Brussell, 13.7.2026

COM(2026) 377 final

2026/0206(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tat-8 ta’ Settembru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru r-reżiljenza għaċ-Ċekja


2026/0206 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tat-8 ta’ Settembru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru r-reżiljenza għaċ-Ċekja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 20(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Wara l-preżentazzjoni tal-pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (“RRP”) miċ- Ċekja fl-1 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni pproponiet il-valutazzjoni pożittiva tagħha lill-Kunsill. Fit-8 ta’ Settembru 2021, il-Kunsill approva l-valutazzjoni pożittiva permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni (id-“Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2021”) 2 . Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2021 ġiet emendata bid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Ottubru 2023 3 , tal-5 ta’ Novembru 2024 4 , tat-8 ta’ Lulju 2025 5 u tat-12 ta’ Diċembru 2025 6 .

(2)Fit-3 ta’ Lulju 2026, iċ-Ċekja għamlet talba motivata lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta biex tiġi emendata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2021 f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2021/241 għar-raġuni li l-RRP parzjalment ma għadux jista’ jinkiseb minħabba ċirkostanzi oġġettivi. Abbażi ta’ dan, iċ-Ċekja ppreżentat RRP emendat.

Emendi bbażati fuq l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241

(3)L-emendi tal-RRP ippreżentati miċ-Ċekja minħabba ċirkostanzi oġġettivi jikkonċernaw 12-il miżura.

(4)Iċ-Ċekja spjegat li miżura waħda parzjalment ma għadhiex tista’ tinkiseb, minħabba li l-investiment ma jistax jitlesta qabel il-ħajja tal-RRF. Dan jikkonċerna l-investiment 2 (Faċilità ta’ self subordinat) tal-komponent 2.10 (Akkomodazzjoni affordabbli). Abbażi ta’ dan, iċ-Ċekja talbet li tiġi emendata din il-miżura. Jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2021 tiġi emendata kif xieraq.

(5)Iċ-Ċekja spjegat li 11-il miżura ġew emendati biex jiġu implimentati alternattivi aħjar li jippermettu li jitnaqqas il-piż amministrattiv u tiġi ssimplifikata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, filwaqt li xorta jintlaħqu l-objettivi ta’ dawk il-miżuri. Dan jikkonċerna l-investiment 2 (Żvilupp ta’ reġistri u faċilitajiet ewlenin għall-gvern elettroniku) tal-komponent 1.2 (Sistemi ta’ Amministrazzjoni Pubblika Diġitali), l-investiment 2 (Kopertura tal-kurituri 5G u promozzjoni tal-iżvilupp tal-5G) tal-komponent 1.3 (Networks Diġitali b’Kapaċità Għolja), ir-riforma 1 (Qafas ta’ governanza tad-data pubblika) u l-investiment 2 (Titjib tas-sistema ta’ ġestjoni għal servizzi diġitalizzati) tal-komponent 1.7 (Trasformazzjoni Diġitali tal-Amministrazzjoni Pubblika), l-investiment 1 (Applikazzjoni ta’ teknoloġiji moderni għall-infrastruttura ferrovjarja) tal-komponent 2.1 (Trasport Sostenibbli), l-investiment 3 (Titjib tal-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini pubbliku) tal-komponent 2.2 (Tnaqqis tal-Konsum tal-Enerġija fis-Settur Pubbliku), l-investiment 1 (Għajnuna għall-investiment għar-riġenerazzjoni ta’ siti abbandunati speċifiċi) tal-komponent 2.8 (Rivitalizzazzjoni ta’ Siti Abbandunati), l-investiment 3 (Żvilupp u modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-kura soċjali) u l-investiment 4 (Żvilupp u modernizzazzjoni tal-infrastruttura fil-qasam tal-kura għat-tfal f’riskju) tal-komponent 3.3 (Modernizzazzjoni tas-Servizzi tal-Impjiegi u l-Iżvilupp tas-Suq tax-Xogħol), ir-riforma 1 (Żieda fl-effiċjenza, orjentazzjoni favur il-klijent u l-użu tal-prinċipji tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza fl-amministrazzjoni pubblika) tal-komponent 4.4 (Titjib tal-Effiċjenza tal-Amministrazzjoni Pubblika), u l-investiment 1 (Kostruzzjoni tal-Istitut Ċek tal-Onkoloġija) tal-komponent 6.2 (Il-Pjan Nazzjonali għat-Tisħiħ tal-Kura Preventattiva Onkoloġika). Abbażi ta’ dan, iċ-Ċekja talbet li dawk il-miżuri jiġu emendati. Jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2021 tiġi emendata kif xieraq.

Valutazzjoni tal-Kummissjoni

(6)Il-Kummissjoni vvalutat l-RRP emendat skont il-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241.

(7)Il-Kummissjoni tqis li l-emendi mressqa miċ-Ċekja ma jaffettwawx il-valutazzjoni pożittiva tal-RRP stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2021 rigward ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-RRP mal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241, il-punti (a), (b), (c), (d),(da), (db), (e), (f), (g), (h), (i), (j) u (k).

Valutazzjoni pożittiva

(8)Wara l-valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni tal-RRP emendat, bis-sejba li l-RRP jikkonforma b’mod sodisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/241, f’konformità mal-Artikolu 20(2) u l-Anness V ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-riformi u l-proġetti ta’ investiment meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-RRP emendat, l-istadji importanti, il-miri u l-indikaturi rilevanti, u l-ammont disponibbli mill-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-RRP emendat.

Kontribuzzjoni finanzjarja

(9)Il-kostijiet totali stmati tal-RRP emendat taċ-Ċekja huma ta’ EUR 8 669 382 126. Peress li l-ammont tal-kost totali stmat tal-RRP emendat huwa ogħla mill-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata disponibbli għaċ-Ċekja, il-kontribuzzjoni finanzjarja ddeterminata f’konformità mal-Artikolu 4a tar-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 , u mal-Artikolu 20(4) u l-Artikolu 21a(6) tar-Regolament (UE) 2021/241 li hija allokata għall-RRP emendat għaċ-Ċekja jenħtieġ li tkun ugwali għal EUR 8 409 179 142. Għalhekk, il-kontribuzzjoni finanzjarja disponibbli għaċ-Ċekja tibqa’ l-istess.

Self

(10)Sabiex jiġu appoġġati riformi u investimenti addizzjonali, sar disponibbli għaċ-Ċekja appoġġ totali fil-forma ta’ self ta’ EUR 343 142 953 permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Ottubru 2023. Wara t-tnaqqis fil-livell ta’ implimentazzjoni tal-investiment 2 (Faċilità ta' self subordinat) tal-komponent 2.10 (Akkomodazzjoni Affordabbli) skont l-Artikolu 21 tar-Regolament 2021/241, iċ-Ċekja ma talbitx li tuża r-riżorsi ta’ self liberati biex tappoġġa miżuri ġodda jew biex iżżid il-livell ta’ implimentazzjoni tal-miżuri eżistenti fi ħdan l-RRP. L-ammont tal-kostijiet totali stmati tal-RRP huwa inqas mill-kontribuzzjoni finanzjarja kkombinata disponibbli għaċ-Ċekja u l-appoġġ fil-forma ta’ self li kien sar disponibbli għaċ-Ċekja permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Ottubru 2023. Għalhekk, l-appoġġ totali fil-forma ta’ self disponibbli għaċ-Ċekja jenħtieġ li jitnaqqas għal EUR 260 167 635.

(11)Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2021 tiġi emendata kif xieraq. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, jenħtieġ li l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2021 jiġi sostitwit kompletament.

(12)Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kull proċedura marbuta mal-għoti ta’ fondi tal-Unjoni skont kwalunkwe programm tal-Unjoni ħlief għall-Faċilità jew għal proċeduri relatati ma’ distorsjonijiet tal-operazzjoni tas-suq intern li jistgħu jitwettqu, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Din ma tirkibx fuq ir-rekwiżit li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1
Approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRP

Il-valutazzjoni tal-RRP emendat għaċ-Ċekja fuq il-bażi tal-kriterji previsti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241 hija approvata.

Artikolu 2
Emendi

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għaċ-Ċekja hija emendata kif ġej:

(1) fl-Artikolu 2a, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni taċ-Ċekja li jammonta għal massimu ta’ EUR 260 167 635.”

(2) L-Anness huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3
Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj .
(2)    ST 11047/21 INIT; ST 11047/21 ADD 1).
(3)    ST 13383/23 INIT; ST 13383/23 REV 1 (en); ST 13383/1/23 ADD 1 REV 1.
(4)    ST 14663/24 INIT; ST 14663/24 ADD 1 REV 2.
(5)    ST 10509/25 INIT; ST 10509/25 COR 1; ST 10509/25 COR 1 REV 1 (el, pt); ST 10509/25 ADD 1 REV 1.
(6)    ST 15755/25 INIT; ST 15755/25 ADD 1.
(7)    Ir-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2021 li jistabbilixxi r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit, (ĠU L 357, 8.10.2021, p. 1, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1755/oj ).