|
11.3.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 70/16 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 228/2014
tal-10 ta’ Marzu 2014
li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 601/2006 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika fuq il-bilanċ ta’ pagamenti, kummerċ internazzjonali f’servizzi u investiment dirett barrani, rigward il-format u l-proċedura għat-trażmissjoni tad-dejta
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Jannar 2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta’ pagamenti, kummerċ internazzjonali f’servizzi u investiment dirett barrani (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 601/2006 (2) stabbilixxa regoli ta’ implimentazzjoni rigward il-format u l-proċedura għat-trażmissjoni lill-Kummissjoni (il-Eurostat) tad-dejta meħtieġa dwar bilanċ ta’ pagamenti, kummerċ internazzjonali f’servizzi u investiment dirett barrani, u ddefinixxa l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-istruttura tad-dejta. |
|
(2) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 555/2012 (3) aġġorna r-rekwiżiti u d-definizzjonijiet tad-dejta tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 biex jirriflettu l-istandards internazzjonali ġodda li jistipulaw ir-regoli ġenerali għall-kompilazzjoni ta’ din l-istatistika, bħall-Manwal dwar il-Pożizzjoni tal-Investiment Internazzjonali u l-Bilanċ tal-Pagamenti tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), id-Definizzjoni tal-Punt ta’ Riferiment tal-Investiment Dirett Barrani tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u l-Manwal dwar l-Istatistika tal-Kummerċ Internazzjonali tas-Servizzi tan-Nazzjonijiet Uniti (NU). |
|
(3) |
Skont l-istandards internazzjonali, ġie stabbilit l-istandard dwar l-“Iskambju ta' Dejta Statistika u Metadejta” (Statistical Data and Metadata eXchange standard - SDMX) bħala l-format tar-rappurtar tad-dejta komuni fl-iskambju elettroniku ta’ dejta u metadejta u dan kien, jew huwa ppjanat li jkun, adottat minn ħafna organizzazzjonijiet internazzjonali u awtoritajiet nazzjonali li jipproduċu d-dejta. Għaldaqstant hemm il-ħtieġa tal-introduzzjoni ta’ definizzjoni usa’ ta’ SDMX li tkun konformi mal-formati tad-dejta u d-definizzjoni ta’ struttura ta’ dejta ġdida mfassla skont dan l-istandard. |
|
(4) |
Ir-Regolament (KE) Nru 601/2006, li fih kien meħtieġ l-użu tal-format tad-dejta “Gesmes” bħala l-mezz esklussiv għat-trażmissjoni ta’ dejta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni (il-Eurostat), għandu jiġi emendat sabiex jinkludi wkoll referenzi għall-SDMX. |
|
(5) |
L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-istruttura tad-dejta ma għandhomx ikunu ta’ natura vinkolanti. Minflok, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rrakkomandati mill-Kummissjoni għandhom ikunu miġbura fil-Vademecum tal-Bilanċ tal-Pagamenti tal-Eurostat (4), kif irrevedut kull sena. Ir-Regolament (KE) Nru 601/2006 għandu jiġi emendat skont dan. |
|
(6) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Bilanċ tal-Pagamenti, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 601/2006 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
L-Artikolu 2 jinbidel b'dan li ġej: “Artikolu 2 Format tad-dejta L-Istati Membri għandhom jużaw formati ta' dejta konformi mal-SDMX. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni d-dokumentazzjoni dettaljata marbuta ma’ dawn il-formati u għandha tipprovdi linji gwida dwar kif dawn il-formati għandhom jiġu implimentati skont ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.” |
|
(2) |
L-Artikolu 3 jitħassar. |
|
(3) |
L-Anness jitħassar. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta' Ġunju 2014.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Marzu 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 601/2006 tat-18 ta’ April 2006 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-format u l-proċedura għat-trażmissjoni tad-dejta (ĠU L 106, 19.4.2006, p. 7).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 555/2012 tat-22 ta’ Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta’ pagamenti, kummerċ internazzjonali f'servizzi u investiment dirett barrani, fir-rigward tal-aġġornament tar-rekwiżiti tad-dejta u d-definizzjonijiet (ĠU L 166, 27.6.2012, p. 22).
(4) Disponibbli fuq il-Komunikazzjoni taċ-Ċentru ta’ Riżorsi ta' Informazzjoni u Komunikazzjoni għall-Amministraturi, Negozji u Ċittadini tal-Kummissjoni Ewropea (CIRCABC) link diretta