Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fis‑17 ta’ Settembru 2026 (1)
Kawża C‑556/25
Haluška, s. r. o.
vs
Okresný úrad Ružomberok, katastrálny odbor
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Slovakka, is-Slovakkja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Enerġija — Proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija idroelettrika fuq skala żgħira — Esklużjoni tal-produtturi żgħar mis-setgħa li jitolbu r-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet ta’ servitujiet legali prevista fid-dritt nazzjonali — Applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fl-ordinament ġuridiku nazzjonali — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni”
1. Fis-Slovakkja, il-produtturi tal-enerġija elettrika jistgħu, fil-prinċipju, jibbenefikaw minn servitù legali (2) fuq l-artijiet ta’ terzi meta jkollhom awtorizzazzjoni sabiex iwettqu l-attività tagħhom, skont il-liġi nazzjonali li ttrasponiet id-Direttiva (UE) 2019/944 (3),.
2. Madankollu, din l-istess liġi tidher li teskludi lill-produtturi żgħar tal-enerġija elettrika minn din il-possibbiltà. Dak li huwa diskuss fil-proċedura preliminari huwa jekk tali esklużjoni hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.
3. B’mod konkret, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2019/944, kif ukoll ir-relazzjoni tiegħu mal-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 9 tal-istess direttiva.
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni. Id-Direttiva 2019/944
4. L-Artikolu 3 (“Swieq tal-elettriku kompetittivi, iffokati fuq il-konsumatur, flessibbli u mhux diskriminatorji”) jipprovdi:
“[…]
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw kondizzjonijiet ekwi fejn l-impriżi tal-elettriku huma soġġetti għal regoli, imposti u trattament trasparenti, proporzjonati u nondiskriminatorji, b’mod partikolari fir-rigward tal-ibbilanċjar tar-responsabbiltà, l-aċċess għal swieq bl-ingrossa, l-aċċess għad-data, il-proċessi tal-bdil u l-iskemi tal-kontijiet u, fejn applikabbli, l-għoti ta’ liċenzji
[…]”.
5. Skont l-Artikolu 8 (“Proċedura ta’ awtorizzazzjoni għal kapaċità ġdida”):
“1. Għall-bini ta’ kapaċità ġdida ta’ ġenerazzjoni, l-Istati Membri għandhom jadottaw proċedura ta’ awtorizzazzjoni, li għandha titwettaq konformement ma’ kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji.
[…]
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu proċeduri ta’ awtorizzazzjoni speċifiċi, simplifikati u razzjonalizzati għal ġenerazzjoni żgħira deċentralizzata u/jew distribwita, li jieħdu kont tad-daqs limitat u l-impatt potenzjali tagħhom.
L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu linji gwida għal dik il-proċedura speċifika ta’ awtorizzazzjoni. L-awtoritajiet regolatorji jew awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra inklużi l-awtoritajiet ta’ ppjanar għandhom jirrevedu dawk il-linji gwida u jistgħu jirrakkomandaw emendi għalihom.
[…]”.
6. L-Artikolu 9 (“Obbligi tas-servizz pubbliku”) jistabbilixxi:
“1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, abbażi tal-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u b’kont dovut għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà, li l-impriżi tal-elettriku jaħdmu konformement mal-prinċipji ta’ din id-Direttiva bil-ħsieb li jintlaħaq suq kompetittiv, sigur, u ambjentalment sostenibbli għall-elettriku, u dawn ma għandhomx jiddiskriminaw bejn dawk l-impriżi fejn jikkonċerna d-drittijiet jew l-obbligi tagħhom.
[…]”.
7. Skont l-Artikolu 73, l-Artikolu 8(1), il-punti (a) sa (i) u (k) tal-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 8(3) u (4), għandhom japplikaw mill‑1 ta’ Jannar 2021.
B. Id-dritt nazzjonali
1. Il-liġi dwar l-enerġija (4)
8. L-Artikolu 6 jirregola t-titolu li jawtorizza t-twettiq ta’ “attività fl-industrija tal-enerġija” kif ġej:
– skont il-paragrafu 1 tiegħu, l-attività fl-industrija tal-enerġija tista’ titwettaq biss abbażi u b’mod konformi ma’ awtorizzazzjoni jew il-konferma tat-twettiq tal-obbligu ta’ notifika;
– skont il-paragrafu 2, ħlief għall-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 4, tkun meħtieġa awtorizzazzjoni għall-ġenerazzjoni, it-trasport, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku;
– skont il-paragrafu 4, ma tkunx meħtieġa awtorizzazzjoni għall-ġenerazzjoni u l-provvista tal-elettriku bl-użu ta’ tagħmir li jiġġenera l-elettriku b’kapaċità installata totali ugwali għal 1 MW jew inqas;
– skont il-paragrafu 5, il-persuni li jwettqu attività li ma teħtieġx awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 4 ikunu suġġetti għall-obbligu ta’ notifika, fejn għandhom jinnotifikaw lill-awtorità, fi żmien tletin jum, dwar il-bidu, it-tmiem jew il-modifika tal-attività. Il-konferma tal-konformità mal-obbligu ta’ notifika, maħruġa mill-awtorità, tikkostitwixxi dokument li jagħti s-setgħa sabiex titwettaq l-attività.
9. L-Artikolu 11(1) jiddikjara:
“Id-detentur ta’ awtorizzazzjoni […] jista’, sa fejn ikun meħtieġ u għall-finijiet tal-interess pubbliku,
a) jaċċedi art li tappartjeni lil ħaddieħor, kif ukoll installazzjonijiet u tagħmir ta’ terzi, sa fejn u bil-mod meħtieġ għat-twettiq tal-attivitajiet awtorizzati,
[…]
f) jistabbilixxi, fuq art li tappartjeni lil ħaddieħor, barra miż-żona mibnija ta’ muniċipalità, linji tal-elettriku u installazzjonijiet elettriċi tas-sistema ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni […],
g) fuq proprjetà immobbli li tappartjeni lil ħaddieħor, iwettaq attivitajiet awtorizzati fuq tagħmir elettriku […] li jirriżultaw meħtieġa sabiex jiggarantixxu t-tħaddim tal-installazzjonijiet jew sistemi li l-kostruzzjoni tagħhom tkun ġiet awtorizzata […]” (5).
10. L-Artikolu 11(8) jispeċifika li:
“L-obbligi li jirriżultaw mid-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jikkostitwixxu servitujiet marbuta mas-sjieda ta’ proprjetà immobbli. Il-proprjetarju tal-awtorizzazzjoni jkollu d-dritt li jitlob ir-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru tal-artijiet”.
2. Dispożizzjonijiet dwar is-servitujiet u r-reġistru tal-artijiet
11. Il-qorti tar-rinviju tittraskrivi d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar is-servitujiet u r-reġistru tal-artijiet. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, is-servitujiet jinħolqu abbażi ta’ kuntratt bil-miktub, b’deċiżjoni tal-awtorità kompetenti jew b’dispożizzjoni legali. Sabiex jinkiseb id-dritt korrispondenti għas-servitujiet hija meħtieġa r-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru tal-artijiet.
II. Il-fatti, it-tilwima u d-domandi preliminari
12. Il-fatti li ġejjin joħorġu mid-deċiżjoni għar-rinviju, issupplimentata bl-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-Gvern Slovakk:
– Il-kumpannija Haluška s. r. o. (iktar ’il quddiem “Haluška”) tipproduċi enerġija idroelettrika permezz ta’ installazzjoni żgħira b’potenza ta’ 0.0975 MW.
– Għalkemm din l-installazzjoni ilha topera mill‑1993 u ġiet “mibnija mill-ġdid” fl‑2009, Haluška ħadet il-ġestjoni tagħha fil‑15 ta’ Ottubru 2014, meta saret proprjetarja tal-faċilità (6).
– F’Ottubru 2014, Haluška nnotifikat il-bidu tal-attività, skont il-proċedura ssemplifikata stabbilita fl-Artikolu 6(4) u (5) tal-Liġi dwar l-enerġija (7).
– Fis‑6 ta’ Diċembru 2021, Haluška talbet lill-Okresný úrad Ružomberok, katastrálny odbor (Servizz tar-reġistru tal-artijiet tad-distrett ta’ Ružomberok, is-Slovakkja; iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tar-reġistru tal-artijiet”) sabiex jirreġistra servitù legali fuq proprjetajiet li jappartjenu lil terzi fir-reġistru tal-artijiet, skont l-Artikolu 11(1) u (6) tal-Liġi dwar l-Enerġija.
– Fl‑4 ta’ Frar 2022, l-Uffiċċju tar-reġistru tal-artijiet irrifjuta l-applikazzjoni, fejn argumenta li servitù setgħet tiġi rreġistrata biss favur il-proprjetarju ta’ “awtorizzazzjoni” mogħtija skont l-Artikolu 6(2) tal-Liġi dwar l-enerġija, u mhux favur kumpannija suġġetta għall-“obbligu ta’ notifika” tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.
– Haluška appellat id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Artijiet quddiem is-Správny súd v Banskej Bystrici (il-Qorti Amministrattiva ta’ Banská Bystrica, is-Slovakkja). Hija argumentat li l-interpretazzjoni tal-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Artijiet tal-Artikolu 11(1) tal-Liġi dwar l-enerġija tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, peress li tiffavorixxi lill-produtturi l-kbar, tgħawweġ il-kompetizzjoni, u xxekkel l-aċċess tal-produtturi ż-żgħar għas-suq tal-elettriku.
13. Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet l-appell wara li ddikjarat li:
– L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2019/944, fih innifsu, ma jeħtieġx li l-“produtturi ż-żgħar” tal-elettriku jingħataw drittijiet tal-istess portata bħal dawk mogħtija lill-“produtturi l-kbar”.
– L-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1) u (8) tal-Liġi dwar l-enerġija mill-Uffiċċju tar-reġistru tal-artijiet hija korretta. Li kieku jiġu awtorizzati servitujiet legali favur il-produtturi ż-żgħar ukoll, l-għadd ta’ artijiet mgħobbija b’servitujiet jiżdied b’mod notevoli, u dan jikkostitwixxi interferenza sinjifikattiva fid-drittijiet tal-proprjetà ta’ terzi.
– Ir-riżervar tas-servitujiet legali kif previst fl-Artikolu 11(1) u (8) tal-Liġi dwar l-enerġija għad-detentur ta’ “awtorizzazzjoni” ma jikkostitwixxix restrizzjoni fuq l-iżvilupp tal-attività ekonomika, peress li produttur żgħir tal-elettriku jista’ japplika għall-istabbiliment ta’ servitù volontarja skont il-Kodiċi Ċivili Slovakk jew, jekk ma jiġi konkluż l-ebda kuntratt, jista’ jressaq azzjoni legali.
14. Haluška kkontestat id-deċiżjoni tal-ewwel istanza quddiem in-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Slovakka, is-Slovakkja), li għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-leġiżlatur nazzjonali jeskludi a priori lill-produtturi żgħar tal-elettriku li joperaw skont il-proċedura ssemplifikata prevista fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva [2019/944] mid-drittijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jikkorrispondu għal servitujiet li jiffaċilitaw l-attivitajiet professjonali fil-qasam tal-enerġija, filwaqt li tirrikonoxxi dawn id-drittijiet lill-produtturi tal-elettriku l-oħra kollha, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tal-Artikolu 194(1)(a) [TFUE], tal-Artikolu 8(1) u (3), u tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva?
2) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 8(1) u (3), u tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva [2019/944] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-leġiżlatur nazzjonali jeskludi a priori lill-produtturi żgħar tal-elettriku li joperaw skont il-proċedura ssemplifikata prevista fl-Artikolu 8(3) tal-imsemmija direttiva, mid-drittijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jikkorrispondu għal servitujiet li jiffaċilitaw l-attivitajiet professjonali fil-qasam tal-enerġija, filwaqt li tirrikonoxxi dawn id-drittijiet lill-produtturi tal-elettriku l-oħra kollha?”
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
15. It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Awwissu 2025.
16. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Haluška, mill-Gvern Slovakk u mill-Kummissjoni Ewropea.
17. Fis-seduta, li saret fl‑10 ta’ Ġunju 2026, dehru l-Gvern Slovakk u l-Kummissjoni.
IV. Ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari
18. Il-Gvern Slovakk jikkunsidra li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa inammissibbli għaliex huwa bbażat fuq deskrizzjoni tal-fatti li ma hijiex kompluta u preżentazzjoni żbaljata tal-kuntest legali nazzjonali. Huwa jqis ukoll li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima.
19. B’mod partikolari, huwa jargumenta li d-domandi huma ipotetiċi, peress li s-suġġett tat-tilwima huwa l-istabbiliment ta’ servitù li d-dritt nazzjonali jirriżerva, “minn perspettiva sostantiva”, lid-detentur ta’ awtorizzazzjoni għad-distribuzzjoni tal-enerġija, u mhux lill-produtturi tal-enerġija (irrispettivament mid-daqs tagħhom) bħal Haluška.
20. Skont il-ġurisprudenza stabbilita (8):
– il-qorti nazzjonali hija l-unika waħda responsabbli għad-definizzjoni tal-kuntest leġiżlattiv u fattwali li fih iqumu d-domandi magħmula, li l-eżattezza tagħhom ma hijiex suġġett għal verifika mill-Qorti tal-Ġustizzja;
– id-domandi preliminari jgawdu preżunzjoni ta’ rilevanza, u l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tastjeni milli tiddeċiedi biss meta jkun ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha l-ebda relazzjoni mal-fatti u lanqas mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jew meta jkollhom natura ipotetika.
21. L-oġġezzjoni tal-Gvern Slovakk rigward in-nuqqas ta’ qbil tiegħu mad-deskrizzjoni tal-fatti u d-dritt nazzjonali, għalhekk, ma tistax tiġi milqugħa, peress li din taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti tar-rinviju u l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonforma ruħha magħha.
22. Fir-rigward tan-nuqqasijiet allegati tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju:
– tonqos milli tispeċifika n-natura tax-xogħol li għandu jsir fuq artijiet ta’ terzi affettwati mis-servitù li ġiet miċħuda r-reġistrazzjoni tagħha fir-reġistru tal-artijiet. Din tidher li tindirizza d-domandi preliminari tagħha, b’mod ġenerali, għad-drittijiet kollha msemmija fl-Artikolu 11 tal-Liġi dwar l-Enerġija (9), li huma eteroġenji fin-natura tagħhom, u b’hekk għandhom natura kemxejn impreċiża;
– wara li tinvoka l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, tonqos milli tispjega l-objettiv li l-leġiżlazzjoni Slovakka għandha tilħaq bl-esklużjoni tal-produtturi ż-żgħar mill-benefiċċju tas-servitujiet legali. L-identifikazzjoni ta’ dan l-objettiv tista’ tkun meħtieġa sabiex tiġi vvalutata l-inugwaljanza fit-trattament li ma hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.
23. Madankollu, dawn in-nuqqasijiet fil-preżentazzjoni tal-kuntest leġiżlattiv u fattwali (10) jew ma humiex deċiżivi (b’mod partikolari, fir-rigward tal-oġġett speċifiku tas-servitujiet ikkontestati) jew setgħu ġew iċċarati fil-proċeduri bil-miktub u fis-seduta.
24. Barra minn hekk, l-analiżi tal-argumenti tal-Gvern Slovakk dwar l-inapplikabbiltà ratione materiae tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2019/944 għall-każ preżenti għandha ssir meta tiġi indirizzata l-interpretazzjoni ta’ dak l-Artikolu, u mhux l-ammissibbiltà tar-rinviju.
25. Għandu jsir argument simili rigward it-talba tal-Gvern Slovakk dwar l-Artikolu 11(1) tal-Liġi dwar l-enerġija (li tirregola s-servitujiet legali). Il-qorti tar-rinviju, li hija l-unika qorti kompetenti sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali, tikkunsidra li, skont din id-dispożizzjoni, il-produtturi kollha jistgħu jibbenefikaw minn servitujiet legali u li, jekk dan ma jkunx il-każ, għandha tiġi eżaminata l-inkompatibbiltà tiegħu mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2019/944. Għalhekk din ma hijiex domanda ipotetika, iżda waħda direttament marbuta mal-qalba tat-tilwima (11).
26. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji sabiex tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju, li d-domandi preliminari tagħha għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli.
V. Fuq il-mertu
27. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni leġiżlazzjoni nazzjonali li, kif interpretata u applikata fis-Slovakkja:
– ma tippermettix ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet ta’ servitù legali fuq artijiet ta’ terzi lill-produtturi żgħar tal-enerġija li jużaw il-proċedura “speċifika” prevista fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2019/944;
– tirriżerva din ir-reġistrazzjoni għad-detenturi ta’ awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-proċedura “ordinarja” prevista fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2019/944.
A. L-ewwel domanda preliminari
28. Fl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hijiex waħda li “taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tal-Artikolu 194(1)(a) [TFUE] […], tal-Artikolu 8(1) u (3), u tal-Artikolu 9(1) [tad-Direttiva 2019/944]”.
29. L-Artikolu 194 TFUE huwa r-regola tad-dritt primarju li hija bbażata fuqu l-adozzjoni tad-Direttiva 2019/944. Din tal-aħħar tikkostitwixxi waħda mill-“miżuri meħtieġa għall-kisba tal-objettivi previsti fil-paragrafu 1”, kif imsemmi fl-Artikolu 194(2) TFUE.
30. Id-Direttiva 2019/944 tikseb armonizzazzjoni minima fir-rigward tal-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-settur tal-elettriku tal-Unjoni. Hija tistabbilixxi, fost affarijiet oħra, regoli “dwar l-aċċess miftuħ għas-suq integrat” (12), iżda ma tirregolax direttament is-setgħa (li l-liġi Slovakka tagħti lid-detenturi ta’ “awtorizzazzjoni”) li jeħtieġu r-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet ta’ servitujiet legali fuq proprjetajiet immobbli li jappartjenu lil terzi.
31. Is-setgħa li wieħed jibbenefika minn servitù legali hija waħda mill-miżuri li “jiffaċilitaw l-attivitajiet professjonali fil-qasam tal-enerġija”. Għalhekk taffettwa “l-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-settur tal-elettriku tal-Unjoni”. Għalkemm huwa f’idejn l-Istati Membri li jistabbilixxu r-rekwiżiti sabiex jirregolaw min jista’ jibbenefika mis-servitù u kif, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2019/944 (13).
32. Fil-fehma tiegħi, kif tindika b’mod ġust il-qorti tar-rinviju, l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8(1) u (3) u 9(1) tad-Direttiva 2019/944 tista’ taffettwa s-soluzzjoni tat-tilwima. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha tiġi vvalutata fuq il-premessa li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2019/944.
33. Il-Gvern Slovakk jikkontesta l-applikabbiltà ratione materiae tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2019/944, filwaqt li jenfasizza li d-dritt nazzjonali jipprevedi żewġ proċeduri distinti: waħda għall-bini ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni u, oħra, għat-twettiq ta’ attività professjonali (14) permezz tal-użu tal-installazzjoni ta’ ġenerazzjoni, ladarba tinbena (15).
34. Il-possibbiltà li tinkiseb ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet tas-servitujiet legali hija marbuta biss mal-kisba tat-tieni awtorizzazzjoni (sabiex titwettaq attività professjonali) u mhux l-ewwel waħda (għall-bini tal-impjant). Abbażi ta’ dan, u b’riferiment għall-kliem letterali tiegħu, il-Gvern Slovakk isostni li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2019/944 ma japplikax għall-kawża preżenti.
35. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat bħala kwistjoni ta’ prijorità jekk l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2019/944 huwiex limitat għall-“bini ta’ kapaċità ġdida ta’ ġenerazzjoni” jew jekk jestendix ukoll għat-“twettiq ta’ attività professjonali fis-settur tal-enerġija”. Jekk l-ewwel ipoteżi tkun dik korretta, ir-rilevanza ta’ dak l-artikolu għal din it-tilwima tista’ tiġi eskluża.
36. Għall-Gvern Slovakk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2019/944 huwa, nirrepeti, limitat għall-proċeduri relatati mal-“bini ta’ kapaċità ġdida ta’ ġenerazzjoni”. Madankollu, ma jkoprix il-proċeduri għall-“awtorizzazzjoni sabiex titwettaq attività fl-industrija tal-enerġija”. Hija din l-aħħar awtorizzazzjoni li, skont id-dritt Slovakk, tippermetti (dejjem skont il-Gvern Slovakk) l-għoti tat-titolu li jawtorizza r-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet ta’ servitujiet legali.
37. Fl-ewwel lok, il-kliem letterali tad-Direttiva 2019/944 jidher li jappoġġja l-pożizzjoni tal-Gvern Slovakk: l-Artikolu 8 japplika, b’mod ġenerali, għall-“ġenerazzjoni” tal-enerġija (16). Il-paragrafu 3 tiegħu jindirizza “proċeduri [...] speċifiċi […] għal ġenerazzjoni żgħira deċentralizzata u/jew distribwita”. U l-paragrafu 1 tiegħu jirreferi għall-proċeduri (ordinarji) għall-“bini ta’ kapaċità ġdida ta’ ġenerazzjoni”.
38. Madankollu, il-pożizzjoni tal-Gvern Slovakk ma hijiex konsistenti ma’ interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2019/944 li tieħu inkunsiderazzjoni l-iskop tal-“proċedura ta’ awtorizzazzjoni” irregolata fih.
39. L-objettiv tad-Direttiva 2019/944 huwa, fost oħrajn, “[li tiżgura ] li ma jkun jeżisti l-ebda ostaklu bla bżonn fis-suq intern għall-elettriku fir-rigward tad-dħul fis-suq, it-tħaddim tas-suq u l-ħruġ mis-suq” (17).
40. Ir-rabta bejn l-“aċċess għas-suq” u l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni hija ċara mill-premessa 79 tad-Direttiva 2019/944: “[p]roċeduri ta’ awtorizzazzjoni li jkunu indebitament twal jistgħu jikkostitwixxu ostakolu għall-[aċċess ta’] parteċipanti ġodda [għas]-suq” (18).
41. L-għan komuni tal-proċeduri fl-Artikolu 8(1) u (3) tad-Direttiva 2019/944 huwa għalhekk li jiffaċilitaw l-aċċess effettiv u mingħajr diskriminazzjoni għal produtturi ġodda, kemm kbar kif ukoll żgħar, għas-suq intern tal-elettriku, mingħajr ma jagħmlu tali aċċess eċċessivament ikkumplikat, oneruż u għali (f’termini ta’ ħin u flus) (19).
42. Sabiex jinkiseb aċċess effettiv għas-suq tal-elettriku, ma huwiex biżżejjed li produttur jibni installazzjoni ta’ ġenerazzjoni: dan għandu jħaddimha sabiex tipproduċi l-elettriku.
43. Mill-Artikolu 6(1) u (2) tal-Liġi dwar l-enerġija jirriżulta li “il- ġenerazzjoni [...] tal-elettriku” hija waħda mill-attivitajiet professjonali fl-industrija tal-enerġija li “tista’ titwettaq biss abbażi u skont awtorizzazzjoni jew il-konferma ta’ konformità mal-obbligu ta’ notifika” (20).
44. Fis-seduta, il-Gvern Slovakk argumenta li, fis-Slovakkja, “produttur ġdid” li jkun qiegħed ifittex aċċess għas-suq intern tal-elettriku billi jopera faċilità ta’ ġenerazzjoni fuq bażi professjonali (21):
– jekk ikun irid jibni impjant ġdid, bħala prinċipju, għandu jkollu “ċertifikat” uffiċjali maħruġ għal dan il-għan, li ma huwiex meħtieġ fil-każ ta’ ċerti produtturi żgħar (22);
– fi kwalunkwe każ (23), għandu jkollu titolu ta’ awtorizzazzjoni, li jikkonsisti fl-“awtorizzazzjoni sabiex titwettaq attività ta’ produzzjoni ta’ enerġija elettrika” (prevista fl-Artikolu 6 tal-Liġi dwar l-enerġija), li hija indispensabbli sabiex jibda jitħaddem l-impjant.
45. F’dan il-kuntest, l-“awtorizzazzjoni għal kapaċità ġdida” msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2019/944 tkopri, fis-Slovakkja, dawn li ġejjin: (a) iċ-ċertifikat li, fejn applikabbli, ippermetta l-kostruzzjoni tal-installazzjoni; u (b) l-awtorizzazzjoni sabiex titwettaq attività professjonali ta’ produzzjoni tal-enerġija bl-użu ta’ dik l-installazzjoni.
46. Ir-ratio tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2019/944 huwa li jiggarantixxi aċċess għas-suq ibbażat fuq proċeduri li jaderixxu ma’ “kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji” (u, fil-każ ta’ produtturi żgħar, “simplifikati u razzjonalizzati” ukoll). Dan ir-rekwiżit għandu jiġi osservat kemm fil-proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-kostruzzjoni tal-impjant (meta jkun meħtieġ iċ-ċertifikat għal dan il-għan) kif ukoll fil-proċedura sabiex tinkiseb il-liċenzja operattiva. L-applikazzjoni tiegħu għall-fażi tal-kostruzzjoni biss ma hijiex biżżejjed u, fil-prattika, ma tiggarantixxi ebda aċċess għas-suq, peress li impjant, minħabba li ma jkollux l-awtorizzazzjoni li tippermettilu jopera (jiġifieri, jipproduċi l-enerġija), ma jistax jipparteċipa fis-suq komuni tal-elettriku u diffiċli jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala “installazzjoni ta’ ġenerazzjoni”.
47. Finalment, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2019/944 għandu jiġi interpretat b’mod uniformi, indipendentement mill-karatteristiċi li jattribwixxi d-dritt nazzjonali lill-proċedura ta’ awtorizzazzjoni.
48. L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2019/944 jimponi l-obbligu li tiġi stabbilita proċedura speċifika għall-produtturi żgħar tal-enerġija elettrika. Madankollu, ma jirrikjedix li l-proċeduri meħtieġa għall-kostruzzjoni ta’ installazzjoni ta’ ġenerazzjoni u għat-twettiq ta’ attività ta’ produzzjoni tal-enerġija elettrika permezz ta’ dik l-installazzjoni jiġu sseparati f’żewġ proċeduri distinti. Huwa konċepibbli li ssir traspożizzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2019/944 li tikkombina ż-żewġ awtorizzazzjonijiet fi proċedura waħda (24).
49. Fil-qosor, jiena nemmen li t-tqabbil bejn ir-regola nazzjonali kkontestata u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2019/944 għandu jsir fid-dawl ta’ interpretazzjoni wiesgħa ta’ din tal-aħħar, li ma tillimitax il-portata tagħha għall-bini ta’ installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni ġodda, iżda testendiha għall-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni (f’sens wiesa’) li bihom produttur tal-enerġija elettrika jista’ jaċċedi s-suq (25).
50. Minn din il-perspettiva, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2019/944 ikopri l-proċedura għall-għoti tal-awtorizzazzjoni sabiex titwettaq attività professjonali fis-settur tal-enerġija, jekk id-dritt Slovakk jorbot magħha l-possibbiltà li tkun meħtieġa r-reġistrazzjoni ta’ servitù legali fuq proprjetajiet li jappartjenu lil terzi.
51. Fi kwalunkwe każ, irrispettivament mill-interpretazzjoni mogħtija lill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2019/944, l-ewwel domanda preliminari hija llimitata sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-regola nazzjonali li teskludi lill-produtturi ż-żgħar mill-aċċess għad-drittijiet ta’ servitù taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kif ikkostitwit mill-Artikolu 194(1)(a) TFUE u l-Artikoli 8(1) u (3), u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2019/944. Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għad-domanda fformulata f’dawn it-termini għandha tkun affermattiva.
B. It-tieni domanda preliminari
52. F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda preliminari (kif nipproponi), il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 8(1) u (3), flimkien mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2019/944, jipprekludix il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata.
53. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li saret sal-lum iċċaħħad “[…] awtomatikament lill-produtturi ż-żgħar tal-elettriku li jwettqu l-attivitajiet tagħhom skont proċedura ssemplifikata […] mill-aċċess għad-drittijiet ta’ servitù previsti fid-dritt nazzjonali li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ attività ekonomika fil-qasam tal-enerġija u tagħti dawk id-drittijiet lill-produtturi l-oħra kollha tal-elettriku”.
54. Il-premessa li hija bbażata fuqha t-tieni domanda preliminari hija, għalhekk, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti drittijiet differenti lil dawk li jagħmlu użu mill-proċedura “ordinarja” (Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2019/944) jew il-proċedura “speċifika, issemplifikata u razzjonalizzata” (Artikolu 8(3) tal-istess direttiva).
55. Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirriżultaw mill-fatt li, fil-fehma tagħha:
– id-dritt Slovakk jimponi fuq il-produtturi ż-żgħar il-proċedura “speċifika”, issemplifikata u razzjonalizzata prevista fl-Artikolu 6(4) u (5) tal-Liġi dwar l-enerġija, mingħajr ma tingħata l-għażla li tintuża l-proċedura “ordinarja”, li hija rriżervata għall-produtturi “kbar”;
– din is-sistema għandha l-konsegwenza li l-produtturi ż-żgħar jiġu “kompletament” imċaħħda mill-aċċess għas-servitujiet legali stabbiliti fl-Artikolu 11 tal-Liġi dwar l-enerġija;
– ir-restrizzjoni hija tant sinjifikattiva li l-objettiv tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2019/944 “ikun kompletament imfixkel,” peress li jċaħħad lill-produtturi ż-żgħar “mill-vantaġġi li jgawdu l-produtturi oħra tal-elettriku li joperaw taħt sistema ta’ awtorizzazzjoni iktar kumplessa” (26).
56. Il-qorti tar-rinviju, wara li spjegat xi tqis li huwa l-objettiv tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2019/944 (27), tikkritika l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar din il-kwistjoni, billi targumenta li din ma tippermettix li jintlaħaq tali objettiv (28).
57. L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2019/944 huwa ta’ natura proċedurali, fis-sens li ma jikkundizzjonax id-drittijiet li ser jingħataw, jew jiġu miċħuda, fi tmiem il-proċeduri rispettivi (29). Jiena ninsisti li dan jaderixxi mal-provvediment ta’ proċeduri, kemm jekk ordinarji kif ukoll issemplifikati, li jwasslu għal awtorizzazzjoni (fl-ewwel każ) jew għal notifika tal-attività (fit-tieni każ).
58. Mifhum f’dan is-sens, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2019/944 ma għandux bħala l-għan dirett tiegħu l-garanzija tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni b’saħħitha fis-suq (30). Huwa pjuttost intiż sabiex jiddefinixxi l-obbligi li għandhom jissodisfaw l-Istati Membri meta jistabbilixxu proċeduri ta’ awtorizzazzjoni xierqa sabiex jippermettu aċċess reali u mhux diskriminatorju għall-produtturi tal-elettriku għas-suq.
59. Ix-xogħlijiet preparatorji tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2019/944, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti fid-direttivi preċedenti dwar is-suq intern tal-elettriku, jikkonfermaw li dik id-dispożizzjoni tiffoka iktar fuq il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni milli fuq il-kontenut u l-effetti tal-awtorizzazzjoni nnifisha.
60. Mill-ewwel introduzzjoni tagħha fid-Direttiva 2003/54/KE (31), l-għan ta’ din id-dispożizzjoni kien li “tissemplifika u tħaffef il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għal impriżi żgħar ta’ ġenerazzjoni” (32). Skont id-Direttiva 2009/72, l-Istati Membri kellhom “jiżguraw li jeżistu proċeduri speċifiċi tal-awtorizzazzjoni” għal ġenerazzjoni żgħira (33). Id-Direttiva 2019/944 speċifikat, f’dan is-sens, li l-proċedura speċifika ta’ awtorizzazzjoni għandha tiġi ssimplifikatau razzjonalizzata (34).
61. Minn dan l-itinerarju leġiżlattiv jista’ jiġi dedott li l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2019/944 huwa r-riżultat ta’ proċess ta’ adattament progressiv tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni sabiex din tissodisfa l-ħtiġijiet tal-produtturi żgħar tal-elettriku. Huwa għandu l-għan li jiżgura li dawn il-produtturi ma jiġux imfixkla jew skoraġġuti milli jaċċedu s-suq minħabba l-karatteristiċi ta’ din il-proċedura.
62. Jekk wieħed jikkunsidra l-perspettiva sostantiva, u mhux biss dik proċedurali, dak li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni Slovakka li tistabbilixxi d-duwalità tal-proċeduri huwa li, evalwata bħala ħaġa waħda, għandha konsegwenza paradossali: dak li għandu jkun benefiċċju għall-produtturi żgħar tal-enerġija elettrika fil-fatt isir penalizzazzjoni. Fi tmiem il-proċedura “ssemplifikata”, dawn il-produtturi ser jiksbu titolu ta’ awtorizzazzjoni li ma jippermettilhomx japplikaw għar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet tas-servitujiet legali kkontestati, b’differenza minn dak li jiġri fil-każ ta’ dawk li jirrikorru għall-proċedura ordinarja.
63. Il-qorti tar-rinviju, kif diġà għidt, tiddikjara li l-proċedura ssemplifikata ċċaħħad lill-produtturi żgħar minn drittijiet li jkollhom impatt konsiderevoli fuq l-aċċess tagħhom għas-suq (35).
64. Jekk qiegħed nifhem sewwa d-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju: a) tassumi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevjeni lill-produtturi żgħar milli jirrikorru għall-proċedura “ordinarja” (36); u b) ma tikkontemplax il-possibbiltà li dawn il-produtturi żgħar jistgħu jirrinunzjaw (għal kwalunkwe interess leġittimu li jista’ jimmotiva d-deċiżjoni tagħhom) il-proċedura ssemplifikata sabiex jagħżlu dik ordinarja (37).
65. It-tieni domanda preliminari, għalhekk, tmur lil hinn mill-qafas strettament proċedurali sabiex tindirizza d-distinzjoni bejn id-drittijiet tad-detentur ta’ “awtorizzazzjoni għal kapaċità ġdida”, skont jekk tkunx inkisbet permezz tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8(1) jew (3) tad-Direttiva 2019/944.
66. Hekk kif inhi fformulata, ma inix konvint li r-risposta għal din id-domanda tinsab direttament fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2019/944. Kif diġà spjegajt, dan l-Artikolu ma jirregolax, fih innifsu, id-drittijiet tad-detentur tal-awtorizzazzjoni, iżda pjuttost jorganizza l-proċedura sabiex jinkiseb aċċess għas-suq (38).
67. Għalkemm il-fatt li wieħed ikollu d-drittijiet inerenti fis-servitù legali ma kienx fattur essenzjali sabiex il-produtturi żgħar ikollhom aċċess għas-suq (39), li jkollhom dawn id-drittijiet jew le jista’ jkun fattur li jaffettwa, b’intensità ikbar jew inqas, it-twettiq tal-attività tagħhom. Huwa hawnhekk fejn ir-regoli tad-Direttiva 2019/944 dwar l-attività tal-produtturi tal-enerġija elettrika fis-suq, kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi tan-negozji li diġà aċċedew għalih, huma applikabbli b’mod sħiħ (40).
68. Dawn ir-regoli għandhom jiġu ssupplimentati b’regoli li, f’aspetti li ma kinux is-suġġett ta’ armonizzazzjoni minima fuq l-iskala tal-Unjoni, ikunu ġew adottati mill-Istati Membri. Dawn ir-regoli msemmija l-aħħar, fi kwalunkwe każ, għandhom jirrispettaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inkluż il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li huwa applikabbli b’mod ġenerali u stabbilit fl-Artikoli 3(4) u 9(1) tad-Direttiva 2019/944 (41).
69. Għaldaqstant, nikkunsidra li t-tieni domanda preliminari għandha tingħata risposta primarjament billi wieħed jirreferi għall-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2019/944, flimkien mal-Artikolu 8(3) tagħha (42).
70. Is-servitujiet li d-dritt Slovakk jorbothom mat-“tip” ta’ awtorizzazzjoni miksuba ma humiex irregolati direttament fid-Direttiva 2019/944. F’dan il-qasam, l-Istati Membri, filwaqt li jgawdu minn ċertu marġni ta’ manuvra li jippermettilhom jiggwidaw kif għandhom jaġixxu l-operaturi, fi kwalunkwe każ, għandhom jiżguraw konformità mal-għanijiet tad-Direttiva 2019/944 u jirrispettaw li “l-kriterji adottati […] jkunu oġġettivi u mhux diskriminatorji” (43).
71. L-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi “hija prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm differenza fit-trattament ma tkunx oġġettivament iġġustifikata” (44).
72. Mir-rapport ta’ spjegazzjoni dwar il-Liġi dwar l-enerġija(45) jirriżulta li l-Artikolu 11 tagħha għandu l-għan li jippermetti lid-detentur tal-awtorizzazzjoni jwettaq l-attivitajiet ikkontemplati fih mingħajr il-kunsens minn qabel tas-sid tal-proprjetà mgħobbija bis-servitù (46).
73. Il-Gvern Slovakk jenfasizza n-natura inkomparabbli tas-sitwazzjoni tal-produtturi tal-enerġija kbar u żgħar, minħabba l-eżenzjoni li jgawdu minnha dawn tal-aħħar fir-rigward tal-konformità ma’ xi rekwiżiti professjonali jew ma’ ċerti obbligi li japplikaw għal dawk imsemmija l-ewwel (47). Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn ir-rekwiżiti ma huwa relatat mal-għan tal-Artikolu 11, li r-regoli tiegħu jistabbilixxu drittijiet li jistgħu jiffaċilitaw l-eżerċizzju tal-attività ta’ kwalunkwe produttur tal-enerġija, kemm jekk kbir kif ukoll żgħir (48).
74. Suġġett għall-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, kollox jidher li jindika li ż-żewġ sitwazzjonijiet jistgħu jitqiesu komparabbli (speċifikament fir-rigward tas-servitù legali bħala strument sabiex tiġi ffaċilitata l-ġenerazzjoni tal-enerġija elettrika) u li s-sistema attwali oġġettivament tinvolvi inugwaljanza fit-trattament għall-benefiċċju tal-produtturi l-kbar. Dawn il-produtturi, bħala detenturi ta’ “awtorizzazzjoni”, jistgħu jiksbu r-reġistrazzjoni tas-servitù indipendentement mill-kunsens tas-sid tal-proprjetà intaxxat, filwaqt li l-produtturi ż-żgħar, sabiex jiksbu l-istess riżultat, għandhom jirrikorru għal mezzi b’eżiti inċerti (skont ir-rieda tas-sid tal-art) jew itwal u iktar kumplessi (49).
75. Differenza fit-trattament tista’ tkun ġustifikata meta tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri, meta tkun relatata ma’ għan leġittimu segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u tkun proporzjonata għall-għan segwit minn tali trattament.
76. Skont il-Gvern Slovakk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha l-għan li tevita li l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà tad-detenturi tal-proprjetajiet immobbli mgħobbija bis-servitujiet jimmultiplika ruħu b’mod sproporzjonat. Dan l-istrument (is-servitù legali) huwa riżervat għal dawk li jservu l-interess pubbliku (50).
77. Il-qorti tar-rinviju, fir-realtà, ma tikkontestax li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà ta’ partijiet terzi, li l-proprjetà tagħhom tkun affettwata mis-servitujiet legali, tikkostitwixxi għan li jista’ jiġġustifika r-restrizzjoni kkontestata.
78. Il-problema ddur fuq il-proporzjonalità tal-miżura, peress li teżisti alternattiva oħra xierqa u inqas restrittiva li tippermetti li jiġi ggarantit dak l-għan.
79. L-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Artijiet jirrifjuta l-applikazzjoni tal-produttur żgħir abbażi ta’ kriterju purament formali (il-“konferma tal-konformità mal-obbligu ta’ notifika,” minflok l-“awtorizzazzjoni”), mingħajr ma janalizza r-rekwiżiti l-oħra tal-Artikolu 11(1) tal-Liġi dwar l-enerġija (51). Madankollu, analiżi usa’ tippermetti li l-għan leġittimu invokat jintlaħaq mingħajr ma, fl-istess ħin u inevitabbilment, jiġi miċħud lill-produtturi żgħar id-dritt li jitolbu r-reġistrazzjoni ta’ servitù legali.
80. Mistoqsi waqt is-seduta, il-Gvern Slovakk irrikonoxxa li l-Artikolu 11 tal-Liġi dwar l-enerġija ma jagħtix dritt assolut li tinkiseb ir-reġistrazzjoni tas-servitù. Huwa spjega li l-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Artijiet għandu diskrezzjoni konsiderevoli sabiex jevalwa l-eżistenza ta’ interess pubbliku u sabiex jikkunsidra, skont il-każ, l-interessi konfliġġenti tal-produttur u tas-sid tal-art affettwata.
81. Fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet tal-Gvern Slovakk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu (52), il-Liġi dwar l-enerġija hija bbażata fuq evalwazzjoni ex ante u astratta, magħmula direttament mil-leġiżlatur, tan-nuqqas ta’ interess pubbliku fil-ġenerazzjoni tal-enerġija minn produtturi żgħar. Din l-evalwazzjoni teskludi kunsiderazzjoni każ b’każ, li l-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Artijiet ma jistax iwettaq.
82. Fis-seduta, il-Gvern Slovakk irrikonoxxa li ma kienx f’pożizzjoni li jispjega liema argumenti legali kienu jiġġustifikaw id-deċiżjoni tal-leġiżlatur nazzjonali li jadotta dan l-approċċ.
83. Min-naħa tiegħi, tali interpretazzjoni tal-“interess pubbliku” ma jidhirx li hija kompatibbli mad-Direttiva 2019/944. Jekk din tal-aħħar għandha l-għan li tippromwovi l-produzzjoni tal-enerġija elettrika fuq skala żgħira u l-integrazzjoni fis-suq ta’ dik li ġejja minn sorsi rinnovabbli (bħall-enerġija idroelettrika), dan huwa għaliex jeżisti interess pubbliku fil-promozzjoni tagħhom (53).
84. Ma inix qiegħed insostni li l-produtturi żgħar tal-elettriku għandhom igawdu minn drittijiet identiċi bħal dawk mogħtija lil produtturi li l-attività ta’ ġenerazzjoni tagħhom hija kritika jew essenzjali għall-istabbiltà tan-network. Naqbel mal-qorti tar-rinviju (54) li d-daqs limitat u l-impatt iktar baxx tal-ġenerazzjoni fuq skala żgħira, kif ukoll l-eżenzjoni mill-obbligu li wieħed jikkonforma ma’ ċerti rekwiżiti ta’ diversi tipi, jistgħu jiġġustifikaw approċċ iktar prudenti meta jingħataw drittijiet li, min-natura tagħhom stess, jistgħu jaffettwaw interessi pubbliċi oħra jew id-drittijiet ta’ terzi.
85. F’diversi siltiet tad-deċiżjoni għar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-“interpretazzjoni u l-applikazzjoni attwali tal-leġiżlazzjoni Slovakka” (55) bħala ostakolu li jipprevjeniha milli tegħleb ir-rifjut tar-reġistrazzjoni tas-servitù mitluba minn Haluška.
86. Madankollu, inkwantu Qorti Suprema, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali mingħajr ma tkun neċessarjament marbuta minn deċiżjonijiet preċedenti. Mill-espożizzjoni tagħha jidher li jista’ jiġi dedott li xejn ma jipprevjeniha milli tinterpreta l-Artikolu 11(1) tal-Liġi dwar l-enerġija skont id-dritt tal-Unjoni, sabiex tevita inugwaljanza fit-trattament li ma hijiex ġustifikata bejn produtturi differenti.
87. Fid-dawl ta’ din il-(possibbli) interpretazzjoni skont id-dritt tal-Unjoni, ir-regola nazzjonali ma tipprevjenix lill-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Artijiet milli jkollu marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ sabiex jivvaluta, f’kull każ, l-eżistenza ta’ interess pubbliku, inkluż meta produttur żgħir tal-enerġija idroelettrika japplika sabiex jibbenefika mis-servitù legali.
88. F’dan il-kuntest, l-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Artijiet jista’ jikkunsidra l-interessi konfliġġenti tal-produttur tal-enerġija u tas-sid tal-art affettwata u, jekk ikun meħtieġ, jeskludi r-riskju ta’ abbużi li jirriżultaw minn proliferazzjoni mhux ikkontrollata ta’ servitujiet legali.
89. Fil-qosor, u suġġett għall-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 11 tal-Liġi dwar l-enerġija jista’ jiġi interpretat skont id-Direttiva 2019/944, mingħajr ma tali interpretazzjoni timplika l-ħolqien sistematiku ta’ preġudizzju sproporzjonat għad-drittijiet tal-proprjetà tas-sidien tal-artijiet ikkonċernati (li, barra minn hekk, għandhom jiġu kkumpensati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjoni legali nazzjonali).
VI. Konklużjoni
90. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li r-risposta lin-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Slovakka, is-Slovakkja) għandha tkun kif ġej:
“L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE,
għandu jiġi interpretat fis-sens li,
sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tkunx tista’ tiġi interpretata b’mod konformi mad-Direttiva 2019/944, kwistjoni li għandha tiġi deċiża mill-qorti tar-rinviju, regola tad-dritt nazzjonali li, abbażi ta’ evalwazzjoni ex ante u astratta tal-interess pubbliku, tipprevjeni lill-produtturi żgħar tal-enerġija idroelettrika suġġetti għall-proċedura ssemplifikata prevista fl-Artikolu 8(3) ta’ dik id-direttiva milli jibbenefikaw minn servitù legali mogħtija lill-produtturi tal-elettriku l-oħra ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 9(1) tagħha”.
1 Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
2 Fil-kunċett klassiku tagħha, is-servitù hija piż impost fuq proprjetà waħda għall-benefiċċju ta’ oħra li tappartjeni lil sid differenti. Din tista’ tiġi stabbilita bil-liġi (servitù legali) jew bir-rieda tas-sidien (servitù volontarja).
3 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125).
4 Zákon č. 251/2012 Z. z. o energetike a o zmene a doplnení niektorých zákonov v znení účinnom do 31. Marca 2022 (Liġi Nru 251/2012 dwar l-enerġija u li temenda u tissupplimenta ċerti liġijiet, kif ifformulata sal‑31 ta’ Marzu 2022; iktar ’il quddiem “Liġi dwar l-enerġija”).
5 Il-lista fl-Artikolu 11(1) tinkludi setgħat oħra, bħas-setgħa li “jitneħħew u jinqatgħu s-siġar u pjanti oħra li jipperikolaw is-sikurezza jew l-affidabbiltà tat-tħaddim tat-tagħmir tal-enerġija” [punt (b)]; “jiġu adattati l-mergħat” [punt (c)]; jew “ikun hemm aċċess, bil-kunsens minn qabel mogħti skont il-leġiżlazzjoni speċifika, għall-bini u l-faċilitajiet magħluqa” tal-Ministeri tad-Difiża u tal-Intern, tal-Forzi Armati u l-Pulizija, kif ukoll uffiċċji oħra tal-Istat [punt (d)]. Fil-verżjoni oriġinali tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-punt (f) jidher b’tipa grassa, li jidher li jindika li din hija d-dispożizzjoni li hija s-suġġett tat-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju. Madankollu, skont il-Gvern Slovakk, it-tilwima tikkonċerna s-servitù prevista fil-punt (g).
6 Dan jirriżulta mid-dokumenti msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 68 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Slovakk. Il-bidla fis-sjieda seħħet skont il-kuntratt tal‑15 ta’ Ottubru 2014, li permezz tiegħu l-operazzjoni idroelettrika ġiet ittrasferita għall-patrimonju tal-kumpannija Haluška.
7 Fil-fajl nazzjonali trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja jinsab dokument, maħruġ fl‑20 ta’ Ottubru 2014 mill-Úrad pre reguláciu siet’ových odvetví (l-Awtorità regolatorja tas-sistema tan-networks, is-Slovakkja), li jikkonferma li Haluška ssodisfat l-obbligu tagħha li tinnotifika l-bidu tal-attività tagħha, li seħħ fil‑15 ta’ Ottubru 2014. Dan id-dokument uffiċjali, kif indikat fih, iservi bħala titolu għall-eżerċizzju tal-attività fis-settur tal-enerġija.
8 Sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2026, Fondazione Teatro alla Scala di Milano (C‑668/24, EU:C:2026:60, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
9 Il-qorti tar-rinviju tinnota li l-liġi nazzjonali ċċaħħad lill-produtturi ż-żgħar minn “drittijiet li għandhom impatt konsiderevoli fuq l-aċċess għas-suq għall-imprendituri tas-settur tal-enerġija u l-attività tagħhom fis-suq (kostruzzjoni u aċċess għal faċilitajiet fuq art ta’ nies oħra mingħajr il-kunsens tas-sid, tħaddim u manutenzjoni ta’ tali faċilitajiet, eċċ.)” (deċiżjoni tar-rinviju, punt 44, korsiv miżjud).
10 “[I]n-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teħtieġ li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li jidħlu fih id-domandi magħmula jew, tal-inqas, li din tispjega l-ipoteżi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi”. Sentenza tat‑30 ta’ April 2026, Kotaňák (C‑748/24, EU:C:2026:358, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
11 Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari lanqas ma għandu natura ipotetika, minħabba l-fatt —żvelat mill-Gvern Slovakk waqt is-seduta— li Haluška kienet kisbet aċċess għall-artijiet suġġetti għas-servitù b’mezzi oħra (kuntrattwali u/jew permezz ta’ preskrizzjoni tal-akkwist). Jekk tiġi pprovata, din iċ-ċirkustanza tifforma parti mill-evalwazzjoni fattwali li taqa’ esklużivament f’idejn il-qorti tar-rinviju.
12 It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1.
13 Skont it-tabella li tinsab fl-Anness IV tad-Direttiva 2019/944, l-Artikolu 9(1) tagħha jikkorrispondi għall-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55). Fir-rigward ta’ din tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li: “[…] l-Artikolu 3(1) [tad-Direttiva 2009/72] jistabbilixxi, fil-qasam tas-suq intern tal-elettriku, il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni, li jagħmel parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. […] [I]l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan il-prinċipju jorbot lill-Istati Membri meta s-sitwazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, UNESA et (C‑105/18 sa C‑113/18, EU:C:2019:935, punt 49)).
14 F’dan il-kuntest, it-terminu “professjonali” jindika li l-attività titwettaq b’mod imprenditorjali. Jien ser nużah b’dan il-mod f’dawn il-konklużjonijiet.
15 Skont il-Gvern Slovakk, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2019/944 huwa limitat għall-“bini ta’ kapaċità ġdida ta’ ġenerazzjoni”, li, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, huwa suġġett għal awtorizzazzjoni differenti minn dik inkwistjoni fit-tilwima (punti 24 sa 30 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu). Huwa jenfasizza li, kuntrarjament għal dak li tafferma l-qorti tar-rinviju, it-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2019/944 ma għandhiex tinstab fl-Artikolu 6 tal-Liġi dwar l-enerġija, iżda fl-Artikolu 12 ta’ dik l-istess liġi.
16 It-titolu ta’ dan l-Artikolu huwa “Proċedura ta’ awtorizzazzjoni għal kapaċità ġdida”.
17 Ara l-premessa 12 u 14 tad-Direttiva 2019/944.
18 Enfasi miżjuda minni. Il-premessa tispeċifika li “[i]l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni jenħtieġ li ma jwasslux għal piżijiet amministrattivi li jkunu sproporzjonati għad-daqs u għall-impatt potenzjali tal-produtturi tal-elettriku”.
19 Fis-seduta, il-Gvern Slovakk irrikonoxxa li l-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 6(4) tal-Liġi dwar l-enerġija jsegwi dan l-għan, iżda insista li l-Artikolu 12 biss ta’ dik il-Liġi tittrasponi l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2019/944 fid-dritt nazzjonali.
20 L-Artikolu 6 tal-Liġi dwar l-enerġija jirregola l-awtorizzazzjoni meħtieġa mhux biss għat-twettiq ta’ attività ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku, iżda wkoll għat-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tiegħu. Konsegwentement, jista’ jkun marbut ma’ diversi mill-“awtorizzazzjonijiet” previsti fid-Direttiva 2019/944, inkluża dik tal-Artikolu 8 dwar il-produzzjoni tal-enerġija.
21 Ma huwiex ikkontestat li Haluška għandha l-intenzjoni li teżerċita l-attività tagħha fuq bażi professjonali u mhux għas-sempliċi awtokonsum tagħha, fejn dan tal-aħħar huwa xenarju li jaqa’ taħt l-Artikolu 4(2) tal-Liġi dwar l-enerġija.
22 Skont l-Artikolu 12(2) tal-Liġi dwar l-enerġija, iċ-ċertifikat ma huwiex meħtieġ f’każ ta’ installazzjonijiet li jipproduċu elettriku minn enerġija solari sa 500 kW u minn sors ieħor ta’ enerġija sa 1 MW.
23 Fis-seduta, il-Gvern Slovakk spjega li l-awtorizzazzjoni hija meħtieġa kemm għall-produttur li jħaddem impjant tal-enerġija mibni ġdid kif ukoll għal dak li jerġa’ jibda l-attività f’faċilità preeżistenti, u kkonferma li mingħajrha ma tistax tiġi prodotta enerġija.
24 Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Regione Emilia-Romagna (C‑653/24, EU:C:2025:966), analizzajt il-kuntest leġiżlattiv applikabbli għall-produtturi żgħar idroelettriċi Taljani li jiġbru ilma li jagħmel parti mid-dominju pubbliku sabiex jiġġeneraw l-elettriku. F’dak il-kuntest, ġiet stabbilita proċedura ta’ awtorizzazzjoni waħda li rregolat kemm il-kostruzzjoni tal-impjant tal-enerġija kif ukoll it-tħaddim tiegħu (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 ta’ dawk il-konklużjonijiet).
25 Fis-seduta, ġew enfasizzati d-diffikultajiet relatati mal-kunċett ta’ “kostruzzjoni” ta’ impjant tal-enerġija ġdid, peress li ma huwiex ċar jekk hemmx limitu minimu għall-identifikazzjoni ta’ “bini ġdid” meta jitwettqu xogħlijiet ta’ mmudellar mill-ġdid u ta’ adattament ta’ installazzjoni pre-eżistenti. Dawn id-diffikultajiet jistgħu u għandhom jiġu solvuti billi jiġi kkunsidrat l-għan aħħari tar-regola, li huwa li jiġi ffaċilitat id-dħul ta’ produttur ġdid fis-suq, irrispettivament mid-data tal-kostruzzjoni tal-installazzjoni li jopera.
26 Deċiżjoni tar-rinviju, punti 40 u 43.
27 Deċiżjoni tar-rinviju, punt 40: “l-għan u s-sens tal-Artikolu 8(3) [...] huwa li jiffaċilita d-dħul tal-produtturi żgħar deċentralizzati fis-suq tal-elettriku u, b’hekk, jiżgura ambjent kompetittiv fis-suq tal-elettriku (iktar produtturi tal-elettriku), jiddeċentralizza l-produzzjoni tal-elettriku (jippermetti lill-produtturi żgħar jaċċedu s-suq u jipproteġihom kontra l-monopolju mill-produtturi kbar tal-elettriku) [...] u, finalment, jibbenefika lill-konsumaturi permezz ta’ prezzijiet tal-elettriku iktar baxxi li jirriżultaw minn kompetizzjoni b’saħħitha fis-suq tal-elettriku”.
28 Deċiżjoni tar-rinviju, punt 40, in fine: dan l-għan “[...] ma jistax jintlaħaq jekk, minn naħa waħda, il-leġiżlatur nazzjonali jipprevedi proċedura ta’ awtorizzazzjoni speċifika, issemplifikata, għall-produzzjoni deċentralizzata tal-elettriku fuq skala żgħira, iżda, min-naħa l-oħra, iċaħħad lil dawn il-produtturi mill-vantaġġi li jgawdu l-produtturi l-oħra tal-elettriku li joperaw taħt sistema ta’ awtorizzazzjoni iktar kumplessa skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2019/944”.
29 Il-paragrafu 4 tiegħu jagħti ċerti drittijiet biss lill-“applikanti” li, wara li jkunu pparteċipaw fil-proċedura, jiġu miċħuda l-awtorizzazzjoni mitluba.
30 Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, l-effett indirett tiegħu huwa li tabilħaqq iżid in-numru ta’ produtturi tal-elettriku li joperaw fis-suq u li, b’dan il-mod, jiffaċilita l-ħolqien ta’ ambjent kompetittiv.
31 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta’ l-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211). B’mod ġenerali, kienet teħtieġ biss li l-Istati Membri jqisu “[l]-qies limitat u l-impatt potenzjali” ta’ ġenerazzjoni żgħira fil-qafas tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni. Id-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 12, Vol. 2, p. 3) ma kien fiha l-ebda dispożizzjoni mmirata sabiex tiffaċilita l-aċċess għas-suq għall-produtturi żgħar tal-elettriku.
32 Dan jirriżulta mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE dwar il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill bil-għan li tiġi adottata d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE u dwar il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill bil-għan li tiġi adottata d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (dokument SEC/2003/161 final, disponibbli fuq https://eur-lex.europa.eu/legal-content/ES/TXT/HTML/?uri=CELEX:52003SC0161). L-Artikolu 6(3) ma kienx jidher fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni (COM/2001/0125 final). Fl-ewwel qari tiegħu, il-Parlament Ewropew ippropona (emenda 50) l-introduzzjoni ta’ paragrafu ġdid, li skontu “small decentralised and/or embedded generators shall benefit from simplified authorisation procedures.” L-għan tal-emenda kien “li tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija deċentralizzati, filwaqt li fl-istess ħin jiġi rikonoxxut li l-impjanti tal-enerġija iżgħar għandhom impatt ambjentali u soċjali iktar limitat” (ara r-Rapport tal-Parlament Ewropew, dokument A5‑0077/2002, tal‑1 ta’ Marzu 2002, disponibbli fuq https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/A-5-2002-0077_EN.html?redirect#_section1). Il-Kummissjoni aċċettat dan il-prinċipju. Id-dispożizzjoni ġiet ifformulata mill-ġdid, filwaqt li nżamm “intatt l-għan ta’ proċeduri ta’ awtorizzazzjoni iktar mgħaġġla għal impjanti żgħar ta’ ġenerazzjoni (dokument SEC/2003/161 final).
33 Skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2009/72, “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu proċeduri speċifiċi tal-awtorizzazzjoni għal ġenerazzjoni żgħira […] li jieħdu kont tad-daqs limitat u l-impatt potenzjali tagħhom” (il-bidliet mill-kliem tal‑2003 huma indikati bil-korsiv). Tentattiv sabiex jiġi rivedut l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2003/54 deher fl-Opinjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari, li l-Emenda 59 tagħha pproponiet li timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li “produtturi deċentralizzati żgħar u/jew ġenerazzjoni żgħira distribwita jibbenefikaw minn proċeduri ta’ awtorizzazzjoni ssemplifikati”: ara r-Rapport tal-Parlament Ewropew A6-0191/2008, disponibbli fuq https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/A-6-2008-0191_MT.html?redirect, enfasi miżjuda minni).
34 Din il-bidla hija dovuta għall-Emenda 43 tal-Parlament Ewropew (disponibbli fuq https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/A-8-2018-0044_MT.html#_section2).
35 Fil-punti 40, 42, u 44 tad-deċiżjoni tar-rinviju, kif ukoll fil-formulazzjoni taż-żewġ domandi preliminari, il-qorti tar-rinviju tenfasizza ripetutament li l-produtturi ż-żgħar qiegħdin jiġu “mċaħħda” mid-dritt tagħhom għal servitù legali.
36 Dan huwa bbażat, f’dak il-każ, fuq il-konformità mar-rekwiżiti l-iktar stretti fil-qasam tal-kompetenza professjonali. Il-Kummissjoni enfasizzat dan il-punt diversi drabi matul is-seduta.
37 Għalhekk, il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix jekk regola nazzjonali li ċċaħħad lill-produtturi żgħar mill-għażla libera bejn il-proċeduri previsti fil-paragrafi 1 u 3 tad-Direttiva 2019/944 hijiex kompatibbli mal-Artikolu 8 tagħha. Fid-dawl tal-analiżi tar-ratio tal-Artikolu, jiena nemmen li l-għan tiegħu huwa li jipprovdi lill-produtturi ż-żgħar proċedura iktar mgħaġġla, maħsuba bħala alternattiva għal dik ordinarja. Madankollu, ma nemminx li l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2019/944 huwa intiż sabiex jobbligahom jużaw il-proċedura ssemplifikata, anki jekk, għal xi raġuni leġittima, ma jkollhomx interess jagħmlu dan u jippreferu jsegwu r-rotot “ordinarji” tal-aċċess għas-suq.
38 Fis-seduta, kemm il-Gvern Slovakk kif ukoll il-Kummissjoni qablu li r-regolamentazzjoni tad-drittijiet derivati mill-awtorizzazzjoni ma tinstabx fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2019/944.
39 Kollox jidher li jindika li Haluška operat fis-suq mill‑2014 u, għal diversi snin, aġixxiet bħala produttur tal-enerġija elettrika mingħajr ma kellha d-drittijiet ta’ servitù li applikat għar-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru tal-artijiet fl‑2021.
40 Regoli li, pereżempju, jirregolaw l-aċċess liberu tagħhom għan-network tad-distribuzzjoni u t-trażmissjoni, kif ukoll is-separazzjoni patrimonjali tagħhom mill-operaturi tan-network tat-trażmissjoni sabiex jevitaw riskju ta’ diskriminazzjoni fit-tħaddim tan-network (Artikoli 6 u 43); jew l-aċċess tal-produttur għall-klijenti permezz tal-istabbiliment ta’ “linji diretti” (Artikolu 7). Fin-nuqqas ta’ iktar dettalji dwar in-natura tax-xogħol li għandu jitwettaq taħt is-servitù mitluba fil-kawża prinċipali, ma huwiex possibbli li tiġi vvalutata r-rilevanza potenzjali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
41 L-Istati Membri “[…] ma għandhomx jiddiskriminaw bejn dawk l-impriżi [tal-elettriku] fejn jikkonċerna d-drittijiet jew l-obbligi” (l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2019/944).
42 Il-proċedura li wasslet għall-“awtorizzazzjoni” inkwistjoni hawnhekk (rectius, għall-konferma tal-konformità mal-obbligu ta’ notifika) ġiet konkluża fl‑20 ta’ Ottubru 2014, skont id-Direttiva 2009/72. L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva kien sostanzjalment ekwivalenti għall-Artikolu 8 attwali tad-Direttiva 2019/944. Għal raġunijiet ta’ sempliċità, ser inkompli nirreferi għall-Artikolu 8 tad-Direttiva 2019/944 anki jekk ir-regola applikabbli ratione temporis kienet l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2009/72.
43 Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et (C‑239/07, EU:C:2008:551, punt 47).
44 Ara, ex multis, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett) (C‑205/20, EU:C:2022:168), punt 54.
45 Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Slovakk.
46 Ir-rapport jiddikjara wkoll li, “meta tawtorizza l-installazzjoni ta’ linji u installazzjonijiet tan-network tal-elettriku, l-awtorità tal-ippjanar għandha tiddeċiedi dwar il-portata u l-possibbiltajiet operattivi tax-xogħol imsemmi” u li “d-detentur tal-awtorizzazzjoni [huwa obbligat li] jipprovdi lis-sid tal-proprjetà kumpens ta’ darba, iżda biss għaż-żona li ma tkunx tista’ tintuża bħala riżultat tal-applikazzjoni tas-servitù legali mid-detentur tal-awtorizzazzjoni”.
47 Il-Gvern Slovakk isemmi, b’mod partikolari, l-obbligu li tiġi pprovduta ċerta informazzjoni lill-Ministeru tal-Ekonomija jew lill-operatur tan-netwerk tat-trażmissjoni, kif ukoll li jitħalla l-aċċess għall-binjiet fejn titwettaq l-attività minn persuni fdati b’funzjonijiet tal-Istat; li tiġi ggarantita l-kompetenza professjonali tal-persuni li jwettqu kompiti relatati mal-attività msemmija; u li jiġi żgurat li l-faċilitajiet jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kwalità, sigurtà, protezzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol u protezzjoni tal-ambjent.
48 Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]r-rekwiżit dwar in-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet […] għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom u, b’mod partikolari, fid-dawl tas-suġġett u tal-għan li għandu jintlaħaq mill-att li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni”: sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, État belge (Dritt ta’ residenza f’każijiet ta’ vjolenza domestika) (C‑930/19, EU:C:2021:657), punt 58, korsiv miżjud minni. Fil-każ preżenti, id-distinzjoni inkwistjoni ma hijiex stabbilita (direttament) mir-regola dwar il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni (Artikolu 6 tal-Liġi dwar l-enerġija), iżda mir-regola relatata mal-istabbiliment tas-servitujiet (Artikolu 11 tal-istess Liġi). Il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet għalhekk għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-iskop ta’ dan l-Artikolu msemmi l-aħħar.
49 Produttur żgħir jista’ jikseb servitù biss permezz ta’ kuntratt mas-sid tal-art jew bħala parti minn proċedura ġudizzjarja.
50 Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Slovakk, punti 60 sa 63.
51 Fost dawn ir-rekwiżiti hemm il-ħtieġa u l-benefiċċju tal-interess pubbliku. Skont id-dispożizzjoni, ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet ta’ servitù legali hija permessa biss “sa fejn ikun meħtieġ u għall-finijiet tal-interess pubbliku”.
52 Skont dawn l-osservazzjonijiet tal-Gvern Slovakk (punt 64), il-produtturi li jeżerċitaw l-attività tagħhom abbażi tal-konformità mal-obbligu ta’ notifika joperaw esklużivament għal skopijiet ta’ qligħ u mhux fl-interess pubbliku, peress li ma jissodisfawx funzjoni kritika għall-infrastrutturi u l-produzzjoni tagħhom ma hijiex essenzjali għall-istabbiltà tan-network.
53 Il-premessa 6 u l-Artikolu 58(d) tad-Direttiva 2019/944. Fis-seduta, il-Gvern Slovakk finalment irrikonoxxa li tabilħaqq kien jeżisti interess pubbliku fil-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli.
54 Punt 43 tad-deċiżjoni tar-rinviju.
55 Punti 2, 39, 44 u 45 tad-deċiżjoni tar-rinviju.