European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1419

3.7.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1419

tad-29 ta’ Ġunju 2026

li ġġedded l-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq tal-prodotti li jkun fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87705, li jkunu jikkonsistu minnha, jew li jkunu magħmulin minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2026) 4402)

(It-test bl-Olandiż biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 11(3) u 23(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/696 (2) awtorizzat l-introduzzjoni fis-suq ta’ ikel u għalf li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87705, li jkunu jikkonsistu minnha, jew li jkunu magħmulin minnha. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik l-awtorizzazzjoni jkopri wkoll l-introduzzjoni fis-suq tal-prodotti, għajr l-ikel u l-għalf, li jkun fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87705, jew li jkunu jikkonsistu minnha, biex tintuża għall-istess użi bħal kull fażola tas-sojja oħra, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni.

(2)

Fit-8 ta’ Marzu 2024, Bayer Agriculture BV, ibbażata fil-Belġju, f’isem Bayer CropScience LP, ibbażata fl-Istati Uniti, (“l-applikant”) ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni għat-tiġdid ta’ dik l-awtorizzazzjoni.

(3)

Fit-12 ta’ Jannar 2026, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ħarġet opinjoni xjentifika favorevoli dwar il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87705 (3) f’konformità mal-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. Din ikkonkludiet li l-applikazzjoni għat-tiġdid ma kienx fiha evidenza ta’ xi perikli, esponiment immodifikat jew inċertezzi xjentifiċi ġodda li jibdlu l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskju oriġinali dwar il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87705, adottata mill-Awtorità fl-2012 (4) u fl-2013 (5).

(4)

Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità qieset il-mistoqsijiet u t-tħassib kollu mressqa mill-Istati Membri fil-kuntest tal-konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, kif previst fl-Artikolu 6(4) u fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

(5)

L-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali, li jikkonsisti minn pjan ta’ sorveljanza ġenerali, kif ressaq l-applikant, jaqbel mal-użi maħsuba tal-prodotti.

(6)

Barra minn hekk, fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità rrakkomandat pjan ta’ monitoraġġ ta’ wara t-tqegħid fis-suq għall-ikel u qieset li dan il-pjan għall-għalf mhuwiex meħtieġ, fi qbil mal-opinjoni xjentifika tal-EFSA u mad-dikjarazzjoni komplementari adottati, rispettivament, fl-2012 u fl-2013, u huwa konsistenti mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/696.

(7)

Fid-dawl ta’ dawk il-konklużjonijiet, jenħtieġ li tiġġedded l-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq tal-ikel u l-għalf li jkunu fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87705, li jkunu jikkonsistu minnha, jew li jkunu magħmulin minnha, u tal-prodotti li jkun fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87705, jew li jkunu jikkonsistu minnha għall-użi għajr għall-ikel u għall-għalf, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni.

(8)

Permezz tal-ittra tad-19 ta’ Jannar 2026, Bayer Agriculture BV, ibbażata fil-Belġju, għarrfet lill-Kummissjoni li Bayer CropScience LP biddlet il-forma ġuridika tagħha u biddlet isimha għal Bayer CropScience LLC mill-1 ta’ Jannar 2026.

(9)

Ġie assenjat identifikatur uniku lill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87705, f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2004 (6), fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni oriġinali bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/696. Jenħtieġ li dak l-identifikatur uniku jibqa’ jintuża.

(10)

Jenħtieġ li l-ikel, l-ingredjenti tal-ikel u l-għalf li jkun fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87705, li jkunu jikkonsistu minnha, jew li jkunu magħmulin minnha jiġu ttikkettati f’konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 13(1) u fl-Artikolu 25(2), il-punti (a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

(11)

Filwaqt li titqies l-opinjoni tal-Awtorità li tikkonferma li l-kompożizzjoni tal-aċidu grass taż-żrieragħ tal-fażola tas-sojja MON 87705 u ż-żejt derivat minnha nbidlet fir-rigward tal-kontroparti konvenzjonali, u fin-nuqqas ta’ informazzjoni ġdida pprovduta mill-applikant biex tinbidel il-valutazzjoni inizjali, jidher li hemm bżonn ta’ tikkettar speċifiku, li jkun fih l-istess kliem bħal fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/696, f’konformità mal-Artikoli 13(2)(a) u 25(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

(12)

Sabiex jiġi żgurat l-użu tal-prodotti fil-limiti tal-awtorizzazzjoni stipulata b’din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li t-tikkettar tal-prodotti li jkun fihom OĠM jew li jkunu jikkonsistu minnu, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tal-ikel li għalihom tkun intalbet l-awtorizzazzjoni, ikun ikkomplementat minn indikazzjoni ċara li l-prodotti inkwistjoni ma jistgħux jintużaw għall-kultivazzjoni.

(13)

Ir-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jistabbilixxi r-rekwiżiti tat-tikkettar fl-Artikolu 4(6) għall-prodotti li jkun fihom l-OĠM jew li jkunu jikkonsistu minnhom. Ir-rekwiżiti dwar it-traċċabilità fil-każ tal-prodotti li jkun fihom OĠM jew li jkunu jikkonsistu minnhom huma stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 5 tal-Artikolu 4 u fil-każ tal-ikel u l-għalf magħmulin minn OĠM, dawn huma stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament.

(14)

Jenħtieġ li d-detentur tal-awtorizzazzjoni jressaq ir-rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni u dwar ir-riżultati tal-attivitajiet stabbiliti fil-pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali. Jenħtieġ li dawk ir-riżultati jiġu ppreżentati f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/770/KE (8).

(15)

Jenħtieġ li d-detentur tal-awtorizzazzjoni jressaq ukoll ir-rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-attivitajiet stabbiliti fil-pjan ta’ monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq.

(16)

L-opinjoni tal-Awtorità ma tiġġustifikax l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet jew ta’ restrizzjonijiet speċifiċi oħra għall-introduzzjoni fis-suq, għall-użu u għall-maniġġ tal-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87705 jew għall-ħarsien ta’ ekosistemi/ambjenti u/jew ta’ żoni ġeografiċi partikolari, kif previst fl-Artikolu 6(5), il-punt (e), u fl-Artikolu 18(5), il-punt (e), tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

(17)

Jenħtieġ li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-awtorizzazzjoni tal-prodotti koperti minn din id-Deċiżjoni tiddaħħal fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u tal-għalf ġenetikament modifikat imsemmi fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

(18)

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata permezz taċ-Ċentru ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar il-Bijosikurezza lill-Partijiet tal-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosigurtà lill-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bioloġika, skont l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 15(2), il-punt (c) tar-Regolament (KE) Nru 1946/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(19)

Il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf ma tax opinjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu. Dan l-att ta’ implimentazzjoni tqies li kien meħtieġ u l-President ressqu quddiem il-kumitat tal-appell biex ikompli jiġi deliberat. Il-kumitat tal-appell ma tax opinjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Organiżmu ġenetikament modifikat u identifikatur uniku

Il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata (Glycine max (L.) Merr.) MON 87705, kif speċifikat fil-punt (b) tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, ġiet assenjata l-identifikatur uniku MON-877Ø5-6, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 65/2004.

Artikolu 2

Tiġdid tal-awtorizzazzjoni

L-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq tal-prodotti li ġejjin tiġġedded fir-rigward ta’:

(a)

l-ikel u l-ingredjenti tal-ikel li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON-877Ø5-6, li jikkonsistu minnha jew li jkunu magħmulin minnha;

(b)

l-għalf li fih il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON-877Ø5-6, li jikkonsisti minnha jew li jkunu magħmulin minnha;

(c)

il-prodotti li jkun fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON-877Ø5-6, jew li jkunu jikkonsistu minnha, għall-użi għajr dawk previsti fil-punti (a) u (b), bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni.

Artikolu 3

Tikkettar

1.   Għall-finijiet tar-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti fl-Artikolu 13(1) u fl-Artikolu 25(2), il-punti (a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003, l-isem tal-organiżmu għandu jkun “fażola tas-sojja”.

2.   Għall-finijiet tar-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti fl-Artikolu 13(2)(a) u fl-Artikolu 25(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, il-kliem “bil-grass monoinsaturat miżjud u bil-grass poliinsaturat imnaqqas” għandu jidher wara isem l-organiżmu fuq it-tikketta jew, meta jkun xieraq, fid-dokumenti li jakkumpanjaw il-prodotti.

3.   Il-kliem “mhux għall-kultivazzjoni” għandu jidher fuq it-tikketta tal-prodotti u fid-dokumenti li jakkumpanjaw il-prodotti li jkun fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata jew li jkunu jikkonsistu minnha, kif imsemmi fl-Artikolu 1, bl-eċċezzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 2(a).

Artikolu 4

Metodu għad-detezzjoni

Il-metodu stabbilit fil-punt (d) tal-Anness għandu japplika għad-detezzjoni tal-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON-877Ø5-6.

Artikolu 5

Monitoraġġ għall-effetti ambjentali

1.   Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jiżgura li l-pjan ta’monitoraġġ għall-effetti ambjentali, kif stabbilit fil-punt (h) tal-Anness, jiddaħħal fis-seħħ u jiġi implimentat.

2.   Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jressaq ir-rapporti annwali lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-attivitajiet stabbiliti fil-pjan ta’ monitoraġġ, f’konformità mal-format stabbilit fid-Deċiżjoni 2009/770/KE.

Artikolu 6

Monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq f’konformità mal-Artikolu 6(5)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003

1.   Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jiżgura li l-pjan ta’ monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq taż-żejt tal-fażola tas-sojja MON-877Ø5-6, kif stabbilit fil-punt (g) tal-Anness, jiddaħħal fis-seħħ u jiġi implimentat.

2.   Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jressaq lill-Kummissjoni r-rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-attivitajiet stabbiliti fil-pjan ta’ monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq, u dan sakemm tibqa’ tapplika l-awtorizzazzjoni.

Artikolu 7

Reġistru Komunitarju

L-informazzjoni stipulata fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni għandha tiddaħħal fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u tal-għalf ġenetikament modifikat, kif imsemmi fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

Artikolu 8

Detentur tal-awtorizzazzjoni

Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jkun Bayer CropScience LLC, l-Istati Uniti, irrappreżentat fl-Unjoni minn Bayer Agriculture BV, il-Belġju.

Artikolu 9

Validità

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-perjodu ta’ 10 snin mid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 10

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Bayer CropScience LLC, 800 N. Lindbergh Boulevard, St. Louis, Missouri 63167, l-Istati Uniti, rappreżentat fl-Unjoni minn Bayer Agriculture BV, Scheldelaan 460, 2040 Antwerp, il-Belġju.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2026.

Għall-Kummissjoni

Olivér VÁRHELYI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1829/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/696 tal-24 ta’ April 2015 lli tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew huma prodotti mill-fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON87705 (MON-877Ø5-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 112, 30.4.2015, p. 60, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/696/oj.

(3)  EFSA GMO Panel (Il-Bord tal-EFSA dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati), 2026. Scientific Opinion on the assessment of genetically modified soybean MON 87705 for renewal authorisation under Regulation (EC) No 1829/2003 (application GMFF-2023-21236). EFSA Journal 2026; 24:e9846. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2026.9846.

(4)  EFSA GMO Panel (Il-Bord tal-EFSA dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati), (2012). Scientific Opinion on application EFSA-GMO-NL-2010-78 for the placing on the market of herbicide tolerant, increased oleic acid genetically modified soybean MON 87705 for food and feed uses, import and processing under regulation (EC) No 1829/2003 from Monsanto. EFSA Journal, 10(10), 2909. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2012.2909.

(5)  EFSA GMO Panel (Il-Bord tal-EFSA dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati), (2013). Statement complementing the scientific opinion on application EFSA-GMO-NL-2010-78 to cover the safety of soybean MON 87705 oil for commercial frying. EFSA Journal, 11(12), 3507. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2013.3507.

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2004 tal-14 ta’ Jannar 2004 li jistabbilixxi sistema għall-iżvilupp u l-assenjazzjoni ta’ identifikaturi uniċi għall-organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 10, 16.1.2004, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/65/oj).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar it-traċċjabilità u l-ittikkettjar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċjabilità ta’ prodotti ta’ l-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament u li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1830/oj).

(8)  2009/770/KE: Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi formati standard tar-rappurtar għall-preżentazzjoni tar-riżultati tal-monitoraġġ tar-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament, bħala jew fi prodotti, għal għan tat-tqegħid fis-suq, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 275, 21.10.2009, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/770/oj).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 1946/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-movimenti transkonfinali ta' organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 287, 5.11.2003, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1946/oj).


ANNESS

(a)

Applikant u detentur tal-awtorizzazzjoni:

Isem

:

Bayer CropScience LLC

Indirizz

:

800 N. Lindbergh Boulevard, St Louis, Missouri, 63167, l-Istati Uniti

irrappreżentata fl-Unjoni minn Bayer Agriculture B.V., Scheldelaan 460, 2040, Antwerp, il-Belġju.

(b)

Isem u speċifikazzjoni tal-prodotti:

(1)

l-ikel u l-ingredjenti tal-ikel li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON-877Ø5-6, li jikkonsistu minnha jew li jkunu magħmulin minnha;

(2)

l-għalf li fih il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON-877Ø5-6, li jikkonsisti minnha jew li jkunu magħmulin minnha;

(3)

il-prodotti li jkun fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON-877Ø5-6 jew li jkunu jikkonsistu minnha, għall-użi għajr dawk previsti fil-punti (1) u (2), bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni.

Il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON-877Ø5-6 għandha espressjoni mnaqqsa ta’ Δ12-desaturażi tal-aċidi grassi (FAD2) u ta’ enzimi tijoesterażi tal-proteina trasportatriċi tal-aċil tal-palmitojl (FATB), li tirriżulta f’żieda tal-aċidu olejku u profil tal-aċidu linolejku mnaqqas u tesprimi l-proteina CP4 EPSPS, li tagħti tolleranza lill-erbiċidi bbażati fuq il-glifosat.

(c)

Tikkettar:

(1)

Għall-finijiet tar-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti fl-Artikolu 13(1) u fl-Artikolu 25(2), il-punti (a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003, isem l-organiżmu għandu jkun “fażola tas-sojja”.

(2)

Għall-finijiet tar-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti fl-Artikolu 13(2)(a) u fl-Artikolu 25(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, il-kliem “bil-grass monoinsaturat miżjud u bil-grass poliinsaturat imnaqqas” għandu jidher wara isem l-organiżmu fuq it-tikketta jew, meta jkun xieraq, fid-dokumenti li jakkumpanjaw il-prodotti.

(3)

Fuq it-tikketta u fid-dokumenti li jakkumpanjaw il-prodotti li jkun fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON-877Ø5-6 jew li jkunu jikkonsistu minnha, bl-eċċezzjoni tal-prodotti msemmija fil-punt (b)(1), għandu jidher il-kliem “mhux għall-kultivazzjoni”.

(d)

Metodu għad-detezzjoni:

(1)

Metodu abbażi tal-PCR fil-ħin reali u speċifiku għall-ġrajja għall-kwantifikazzjoni tal-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON-877Ø5-6;

(2)

ivvalidat mil-Laboratorju ta’ Referenza tal-UE stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, ippubblikat fis-sit web https://gmo-crl.jrc.ec.europa.eu/method-validations;

(3)

materjal ta’ referenza: AOCS 0210-A2 (għal MON-877Ø5-6) u AOCS 0906-A (għall-kontroparti mhux ĠM tiegħu) huma aċċessibbli permezz tal-American Oil Chemists Society (AOCS), fuq https://www.aocs.org/

(e)

Identifikatur uniku:

MON-877Ø5-6

(f)

Informazzjoni meħtieġa skont l-Anness II tal-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-bijosigurtà lill-Konvenzjoni dwar id-diversità bijoloġika:

[Ċentru ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar il-Bijosikurezza, Numru tal-ID tar-Rekord: ippubblikat fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u tal-għalf ġenetikament modifikati meta jiġi nnotifikat].

(g)

Kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet għall-introduzzjoni fis-suq, għall-użu jew għall-maniġġ tal-prodotti:

Monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq f’konformità mal-Artikolu 6(5)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003

1.

Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jiġbor l-informazzjoni li ġejja:

(i)

il-kwantitajiet ta’ żejt tal-fażola tas-sojja MON-877Ø5-6 u tal-fażola tas-sojja MON-877Ø5-6 għall-estrazzjoni taż-żejt importati fl-Unjoni Ewropea għall-introduzzjoni fis-suq bħala ikel jew fil-prodotti għall-ikel;

(ii)

fil-każ ta’ importazzjoni tal-prodotti msemmija fil-punt (i), ir-riżultati tat-tfittxija fil-bażi tad-data tal-FAOSTAT dwar il-kwantitajiet tal-konsum taż-żejt veġetali minn Stat Membru, inkluż iċ-ċaqliq fil-kwantitajiet bejn it-tipi differenti ta’ żjut ikkonsmati.

2.

Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jirrieżamina l-valutazzjoni tan-nutrizzjoni mwettqa bħala parti mill-valutazzjoni tar-riskju abbażi tal-informazzjoni miġbura u rrapportata.

(h)

Pjan ta’monitoraġġ għall-effetti ambjentali:

Pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali f’konformità mal-Anness VII tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

*[Link: pjan ippubblikat fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u tal-għalf ġenetikament modifikati]

Nota:

il-links għad-dokumenti relevanti jaf ikollhom bżonn jinbidlu minn żmien għall-ieħor. Dawk il-bidliet ikunu disponibbli għall-pubbliku permezz tal-aġġornament tar-reġistru Komunitarju tal-ikel u tal-għalf ġenetikament modifikati.

(*1)  Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/18/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1419/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)