European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1784

24.6.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/1784

tal-24 ta’ Ġunju 2024

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ attivitajiet li jdgħajfu l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-9 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 (1).

(2)

Fis-27 ta’ Novembru 2023, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni dwar is-sitwazzjoni reċenti fis-Sudan, li fiha l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha tennew il-kundanna qawwija tagħhom għall-ġlied kontinwu bejn il-Forzi Armati Sudaniżi (SAF — Sudanese Armed Forces) u l-Forzi ta’ Appoġġ Rapidu (RSF — Rapid Support Forces), u l-milizzji rispettivi affiljati magħhom. Id-dikjarazzjoni ddeplorat ukoll l-eskalazzjoni drammatika tal-vjolenza u l-ħsara irreparabbli għall-ħajja tan-nies f’Darfur u fil-pajjiż kollu, kif ukoll il-ksur tad-Dritt Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali.

(3)

Fit-22 ta’ Jannar 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/383 (2) li permezz tagħha adotta l-ewwel sett ta’ miżuri restrittivi kontra sitt entitajiet tal-SAF u l-RSF responsabbli għall-appoġġ ta’ attivitajiet li jimminaw l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan.

(4)

Fl-1 ta’ Marzu 2024, ir-Rappreżentant Għoli, flimkien mal-Kummissarju għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet, ikkundannaw bil-qawwa l-projbizzjoni reċenti mill-awtoritajiet de facto Sudaniżi fuq il-konsenja ta’ għajnuna umanitarja transfruntiera miċ-Chad lejn is-Sudan liċ-ċivili li qed ibatu minħabba kemm l-SAF kif ukoll l-RSF, li hija ksur flagranti tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali.

(5)

Minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni, jenħtieġ li jiġu inklużi sitt individwi fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/2135 tad-9 ta’ Ottubru 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ attivitajiet li jdgħajfu l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan (ĠU L, 2023/2135, 11.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2135/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/383 tat-22 ta’ Jannar 2024 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ attivitajiet li jdgħajfu l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan (ĠU L, 2024/383, 22.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/383/oj).


ANNESS

Fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135, taħt l-intestatura A. “Lista ta’ persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 2(1)”, jiżdiedu t-tabella u l-entrati li ġejjin:

 

“Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

Mirghani Idriss SULEIMAN

Nazzjonalità: Sudaniża

Sess: raġel

Funzjoni: Logutenent Ġeneral fl-SAF;

Direttur Ġenerali tad-Defence Industries System;

Kap tas-Sudanese Army Production Agency

Individwi assoċjati: Ġeneral Abdel fattah Al-Burhan, Kap Kmandant tal-SAF

Entitajiet assoċjati: Defense Industry System, SMT Engineering; SAF

Il-Logutenent Ġeneral Mirghani Idriss Suleiman huwa uffiċjal tal-SAF u d-Direttur Ġenerali tad-Defense Industry System (DIS), kumpanija sanzjonata mill-Unjoni Ewropea, talli pprovdiet appoġġ għal azzjonijiet u politiki li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tas-Sudan.

Id-DIS hija deskritta bħala l-akbar intrapriża tad-difiża tas-Sudan, li tiġġenera madwar USD 2 biljun fi dħul permezz ta’ mijiet ta’ sussidjarji f’diversi setturi tal-ekonomija tas-Sudan. Id-DIS timmanifattura firxa ta’ armi żgħar, armi konvenzjonali, munizzjon, u vetturi militari għall-SAF.

Bħala d-Direttur Ġenerali tad-DIS, Mirghani Idriss Suleiman ivvjaġġa b’mod estensiv flimkien mal-Ġeneral Abdel fattah Al-Burhan, Kap Kmandant tal-SAF, mill-bidu tal-gwerra, allegatament ,biex isaħħaħ il-kapaċitajiet tal-SAF fil-ġlieda kontra l-RSF fuq diversi fronti f’Khartoum, Darfur u Kordofan.

Għalhekk, Mirghani Idriss Suleiman jipprovdi appoġġ lill-azzjonijiet jew il-politiki tal-SAF li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tas-Sudan.

24.6.2024

2.

EL TAHIR Mohamed EL AWAD EL AMIN

magħruf ukoll bħala

EL TAHIR Mohamed

EL AWAD EL AMIN

AL-TAHER;

Mohammed AL-AWAD AL-AMIN

Nazzjonalità: Sudaniża

Sess: raġel

Funzjoni: Logutenent Ġeneral, Kmandant tas-Sudanese Air Force mill-1 ta’ Settembru 2022;

Eks Dekan tas-Sudanese Air Force College. Eks Kmandant tal-Khartoum Air Base

Individwi assoċjati: Ġeneral Abdel fattah Al-Burhan, Kmandant Suprem tal-SAF;

Logutenent Ġeneral Yasir Al-Atta, Assistent Kap Kmandant tal-SAF;

Ġeneral Mohamed Osman al-Hussein, Kap tal-Persunal tal-SAF Land Forces

Entitajiet assoċjati:SAF

El Tahir Mohamed El Awad El Amin ilu Logutenent Ġeneral fl-SAF u Kmandant tal-Forza tal-Ajru Sudaniża mill-1 ta’ Settembru 2022. Għalhekk huwa inkarigat mill-operazzjonijiet imwettqa mill-Forza tal-Ajru tal-SAF minn meta faqqa’ l-kunflitt bejn l-SAF, l-RSF u l-milizzji alleati tagħhom fil-15 ta’ April 2023, kif enfasizzat mill-parteċipazzjoni tiegħu f’laqgħat ta’ livell għoli żvelati pubblikament ta’ kmandanti għolja tal-SAF immexxija mill-Kap Kmandant Abdelfattah Al-Burhan fil-Kmand Ġenerali tal-SAF f’Khartoum f’Mejju u Lulju 2023.

EL Tahir Mohamed El Awad El Amin għalhekk għandu responsabbiltà diretta ta’ kmand fl-ibbumbardjar indiskriminat mill-ajru mwettaq mill-Forza tal-Ajru tal-SAF f’żoni residenzjali b’densità għolja ta’ popolazzjoni, b’mod partikolari f’Khartoum, Omdurman, Nyala (South Darfur) u f’Kordofan tat-Tramuntana, dokumentat mill-Missjoni Integrata ta’ Assistenza għat-Tranżizzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fis-Sudan (UNITAMS) fir-rapporti tagħha tal-31 ta’ Awwissu 2023 u tat-13 ta’ Novembru 2023 lis-Segretarju Ġenerali, mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rapport tiegħu tat-22 ta’ Frar 2024 u mill-Grupp ta’ Esperti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sudan fir-rapport tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2024.

EL Tahir Mohamed El Awad El Amin għalhekk kien involut direttament fit-tkomplija tal-kunflitt Sudaniż, li jhedded il-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tas-Sudan, u kien involut fl-ippjanar, it-tmexxija u t-twettiq ta’ operazzjonijiet tal-ajru li rriżultaw fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali billi kkawżaw għadd kbir ta’ vittmi ċivili, li wasslu għall-ispostament tal-popolazzjoni ċivili u għall-qerda ta’ infrastrutturi kritiċi, inkluż faċilitajiet mediċi bħall-East Nile Hospital f’Khartoum f’Mejju 2023 u l-Babiker Nahar Paediatric Hospital f’El-Fasher f’Mejju 2024.

24.6.2024

3.

Ali Ahmed KARTI MOHAMED

Data tat-twelid: 11.3.1953

Post tat-twelid: Hagar Elassal — Sudan

Nazzjonalità: Sudaniża

Sess: raġel

Funzjoni: Partitarju leali tan-National Congress Party;

Segretarju Ġenerali tas-Sudanese Islamist Movement;

Eks Ministru għall-Affarijiet Barranin tas-Sudan

Numru tal-ID: 11822483949

Entitajiet assoċjati:

Ministeru għall-Affarijiet Barranin tas-Sudan;

Sudanese Islamic Movement

Ali Ahmed Karti Mohamed kien il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tas-Sudan taħt il-Gvern ta’ Omar al-Bashir. Wara l-waqgħa tar-reġim ta’ al-Bashir, Ali Ahmed Karti Mohamed intgħażel bħala wieħed mill-mexxejja tas-Sudanese Islamist Movement (SIM) u mexxa l-isforzi biex iwaqqaf il-progress tas-Sudan lejn tranżizzjoni demokratika sħiħa, billi dgħajjef lill-eks gvern tranżizzjonali mmexxi miċ-ċivili u l-proċess tal-Ftehim Politiku Qafas. Dan ikkontribwixxa għall-kunflitt bejn l-SAF u l-RSF, li beda fil-15 ta’ April 2023.

Hu u l-Iżlamisti Sudaniżi estremisti l-oħra qed jostakolaw b’mod attiv l-isforzi biex jintlaħaq waqfien mill-ġlied biex jintemm il-kunflitt u qed jopponu l-isforzi ċivili biex tiġi restawrata t-tranżizzjoni demokratika tas-Sudan. Ali Ahmed Karti Mohamed huwa partitarju leali tan-National Congress Party (NCP), imwaqqaf minn Omar Al-Bashir fl-1998. L-NCP huwa l-organizzazzjoni li ħadet post in-National Islamic Front affiljat mal-Fratellanza Musulmana.

Ali Ahmed Karti Mohamed bħalissa huwa s-Segretarju Ġenerali tas-SIM, alleanza wiesgħa ta’ gruppi Iżlamisti, u huwa meqjus bħala l-persuna wara l-qawmien mill-ġdid tal-NCP. Il-moviment Iżlamiku għandu influwenza qawwija fuq l-SAF, il-pulizija u s-servizzi tal-intelligence.

Għalhekk, Ali Ahmed Karti Mohamed huwa involut, direttament jew indirettament, fl-għoti ta’ appoġġ għal azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tas-Sudan jew qed jibbenefika minnhom.

24.6.2024

4.

Abdulrahman JUMA BARAKALLAH

magħruf ukoll bħala:

Maġġur Ġeneral Abdulrahman Gomaa;

Abdul Rahman JUMA BARAKALLAH

Post tat-twelid: AlDaein- Abu Matareq, East Darfur, Sudan

Nazzjonalità: Sudaniża

Sess: raġel

Funzjoni: Maġġur Ġeneral tal-RSF u Kmandant tal-RSF ta’ West Darfur

Entitajiet assoċjati: RSF

Abdulrahman Juma Barakallah huwa Ġeneral prominenti fl-RSF, li jikkmanda l-forza militari tal-RSF f’West Darfur.

Huwa responsabbli għat-twettiq ta’ atroċitajiet u abbużi oħra, li wasslu għal qtil b’motivazzjoni etnika, attakki mmirati fuq attivisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, vjolenza sesswali relatata mal-kunflitt, u għas-sakkeġġ u l-ħruq tal-komunitajiet.

Huwa responsabbli wkoll għall-ħtif u l-qtil tal-Gvernatur ta’ West Darfur, Khamis Abbakar, u ħuh. Khamis Abbakar inqatel sigħat wara li akkuża lill-RSF u lill-milizzji alleati li attakkaw il-komunitajiet lokali f’Al Geneina, il-kapitali ta’ West Darfur, f’intervista mal-istazzjon televiżiv Sawdi, Al Hadath u l-istazzjon televiżiv tal-Emirati Al Arabiya.

Abdulrahman Juma Barakallah ġie akkużat ukoll minn Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi internazzjonali li kien responsabbli għall-ġenoċidju tal-komunità Masalit.

Għalhekk, Abdulrahman Juma Barakallah huwa responsabbli għall-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta’ atti f’West Darfur li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew abbużi jew ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, inkluż qtil u mmankar, stupru u forom serji oħra ta’ vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, ħtif u spostament furzat. Bħala Ġeneral tal-RSF f’West Darfur, huwa jinvolvi ruħu wkoll direttament jew indirettament f’azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tas-Sudan.

24.6.2024

5.

Mustafa Ibrahim ABDEL NABI MOHAMED

Nazzjonalità: Sudaniża

Sess: raġel

Funzjoni: Direttur ta’ al-Khaleej Bank; azzjonist maġġoritarju ta’ Shield Protective Solutions Co. Ltd. (Sudan); konsulent finanzjarju għall-mexxej tal-RSF

Numru tal-passaport: B CH 4930920

Individwi assoċjati: Musa Hamdan Dagalo Musa, ħu l-mexxej tal-RSF Mohamed Hamdan Dagalo

Entitajiet assoċjati: Al-Khaleej Bank; Shield Protective Solutions Co. Ltd. (Sudan)

Mustafa Ibrahim Abdel Nabi Mohamed huwa eks uffiċjal għoli tas-Sudanese Central Bank li sar il-konsulent finanzjarju tal-RSF, billi jgħinha timmaniġġa xibka ta’ kumpaniji u entitajiet li joperaw għall-interess tagħha.

Rapport ta’ Grupp ta’ Esperti tan-NU dwar is-sanzjonijiet fid-Darfurreċentement irrefera, għal eks uffiċjal għoli tas-Sudanese Central Bank li huwa bbażat f’Dubai u sar il-konsulent finanzjarju tal-RSF mingħajr ma ssemma’ l-isem tiegħu. Ir-rapport jispjega wkoll li al Khaleej Bank sar strumentali għall-finanzjament tal-RSF fl-2019 meta s-sjieda maġġoritarja tiegħu ġiet akkwistata minn individwi u entitajiet assoċjati mal-RSF.

Rapporti fil-media u minn gruppi ta’ riflessjoni identifikawh bħala Mustafa Ibrahim Abdel Nabi Mohamed. Huwa Direttur ta’ Al Khaleej Bank, bank Sudaniż.

Aktar minn 60 % tal-ishma ta’ Al Khaleej Bank huma miżmuma minn kumpaniji assoċjati mal-familja ta’ Mohammad Hamdan Dagalo (Hemedti), il-kap tal-RSF.

Mustafa Ibrahim Abdel Nabi Mohamed huwa wkoll l-azzjonist maġġoritarju ta’ Shield Protective Solutions Co. Ltd. L-azzjonist l-ieħor f’din il-kumpanija huwa wieħed mill-aħwa ta’ Hemedti, jiġifieri Musa Hamdan Dagalo Musa, u din il-kumpanija għandha aktar minn 14 % tal-parteċipazzjoni azzjonarja f’al Khaleej Bank.

Bħala konsulent finanzjarju għall-RSF u l-familja Dagalo, Mustafa Ibrahim Abdel Nabi Mohamed huwa involut direttament jew indirettament fl-għoti ta’ appoġġ għal azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tas-Sudan jew qed jibbenefika minnhom.

24.6.2024

6.

Masar Abdurahman ASEEL

magħruf ukoll bħala

Massar Abdelrahman ASSIL

Masar Abdelrahman ESEIL

Massar ASSEL

Masar ASIL

Sess: raġel

Funzjoni: Emir tal-klann tal-Mahamid f’West Darfur;

Membru tal-Amministrazzjoni Nattiva f’West Darfur

Masar Abdurahman Aseel huwa mexxej tribali prominenti tal-klann tal-Mahamid f’West Darfur. Il-klann tal-Mahamid jappartjeni għat-tribù Rizeigat li jiġbor il-komunitajiet Għarab li jgħixu fid-Darfur u ċ-Chad. Huwa għandu t-titolu ta’ Emir u huwa membru tal-Amministrazzjoni Nattiva f’West Darfur.

Masar Abdurahman Aseel iffaċilita l-attakki mmexxija mill-Forzi ta’ Appoġġ Rapidu (RSF) u l-milizzji alleati tagħhom kontra l-komunitajiet lokali li jgħixu f’El Geneina (West Darfur), speċjalment il-poplu Massalit, minn April 2023. B’mod partikolari, huwa kkontribwixxa direttament għar-reklutaġġ u l-armar tal-milizzji mill-RSF u għall-koordinazzjoni bejn dawn il-forzi, kif irrappurtat mill-15-il rapport finali tal-Grupp ta’ Esperti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sudan ippubblikat f’Jannar 2024, biex iwettqu l-attakki tagħhom immirati fuq bażi etnika, b’mod partikolari kontra l-komunitajiet Massalit, f’West Darfur bejn l-aħħar ta’ April u l-bidu ta’ Novembru 2023. Filmati ta’ propaganda li juru lil Masar Abdurahman Aseel ġew ippubblikati mill-RSF f’Marzu u f’April 2024, u wrew l-appoġġ bellikuż tiegħu għall-RSF u r-rwol tiegħu fil-ġbir tat-truppi wara l-RSF biex jingħaqdu fil-ġlieda tagħhom kontra l-SAF mill-15 ta’ April 2023.

Għalhekk, Masar Abdurahman Aseel involva ruħu direttament fl-għoti ta’ appoġġ għal azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tas-Sudan jew ibbenefika minnhom. Billi appoġġa l-ħtif ta’ West Darfur mill-RSF, Masar Abdurahman Aseel saħħaħ il-pożizzjoni u l-influwenza tiegħu fl-Amministrazzjoni Nattiva ta’ West Darfur, għad-detriment ta’ mexxejja oħra tal-komunità, b’mod partikolari dawk li jappartjenu għall-komunità Massalit, li kienu fil-mira tal-RSF u l-milizzji alleati tagħhom.

24.6.2024”


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1784/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)