Brussell, 19.6.2024

COM(2024) 620 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Awstrija

{SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 620 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Awstrija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(2)Ir-Regolament REPowerEU 3 , adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina d-dipendenza tal-Unjoni Ewropea fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi gradwalment. B’hekk tkun tista’ tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. L-Awstrija żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(3)Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 4 , sabiex jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ politika u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għaż-żieda fit-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività fuq disa’ fatturi li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawn il-fatturi, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u s-Suq uniku jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riformi u l-investimenti biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni segwiet din il-Komunikazzjoni bir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività 5 . Ir-rapport jagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-Suq Uniku tal-Ewropa, filwaqt li jsegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ xprunaturi tal-kompetittività identifikati.

(4)Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024 6 , li ta bidu għaċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2024 madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-22 ta’ Marzu 2024. Fil-21 ta’ Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2024, li fih ma identifikatx lill-Awstrija bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat mill-iżbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2024 tal-Awstrija. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li l-Kunsill adotta fit-12 ta’ April 2024, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2024 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fil-11 ta’ Marzu 2024.

(5)Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Barra minn hekk jinkludi r-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u d-Direttiva 2011/85/UE emendata dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 7 . L-objettivi tal-qafas il-ġdid huma s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali kif ukoll ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru għandu jissottometti pjan fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju fihom l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru orizzont ta’ ppjanar ta’ 4 snin jew 5 snin skont it-tul regolari tal-leġiżlatura nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 8 fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż ir-rekwiżiti biex id-dejn tal-gvern estiż jitpoġġa jew jinżamm f’perkors plawżibbli ’l isfel sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew biex jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG, u biex id-defiċit tal-gvern jinġieb u/jew jinżamm taħt it-3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG tul it-terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin. Għall-fini tal-appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet, fil-[21 ta’ Ġunju] 2024, il-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar il-kontenut tal-pjanijiet u r-rapporti ta’ progress annwali sussegwenti li se jkollhom jissottomettu u, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1263, se tibgħatilhom gwida teknika dwar l-aġġustamenti fiskali (trajettorji ta’ referenza u informazzjoni teknika, fejn applikabbli). L-Istati Membri għandhom jissottomettu l-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom ta’ terminu medju sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-involviment tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u l-konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet fiskali indipendenti, tas-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra, kif xieraq. Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(6)Fit-30 ta’ April 2021, l-Awstrija ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-13 ta Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Awstrija 9 , li ġiet emendata fid-9 ta’ Novembru 2023 għall-konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2021/241 fuq il-bażi li l-RRP parzjalment ma għadux jista’ jintlaħaq minħabba ċirkustanzi oġġettivi, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 10 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Awstrija ssodisfat l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(7)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għall-Awstrija 11 fid-19 ta’ Ġunju 2024. Huwa vvaluta l-progress tal-Awstrija biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Awstrija. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Awstrija fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-ksib tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-ksib tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

(8)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat 12 , id-defiċit tal-gvern estiż tal-Awstrija naqas minn 3,3 % tal-PDG fl-2022 għal 2,7 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 78,4 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 77,8 % fi tmiem l-2023.

(9)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 13 li fl-2023 l-Awstrija tieħu azzjoni biex tiżgura li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali ikun konformi ma’ pożizzjoni ta’ politika newtrali kumplessiva 14 , filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. L-Awstrija ġiet irrakkomandata li tkun lesta biex taġġusta l-infiq kurrenti għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Ġie rrakkomandat ukoll li l-Awstrija tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 15 kienet restrittiva, b’0,9 % tal-PDG, f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri tad-dħul diskrezzjonali) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,5 % tal-PDG. Dan jinkludi ż-żieda fil-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija b’0,2 % tal-PDG. Iż-żieda tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 kienet konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE kienet tammonta għal 0,2 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kien jammonta għal 3,5 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 0,1 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. L-Awstrija ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE. Iffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-ħolqien ta’ aċċess broadband aħjar fiż-żoni rurali u remoti u l-appoġġ lill-unitajiet domestiċi biex jissostitwixxu s-sistemi tat-tisħin li jaħdmu bil-fjuwils fossili b’teknoloġija tat-tisħin rinnovabbli, li huma ffinanzjati parzjalment mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.

(10)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-Projezzjonijiet Ekonomiċi u Baġitarji tal-Awstrija jipprevedi tkabbir tal-PDG reali ta’ 0,2 % fl-2024 u 1,8 % fl-2025, filwaqt li jipproġetta inflazzjoni tas-CPI ta’ 3,8 % fl-2024 u 2,7 % fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 2,9 % tal-PDG fl-2024 u li jibqa’ fil-livell ta’ 2,8 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 77,5 % sa tmiem l-2024 u 77,4 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pproġettat li jonqos b’mod gradwali għal 2,8 % tal-PDG fl-2026, u 2,7 % fl-2027. Għaldaqstant, il-bilanċ tal-gvern estiż huwa ppjanat li jibqa’ taħt il-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % tul l-orizzont tal-programm. Minħabba f’hekk, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa pproġettat li jibqa’ stabbli fil-livell ta’ 77,4 % fl-2026 u fl-2027. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-PDG reali jikber b’0,3 % fl-2024 u 1,6 % fl-2025, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 3,6 % fl-2024 u 2,8 % fl-2025.

(11)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 3,1 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 77,7 % sa tmiem l-2024. Iż-żieda tad-defiċit fl-2024 tirrifletti prinċipalment l-effetti mdewma tal-inflazzjoni fuq in-naħa tan-nefqa (salarji, pensjonijiet, benefiċċji soċjali indiċjati), u nfiq addizzjonali taħt il-qafas fiskali nazzjonali fl-oqsma tal-indukrar tat-tfal, l-akkomodazzjoni u l-klima, kif ukoll il-pakkett dwar l-akkomodazzjoni u l-kostruzzjoni adottat reċentement. Barra minn hekk, diversi miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza relatati mal-enerġija, bħat-trażżin fil-prezzijiet tal-elettriku, ġew estiżi sa tmiem l-2024. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun espansjonarja b’0,4 % tal-PDG fl-2024.

(12)In-nefqa li tammonta għal 0,1 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbel ma’ 0,2 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mil-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ tal-gvern estiż u d-dejn tal-Awstrija.

(13)Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda 16 li l-Awstrija tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali 17 fl-2024 għal mhux aktar minn 4,6 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tal-Awstrija hija pproġettata li tiżdied b’5,9 % fl-2024, li huwa ogħla mir-rata ta’ tkabbir massima rakkomandata. Dan l-infiq eċċessiv fuq ir-rata massima rakkomandata għat-tkabbir f’nefqa netta primarja ffinanzjata nazzjonalment jikkorrispondi għal 0,6 % tal-PDG fl-2024. Dan iwassal għal riskju ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill.

(14)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Awstrija tieħu azzjoni biex telimina b’mod gradwali l-miżuri fis-seħħ ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija, u tuża l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill speċifika wkoll li jekk, minħabba żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija, ikun hemm bżonn li jitkomplew il-miżuri ta’ appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta’ appoġġ, jenħtieġ li l-Awstrija tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett 18 tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huwa stmat fil-livell ta’ 1,4 % tal-PDG fl-2023, u proġettat fil-livell ta’ 0,4 % fl-2024 u 0,1 % fl-2025. B’mod partikolari, it-trażżin fil-prezzijiet tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi u t-tnaqqis tal-imposta tal-enerġija huma preżunti li jibqgħu fis-seħħ fl-2024, għalkemm b’impatt żgħir 19 . Jekk l-iffrankar relatat jintuża biex inaqqas id-defiċit tal-gvern, kif irrakkomandat mill-Kunsill, dawn il-proġettazzjonijiet jimplikaw aġġustament fiskali ta’ 1,0 % tal-PDG fl-2024, billi n-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali 20 tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,4 % tal-PDG f’dik is-sena. Il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija mhumiex ipproġettati li jiġu eliminati b’mod gradwali kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Dan iwassal għal riskju ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill. Barra minn hekk, l-iffrankar relatat mhuwiex ipproġettat li jintuża bis-sħiħ biex inaqqas id-defiċit tal-gvern. Dan iwassal għal riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-kost baġitarju tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija ta’ emerġenza mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli huwa stmat għal inqas minn 0,1 % tal-PDG fl-2024 (0,4 % fl-2023), li minnhom inqas minn 0,1 % tal-PDG jippreservaw is-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika (0,4 % fl-2023).

(15)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Awstrija tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħrajn tal-UE, b’mod partikolari għat-trawwim tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jonqos għal 3,3 % tal-PDG fl-2024 minn 3,5 % tal-PDG fl-2023. Dan huwa dovut għal investiment eċċezzjonalment għoli fl-2023, parzjalment xprunat mil-liġi tal-investiment muniċipali. B’kont meħud ta’ dawn il-fatturi addizzjonali, l-investiment pubbliku fl-2024 huwa vvalutat bħala li jirrispetta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill. Minħabba f’hekk, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-UE, fosthom l-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, hija mistennija tibqa’ stabbli fil-livell ta’ 0,2 % tal-PDG fl-2024. 

(16)Fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir u fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 2,9 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2025 jirrifletti prinċipalment żieda aktar moderata fis-salarji, il-pensjonijiet u benefiċċji soċjali oħra dovuta għat-tnaqqis fl-inflazzjoni u t-tneħħija gradwali tal-miżuri biex jittaffa l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 77,8 % sa tmiem l-2025. Iż-żieda tal-proporzjon tad-dejn mal-PDG fl-2025 tirrifletti prinċipalment nefqa ogħla fuq ir-rata tal-imgħax fl-2024 u rati ta’ tkabbir tal-PDG nominali aktar baxxi.

(17)Il-qafas fiskali tal-Awstrija jiddependi fuq sistema kumplessa ta’ trasferimenti intergovernattivi bejn l-awtoritajiet federali u dawk reġjonali, u l-inċentivi li tipprovdi għal infiq pubbliku effiċjenti huma limitati. In-nuqqas ta’ awtonomija fiskali jagħmel il-finanzjament tal-infiq fil-livelli federali dipendenti ħafna fuq din is-sistema. Fl-2023, persentaġġ żgħir biss mid-dħul pubbliku kollu kien dħul proprju tal-istati federali. Fl-istess ħin, l-iffinanzjar ta’ servizzi essenzjali bħall-kura tas-saħħa, il-kura tat-tfal u t-trasport pubbliku jiddependi sa ċertu punt fuq l-infiq mill-istati federali u l-muniċipalitajiet. It-tibdil demografiku u t-tranżizzjoni ekoloġika qed ikomplu jaggravaw il-pressjoni tal-kostijiet fuq l-istati federali u l-muniċipalitajiet, filwaqt li d-dħul proprju mhuwiex marbut mad-dinamika tan-nefqa. Il-qafas fiskali kurrenti jirriżulta f’ineffiċjenzi u nuqqas ta’ trasparenza peress li jisfoka r-rabta bejn il-piż tat-taxxa u n-nefqa pubblika. L-allinjament aħjar tad-dħul minn sorsi proprji mal-infiq governattiv subċentrali, it-tisħiħ tat-trasparenza u l-koordinazzjoni huma importanti għat-titjib tal-kwalità ġenerali tal-infiq pubbliku. Ir-riforma tas-sistema tat-taxxa fuq il-proprjetà jista’ jintuża biex itejjeb il-federaliżmu fiskali u s-sistema tat-taxxa ġenerali.

(18)It-taħlita ta’ taxxi tkompli tiddependi ħafna fuq l-introjtu mix-xogħol (taxxi fuq pagi mħallsa u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali) u l-konsum. Fl-2022, l-Awstrija kellha t-tielet l-ogħla proporzjon tat‑taxxa għall-PDG fl-UE u porzjon tat-taxxa għoli ħafna. Mill-2023, il-livelli tat-taxxa fuq l-introjtu personali ġew indiċizzati għall-inflazzjoni, u dan ipprevjena żieda ulterjuri tal-porzjon tat-taxxa permezz taċ-ċaqliq. Fl-istess ħin, ir-riforma tat-taxxa ekosoċjali tal-2022 ipprovdew miżuri ta’ salvataġġ fil-qasam tat-taxxi u s-sigurtà soċjali u introduċew prezzar tas-CO2 fis-setturi tat-trasport u tat-tisħin, u dan tejjeb it-taħlita ta’ taxxi. Madankollu, diversi sfidi strutturali li ilhom preżenti fit-taħlita ta’ taxxi għadhom ma ġewx indirizzati. L-użu aħjar ta’ taxxi li jiffavorixxu aktar it-tkabbir jista’ jgħin ukoll biex jinħoloq l-ispazju baġitarju meħtieġ u jissaħħaħ is-sens ta’ ġustizzja fis-sistema tat-taxxa.

(19)L-infiq fil-kura tas-saħħa huwa fost l-ogħla fl-UE, b’ħafna servizzi tal-kura tas-saħħa li għadhom ipprovduti mill-isptarijiet, li huwa mod għali u inqas effiċjenti għall-għoti tal-kura. In-nefqa pubblika fil-kura tas-saħħa hija proġettata li tiżdied minn 7,8 % tal-PDG fl-2022 għal 8,8 % tal-PDG fl-2050. Barra minn hekk, it-tkabbir u t-tixjiħ tal-popolazzjoni huma mistennija li jwasslu għal żieda fl-użu tas-servizzi tal-kura tas-saħħa, u dan ikompli jaggrava t-tħassib tas-sostenibbiltà fiskali. Ir-riforma tal-kura tas-saħħa tal-2023 kienet tinkludi investimenti sinifikanti fil-kura primarja, il-kura ambulatorja, id-diġitalizzazzjoni u l-prevenzjoni li setgħu jgħinu biex jitrażżnu l-kostijiet fit-tul, jekk ikunu akkumpanjati minn riformi strutturali. Se jkun kruċjali li jiġi żgurat li l-pazjenti jiġu ggwidati mis-sistema tas-saħħa b’mod konsistenti, inkluż billi jiġi żgurat li d-disponibbiltà akbar tas-servizzi tal-kura tas-saħħa primarja tissarraf f’użu aktar baxx tas-servizzi eżistenti tal-kura tas-saħħa speċjalizzata fl-isptar jew dawk ambulatorji. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Awstrija se jgħin biex tissaħħaħ il-kura tas-saħħa outpatient, b’mod partikolari billi jappoġġa ċentri tal-kura tas-saħħa primarja eżistenti u ġodda fiż-żoni lokali. Madankollu, il-pakkett tar-riforma tal-2023 ma kellux riformi strutturali li jallinjaw mill-ġdid responsabbiltajiet ta’ finanzjament u nfiq biex tiżdied l-effiċjenza.

(20)Ir-riforma tal-kura fit-tul tal-2023 tejbet l-adegwatezza tal-forniment tas-servizzi, fid-dawl ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ. Fl-istess ħin, iż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-istrutturi tal-familja li qed jinbidlu jeħtieġu strutturi ta’ kura formali msaħħa. Filwaqt li r-riforma tal-kura fit-tul għenet biex jittejbu l-opportunitajiet ta’ taħriġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-paga tal-persunal tal-kura fit-tul, jenħtieġu wkoll aktar sforzi biex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-indokraturi residenti li jaħdmu għal rashom. Barra minn hekk, ir-riforma ma indirizzatx is-sostenibbiltà fiskali strutturali. In-nefqa fil-kura tas-saħħa fit-tul hija proġettata li kważi tirdoppja minn 1,6 % tal-PDG fl-2022 għal 3,1 % tal-PDG fl-2070. Is-sistema tal-kura fit-tul hija kkaratterizzata minn kompetenzi maqsuma għall-finanzjament u l-forniment tas-servizzi. Huwa mixtieq li tiżdied l-armonizzazzjoni tal-finanzjament u s-servizzi, li jkun hemm koordinazzjoni bejn is-setturi differenti, u li jiġu stabbiliti standards ta’ prestazzjoni komuni fir-reġjuni kollha. L-ittestjar tal-assi jiġi applikat għall-kura bbażata fid-dar u fil-komunità iżda mhux għall-kura residenzjali, u dan iwassal għal inċentiv finanzjarju biex tintuża l-kura residenzjali relattivament aktar għalja.

(21)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-Anness V, il-kriterju 2.2, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Awstrija jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Awstrija permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Awstrija tkompli bl-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti billi tindirizza d-dewmien emerġenti. B’mod partikolari, huwa essenzjali li tipproċedi bit-tħejjija tat-tieni u t-tielet talbiet għall-pagament. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali biex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(22)Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, l-Awstrija hija meħtieġa tirrieżamina kull programm sa Marzu 2025, filwaqt li tqis, fost affarijiet oħrajn, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha għall-enerġija u l-klima. Dan ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-UE inkluż f’kull programm. L-Awstrija għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad hemm sfidi. Id-disparitajiet reġjonali fl-Awstrija huma fost l-iżgħar fl-UE, iżda dawk eżistenti jirriskjaw li jissaħħu fil-futur, parzjalment minħabba l-isfidi demografiċi u d-depopolazzjoni f’ċerti territorji rurali remoti. Huwa importanti li titħaffef l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni, u l-prijoritajiet miftiehma fil-programmi għadhom rilevanti. Huwa partikolarment importanti li tittejjeb l-effiċjenza tas-sistema tar-riċerka u l-innovazzjoni, f’konformità mal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti nazzjonali u reġjonali, u li jintużaw rabtiet bejn ix-xjenza u n-negozju. Huwa meħtieġ ukoll li jitkomplew l-investimenti ekoloġiċi, b’mod partikolari fil-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika u t-tnaqqis tal-impronta tal-karbonju, inkluż permezz ta’ teknoloġiji ekoloġiċi emerġenti. Approċċi ta’ żvilupp territorjali integrat għall-appoġġ tal-iżvilupp lokali inklużiv u sostenibbli huma kruċjali. It-trawwim tal-kwalità u l-inklużività tal-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, b’mod partikolari għall-gruppi żvantaġġati, għadu pertinenti, u l-investimenti li jappoġġaw l-inklużjoni attiva u l-impjegabbiltà għandhom ikomplu wkoll. L-Awstrija tista’ wkoll tingrana l-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex tappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi, inkluż teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi.

(23)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, l-Awstrija qed tiffaċċja diversi sfidi addizzjonali relatati mas-suq tax-xogħol, id-dinamiżmu tan-negozju u l-aċċess għall-kapital ta’ riskju kif ukoll id-dipendenza persistenti fuq l-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja u emissjonijiet relattivament għoljin fis-settur tat-trasport.

(24)Ir-rata ta’ impjieg tan-nisa f’ekwivalenti full-time hija taħt il-medja tal-UE, għalkemm tista’ tiġi osservata xejra ’l fuq. L-Awstrija tinsab fit-tieni post fl-UE f’termini ta’ impjieg part-time tan-nisa. Il-provvista insuffiċjenti ta’ faċilitajiet ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità, flimkien ma’ differenzi reġjonali qawwija, għandha rwol ewlieni fis-sehem għoli ta’ nisa f’impjieg part-time. Fl-2023, 24,1 % biss ta’ dawk li għandhom inqas minn 3 snin ipparteċipaw fl-indukrar formali tat-tfal, u b’hekk ir-rata ta’ parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal għadha b’mod ġenerali taħt il-medja tal-UE ta’ 34,9 %. Il-piż doppju ta’ xogħol imħallas u obbligi ta’ kura jaffettwa lin-nisa b’mod sinifikanti aktar mill-irġiel. Filwaqt li qed jittieħdu passi biex jiżdiedu d-disponibbiltà u l-kwalità tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, il-ħinijiet tal-ftuħ tal-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal ma jżidux b’mod sinifikanti l-possibbiltà li l-ġenituri b’responsabbiltajiet ta’ indukrar, essenzjalment in-nisa, jaħdmu sigħat itwal. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ standards ta’ kwalità obbligatorji fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal tista’ tiżgura aħjar l-għoti ta’ kura ta’ kwalità madwar il-pajjiż.

(25)L-Awstrija tesperjenza tnaqqis fid-dinamiżmu tan-negozju tagħha, bir-rati tat-twelid u tal-imwiet tal-intrapriżi fost l-aktar baxxi fl-UE. Is-sehem ta’ negozji ġodda u intrapriżi ġodda qed jonqos, b’impatt negattiv fuq il-produttività (filwaqt li fl-2013 is-sehem ta’ intrapriżi ġodda kien ta’ 5,4 %, fl-2020 dan il-persentaġġ naqas għal 3,8 %, li huwa taħt il-medja tal-UE). Is-sehem ta’ intrapriżi b’rata għolja ta’ tkabbir huwa wkoll ferm taħt il-medja tal-UE (fl-2021, 8,21 % fl-għadd ta’ intrapriżi u 7,29 % fl-għadd ta’ impjegati, meta mqabbel ma’ 9,18 % u 12,40 %, rispettivament, fl-UE). Il-finanzjament tal-ekwità huwa baxx skont l-istandards internazzjonali. Il-provvista limitata ta’ kapital ta’ riskju privat hija restrizzjoni għall-kumpaniji innovattivi u d-diffużjoni tat-teknoloġija. Il-provvista u d-domanda ta’ kapital ta’ riskju mhumiex partikolarment għoljin fl-Awstrija, u dan jista’ jxekkel il-ħolqien u t-tkabbir ta’ intrapriżi ġodda innovattivi jew intensivi fit-teknoloġija. Il-limitazzjonijiet fuq l-aċċess għall-finanzjament tal-kapital ta’ riskju qed jaffettwaw b’mod speċjali l-SMEs innovattivi u n-negozji ġodda. Il-finanzjament tal-kapital ta’ riskju mhuwiex żviluppat biżżejjed, u l-ekwità privata kienet tinsab fil-livell ta’ 0,14 % tal-PDG biss fl-2022, li huwa taħt il-medja tal-UE ta’ 0,64 % b’mod sinifikanti, u l-kapital ta’ riskju fil-livell ta’ 0,041 % tal-PDG (il-medja tal-UE: 0,09 %).

(26)In-nuqqas u l-ispariġġi tal-ħiliet huma fost l-aktar sfidi urġenti tal-Awstrija u t-tixjiħ demografiku huwa mistenni li jkompli jaggrava s-sitwazzjoni. Ir-rata tal-postijiet tax-xogħol battala tal-Awstrija għadha waħda mill-ogħla fl-UE u baqgħet ogħla minn 4 % minn tmiem l-2021. Għalkemm ir-rata tal-impjieg ta’ ħaddiema akbar fl-età żdiedet kontinwament matul l-aħħar deċennju u laħqet 57,7 % fl-2023, din għadha ferm taħt il-medja tal-UE ta’ 63,8 %. Il-ħaddiema akbar fl-età, li għandhom ħiliet diġitali aktar limitati u li spiss jiffaċċjaw prattiki diskriminatorji minħabba l-età tagħhom, isibu diffikultajiet biex jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol. In-nies bi kwalifiki baxxi li għandhom il-livell obbligatorju tal-edukazzjoni skolastika biss huma partikolarment vulnerabbli u jirrappreżentaw l-ogħla sehem ta’ persuni diżokkupati fl-Awstrija. Bl-istess mod, il-persuni li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni u n‑nies bi sfond soċjoekonomiku żvantaġġat għandhom possibbiltà aktar baxxa li jilħqu s-suq tax-xogħol u jiffaċċjaw ostakli partikolari għas-suq tax-xogħol anke minħabba l-isfidi rigward it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol.  Skont l-istħarriġ tal-2022 tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA, Programme for International Student Assessment), madwar wieħed minn kull erba’ studenti Awstrijaċi ta’ 15-il sena ma kellhomx il-livell minimu ta’ profiċjenza fil-matematika, fil-qari u fix-xjenza, u s-sehem ta’ dawk bi sfond żvantaġġat jew ta’ migrazzjoni żdied għal 45 % fil-matematika. Barra minn hekk, iż-żgħażagħ li twieldu barra mill-UE huma kważi darbtejn aktar probabbli li jitilqu mill-iskola kmieni, u dan għandu impatt negattiv fuq l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol. Il-miżuri fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Awstrija biex tittejjeb il-provvista tal-ħiliet kif ukoll l-eżiti edukattivi tal-istudenti żvantaġġati qed jiġu implimentati, iżda huma meħtieġa miżuri addizzjonali biex jitnaqqas in-nuqqas eżistenti ta’ ħaddiema u ħiliet. Dawn jistgħu jinkludu l-promozzjoni tal-aċċess għas-suq tax-xogħol għal ħaddiema akbar fl-età u b’livell baxx ta’ ħiliet u persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, il-prevenzjoni taż-żgħażagħ bi sfond ta’ migrazzjoni milli jitilqu mill-iskola kmieni, kif ukoll it-titjib tal-ħiliet bażiċi ta’ studenti żvantaġġati u studenti bi sfond ta’ migrazzjoni.

(27)Minkejja xi sforzi ta’ diversifikazzjoni, l-Awstrija għadha dipendenti ħafna fuq il-gass tar-Russja. Għalkemm il-provvisti tal-gass min-Norveġja, u sa ċertu punt mill-Afrika ta’ Fuq u mill-Asja Ċentrali, żdiedu fl-2023, l-importazzjonijiet mir-Russja ddominaw il-provvista tal-gass, b’mod partikolari matul ix-xitwa (98 % tal-importazzjonijiet totali f’Diċembru 2023). Biex tespandi l-kapaċità tat-trasport minn pajjiżi ġirien bħall-Ġermanja u l-Italja, l-Awstrija appoġġat investimenti mmirati biex taġġorna l-infrastruttura tal-pipelines tal-gass tagħha. Fl-istess ħin, il-miżuri skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Awstrija, bħall-investiment fl-effiċjenza enerġetika u fis-sostituzzjoni tal-ħiters li jaħdmu bil-fjuwils fossili, jgħinu biex tonqos id-domanda għall-gass u titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika. Il-gvern ħabbar pjan ġdid biex itemm il-kuntratt ta’ provvista fit-tul mal-kumpanija Russa Gazprom u biex jintroduċi obbligu għall-fornituri domestiċi tal-gass biex jiddiversifikaw lil hinn mir-Russja, iżda mingħajr skeda ta’ żmien ċara għall-implimentazzjoni. In-nuqqas ta’ strateġija ċara biex il-gass tar-Russja jiġi diżakkoppjat iħalli l-provvista tal-enerġija tal-Awstrija vulnerabbli.

(28)Il-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli installata tal-Awstrija kibret b’6 % fl-2022. Filwaqt li l-enerġija solari, b’mod partikolari l-fotovoltajċi, kompliet tespandi b’mod qawwi, l-enerġija mir-riħ ma laħħqitx mal-veloċità tal-espansjoni tal-enerġija solari. It-titjib u l-espansjoni tal-ħżin tal-elettriku kif ukoll il-grilji ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni, speċjalment bejn il-Lvant u l-Punent tal-Awstrija, saru kwistjoni ta’ urġenza fid-dawl tal-mira tal-Awstrija li tuża 100 % tal-elettriku rinnovabbli sal-2030. Dan jirrikjedi kemm aktar investimenti kif ukoll veloċità fl-integrazzjoni tal-ġenerazzjoni addizzjonali tal-enerġija rinnovabbli fis-sistema kif stabbilit fl-ewwel pjan Integrat għall-infrastruttura tan-networks ippubblikat f’April 2024. L-Awstrija ppreżentat aktar miżuri biex taċċellera t-tranżizzjoni tal-enerġija, iżda l-att rivedut dwar is-suq tal-elettriku u l-att dwar il-gassijiet rinnovabbli għadhom qed jistennew l-adozzjoni mill-Parlament.

(29)Il-miżuri tal-Awstrija biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra matul dawn l-aħħar ftit snin qed jibdew juru riżultati. L-emissjonijiet tal-gassijiet serra mhux koperti mis-sistema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet naqsu b’5 % fl-2022. Madankollu, il-politiki kurrenti jħallu distakk ta’ 21 punt perċentwali għall-mira maqbula tal-Awstrija tal-kondiviżjoni tal-isforzi ta’ 48 % skont ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi sal-2030 meta mqabbel mal-livelli tal-2005. L-Awstrija għad trid tippreżenta abbozz ta’ aġġornament tal-pjan nazzjonali tagħha għall-enerġija u l-klima lill-Kummissjoni, li kien mistenni f’Ġunju 2023, li jistabbilixxi kif għandha l-għan li tagħlaq dan id-distakk. L-Awstrija introduċiet prezz tas-CO2 għas-setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS, li huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda l-emissjonijiet tat-trasport per capita għadhom ogħla mill-medja tal-UE, fost l-oħrajn minħabba r-rata tat-taxxa relattivament baxxa għad-diżil, li jikkawża l-hekk imsejjaħ “turiżmu tat-tankijiet tal-fjuwil”. Il-pjan tal-Awstrija għall-irkupru u r-reżiljenza fih għadd ta’ riformi u investimenti tat-trasport sostenibbli, iżda hemm lok għal aktar miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, inkluż it-tisħiħ tat-trasport pubbliku fiż-żoni rurali.

(30)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għall-Awstrija, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jgħinu biex jiġu implimentati l-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ rakkomandazzjonijiet għaż-żona euro.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Awstrija tieħu azzjoni fl-2024 u fl-2025 biex:

1.Tissottometti l-pjan fiskali-strutturali ta’ terminu medju fil-ħin. F’konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta 21 fl-2025 għal rata konsistenti mat-tqegħid tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika fuq perkors plawżibbli ta’ tnaqqis fuq terminu medju u mar-rispett tal-valur referenzjarju ta’ defiċit ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Ittejjeb is-sostenibbiltà fiskali tas-sistema tal-kura tas-saħħa u tas-sistema tal-kura fit-tul. Tissimplifika u tirrazzjonalizza r-relazzjonijiet fiskali u r-responsabbiltajiet fis-saffi kollha tal-gvern u tallinja r-responsabbiltajiet tal-finanzjament u tal-infiq. Tkompli ttejjeb it-taħlita tat-taxxa biex tnaqqas il-porzjon tat-taxxa u tappoġġa t-tkabbir inklużiv u sostenibbli.

2.Tindirizza d-dewmien emerġenti biex tippermetti l-implimentazzjoni kontinwa, rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, u tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, filwaqt li tqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex titjieb il-kompetittività.

3.Tagħti spinta lill-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, inkluż billi ttejjeb is-servizzi ta’ kwalità għall-indukrar tat-tfal, u l-parteċipazzjoni ta’ ħaddiema akbar fl-età. Ittejjeb l-eżiti tas-suq tax-xogħol għal gruppi żvantaġġati, bħal persuni b’livell baxx ta’ ħiliet li qed ifittxu impjieg u persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, u tgħolli l-livelli ta’ ħiliet bażiċi, billi tibda mil-livell tal-iskola. Tippromwovi d-dinamiżmu tan-negozju, il-ħolqien u t-tkabbir ta’ kumpaniji ġodda, inkluż permezz ta’ aċċess aħjar għall-kapital ta’ riskju.

4.Ittejjeb is-sigurtà tal-enerġija billi taċċellera d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass lejn sorsi li mhumiex Russi. Tkompli tnaqqas l-emissjonijiet, b’mod partikolari fis-settur tat-trasport.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj .
(2)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17), ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj .
(3)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1) http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj .
(4)    COM(2023) 168 final.
(5)    COM(2024) 77 final.
(6)    COM(2023) 901 final.
(7)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj ) u d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj ).
(8)    Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1263 tad-29 ta’ April 2024 (ĠU L 2024,/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj ). Nefqa netta tfisser in-nefqa tal-gvern netta minn (i) in-nefqa fuq l-imgħax, (ii) il-miżuri tad-dħul diskrezzjonali, (iii) in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) in-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) l-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(9)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Awstrija (10159/2021).
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Novembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Awstrija (14472/2023).
(11)    SWD(2024) 620 final.
(12)    Il-Eurostat-Euro Indicators, 22.4.2024.
(13)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Awstrija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 tal-Awstrija, ĠU C 334, 1.9.2022, p. 162.
(14)    Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju tal-Awstrija fl-2023 huwa stmat fil-livell ta’ 8,7 % f’termini nominali, fuq il-bażi tar-rata ta’ tkabbir potenzjali reali medja ta’ 10 snin u d-deflatur tal-PDG tal-2023.
(15)    Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-amministrazzjoni pubblika. Għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali tat-terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali (u esklużi l-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni.
(16)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tal-Awstrija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tal-Awstrija, ĠU C 312, 1.9.2023, p. 186.
(17)    In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta minn (i) miżuri tad-dħul diskrezzjonali, (ii) nefqa fuq l-imgħax, (iii) nefqa ċiklika fuq il-qgħad, u (iv) u miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(18)    Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-ispiża baġitarja annwali ta’ dawk il-miżuri, inklużi d-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.
(19)    Il-miżuri li, skont l-Awstrija, jibqgħu fis-seħħ sa tmiem l-2024, fil-prinċipju, huma preżunti fit-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni bħala li għandhom impatt baġitarju wkoll fl-2025. 
(20)    Din il-kontribuzzjoni titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja tal-gvern estiż, netta minn (i) l-impatt baġitarju inkrementali ta’ miżuri tad-dħul diskrezzjonali, (ii) miżuri ta’ darba, (iii) nefqa ċiklika fuq il-qgħad u (iv) nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, meta mqabbla mar-rata medja ta’ tkabbir potenzjali tal-PDG fuq terminu medju (10 snin), espressa bħala proporzjon għall-PDG nominali.
(21)    Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263, “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern netta min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali, min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u minn miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.