|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1016 |
23.5.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1016
tas-16 ta’ Mejju 2025
li tagħti deroga lir-Renju ta’ Spanja minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ Melilla
(notifikata bid-dokument C(2025) 3175)
(It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 64 tiegħu,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 66 tagħha,
Billi:
1. PROĊEDURA U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAD-DEĊIŻJONI
|
(1) |
Fit-23 ta’ Novembru 2020, ir-Renju ta’ Spanja (“Spanja”) issottometta talba lill-Kummissjoni għal deroga (l-“Applikazzjoni”) għat-territorji mhux peniżolari tal-Gżejjer Kanarji, il-Gżejjer Baleariċi, Ceuta u Melilla (b’mod konġunt, “NPT”, non-peninsular territories) f’konformità mal-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2019/943 u l-Artikolu 66 tad-Direttiva (UE) 2019/944. |
|
(2) |
L-Applikazzjoni inizjalment talbet derogi mill-Artikolu 8 u mill-Artikolu 54 tad-Direttiva (UE) 2019/944 u mill-Artikoli 3, 6, 7(1), 8(1) u (4), 9, 10 u 11, mill-Artikoli 14 sa 17, mill-Artikoli 19 sa 27 u mill-Artikoli 35 sa 47 tar-Regolament (UE) 2019/943. Dik l-Applikazzjoni ma speċifikatx id-durata tad-deroga mitluba. |
|
(3) |
Fit-18 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ppubblikat l-Applikazzjoni fuq is-sit web tagħha u stiednet lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati biex jipprovdu kummenti sat-30 ta’ April 2021. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mingħand Spanja dwar it-talba għal deroga fis-17 ta’ Awwissu 2021 u fis-16 ta’ Diċembru 2021. Spanja wieġbet fl-4 ta’ Ottubru 2021 u fis-17 ta’ Jannar 2022. Fl-aħħar sottomissjoni, Spanja mmodifikat il-kamp ta’ applikazzjoni tat-talba tagħha għal deroga kif ġej:
|
|
(5) |
Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tkopri biss il-Belt Awtonoma ta’ Melilla, peress li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-talba għal deroga sottomessa minn Spanja dwar l-NPT tal-Gżejjer Kanarji ġiet adottata fit-8 ta’ Diċembru 2023 (3) u t-talbiet għal deroga sottomessi minn Spanja dwar l-NPT tal-Gżejjer Baleariċi u l-Belt Awtonoma ta’ Ceuta se jiġu indirizzati f’deċiżjonijiet separati. |
2. MELILLA
Is-sistema tal-elettriku u s-suq tal-elettriku f’Melilla
|
(6) |
Spanja tispjega li l-belt ta’ Melilla mhijiex konnessa mas-sistema tal-elettriku kontinentali ta’ Spanja. F’dan ir-rigward, Spanja ssostni li d-distanza sal-Peniżola Iberika tagħmel il-kost tal-interkonnessjoni għoli ħafna u teknikament diffiċli ħafna. Għalhekk, bħalissa ma hemm l-ebda pjan biex l-art kontinentali tiġi konnessa ma’ Melilla, kundizzjoni li Spanja tqis bħala prerekwiżit għall-integrazzjoni effettiva ta’ Melilla fis-suq tal-elettriku Iberiku. |
|
(7) |
Spanja ssostni li l-konsum annwali ta’ Melilla kien inqas minn 3 000 GWh fl-1996 (97,5 GWh). Skont Spanja, kważi d-domanda kollha f’Melilla hija koperta prinċipalment minn unitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija termoelettrika. Fl-2023, il-konsum annwali f’Melilla kien ta’ 202 GWh, li 97,5 % minnu huwa moqdi minn ġenerazzjoni bbażata fuq il-fjuwils fossili (l-aktar ġeneraturi tad-diżil), u 2,5 % minn ġenerazzjoni rinnovabbli (4). |
|
(8) |
F’dan il-kuntest, Spanja tispjega li r-rata aktar baxxa ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli fl-NPT, meta mqabbla mal-art kontinentali ta’ Spanja, hija prinċipalment dovuta għall-ispazju ġeografiku limitat disponibbli għall-kapaċità ta’ ġenerazzjoni ġdida, il-ħtiġijiet ogħla għall-ġenerazzjoni li jista’ jsir id-dispaċċ tagħha u d-disponibbiltà limitata tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija. |
|
(9) |
Spanja tinnota li l-NPTs, inkluża Melilla, huma kkaratterizzati mid-daqs żgħir tas-suq tagħhom, li jżommhom milli jiksbu l-benefiċċji tal-ekonomiji ta’ skala preżenti fis-sistema tal-elettriku kontinentali, u minn kostijiet ogħla tal-fjuwil. L-iżolament storiku tagħhom jirriżulta wkoll fi ħtieġa akbar għal kapaċità ta’ riżerva installata. |
|
(10) |
Skont Spanja, dawk l-ispeċifiċitajiet tas-suq jimplikaw kostijiet ogħla tal-produzzjoni tal-elettriku meta mqabbla mal-parti kontinentali u nuqqas ta’ attraenza għal impriżi ġodda biex jidħlu fis-suq. B’riżultat ta’ dan, ma ġiet żviluppata l-ebda kompetizzjoni effettiva f’Melilla. |
|
(11) |
Il-grupp Endesa (5) storikament kien jiġġenera kważi 100 % tal-enerġija prodotta f’Melilla. Dan għadu l-każ sal-lum. |
|
(12) |
Fid-dawl tal-problemi assoċjati man-nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva u kostijiet għoljin, u minkejja l-miżuri nazzjonali adottati biex jippromwovu l-kompetizzjoni u jintroduċu inċentivi ekonomiċi biex jinkoraġġixxu l-effiċjenza operazzjonali tal-installazzjonijiet u jnaqqsu l-kostijiet tal-ġenerazzjoni, Spanja ssostni li ma kienx possibbli li jiġi stabbilit mekkaniżmu tas-suq li huwa identiku għal dak fis-seħħ fuq l-art kontinentali. |
|
(13) |
Spanja tispjega wkoll li l-elettriku ġġenerat fl-NPT kollha, inkluża Melilla, huwa eskluż mis-sistema tal-offerti fis-suq kontinentali. Is-sistemi tal-elettriku tal-NPT jużaw mekkaniżmu ta’ preċedenza ekonomika għad-dispaċċ (6):
|
|
(14) |
Skont Spanja, dan il-mekkaniżmu jqis il-kostijiet għoljin tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-ispeċifiċitajiet tat-NPT u għandu l-għan li jiżgura li l-konsumaturi u l-fornituri f’dawk it-territorji ma jkunux esposti għall-kost ogħla tal-produzzjoni tal-elettriku fl-NPT meta mqabbel ma’ Spanja kontinentali, u dan huwa bbażat fuq prinċipji ta’ solidarjetà interreġjonali. |
|
(15) |
Spanja tispjega wkoll li l-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-NPT tikkostitwixxi sistema ta’ remunerazzjoni regolata minflok sistema ta’ remunerazzjoni tas-suq u tiġi applikata f’kundizzjonijiet fejn suq bl-ingrossa ma setax jiffunzjona u fejn il-kostijiet, għal raġunijiet ġeografiċi u territorjali, huma ogħla mill-kostijiet tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fi Spanja kontinentali. |
|
(16) |
Spanja tinnota li l-mekkaniżmu jiżgura li s-sistema tal-elettriku u l-baġit pubbliku jkopru l-kost żejjed li jirriżulta mid-differenza bejn il-kostijiet ogħla tal-ġenerazzjoni fl-NPT u l-prezz tal-elettriku ekwivalenti għal dak fl-art kontinentali, sabiex il-konsumaturi kollha jħallsu l-istess għall-elettriku, irrispettivament mis-sistema li jikkunsmawh fiha. |
|
(17) |
Skont Spanja, ir-regolamentazzjoni tal-attivitajiet tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-elettriku fl-NPT hija simili għal dik fi Spanja kontinentali. |
|
(18) |
Fir-rigward tas-suq bl-imnut, Spanja tispjega li l-klijenti finali fl-NPT għandhom id-dritt li jagħżlu l-fornitur tagħhom bl-istess termini bħall-klijenti finali fi Spanja kontinentali. Bl-istess mod, il-kunċett ta’ konsumaturi vulnerabbli huwa definit għal Spanja kollha u, b’mod ġenerali, il-provvista hija organizzata b’mod uniformi fil-pajjiż kollu. F’dan ir-rigward, Spanja tinnota li ma hemm l-ebda differenza bejn is-swieq tal-bejgħ bl-imnut kontinentali u mhux kontinentali. |
Ħarsa ġenerali lejn il-qafas legali għall-NPT
|
(19) |
Spanja tispjega li l-Liġi 24/2013 tistabbilixxi li l-provvista tal-elettriku fl-NPT hija soġġetta għal regolament speċifiku. Hija tistabbilixxi wkoll li din l-attività tista’ tirċievi remunerazzjoni addizzjonali biex tkopri d-differenza bejn il-kostijiet biex jiġi ġġenerat l-elettriku fl-NPT u d-dħul mill-bejgħ tal-elettriku f’dawn it-territorji. Il-Liġi 24/2013 tipprevedi l-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati biex sistema iżolata ma tibqax titqies bħala tali, jiġifieri li l-kapaċità tal-konnessjoni tal-NPT mal-art kontinentali tippermettilhom jidħlu fis-suq tal-produzzjoni kontinentali u li jkunu fis-seħħ mekkaniżmi tas-suq biex jintegraw l-elettriku tagħhom. |
|
(20) |
Spanja tinnota li l-Liġi 17/2013 tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali għall-garanzija tal-provvista u għaż-żieda fil-kompetizzjoni fis-sistemi tal-elettriku fl-NPT. (7) B’mod partikolari, l-Artikolu 5 tal-Liġi 17/2013 jipprevedi li l-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija idroelettrika ppumpjata li jinsabu fl-NPT u li l-finijiet prinċipali tagħhom huma li jiggarantixxu l-provvista, jiżguraw is-sigurtà tas-sistema u jintegraw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li ma jistax isir dispaċċ tagħhom, għandhom ikunu proprjetà tal-operatur tas-sistema. |
|
(21) |
Spanja tindika li d-Digriet Reġju 738/2015 jirregola fid-dettall l-attività tal-produzzjoni tal-elettriku u l-proċedura tad-dispaċċ fis-sistemi tal-elettriku fl-NPT, kif ukoll l-iskema tar-remunerazzjoni ta’ din l-attività. L-iskema tar-remunerazzjoni hija bbażata fuq żewġ komponenti tar-remunerazzjoni: wieħed għall-investiment li sar u għal kostijiet fissi oħra, u l-ieħor għall-kostijiet varjabbli mġarrba matul l-operazzjoni. L-objettiv ta’ din ir-remunerazzjoni huwa li tkopri l-kostijiet żejda tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-NPT. Id-Digriet Reġju 738/2015 jiddefinixxi l-kost żejjed bħala d-differenza bejn il-kostijiet kollha tal-ġenerazzjoni u l-prezz imħallas fid-dispaċċ tal-elettriku ġestit mill-operatur tas-sistema. |
|
(22) |
Barra minn hekk, id-Digriet Reġju 738/2015 jintroduċi proċedura kompetittiva għall-għażla ta’ kapaċità ġodda u ta’ kapaċità li għandha tiġi rinnovata. |
|
(23) |
Il-Kummissjoni tinnota, f’dan ir-rigward, li l-mekkaniżmu tar-remunerazzjoni stabbilit fid-Digriet Reġju 738/2015 irċieva approvazzjoni tal-għajnuna mill-Istat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha SA.42270 “Spanja – Il-produzzjoni tal-elettriku fit-territorji mhux peniżolari Spanjoli”. (8) |
3. ID-DEROGI MITLUBA FIR-RIGWARD TA’ MELILLA
|
(24) |
It-talba għal deroga sottomessa għal Melilla hija bbażata fuq il-kwalifika tagħha bħala sistema iżolata żgħira skont l-Artikolu 2(42) tad-Direttiva (UE) 2019/944. |
3.1. Deroga skont l-Artikolu 66 tad-Direttiva (UE) 2019/944
|
(25) |
Spanja titlob deroga mill-Artikolu 40(4) sa (7) u mill-Artikolu 54 tad-Direttiva (UE) 2019/944 fir-rigward tal-akkwist ta’ servizzi anċillari mill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni (“TSO”, transmission system operator) u l-projbizzjoni fuq operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni milli jkunu s-sidien ta’, jiżviluppaw, jamministraw jew joperaw faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija. |
Deroga skont l-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2019/943
|
(26) |
Spanja titlob deroga għal Melilla mid-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament (UE) 2019/943:
|
3.2. Durata tad-derogi mitluba
|
(27) |
Spanja tqis li l-integrazzjoni effettiva tal-NPT fis-suq tal-elettriku Iberiku tiddependi mill-eżistenza ta’ interkonnessjoni ma’ Spanja kontinentali. |
|
(28) |
Fir-rigward ta’ Melilla, Spanja titlob li d-derogi jiġu eżentati minn kwalunkwe limitu ta’ żmien. |
4. KUMMENTI LI WASLU TUL IL-PERJODU TA’ KONSULTAZZJONI
|
(29) |
Kif deskritt fil-premessa 3, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika matul Marzu u April 2021. |
|
(30) |
Il-kummenti kollha sottomessi bi tweġiba għall-konsultazzjoni pubblika kienu jikkonċernaw id-deroga mitluba minn Spanja mill-Artikolu 54 tad-Direttiva (UE) 2019/944 dwar is-sjieda, l-amministrazzjoni u l-operazzjoni tal-faċilitajiet tal-ħżin mit-TSO. |
|
(31) |
Ir-rispondenti għall-konsultazzjoni pubblika kienu kontra l-għoti ta’ tali deroga, peress li din tkun tilleġittimizza proġett li skontu r-Red Eléctrica de España S.A.U. (“REE”), it-TSO Spanjol, tħalla jiżviluppa l-Proġett ta’ Chira-Soria fil-Gżejjer Kanarji mingħajr proċedura tas-sejħa għall-offerti (“il-Proġett ta’ Chira-Soria”), (9) kif meħtieġ skont l-Artikolu 54 tad-Direttiva (UE) 2019/944. Ir-rispondenti nnotaw li l-fatt li d-deroga tkopri wkoll l-NPT l-oħra mhuwiex rilevanti minħabba li l-orografija tal-Gżejjer Baleariċi u d-daqs żgħir ta’ Ceuta u ta’ Melilla ma jippermettux il-ħżin tal-enerġija idroelettrika ppumpjata f’dawk it-territorji. (10) |
|
(32) |
Ir-rispondenti indikaw li s-sempliċi insularità mhijiex ġustifikazzjoni suffiċjenti biex issir deroga mir-rekwiżit tas-sejħa għall-offerti stabbilit fl-Artikolu 54 tad-Direttiva (UE) 2019/944, peress li l-partijiet privati jingħad li wrew interess fil-Proġett ta’ Chira-Soria. Huma sostnew li dan l-interess ma ġiex ikkunsidrat fid-dawl tal-Liġi 17/2013. |
|
(33) |
Ir-rispondenti enfasizzaw ukoll li l-awtorità regolatorja Spanjola, il-Comisión Nacional de Mercados y Competencia (CNMC), u l-Kunsill tal-Istat Spanjol esprimew tħassib dwar id-Digriet Reġju 738/2015 u r-rwol tal-REE fis-sjieda ta’ faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija idroelettrika ppumpjata filwaqt li, fl-istess ħin, hija l-entità li fuqha, l-ewwel nett, jiddependi l-proċess amministrattiv tal-awtorizzazzjoni tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija idroelettrika ppumpjata. |
|
(34) |
B’mod speċifiku, fir-rigward tal-Proġett ta’ Chira-Soria, ir-rispondenti qajmu wkoll argumenti li jallegaw li mhuwiex ekonomikament iġġustifikat li l-proġett ma jikkontribwix għall-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u li l-proġett iqajjem tħassib ambjentali u soċjali. (11) |
5. VALUTAZZJONI TAT-TALBA GĦAL DEROGA DWAR MELILLA
5.1. Sistema iżolata żgħira
|
(35) |
Skont l-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2019/943, tista’ tingħata deroga mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 3 u 6, tal-Artikolu 7(1), tal-Artikolu 8(1) u (4), tal-Artikoli 9 sa 11, tal-Artikoli 14 sa 17, tal-Artikoli 19 sa 27, tal-Artikoli 35 sa 47 u tal-Artikolu 51 ta’ dak ir-Regolament f’żewġ każijiet:
|
|
(36) |
F’konformità mal-Artikolu 66(1), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva (UE) 2019/944, tista’ tingħata deroga mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 7 u 8 u tal-Kapitoli IV, V u VI għal sistemi iżolati żgħar u għal sistemi konnessi żgħar, jekk l-Istat(i) Membru/i jista’/jistgħu juri/u li hemm problemi sostanzjali għall-operazzjoni ta’ dawk is-sistemi. L-Artikolu 66(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva (UE) 2019/944 jistabbilixxi li għar-reġjuni ultraperiferiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 349 tat-TFUE li ma jistgħux jiġu interkonnessi mas-swieq tal-elettriku tal-Unjoni, id-deroga trid tkun soġġetta għal kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jiżguraw li d-deroga ma tfixkilx it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli. |
|
(37) |
Kemm skont ir-Regolament (UE) 2019/943 kif ukoll skont id-Direttiva (UE) 2019/944, fil-każ ta’ sistemi iżolati żgħar, id-deroga trid tkun limitata fiż-żmien u soġġetta għal kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jżidu l-kompetizzjoni u l-integrazzjoni mas-suq intern għall-elettriku. Barra minn hekk, id-deroga trid tiżgura li la tostakola u lanqas tfixkel it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli, aktar flessibbiltà, il-ħżin tal-enerġija, l-elettromobbiltà u r-rispons għad-domanda. |
|
(38) |
L-Artikolu 2(42) tad-Direttiva (UE) 2019/944 jiddefinixxi “sistema iżolata żgħira” bħala “kwalunkwe sistema li kellha konsum ta’ inqas minn 3 000 GWh fis-sena 1996, fejn inqas minn 5 % tal-konsum annwali jinkiseb permezz ta’ interkonnessjoni ma’ sistemi oħra”. |
|
(39) |
Fis-sottomissjoni tagħha, Spanja tispjega li Melilla bħalissa ma hijiex konnessa ma’ Spanja kontinentali (il-premessa 6). Barra minn hekk, Spanja ssostni li l-konsum annwali ta’ Melilla kien jammonta għal inqas minn 3 000 GWh fl-1996 (il-premessa 7). |
|
(40) |
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn Spanja, u f’konformità mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.42270 “Spanja – Il-produzzjoni tal-elettriku fit-territorji mhux peniżolari Spanjoli”, il-belt ta’ Melilla tikkwalifika bħala sistema iżolata żgħira skont it-tifsira tal-Artikolu 2(42) tad-Direttiva (UE) 2019/944. |
5.2. Problemi sostanzjali għall-operazzjoni tas-sistema
5.2.1. It-tifsira ta’ “problemi sostanzjali għall-operazzjoni” tas-sistema
|
(41) |
It-terminu “problemi sostanzjali” msemmi fl-Artikolu 64(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2019/943 u l-Artikolu 66(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944 ma ġiex definit mil-leġiżlatur. Il-formulazzjoni miftuħa tippermetti lill-Kummissjoni tikkunsidra l-problemi potenzjali kollha relatati mas-sitwazzjoni partikolari ta’ sistemi żgħar, sakemm dawn ikunu sostanzjali u mhux biss marġinali. Tali problemi jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti skont il-partikolaritajiet ġeografiċi, il-produzzjoni u l-konsum tas-sistema inkwistjoni, iżda wkoll skont l-iżviluppi tekniċi (bħall-ħżin tal-elettriku u l-ġenerazzjoni żgħira). |
|
(42) |
F’deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, il-problemi li kellhom jiġu solvuti kienu relatati maż-żamma tal-koerenza soċjali u/jew kundizzjonijiet kompetittivi ugwali bejn l-art kontinentali u l-gżejjer f’sitwazzjoni fejn is-sigurtà tas-sistema fuq il-gżira kienet teħtieġ miżuri addizzjonali jew kienet timplika kostijiet ogħla b’mod sinifikanti fuq gżira meta mqabbla mal-art kontinentali. Għalhekk, “operazzjoni” ma tistax tinftiehem b’mod strett, bħala li tirrikjedi li mingħajr id-deroga, l-operazzjoni sigura tas-sistema ma tkunx possibbli. Minflok, “problemi” dejjem tqiesu li jinkludu wkoll problemi soċjoekonomiċi għall-utenti tas-sistema inkwistjoni (12). |
|
(43) |
Barra minn hekk, dawk il-problemi sostanzjali jeħtieġ li jseħħu għall-operazzjoni tas-sistemi iżolati żgħar jew tas-sistemi konnessi żgħar. Għalhekk jidher diffiċli li wieħed jimmaġina ġustifikazzjoni li tkun ibbażata esklussivament fuq l-impatt li jseħħ barra mis-sistema, eż., l-impatt fuq l-iskemi nazzjonali ta’ sussidju. Dan ma jeskludix ir-rilevanza tal-impatt “indirett” fuq l-operazzjoni sigura tas-sistema. |
5.2.2. Problemi sostanzjali ppreżentati minn Spanja fl-Applikazzjoni
|
(44) |
Spanja tenfasizza diversi sfidi u problemi għall-operazzjoni tas-swieq u s-sistemi tal-elettriku fl-NPT, inkluża Melilla:
|
|
(45) |
Skont Spanja, dawn l-isfidi u l-problemi jirriżultaw f’żewġ karatteristiċi ewlenin li jikkaratterizzaw l-NPT: kost ogħla tal-elettriku u nuqqas ta’ kompetizzjoni fil-ġenerazzjoni tal-elettriku. |
|
(46) |
Fir-rigward tal-kost għoli tal-produzzjoni tal-elettriku fl-NPT, Spanja tispjega li minħabba l-isfidi u l-problemi elenkati hawn fuq, il-kostijiet tal-ġenerazzjoni li jista’ jsir id-dispaċċ tagħha spiss jirduppjaw il-kostijiet tal-ġenerazzjoni li jista’ jsir id-dispaċċ tagħha fi Spanja kontinentali. Spanja targumenta li l-NPT jeħtieġ li jiġu esklużi mis-sistema tas-suq kontinentali sabiex il-konsumaturi tagħha jħallsu prezzijiet li huma simili għal dawk tal-art kontinentali. |
|
(47) |
Rigward in-nuqqas ta’ kompetizzjoni fil-ġenerazzjoni tal-elettriku, Spanja tispjega li minħabba l-iżvilupp storiku tal-NPT u n-nuqqas ta’ attraenza tas-settur tal-enerġija f’dawn ir-reġjuni, grupp ta’ negozju wieħed tradizzjonalment wettaq il-funzjonijiet kollha tal-provvista tal-enerġija. B’riżultat ta’ dan, skont Spanja, Melilla għadha ma tgħoddx b’kompetizzjoni effettiva fil-livell tal-ġenerazzjoni, u dan minkejja l-isforzi għall-promozzjoni tal-kompetizzjoni. |
|
(48) |
Barra minn hekk, Spanja tindika l-isfidi marbuta mal-użu tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fl-NPT, inkluża Melilla. |
5.2.3. Valutazzjoni
|
(49) |
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-argumenti ta’ Spanja li, minħabba l-isfidi marbuta mal-operazzjoni tas-sistemi iżolati żgħar, il-livelli baxxi ħafna ta’ kompetizzjoni fis-segment tal-ġenerazzjoni fl-NPT, u l-livelli ineżistenti ta’ interkonnessjoni mas-suq kontinentali ta’ Spanja, il-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ suq tal-elettriku bl-ingrossa liberalizzat bis-sħiħ f’Melilla għadhom mhumiex preżenti. |
|
(50) |
Għalhekk jidher plawżibbli li wieħed jassumi li mhuwiex possibbli li jitnieda suq bl-ingrossa li jiffunzjona f’Melilla mingħajr intervent pubbliku, u li, bħala konsegwenza, għadd ta’ dispożizzjonijiet dwar is-swieq forward, ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata u tal-ibbilanċjar għalissa ma jistgħux jiġu implimentati f’dan it-territorju. |
|
(51) |
Il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li l-applikazzjoni sħiħa tar-Regolament (UE) 2019/943 u d-Direttiva (UE) 2019/944 għat-territorji soġġetti għal din it-talba għal deroga toħloq problemi sostanzjali għall-operazzjoni tas-sistema tal-elettriku f’Melilla. |
5.3. Kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga
5.3.1. L-Artikoli 54 u 66 tad-Direttiva (UE) 2019/944
|
(52) |
L-Artikolu 54(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944 jipprojbixxi lill-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni milli jkunu s-sidien ta’, jiżviluppaw, jamministraw jew joperaw faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija. |
|
(53) |
L-Artikolu 54(2) ta’ dik id-Direttiva jipprevedi l-possibbiltà li l-Istati Membri jidderogaw minn din ir-regola meta l-faċilitajiet ikunu komponenti tan-network integrati għalkollox u l-awtorità regolatorja tkun tat l-approvazzjoni tagħha jew fejn ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-punti (a) sa (c) ta’ dak il-paragrafu. |
|
(54) |
Kif iddikjarat fil-premessa 36 hawn fuq, skont l-Artikolu 66(1), l-ewwel subparagrafu tad-Direttiva (UE) 2019/944, l-Istati Membri jistgħu jitolbu deroga mir-regoli fil-Kapitolu VI (inkluż l-Artikolu 54) għal sistemi iżolati żgħar, sakemm dawn ikunu jistgħu juru li hemm problemi sostanzjali għall-operazzjoni tagħhom. |
|
(55) |
Għalhekk, minbarra li tapplika l-possibbiltà ta’ deroga fl-Artikolu 54(2) tad-Direttiva (UE) 2019/944, Spanja tista’ titlob deroga lill-Kummissjoni mill-Artikolu 54 ta’ dik id-Direttiva, fir-rigward ta’ Melilla, b’referenza għall-Artikolu 66. |
5.3.1.1.
|
(56) |
Kif deskritt fil-premessa 20, l-Artikolu 5 tal-Liġi 17/2013 jipprevedi li l-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija idroelettrika ppumpjata li jinsabu fl-NPT u li l-finijiet prinċipali tagħhom huma li jiggarantixxu l-provvista, jiżguraw is-sigurtà tas-sistema u jintegraw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li ma jistax isir dispaċċ tagħhom, iridu jkunu proprjetà tal-operatur tas-sistema. |
|
(57) |
Fl-Applikazzjoni, Spanja tindika li d-daqs żgħir ta’ Melilla ma jagħmilx l-installazzjoni tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija idroelettrika probabbli ħafna iżda li minflok jistgħu jiġu kkunsidrati tipi oħra ta’ ħżin. F’dan ir-rigward, Spanja tirreferi għall-istudji mwettqa mit-TSO li jindikaw li fid-dawl tal-impenji tad-dekarbonizzazzjoni applikabbli għal territorji iżolati u hekk kif jiżdiedu l-ġenerazzjoni minn sorsi rinnovabbli u r-rispons min-naħa tad-domanda, se jkunu meħtieġa faċilitajiet tal-ħżin biex tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti tal-kwalità u tas-sikurezza. |
|
(58) |
Spanja għalhekk titlob id-deroga mill-Artikolu 54 tad-Direttiva (UE) 2019/944 għal Melilla f’konformità mal-Artikolu 66 tad-Direttiva. |
5.3.1.2.
|
(59) |
Kif iddikjarat fil-premessa 53, il-Kummissjoni tinnota li l-Artikolu 54 tad-Direttiva (UE) 2019/944 diġà jinkludi, fil-paragrafu 2 tiegħu, possibbiltà għall-Istati Membri li jidderogaw mir-regola fil-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu, jiġifieri li l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni ma għandhomx ikunu s-sidien ta’, jiżviluppaw, jamministraw jew joperaw faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija. |
|
(60) |
Fid-dawl tal-possibbiltà stabbilita fl-Artikolu 54(2) tad-Direttiva (UE) 2019/944, il-Kummissjoni tqis li deroga mill-Artikolu 54(1) skont l-Artikolu 66 tad-Direttiva, għat-tipi kollha ta’ teknoloġiji tal-ħżin tal-enerġija, mhijiex ġustifikata, peress li din tipprevjeni l-iżvilupp ibbażat fuq is-suq ta’ proġetti tal-ħżin tal-enerġija. |
|
(61) |
Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-obbligu tat-TSO li jippossjedu u li joperaw faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija f’territorji mhux peniżolari stabbilit fil-Liġi 17/2013 jidher li huwa bbażat fuq kriterji li huma differenti minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 54 tad-Direttiva (UE) 2019/944. Din id-Deċiżjoni sempliċiment tivvaluta jekk ir-rekwiżiti għal deroga skont l-Artikolu 66(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944 humiex issodisfati u ma tippreġudikax il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-kompatibbiltà tal-Liġi 17/2013 mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/944. |
5.3.2. L-Artikolu 40(4) sa (7) tad-Direttiva (UE) 2019/944
|
(62) |
Skont Spanja, in-nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva fil-qasam tal-ġenerazzjoni jipprevjeni l-istabbiliment ta’ swieq tal-elettriku mingħajr distorsjoni fl-NPT. B’mod partikolari, jipprevjeni l-istabbiliment u l-operazzjoni mill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni ta’ suq tal-ibbilanċjar f’Melilla, inkluż l-akkwist ta’ servizzi anċillari mhux tal-frekwenza bbażati fuq is-suq. |
|
(63) |
Il-Kummissjoni tqis li r-raġunijiet fil-premessi 9 sa 12 bħalissa jipprevjenu l-istabbiliment ta’ suq tal-ibbilanċjar u l-akkwist ibbażat fuq is-suq ta’ servizzi anċillari mhux tal-frekwenza f’Melilla. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li d-derogi mill-obbligi fl-Artikolu 40(4) sa (7) tad-Direttiva (UE) 2019/944 f’konformità mal-Artikolu 66 tad-Direttiva huma ġġustifikati. |
5.3.3. Il-Kapitolu II tar-Regolament (UE) 2019/943: Regoli ġenerali għas-suq tal-elettriku – l-Artikoli 3 u 6, l-Artikoli 7(1), 8(1) u (4), l-Artikoli 9, 10 u 11
5.3.3.1.
|
(64) |
Skont Spanja, in-nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva bejn il-ġeneraturi jipprevjeni l-istabbiliment ta’ swieq tal-elettriku mhux regolati. Id-deċiżjonijiet ta’ dispaċċ fl-NPT, inkluża Melilla, huma bbażati fuq kriterji tekniċi u ekonomiċi li għalihom mhux dejjem ikun possibbli li jiġu applikati r-regoli tas-suq. Barra minn hekk, Spanja tispjega li l-formazzjoni tal-prezzijiet fl-NPT mhijiex ibbażata fuq l-offerta u d-domanda f’dawk it-territorji, iżda fuq dik ta’ Spanja kontinentali, biex jiġi evitat li l-konsumaturi fl-NPTs iħallsu l-kostijiet żejda tal-produzzjoni tal-elettriku f’dawk it-territorji. |
|
(65) |
Għalhekk, Spanja titlob deroga mid-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-Artikolu 3, l-ewwel paragrafu, tar-Regolament (UE) 2019/943:
|
|
(66) |
Fir-rigward tal-Artikolu 6, l-Artikoli 7(1), 8(1) u (4), u l-Artikoli 9, 10 u 11, Spanja tenfasizza li għalkemm is-sistema tal-elettriku fl-NPT hija rregolata minn sistema tad-dispaċċ li topera b’mod simili għas-swieq tal-elettriku tal-Unjoni, pereżempju b’dispaċċi ta’ kuljum u tal-istess ġurnata, din tikkostitwixxi sistema regolata. Il-prezz tax-xiri huwa bbażat fuq il-prezz tal-art kontinentali u mhux fuq il-kostijiet rikonoxxuti mġarrba mill-ġeneraturi fit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, inklużi s-servizzi tal-ibbilanċjar. Abbażi ta’ dan, Spanja titlob deroga mill-Artikolu 6, l-Artikoli 7(1), 8(1) u (4), u l-Artikoli 9, 10 u 11 tar-Regolament (UE) 2019/943, peress li ma hemm l-ebda suq tal-ibbilanċjar fl-NPT, inkluża Melilla, u lanqas ma hemm il-possibbiltà ta’ integrazzjoni mas-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata tal-Unjoni minħabba n-nuqqas ta’ konnessjoni ma’ Spanja kontinentali. |
|
(67) |
Fir-rigward tal-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8(1) u (4) tar-Regolament (UE) 2019/943, Spanja tinnota li minħabba n-natura iżolata tal-NPT, id-dispaċċi jiġu operati indipendentement mis-swieq kontinentali u tal-Unjoni — apparti li l-prezz ta’ referenza għax-xiri tal-enerġija jkun ibbażat fuq il-prezz kontinentali — filwaqt li d-dispaċċi jkunu bbażati fuq skedi fis-siegħa. |
|
(68) |
Bl-istess mod, f’konformità ma’ dan ta’ hawn fuq, l-integrazzjoni tas-swieq forward, il-limiti tekniċi tal-offerti u l-valur tat-tagħbija mitlufa msemmi fl-Artikoli 9 sa 11 tar-Regolament (UE) 2019/943 huma kkunsidrati minn Spanja bħala li ma japplikawx għad-dispaċċi fl-NPT. |
5.3.3.2.
|
(69) |
Fir-rigward tat-talba għal deroga mill-Artikolu 3, l-ewwel paragrafu, tar-Regolament (UE) 2019/943, il-Kummissjoni tqis li:
|
|
(70) |
Fir-rigward tad-deroga mitluba mill-Artikolu 6, mill-Artikoli 7(1) u 8(1) u (4), mill-Artikoli 9, 10, 11 tar-Regolament (UE) 2019/943, dawk id-dispożizzjonijiet jirreferu għar-rekwiżiti rigward is-swieq forward ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata u tal-ibbilanċjar. Abbażi tal-informazzjoni sottomessa minn Spanja, dawk is-swieq ma jistgħux jiġu implimentati b’mod effettiv f’Melilla (il-premessi 9 sa 12). Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li deroga minn dawk id-dispożizzjonijiet hija ġġustifikata. |
5.3.4. Il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2019/943: Aċċess għan-network u ġestjoni tal-konġestjoni - l-Artikoli 14 sa 17 u l-Artikolu 19
5.3.4.1.
|
(71) |
Spanja tispjega li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 14 sa 16 u l-Artikolu 19 ma jistgħux jiġu applikati fl-NPTs, minħabba li t-TSO jwettaq id-dispaċċ tal-ġenerazzjoni għal kull waħda mis-sistemi tal-elettriku f’dawn it-territorji u dawk is-sistemi ma jikkostitwux żoni tal-offerti interkonnessi separati. Spanja tispjega wkoll li peress li l-NPT ma jikkostitwux żoni tal-offerti separati, ma hemmx suq tal-kapaċità transżonali assoċjat u għalhekk ma jiġi ġġenerat l-ebda introjtu mill-konġestjoni. |
5.3.4.2.
|
(72) |
Id-derogi mill-Artikoli 7(1) u 8(1) tar-Regolament (UE) 2019/943 għandhom l-effett li ma jinkludux lil Melilla fis-swieq integrati ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata. Għalhekk, ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-funzjonament ta’ dawk is-swieq ma humiex neċessarjament applikabbli għal Melilla. |
|
(73) |
L-Artikoli 14 sa 17 u l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2019/943 huma relatati maż-żoni tal-offerti u mal-ġestjoni tal-kapaċità u l-konġestjonijiet bejn iż-żoni tal-offerti. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li Melilla ma tikkostitwix żona tal-offerti separata u li Spanja bħalissa mhijiex qed tippjana li tibni interkonnessjoni li tgħaqqad lil Melilla mal-art kontinentali. Peress li l-Artikoli 14 u 15 għandhom l-għan li jottimizzaw id-dispaċċ ibbażat fuq is-suq bejn iż-żoni tal-offerti, il-Kummissjoni tqis li deroga minn dawn id-dispożizzjonijiet hija ġġustifikata. Għall-kuntrarju, id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 16(3) sa (13) u l-Artikoli 17 u 19 de facto ma japplikawx għal Melilla peress li ma tikkostitwix żona tal-offerti separata. Minn dan isegwi li deroga mir-rekwiżiti fl-Artikolu 16(3) sa (13) u fl-Artikoli 17 u 19 tar-Regolament (UE) 2019/943 mhijiex iġġustifikata. |
|
(74) |
Fir-rigward tal-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/943, li jinkludu prinċipji ġenerali rigward il-ġestjoni tal-konġestjoni, il-Kummissjoni tqis li fid-dawl tal-iżolament u d-daqs żgħir tas-sistema f’Melilla u l-problemi sostanzjali li dan jippreżenta għall-operazzjoni tagħha, deroga ġustifikata. |
5.3.5. Il-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2019/943: Adegwatezza tar-riżorsi – l-Artikoli 20(3) sa (8), l-Artikolu 21(7) u (8), l-Artikolu 22(1), il-punti (f) u (h), l-Artikolu 22(2), (3) u (5), u l-Artikolu 25(2) sa (4)
5.3.5.1.
|
(75) |
Spanja tispjega li, minħabba l-iżolament ġeografiku tal-NPT li jirriżulta mill-grad baxx ta’ konnessjoni jew min-nuqqas ta’ konnessjoni mal-art kontinentali, il-valutazzjonijiet tal-adegwatezza tar-riżorsi mwettqa mill-operatur tas-sistema għal kull wieħed mill-NPT huma indipendenti, u mhumiex integrati fil-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi jew fil-valutazzjoni tal-adegwatezza tar-riżorsi ta’ Spanja kontinentali. Għalhekk, Spanja tqis li wħud mid-dispożizzjonijiet fil-Kapitolu IV mhumiex applikabbli għall-NPT. Madankollu, Spanja tenfasizza li r-regoli nazzjonali attwali għandhom l-għan, sa fejn ikun possibbli, li jipprevedu trattament ugwali bejn it-territorji mhux peniżolari u s-suq tal-art kontinentali, pereżempju, fir-rigward tal-livelli ta’ sigurtà tal-provvista jew il-metodoloġija għat-twettiq ta’ valutazzjonijiet tal-adegwatezza tar-riżorsi. |
|
(76) |
Spanja targumenta li l-adegwatezza fl-NPT hija żgurata mill-mekkaniżmu speċifiku għall-allokazzjoni ta’ kapaċità ġdida stabbilit fid-Digriet Reġju 738/2015 kif deskritt fil-premessi 21 sa 23. Spanja tqis li dan il-mekkaniżmu jenħtieġ li jinżamm minħabba n-natura unika tal-NPT, u għalhekk titlob deroga mill-Artikoli 20(3) sa (8), mill-Artikolu 21(7) u (8), mill-Artikolu 22(1), il-punti (f) u (h), mill-Artikolu 22(2), (3) u (5), u mill-Artikolu 25(2) sa (4). |
|
(77) |
Spanja targumenta li l-valutazzjonijiet tal-adegwatezza tar-riżorsi fl-NPT jikkonformaw mal-prinċipji inklużi fl-Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/943. Spanja tispjega wkoll li fejn jiġi identifikat tħassib dwar l-adegwatezza, dak jiġi indirizzat b’sejħa għal proċedura kompetittiva tal-offerti (kif stabbilit fid-Digriet Reġju 738/2015) flimkien mal-valutazzjoni tal-irkantijiet tal-kapaċità ta’ oriġini rinnovabbli. Dawn huma proċeduri li għalihom, skont Spanja, ir-rekwiżiti fl-Artikolu 20(3) sa (8) tar-Regolament (UE) 2019/943 ma jistgħux jiġu applikati. |
|
(78) |
Spanja tispjega li d-dispożizzjonijiet inklużi fl-Artikolu 21(7) u (8) tar-Regolament (UE) 2019/943 mhumiex kompatibbli mal-mekkaniżmu stabbilit fid-Digriet Reġju 738/2015. Madankollu, hija tiddikjara li għal kwalunkwe mekkaniżmu ta’ kapaċità ġdid futur se japplikaw ir-rekwiżiti fl-Artikolu 21(7) u (8) tar-Regolament. |
|
(79) |
Spanja tinnota li l-mekkaniżmu stabbilit fid-Digriet Reġju 738/2015 huwa wkoll inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament (UE) 2019/943:
|
|
(80) |
Spanja tispjega li l-istandards tal-affidabbiltà għat-territorji mhux peniżolari mhumiex allinjati mar-rekwiżiti fl-Artikolu 25(3) tar-Regolament (UE) 2019/943, peress li ma jqisux il-kost ta’ entrata ġdida. Spanja żżid li anke kieku l-istandards kienu l-istess, dawn setgħu jevolvu għal valuri aktar stretti b’pass differenti, u abbażi ta’ dan titlob deroga mill-Artikolu 25(2) sa (4) tar-Regolament (UE) 2019/943. |
5.3.5.2.
|
(81) |
L-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2019/943 jindirizza l-adegwatezza tar-riżorsi fis-suq intern tal-elettriku u jistabbilixxi obbligi għall-Istati Membri dwar kif jimmonitorjaw l-adegwatezza tar-riżorsi u l-azzjoni li għandha tittieħed meta jiġi identifikat tħassib dwar l-adegwatezza tar-riżorsi, jiġifieri billi jiġi żviluppat pjan ta’ implimentazzjoni bl-għan li jitneħħew id-distorsjonijiet regolatorji, jiġi żgurat l-akkwist tal-ibbilanċjar ibbażat fuq is-suq, jew jitneħħew il-prezzijiet regolati, fost l-oħrajn. Il-Kummissjoni tinnota li, bħala parti mill-proċess tal-għajnuna mill-Istat, Spanja diġà żviluppat u ssottomettiet lill-Kummissjoni pjan ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-Artikolu 20(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2019/943. F’konformità mal-Artikolu 20(5) tar-Regolament (UE) 2019/943, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni dwar il-pjan ta’ implimentazzjoni Spanjol fit-13 ta’ Marzu 2024 (13). Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li deroga mill-Artikolu 20(3) sa (8) tar-Regolament (UE) 2019/943 mhijiex iġġustifikata. |
|
(82) |
L-Artikolu 21(7) tar-Regolament (UE) 2019/943 tħassar bir-Regolament (UE) 2024/1747 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14). Għalhekk, ma għadux japplika għall-NPT. Fir-rigward tat-talba għal deroga mill-Artikolu 21(8) (15) tar-Regolament (UE) 2019/943, il-Kummissjoni tinnota li filwaqt li din id-dispożizzjoni ma għadhiex tispeċifika li l-mekkaniżmi ta’ kapaċità jridu jkunu temporanji, hija tistabbilixxi li l-mekkaniżmi ta’ kapaċità għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni għal mhux aktar minn 10 snin. Barra minn hekk, ma huwiex possibbli li tiġi prevista l-evoluzzjoni tas-sistema tal-elettriku ta’ Melilla matul iż-żmien. Għaldaqstant, id-durata tal-mekkaniżmu regolat tar-remunerazzjoni stabbilit fid-Digriet Reġju 738/2015 jenħtieġ li tkun limitata għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2029 kif approvat skont id-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-każ SA. 42270 fil-każ ta’ Melilla. |
|
(83) |
L-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2019/943 jistabbilixxi l-prinċipji tat-tfassil applikabbli għall-mekkaniżmi ta’ kapaċità. Il-Kummissjoni tqis li deroga mill-Artikolu 22(1), il-punti (f) u (h), tar-Regolament (UE) 2019/943 applikabbli wara d-data tal-iskadenza tal-mekkaniżmu regolat tar-remunerazzjoni stabbilit skont id-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-każ SA. 42270 tista’ xxekkel it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli, aktar flessibbiltà, il-ħżin tal-enerġija, l-elettromobbiltà u r-rispons għad-domanda, peress li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jippermettu l-parteċipazzjoni mit-teknoloġiji kollha fuq bażi kompetittiva. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li deroga mill-Artikolu 22(1), il-punti (f) u (h) mhijiex iġġustifikata. Jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għall-impenji u l-kuntratti konklużi fir-rigward ta’ Melilla skont il-mekkaniżmu tar-remunerazzjoni fid-Digriet Reġju 738/2015 kif approvat skont id-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-każ SA. 42270. |
|
(84) |
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn Spanja (il-premessa 79), il-Kummissjoni tqis li deroga mir-rekwiżiti fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) 2019/943 hija ġġustifikata minħabba li r-rekwiżiti speċifiċi tat-tfassil għar-riżervi strateġiċi huma intrinsikament marbuta mal-istabbiliment ta’ suq tal-ibbilanċjar li jiffunzjona tajjeb. Min-naħa l-oħra, deroga mill-Artikolu 22(3) tar-Regolament (UE) 2019/943 mhijiex iġġustifikata minħabba li r-rekwiżiti speċifiċi tat-tfassil għall-mekkaniżmi ta’ kapaċità huma maħsuba biex japplikaw indipendentement minn suq tal-ibbilanċjar żviluppat biżżejjed. |
|
(85) |
Fir-rigward tat-talba għal deroga mill-Artikolu 22(5) tar-Regolament (UE) 2019/943, il-Kummissjoni tqis li deroga mhijiex iġġustifikata minħabba li l-Artikolu 22(5) ta’ dak ir-Regolament mhuwiex applikabbli għall-mekkaniżmi ta’ kapaċità approvati wara l-4 ta’ Lulju 2019. |
|
(86) |
Fir-rigward tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) 2019/943 li jistabbilixxi r-rekwiżiti fir-rigward tal-limitu tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-mekkaniżmi ta’ kapaċità, il-Kummissjoni tqis li r-rekwiżiti fir-rigward tal-limitu tal-emissjonijiet tas-CO2 mhumiex applikabbli għall-mekkaniżmu regolat tar-remunerazzjoni attwali approvat skont id-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-każ SA. 42270, fid-dawl tad-daqs żgħir tas-sistemi tal-elettriku ta’ Melilla, ir-restrizzjonijiet marbuta mal-ksib tal-permessi ambjentali meħtieġa għal kapaċità ta’ ġenerazzjoni ġdida, u l-ħtieġa akbar ta’ ġenerazzjoni li jista’ jsir id-dispaċċ tagħha biex tiġi żgurata l-integrazzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli f’Melilla u tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista. Il-Kummissjoni tqis li deroga mill-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) 2019/943 applikabbli wara d-data tal-iskadenza tal-mekkaniżmu regolat tar-remunerazzjoni stabbilit skont id-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-każ SA. 42270 tista’ ixxekkel it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli, aktar flessibbiltà, il-ħżin tal-enerġija, l-elettromobbiltà u r-rispons għad-domanda, peress li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jippermettu l-parteċipazzjoni mit-teknoloġiji kollha fuq bażi kompetittiva. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li deroga mill-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) 2019/943 mhijiex iġġustifikata. Jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għall-impenji u l-kuntratti konklużi fir-rigward ta’ Melilla skont il-mekkaniżmu tar-remunerazzjoni fid-Digriet Reġju 738/2015 kif approvat skont id-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-każ SA. 42270. |
|
(87) |
Fil-fehma tal-Kummissjoni, abbażi tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn Spanja (ara l-premessa 80), deroga mill-Artikolu 25(2) sa 25(4) tar-Regolament (UE) 2019/943 għall-operazzjoni tas-sistemi tal-elettriku f’Melilla hija ġġustifikata, għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2029 kif stabbilit fil-każ ta’ Melilla skont id-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-każ SA. 42270. |
5.3.6. Deroga mill-Artikoli 14 sa 17, 19 sa 27 u 35 sa 47 tar-Regolament (UE) 2019/943 għall-mekkaniżmu stabbilit fid-Digriet Reġju 738/2015
|
(88) |
Fl-Applikazzjoni tagħha, kif emendata mit-tieni sett ta’ kjarifiki mibgħuta minn Spanja fis-17 ta’ Jannar 2022, Spanja ddikjarat li għall-mekkaniżmu eżistenti fid-Digriet Reġju 738/2015 hija meħtieġa deroga mill-Artikoli 14 sa 17, 19 sa 27, 35 sa 47 tar-Regolament (UE) 2019/943. Il-Kummissjoni tqis li deroga abbundanti bħal din mhijiex meħtieġa biex tiżgura l-applikazzjoni tiegħu. Il-fehma tal-Kummissjoni hija li d-derogi ddikjarati fit-taqsimiet ta’ hawn fuq biss huma ġġustifikati. |
5.4. L-ebda xkiel għat-tranżizzjoni lejn enerġija rinnovabbli, aktar flessibbiltà, ħżin tal-enerġija, elettromobbiltà u rispons għad-domanda
|
(89) |
Skont l-Artikolu 64(1), il-ħames subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2019/943 u l-Artikolu 66(2) tad-Direttiva (UE) 2019/944, deċiżjoni ta’ deroga trid tiżgura li ma xxekkilx it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli, aktar flessibbiltà, il-ħżin tal-enerġija, l-elettromobbiltà u r-rispons għad-domanda. |
|
(90) |
Fir-rigward tat-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli, aktar flessibbiltà (inkluż ir-rispons tad-domanda) u l-ħżin tal-enerġija, ta’ min jinnota li s-swieq forward, ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata u tal-ibbilanċjar li jiffunzjonaw tajjeb, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/943 u d-Direttiva (UE) 2019/944, jenħtieġ li jipprovdu s-sinjali meħtieġa tad-dispaċċ u tal-investiment biex jiġi massimizzat l-iżvilupp potenzjali ta’ dawk it-teknoloġiji. Pereżempju, l-iżvilupp tar-rispons għad-domanda li jista’ jiġi attivat f’perjodi meta s-sistema tal-elettriku ta’ Melilla tkun taħt stress fil-prinċipju jinkiseb aktar faċilment f’sistema fejn il-prezzijiet tad-domanda jirriflettu s-sitwazzjoni fis-siegħa tal-ġenerazzjoni f’Melilla, minflok dik tal-ġenerazzjoni tal-art kontinentali. Dan ma jipprevjenix awtomatikament l-iżviluppi tar-rispons tad-domanda jew forom oħra ta’ flessibbiltà fl-ambjent regolatorju attwali. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li d-deċiżjoni ta’ deroga jista’ jkollha impatt negattiv fuq tali żviluppi potenzjali. |
|
(91) |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2019/943 ma jirrikjedix li d-deċiżjonijiet ta’ deroga jimmassimizzaw il-potenzjal għall-flessibbiltà jew għall-ħżin tal-enerġija. Deroga skont l-Artikolu 64 ta’ dak ir-Regolament għandha biss l-għan li tiżgura li “ma tfixkilx” tali tranżizzjoni. Fi kliem ieħor, id-deroga ma għandhiex tipprevjeni żviluppi li, mingħajr id-deroga, iseħħu b’mod naturali. Huwa improbabbli ħafna li, fin-nuqqas tad-deroga, swieq forward, ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata u tal-ibbilanċjar li jiffunzjonaw tajjeb jiżviluppaw fis-sistema tal-elettriku f’Melilla. Dan huwa dovut għall-isfidi marbuta mal-operazzjoni tal-NPT, il-livelli baxxi ħafna ta’ kompetizzjoni fis-segment tal-ġenerazzjoni, u n-nuqqas ta’ konnessjoni mas-suq kontinentali deskritt fit-taqsima 2. Madankollu, jeħtieġ li jiġi żgurat li ladarba jkunu ġew stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-iżvilupp tas-swieq bl-ingrossa li jiffunzjonaw, id-derogi jitneħħew gradwalment. Din hija r-raġuni għaliex f’din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni qed tistabbilixxi perjodu ta’ deroga limitat u kundizzjonijiet stretti għal estensjoni tad-deroga, kif stabbilit fit-taqsima 5.5 hawn taħt. |
|
(92) |
Id-deroga ma tidhirx li għandha impatt notevoli fuq l-elettromobbiltà. |
5.5. Durata tad-deroga u kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jżidu l-kompetizzjoni u l-integrazzjoni mas-suq intern għall-elettriku
|
(93) |
L-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2019/943 u l-Artikolu 66 tad-Direttiva (UE) 2019/944 jistabbilixxu espressament, fir-rigward ta’ sistemi iżolati żgħar, li d-deroga trid tkun limitata fiż-żmien u li trid tkun soġġetta għal kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jżidu l-kompetizzjoni u l-integrazzjoni mas-suq intern għall-elettriku. |
|
(94) |
Fir-rigward tas-sistemi iżolati żgħar u dawk interkonnessi żgħar, ir-Regolament (UE) 2019/943 u d-Direttiva (UE) 2019/944 jipprevedu limitazzjoni obbligatorja għal diversi finijiet. L-ewwel u qabel kollox, huma jassumu li l-qafas regolatorju ġenerali jista’ jiġi applikat għas-sitwazzjonijiet kollha fis-suq intern, u li tali applikazzjoni ġenerali hija ta’ benefiċċju għas-soċjetà. Filwaqt li l-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2019/943 jirrikonoxxi li jistgħu jkunu meħtieġa derogi għal sitwazzjonijiet speċifiċi, dawn id-derogi huma suxxettibbli li jżidu l-kumplessità tas-sistema ġenerali u jistgħu jikkostitwixxu ostakli għall-integrazzjoni tas-suq anke f’żoni ġirien. Barra minn hekk, il-ġustifikazzjoni tad-deroga hi ġeneralment ibbażata fuq il-qafas tekniku u regolatorju ta’ dak iż-żmien, u fuq topoloġija partikolari tan-network. Dawn is-sitwazzjonijiet kollha żgur li se jinbidlu. Fl-aħħar nett, hu importanti għall-parteċipanti fis-suq li jkunu jistgħu jbassru bidliet regolatorji kmieni biżżejjed. Għalhekk, id-derogi kollha jeħtieġ li jkunu limitati fiż-żmien. |
|
(95) |
Spanja titlob id-derogi biex Melilla tiġi eżentata minn kwalunkwe limitu ta’ żmien, peress li l-interkonnessjoni ta’ Melilla ma’ Spanja kontinentali (u din mas-sistema tal-elettriku kontinentali tal-Unjoni) aktarx ma sseħħx. Filwaqt li tirrikonoxxi r-raġunijiet ta’ Spanja, il-Kummissjoni tinnota li Melilla ma tikkostitwix wieħed mir-reġjuni ultraperiferiċi rikonoxxuti skont l-Artikolu 349 tat-TFUE u d-deroga trid tkun limitata fiż-żmien. |
|
(96) |
Minħabba l-inċertezza rigward interkonnessjoni futura bejn Melilla u Spanja kontinentali u l-problemi sostanzjali għall-operazzjoni ta’ dan it-territorju, il-Kummissjoni tqis li huwa proporzjonat li tagħti d-derogi għal Melilla għal durata li tiddependi fuq il-konnessjoni tal-belt awtonoma ma’ Spanja kontinentali, ħlief għad-deroga mill-Artikolu 25(2) sa 25(4) tar-Regolament (UE) 2019/943, li trid tapplika għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2029 kif stabbilit fid-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-każ SA. 42270, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Tingħata deroga lir-Renju ta’ Spanja mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3, l-ewwel paragrafu, il-punti (a), (b), (e), (k), (o) u (p), l-Artikolu 6, l-Artikoli 7(1) u 8(1) u (4), l-Artikoli 9, 10, 11, 14, 15, l-Artikolu 16(1) u (2), l-Artikoli 22(2) u 25(2) sa (4) tar-Regolament (UE) 2019/943 u tal-Artikolu 40(4) sa (7) tad-Direttiva (UE) 2019/944 fir-rigward ta’ Melilla.
Artikolu 2
Id-deroga mogħtija skont l-Artikolu 1 għall-Artikoli kollha tar-Regolament (UE) 2019/943 u d-Direttiva (UE) 2019/944 elenkati fihom għandha tapplika sakemm Melilla tkun konnessa ma’ Spanja kontinentali, ħlief għal deroga mill-Artikolu 25(2) sa 25(4) tar-Regolament (UE) 2019/943, li għandha tapplika għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2029.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Mejju 2025.
Għall-Kummissjoni
Dan JØRGENSEN
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 158, 14.6.2019, p. 54, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/943/oj.
(2) ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/944/oj.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/560 tat-8 ta’ Diċembru 2023 li tagħti deroga lir-Renju ta’ Spanja minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Gżejjer Kanarji (ĠU L, 2024/560, 15.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/560/oj).
(4) Ara Evolución demanda | Informes del sistema (sistemaelectrico-ree.es).
(5) Il-Grupp Enel għandu s-sjieda ta’ 70 % tal-grupp Endesa.
(6) Il-qafas huwa stabbilit fid-Digriet Reġju 738/2015 tal-31 ta’ Lulju 2015 (Real Decreto 738/2015, de 31 de julio, por el que se regula la actividad de producción de energía eléctrica y el procedimiento de despacho en los sistemas eléctricos de los territorios no peninsulares) (id-“Digriet Reġju 738/2015”).
(7) Ley 17/2013, de 29 de octubre, para la garantía del suministro e incremento de la competencia en los sistemas eléctricos insulares y extrapeninsulares.
(8) Id-Deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2020, SA.42270 (2016/NN) — Spanja – Il-produzzjoni tal-elettriku fit-territorji mhux peniżolari Spanjoli, C(2020) 3401.
(9) Il-Proġett ta’ Chira-Soria jikkonċerna l-bini ta’ faċilità tal-ħżin tal-enerġija (impjant tal-ħżin tal-idroenerġija ppumpjata) ta’ kapaċità installata ta’ 200 MW u kapaċità tal-ħżin tal-enerġija ta’ 3,5 GWh fil-gżira ta’ Gran Canaria. Għal aktar informazzjoni dwar il-proġett, ara: Central hidroeléctrica de bombeo reversible Salto de Chira | Red Eléctrica (ree.es).
(10) Il-ħżin tal-enerġija idroelettrika ppumpjata jikkwalifika bħala faċilità tal-ħżin skont id-Direttiva (UE) 2019/944.
(11) Għal aktar dettalji, ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/560 tat-8 ta’ Diċembru 2023, il-premessi 33-36.
(12) Ara pereżempju d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Awwissu 2014 li tagħti deroga lir-Repubblika Ellenika minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72/KE li tirreferi għall-kostijiet ogħla tal-produzzjoni tal-elettriku fil-gżejjer filwaqt li l-prezzijiet huma skont il-liġi daqs dawk fuq l-art kontinentali.
(13) https://circabc.europa.eu/ui/group/8f5f9424-a7ef-4dbf-b914-1af1d12ff5d2/library/b8dcbe85-7324-4e83-9752-fe974fc42cad/details?download=true.
(14) Ir-Regolament (UE) 2024/1747 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/942 u (UE) 2019/943 fir-rigward tat-titjib tat-tfassil tas-suq tal-elettriku tal-Unjoni (ĠU L, 2024/1747, 26.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1747/oj).
(15) Kif emendat bir-Regolament (UE) 2024/1747.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1016/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)