjenza perjodu ta’ tkabbir globali stabbli madwar id-dinja u rkupru ekonomiku, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew. Mill-2014 ’il quddiem, l-ekonomija tal-Gżejjer Kanarji bdiet tirkupra u kompliet tespandi sal-lum, bit-tkabbir reali tal-PDG aċċelerat biex jilħaq 3.5 % fl-2016. Din ir-rata taqbeż lil dik ta’ Spanja, tal-UE-28 u l-medja dinjija għall-istess sena. Barra minn hekk, l-għadd ta’ intrapriżi fis-setturi tal-manifattura, tal-estrazzjoni u tal-barrieri li jibbenefikaw mill-AIEM (“industrija tal-AIEM” li tirrappreżenta 67.3 % tal-ammont totali tal-intrapriżi) żdied bejn l-2014 u l-2016, filwaqt li l-intrapriżi li ma jibbenefikawx mill-AIEM (“industrija mhux tal-AIEM”) naqsu bejn l-2014 u l-2016. F’termini kwantitattivi, fl-2015 kien hemm 14-il intrapriża iktar fl-industrija AIEM minn kemm kien hemm fis-sena preċedenti, u fl-2016 kien hemm 41 intrapriża ġdida iktar.
Rigward l-impjieg fl-industrija AIEM, id-data pprovduta fir-Rapport turi tkabbir annwali suċċessiv fl-impjegati rreġistrati matul il-perjodu 2014-2016. F’termini kwantitattivi, l-għadd ta’ impjiegi fl-industrija AIEM kien żdied minn 20 050 rreġistrati fl-2013 għal 21 541 fl-2016. L-uniċi setturi li raw tnaqqis kienu dawn li ġejjin: Estrazzjoni u barrieri oħra, Manifattura ta’ xarbiet, Manifattura ta’ prodotti tat-tabakk, Manifattura ta’ polpa, karta u prodotti tal-karta, u fl-aħħar nett Manifattura ta’ prodotti tal-lastku u tal-plastik. Analiżi intrasettorjali tiżvela l-piż relattiv sinifikanti tal-impjieg tal-Manifattura ta’ prodotti alimentari fi ħdan l-industrija tal-AIEM ġenerali. Din hija segwita mill-Manifattura ta’ prodotti tal-metall, għajr makkinarju u tagħmir, u l-Manifattura ta’ xorb.
Meta wieħed janalizza s-setturi differenti, id-data Spanjola turi li s-settur tas-servizzi, li jirrappreżenta l-akbar sehem mill-ekonomija tal-Gżejjer Kanarji, kellu prestazzjoni favorevoli mill-2014 ’il quddiem. It-turiżmu, li jikkontribwixxi għal kważi 32 % tal-PDG reġjonali, irkupra bil-qawwa f’dawn l-aħħar snin u, wara tnaqqis żgħir fl-2015, saħansitra kiseb ċifri rekord fl-2016, bl-assistenza ta’ kuntest ta’ inċertezza politika f’bosta pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq u tal-Lvant Nofsani u l-Mediterran. Id-dinamiżmu tas-settur turistiku għadu jippersisti sal-lum; dan irriżulta f’żieda fis-sehem tiegħu f’termini tal-kontribut għall-Valur Miżjud Gross u għall-impjieg fl-ekonomija globali tal-Gżejjer Kanarji. Nistgħu nassumu li l-miżuri tal-AIEM għall-promozzjoni tal-attivitajiet lokali kellhom effett pożittiv, fis-sens li l-intrapriżi lokali huma lesti biex joffru servizz ta’ kwalità aħjar, li jiggarantixxi tkabbir sostnut tat-turiżmu f’dan ir-reġjun. Ir-Rapport juri li l-intrapriżi lokali kienu u għadhom qed jikkonsolidaw it-tnedija ta’ sistemi ta’ ġestjoni tal-kwalità biex jiżguraw li l-prodotti u s-servizzi li joffru jissodisfaw standards li jiżirgħu l-fiduċja fil-konsumaturi. Dan jirrifletti l-impenn tal-intrapriżi domestiċi għall-effiċjenza tal-produzzjoni u għall-kompetittività. Ix-xejra tgħodd b’mod speċjali għal intrapriżi li joperaw fis-settur tal-ikel u tal-imballaġġ, li aktar minn 41.9 % minnhom għandhom ċertifikazzjoni esterna tas-sikurezza alimentari u 9.3 % oħra kienu fil-proċess li jiksbuha fl-2017.
Ir-rati medji applikati għall-importazzjonijiet ta’ prodotti soġġetti għall-AIEM, għajr il-prodotti tat-tabakk, huma bejn wieħed u ieħor 7 % (7.1 % fl-2016). Dan jindika li r-rati medji fil-perjodu l-ġdid li matulu l-AIEM hija fis-seħħ huma, b'mod ġenerali, simili għar-rati medji tal-perjodu preċedenti (7.2 %), u għalhekk ma hemmx bidla fil-piż imposta minn din it-tariffa.
Analiżi ulterjuri skont is-setturi u l-importazzjonijiet ta’ prodotti soġġetti għall-AIEM tiżvela li l-maġġoranza tal-industriji raw żidiet fl-importazzjonijiet wara l-2014, għajr tliet setturi. L-importazzjonijiet ta’ Prodotti kimiċi naqsu b’mod kostanti bejn l-2014 u l-2016; Il-materjal tal-bini naqas b’mod sinifikanti fl-2015 u reġa’ żdied fl-2016, minkejja li baqa’ f’livelli aktar baxxi minn dawk tal-2014; u l-Manifattura ta’ prodotti alimentari varjat ’l isfel fl-2015 qabel reġgħet żdiedet fl-2016. B'mod ġenerali, l-importazzjonijiet ta’ prodotti soġġetti għall-AIEM żdiedu bejn l-2014 u l-2016, minkejja tnaqqis fir-ritmu fl-2015.
Għalhekk, l-evidenza ppreżentata sa issa tindika li d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2014 tissodisfa l-iskop tagħha. Madankollu, is-sitwazzjoni għan-negozji li joperaw fis-suq lokali tibqa’ żvantaġġata, u għad hemm ħtieġa għal din il-miżura speċifika u mmirata. Dan l-aspett se jiġi analizzat fis-Sottotaqsima 3.
2.Proposta ta’ aġġustamenti tekniċi
Fir-rapport ta’ nofs it-terminu, l-awtoritajiet Spanjoli semmew għadd limitat ta’ modifiki għar-rati tat-taxxa u l-kodiċijiet tat-tariffi, fir-rigward tal-prodotti tal-AIEM speċifikati fl-Anness.
Biex ikunu jistgħu jiġu riżolti problemi li jirriżultaw minn modifiki fil-klassifikazzjoni tat-tariffi tal-prodotti, Spanja titlob l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ħafif li jippermetti aġġornament relattivament faċli tal-lista ta’ prodotti li għalihom huwa permess differenzjar fit-taxxa.
L-emendi neċessarji għal-listi tar-rati tat-taxxa u l-kodiċijiet tat-tariffi, kif ukoll mekkaniżmu ħafif biex jemendahom, jistgħu jitqiesu fi stadju aktar tard matul it-tiġdid tad-Deċiżjoni.
3. L-iżvantaġġi li jifdal jiġġustifikaw l-applikazzjoni kontinwata tal-arranġamenti speċjali li jikkonċernaw l-AIEM
Il-Gżejjer Kanarji għadhom ibatu minn sensiela ta’ żvantaġġi severi. Għal din ir-raġuni, l-industrija lokali tagħhom għadha vulnerabbli ħafna u teħtieġ miżuri biex jiġi ssalvagwardjat settur li huwa strateġiku ħafna, li jiġġenera l-ġid u l-istabbiltà, u li għandu l-kapaċità li jiżgura l-forniment ta’ prodotti lis-suq f’każ ta’ problemi bil-forniment estern. F’dan ir-rigward, skont ir-Rapport, għadhom jippersistu l-limiti strutturali indikati fil-premessi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill.
Hemm ċerti ostakli permanenti tal-Gżejjer Kanarji li jfixklu l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun: l-iżolament ġeografiku, il-frammentazzjoni u d-daqs żgħir tas-suq. Dawk iċ-ċirkustanzi jaffettwaw ħafna aspetti importanti relatati mal-iżvilupp ekonomiku taż-żona.
Wieħed mill-ostakli fl-ekonomija tal-Gżejjer Kanarji għadu speċjalizzat sew fis-servizzi (aktar minn 85 % tal-GVA), ċifra ferm ogħla mill-medja nazzjonali fi Spanja (74 % tal-GVA). Fi ħdan dan is-settur, l-attività predominanti fl-arċipelagu għadha t-turiżmu. Il-kontribut tiegħu għall-PDG, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm l-effetti diretti kif ukoll dawk indiretti, żdied għal aktar minn 34 %, meta mqabbel ma’ medja nazzjonali ta’ kemmxejn aktar minn 11 %. L-għadd ta’ impjiegi relatati direttament jew indirettament mat-turiżmu fil-Gżejjer Kanarji huwa ekwivalenti għal madwar 40 % tat-total, meta mqabbel ma’ medja nazzjonali ta’ 13 %.
Barra minn hekk, trid tiġi kkunsidrata l-limitazzjoni tal-mezzi ta’ trasport tal-Gżejjer Kanarji li tillimita l-moviment tal-merkanzija, b’mod partikolari bejn il-gżejjer (bl-ajru jew bil-baħar biss). Skont ir-Rapport, l-ispejjeż tat-trasport bejn il-gżejjer għadhom għoljin meta mqabbla mat-trasport tal-merkanzija bejn il-gżejjer u l-kontinent. Dak il-limitu huwa saħansitra akbar fir-rigward ta’ rotot għall-gżejjer li mhumiex id-domiċilju ta’ kapitali provinċjali, billi l-ispejjeż tat-trasport tagħhom huma ogħla minn dawk ta’ bejn gżejjer b’kapitali provinċjali. L-ispiża tat-trasport tal-merkanzija bejn il-gżejjer kapitali u l-gżejjer mhux kapitali tista’ tkun ogħla mill-ispiża tat-trasport tal-merkanzija bejn il-Gżejjer Kanarji u Spanja kontinentali. Dan iseħħ ukoll fl-ispiża tal-forniment ta’ materja prima li għaliha, b'mod ġenerali u b’xi eċċezzjonijiet fuq ċerti rotot, l-ispiża tal-forniment hija akbar minn dik tat-trasport tal-prodotti barra mill-gżejjer. Restrizzjoni bħal din twassal għal effiċjenza aktar baxxa u għal spiża tal-produzzjoni ogħla fir-Reġjun.
L-intrapriżi tal-Gżejjer Kanarji jġarrbu spejjeż ambjentali għoljin. B’riżultat tad-disponibbiltà relattivament aktar limitata tar-riżorsi tal-ilma, in-negozji fil-Gżejjer Kanarji jġarrbu kost unitarju tal-ilma li huwa ferm ogħla mill-medja għal Spanja fl-intier tagħha. Barra minn hekk, ir-rimi tal-iskart industrijali u t-trattament tal-iskart tossiku għadhom jirriżultaw fi spejjeż ambjentali għoljin fil-Gżejjer Kanarji. Għad ma hemmx impjanti għar-riċiklaġġ, għajr għal ċerti prodotti (li jinkludu l-ġestjoni ta’ skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku), u l-iskart xorta waħda għadu jrid jiġi ttrasportat lejn il-kontinent u l-iskart tossiku xorta waħda jrid jiġi ttrattat barra mill-Gżejjer Kanarji. Skont id-data tal-2017 ipprovduta fir-Rapport, il-kostijiet unitarji tad-diversi forom ta’ skart huma ogħla fil-Gżejjer Kanarji milli fi Spanja kontinentali, u d-differenza ġeneralment hija ta’ aktar minn 50 %. Barra minn hekk, f’xi każijiet bħal dawk ta’ batteriji alkalini, ħardwer tal-kompjuter u tagħmir elettroniku u ħama, l-ispejjeż tal-ġestjoni huma aktar minn 20 darba ogħla fil-Gżejjer Kanarji milli fi Spanja kontinentali. Dawn l-ispejjeż ogħla mġarrba mill-intrapriżi tal-Gżejjer Kanarji, imqabbla mal-kompetituri tagħhom fil-kontinent Ewropew, li jistgħu jużaw materja prima rriċiklata, jirriżultaw f’telf fil-kompetittività għall-industrija fil-Gżejjer Kanarji.
D. Konklużjonijiet
Il-miżuri speċjali introdotti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 377/2014/UE tat-12 ta’ Ġunju 2014 għandhom effetti pożittivi fuq l-ambjent ekonomiku u soċjali tal-Gżejjer. Il-miżuri tal-AIEM applikati fil-Gżejjer Kanarji huma neċessarji u proporzjonali għall-objettivi stabbiliti mid-Deċiżjoni. L-iżvantaġġi li jaffettwaw lill-arċipelagu (b'mod partikolari t-tbegħid, id-daqs żgħir u l-frammentazzjoni tas-suq lokali) għadhom preżenti u jirriżultaw fi spejjeż addizzjonali, li ma hemmx tpaċija eċċessiva għalihom bl-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet permessi għal prodotti speċifikati tal-AIEM.
Minkejja t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku dovut għall-kriżi finanzjarja, jidher li l-ekonomija domestika bdiet tirkupra mill-2014, bis-saħħa tal-effetti pożittivi tal-miżuri tal-AIEM ukoll. Madankollu, minħabba l-iżvantaġġi relatati mas-sitwazzjoni speċifika tal-Gżejjer Kanarji, il-kontinwazzjoni ta’ dawn il-miżuri għadha ġġustifikata. B’mod partikolari, jidher li s-sitwazzjoni tagħhom għadha żvantaġġata f’ħafna modi, minkejja x-xejriet pożittivi.
Madankollu, id-data ppreżentata fir-rapport ta’ nofs it-terminu tal-Gżejjer Kanarji mhijiex biżżejjed biex issir analiżi sħiħa tal-aspetti ekonomiċi u soċjali, u b’hekk il-konklużjoni hija parzjalment ibbażata fuq id-dikjarazzjonijiet tar-rapport, li mhux dejjem jistgħu jiġu vverifikati.
Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda lment dwar xi impatt negattiv possibbli tal-miżuri tal-AIEM fuq il-funzjonament tas-Suq Intern. It-tnaqqis possibbli jew l-eliminazzjoni tal-protezzjoni mogħtija permezz tal-iskema tal-AIEM jistgħu jkunu ta’ detriment għall-industrija lokali, u b’mod ġenerali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Gżejjer Kanarji.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri tal-AIEM li attwalment jinsabu fis-seħħ, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 377/2014/UE tat-12 ta’ Ġunju 2014, għadhom iġġustifikati u proporzjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni temmen li ma hija meħtieġa ebda proposta biex jiġu emendati d-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Deċiżjoni.