|
27.2.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 59/70 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/332
tal-20 ta' Frar 2019
li jdaħħal isem fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta' Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti (“Istra” (DOP))
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 52(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni tal-Kroazja biex l-isem “Istarsko ekstra djevičansko maslinovo ulje” jiddaħħal fir-reġistru bħala Denominazzjoni tal-Oriġini Protetta ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). |
|
(2) |
Is-Slovenja opponiet ir-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 51(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 permezz tal-avviż ta' oppożizzjoni tat-22 ta' Ġunju 2016 u d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għall-oppożizzjoni tat-22 ta' Awwissu 2016. |
|
(3) |
Is-Slovenja allegat li r-reġistrazzjoni ta' “Istarsko ekstra djevičansko maslinovo ulje” ma kinitx konformi mal-kundizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għar-raġunijiet li ġejjin: l-isem li għalih intalbet ir-reġistrazzjoni huwa parzjalment omonimu mal-isem Sloven tal-prodott “Ekstra deviško oljčno olje Slovenske Istre”, li ddaħħal fir-reġistru tal-UE tad-Denominazzjonijiet ta' Oriġini Protetti u ta' Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti mill-2007, u ma ngħatat l-ebda evidenza dwar l-użu tal-isem “Istarsko ekstra djevičansko maslinovo ulje” fil-kummerċ jew il-lingwaġġ komuni bħala l-isem kummerċjali jew storiku tas-soltu biex jiġi ddeżinjat iż-żejt taż-żebbuġa prodott fl-Istrija Kroata. |
|
(4) |
L-oppożizzjoni tqieset li kienet ammissibbli. Bl-ittri bid-data tat-18 ta' Ottubru 2016, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jinvolvu ruħhom fil-konsultazzjonijiet rilevanti biex jilħqu qbil bejniethom skont il-proċeduri interni tagħhom. Barra minn hekk ingħatat estensjoni ta' tliet xhur għall-iskadenza tal-konsultazzjonijiet, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 51(3), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. |
|
(5) |
Wara konsultazzjonijiet intlaħaq ftehim bejn il-Kroazja u s-Slovenja. Dan ġie kkomunikat lill-Kummissjoni permezz ta' ittra bid-data tat-8 ta' Mejju 2017, segwita minn skambji ulterjuri bejn il-Kroazja u l-Kummissjoni. |
|
(6) |
Wara l-ftehim saru diversi emendi fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. L-isem tal-prodott “Istarsko ekstra djevičansko maslinovo ulje” inbidel għal “Istra”. Iż-żona tal-produzzjoni ġiet estiża biex tinkludi l-parti Slovena tal-Peniżola tal-Istrija, u l-applikazzjoni Kroata saret applikazzjoni multinazzjonali (Kroata u Slovena). Ġew introdotti wkoll aġġustamenti żgħar għal taqsimiet oħra tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. |
|
(7) |
Peress li d-Dokument Uniku kien ġie emendat b'mod sostanzjali, b'konformità mal-Artikolu 51(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni rrepetiet l-iskrutinju tal-applikazzjoni u kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni huma ssodisfati. |
|
(8) |
L-estensjoni taż-żona ġeografika lejn l-Istrija Slovena hija ġġustifikata minħabba li l-Istrija Slovena tipproduċi żejt taż-żebbuġa bl-istess storja, rabta u kwalitajiet bħal dak magħmul mill-Istrija Kroata kopert mill-applikazzjoni. L-użu tal-isem “Istra” ntwera b'mod eżawrjenti fis-Slovenja u fil-Kroazja. Il-proċeduri nazzjonali ta' oppożizzjoni ġew aġġornati b'mod korrett. Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 huma ssodisfati. |
|
(9) |
B'konformità mal-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni ppreżentata mill-Kroazja u mis-Slovenja għar-reġistrazzjoni tal-isem “Istra” ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3). |
|
(10) |
Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u għalhekk jenħtieġ li l-isem “Istra” jiġi rreġistrat. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-isem “Istra” (DOP) huwa rreġistrat.
L-isem imsemmi fl-ewwel subparagrafu jidentifika prodott tal-Klassi 1.5. Żjut u xaħmijiet (butir, marġerina, żejt, eċċ.) tal-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (4).
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Frar 2019.
Għall-Kummissjoni,
F'isem il-President,
Phil HOGAN
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
(2) ĠU C 108, 23.3.2016, p. 18.
(3) ĠU C 327, 17.9.2018, p. 4.
(4) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).