European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2075

14.10.2025

REGOLAMENT (UE) 2025/2075 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-8 ta’ Ottubru 2025

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward ta’ ċiklu tas-saldu iqsar fl-Unjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jirregola l-perjodu ta’ saldu għall-biċċa l-kbira tat-tranżazzjonijiet f’titoli trasferibbli eżegwiti f’ċentri tan-negozjar. B’ċerti eċċezzjonijiet, id-data tas-saldu maħsuba għal tranżazzjonijiet bħal dawn ma għandhiex tkun aktar tard mit-tieni jum ta’ negozju wara li jseħħ in-negozjar. Tali perjodu jissejjaħ iċ-“ċiklu tas-saldu”. Ir-rekwiżit li saldu jsir mhux aktar tard mit-tieni jum ta’ negozju wara li jseħħ in-negozjar jissejjaħ iċ-“ċiklu tas-saldu T+2”, jew, sempliċiment, “T+2”.

(2)

Perjodi itwal ta’ saldu għal tranżazzjonijiet f’titoli trasferibbli jżidu r-riskji għall-partijiet tat-tranżazzjoni u jnaqqsu l-opportunitajiet għax-xerrejja u l-bejjiegħa biex jidħlu fi tranżazzjonijiet oħra. Għal dawk ir-raġunijiet, ħafna ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi ċaqilqu l-perjodu ta’ saldu jew jinsabu fil-proċess li jċaqalquh, jew qed jippjanaw li jċaqalquh għal jum ta’ negozju wieħed wara n-negozjar (“T+1”). Madankollu, il-bidla globali għal perjodi iqsar ta’ saldu qed toħloq allinjamenti ħżiena bejn is-swieq finanzjarji tal-Unjoni u dawk dinjin. Dawk l-allinjamenti ħżiena ser ikomplu jiżdiedu meta aktar pajjiżi jmorru għas-saldu T+1, u b’hekk jiżdiedu l-kostijiet għall-parteċipanti fis-suq tal-Unjoni ikkawżati minn tali allinjamenti ħżiena. Barra minn hekk, xi swieq kapitali diġà qassru ċ-ċiklu tas-saldu għal ċerti tipi ta’ tranżazzjonijiet għal T+0. Fl-Unjoni, id-depożitorji ċentrali tat-titoli diġà jsaldaw għadd mhux negliġibbli ta’ tranżazzjonijiet fuq bażi T+0.

(3)

Fir-rapport tagħha tat-18 ta’ Novembru 2024 dwar il-valutazzjoni tal-adegwatezza tat-tqassir taċ-ċiklu tas-saldu fl-Unjoni Ewropea, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ESMA), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), ikkonkludiet li t-tqassir taċ-ċiklu tas-saldu fl-Unjoni għal T+1 inaqqas b’mod sinifikanti r-riskji fis-suq, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskji tal-kontroparti u tal-volatilità, u jillibera l-kapital li ma għadux meħtieġ biex ikopri l-appelli għall-marġni. Iċ-ċiklu tas-saldu T+1 jippermetti wkoll lis-swieq kapitali tal-Unjoni jlaħħqu mal-evoluzzjoni ta’ swieq dinjin oħra, filwaqt li jelimina l-kostijiet assoċjati mal-allinjament ħażin attwali tal-perjodi ta’ saldu. Dan jikkontribwixxi wkoll għal aktar armonizzazzjoni tal-istandards tal-avvenimenti korporattivi u l-prattiki tas-suq fl-Unjoni, u b’mod aktar ġenerali għall-kompetittività tas-swieq kapitali tal-Unjoni. Il-Kummissjoni taqbel ma’ dawk il-konklużjonijiet.

(4)

Għalhekk huwa xieraq li tiġi introdotta emenda mmirata għar-Regolament (UE) Nru 909/2014 sabiex iċ-ċiklu tas-saldu obbligatorju attwali jitqassar għal mhux aktar minn jum ta’ negozju wieħed wara li jsir in-negozjar. Dak it-tqassir taċ-ċiklu tas-saldu ma jipprevjenix lid-depożitorji ċentrali tat-titoli milli jsaldaw it-tranżazzjonijiet b’mod volontarju fl-istess data bħad-data tan-negozjar, fejn dak ikun teknoloġikament fattibbli.

(5)

It-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli jippermettu lill-parteċipanti fis-suq jimmaniġġaw il-ħtiġijiet tagħhom ta’ likwidità u ta’ finanzjament b’mod flessibbli. Ix-xejriet tas-suq jindikaw użu dejjem akbar ta’ tali tranżazzjonijiet fiċ-ċentri tan-negozjar. Ċerti tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli li jiġu eżegwiti f’ċentri tan-negozjar jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżit taċ-ċiklu tas-saldu T+1. Madankollu, minħabba n-natura mhux standardizzata ta’ tali tranżazzjonijiet u, b’mod partikolari, il-perjodi tas-saldu mhux standardizzati li jista’ jkun hemm bżonn li jiġu miftiehma mill-partijiet għal tali tranżazzjonijiet biex jilħqu l-objettivi tagħhom, u biex jiġi evitat li tiġi skoraġġuta l-eżekuzzjoni tagħhom fiċ-ċentri tan-negozjar, jenħtieġ li dawk it-tranżazzjonijiet ikunu eżentati mir-rekwiżit taċ-ċiklu tas-saldu T+1. Fl-istess ħin, biex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ ċirkomvenzjoni tar-rekwiżit taċ-ċiklu tas-saldu T+1, jenħtieġ li l-eżenzjoni tapplika biss jekk it-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli inkwistjoni jkunu dokumentati bħala tranżazzjonijiet uniċi magħmula minn żewġ operazzjonijiet marbuta. B’konsegwenza ta’ dan, u għall-finijiet tar-rekwiżit taċ-ċiklu tas-saldu T+1, jenħtieġ li t-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli mhux dokumentati jkunu soġġetti għal dak ir-rekwiżit. Eżenzjoni espliċita mhijiex meħtieġa għal tranżazzjonijiet ta’ self b’marġni peress li mhumiex tranżazzjonijiet f’titoli trasferibbli u għalhekk jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżit taċ-ċiklu tas-saldu T+1.

(6)

Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jipprevedi diversi miżuri biex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-saldu, inkluż penali pekunjarji imposti fuq parteċipanti inadempjenti. Il-kalkolu ta’ dawk il-penali pekunjarji huwa ddeterminat mill-parametri speċifikati fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/389 (6). Il-Kummissjoni mistennija żżomm rekord tal-iżviluppi tas-suq, il-volum ta’ fallimenti tas-saldu u r-rieda tal-industrija li tikkonforma mar-rekwiżit taċ-ċiklu tas-saldu T+1, u li tikkunsidra, kif xieraq, jekk hemmx riskju sinifikanti li ċ-ċaqliq minn rekwiżit taċ-ċiklu tas-saldu T+2 għal T+1 iwassal għal żieda materjali fil-fallimenti tas-saldu. Meta jiġi identifikat tali riskju, il-Kummissjoni tista’, fejn meħtieġ, tikkunsidra jekk għandhiex taġġusta r-Regolament Delegat (UE) 2017/389 kif xieraq, jew tieħu kwalunkwe miżura xierqa oħra fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħat stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 909/2014, sabiex jittaffew kemm il-konsegwenzi negattivi finanzjarji kif ukoll dawk mhux finanzjarji. Jenħtieġ li kwalunkwe aġġustament ikun temporanju, proporzjonat għall-objettiv u mfassal biex jevita l-impożizzjoni ta’ kostijiet eċċessivi fuq l-industrija.

(7)

Jenħtieġ li l-ESMA timmonitorja l-effiċjenza tas-saldu matul iċ-ċaqliq lejn ċiklu ta’ saldu T+1 u jenħtieġ li tirrapporta dwar dan b’aktar frekwenza matul ix-xhur immedjatament qabel u immedjatament wara dak iċ-ċaqliq. Fid-dawl tal-eżenzjoni mir-rekwiżit taċ-ċiklu tas-saldu T+1 għal ċerti tipi ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-ESMA tagħti attenzjoni partikolari lill-effiċjenza tas-saldu tat-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli nnegozjati fiċ-ċentri tan-negozjar jew barra minnhom.

(8)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 909/2014 jiġi emendat skont dan.

(9)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi introdott ċiklu iqsar ta’ saldu fl-Unjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jikseb dak l-objettiv.

(10)

Sabiex jiġi żgurat li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha involuti jkunu mħejjija biżżejjed u jkunu jistgħu jgħaddu għaċ-ċiklu tas-saldu T+1 b’mod koordinat u f’waqtu, jenħtieġ li d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi differita,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 909/2014

Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet f’titoli trasferibbli msemmija fil-paragrafu 1, li huma eżegwiti f’ċentri tan-negozjar, id-data prevista tas-saldu ma għandhiex tkun aktar tard mill-ewwel jum ta’ xogħol wara li jkun seħħ in-negozju.

Ir-rekwiżit stabbilit fl-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għal kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

tranżazzjonijiet li huma negozjati privatament iżda jiġu eżegwiti f’ċentru tan-negozjar;

(b)

tranżazzjonijiet li jiġu eżegwiti bilateralment iżda jiġu rrappurtati lil ċentru tan-negozjar;

(c)

l-ewwel tranżazzjoni fejn it-titoli trasferibbli kkonċernati huma soġġetti għar-reġistrazzjoni inizjali f’format ta’ entrata fil-kotba skont l-Artikolu 3(2);

(d)

it-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli li ġejjin, dment li jkunu dokumentati bħala tranżazzjonijiet uniċi magħmula minn żewġ operazzjonijiet marbuta:

(i)

self ta’ titoli jew teħid b’self ta’ titoli kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt (7), tar-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(ii)

tranżazzjoni ta’ akkwist bil-patt ta’ rivendita jew tranżazzjoni ta’ vendita bil-patt ta’ riakkwist kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt (8), tar-Regolament (UE) 2015/2365;

(iii)

tranżazzjonijiet ta’ riakkwist kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (9), tar-Regolament (UE) 2015/2365.

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta’ transazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/2365/oj).”;"

(2)

l-Artikolu 74 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (a), jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ia)

il-kategoriji tat-tranżazzjonijiet, id-data tas-saldu maħsuba tat-tranżazzjonijiet u jekk it-tranżazzjonijiet humiex eżegwiti f’ċentri tan-negozjar;”

;

(b)

fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

fuq talba mill-Kummissjoni, għar-rapporti msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a)(ia) u l-punti (e), (h), (j) u (k).”

;

(3)

fl-Artikolu 75, l-ewwel paragrafu, jiddaħħal il-punt li ġej:

“(aa)

l-impatt fuq is-suq tal-eżenzjoni u l-ġustifikazzjoni għaliha għal ċerti tipi ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli mir-rekwiżit ta’ saldu mhux aktar tard mill-ewwel jum ta’ xogħol wara li jseħħ in-negozjar kif stabbilit fl-Artikolu 5(2);”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-11 ta’ Ottubru 2027.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-8 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


(1)   ĠU C, C/2025/2274, 14.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2274/oj.

(2)   ĠU C, C/2025/3203, 2.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3203/oj.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Settembru 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Settembru 2025.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/909/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1095/oj).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/389 tal-11 ta’ Novembru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-parametri għall-kalkolu ta’ penali fi flus għal fallimenti tas-saldu u l-operazzjonijiet tas-CSDs fi Stati Membri ospitanti (ĠU L 65, 10.3.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/389/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2075/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)