European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2573

14.11.2023

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2573

tat-13 ta’ Novembru 2023

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2022/2309 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2309 tal-25 ta’ Novembru 2022 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-25 ta’ Novembru 2022, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2022/2309.

(2)

Fl-20 ta’ Ottubru 2023, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU), stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 2653 (2022) tal-KSNU, aġġorna l-informazzjoni relatata ma’ persuna waħda fil-lista li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2022/2309.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2022/2309 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) 2022/2309 huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Novembru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L 307, 28.11.2022, p. 17.


ANNESS

Fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2022/2309, l-entrata 1 hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.

Jimmy CHERIZIER (magħruf ukoll bħala “Barbeque”) kien involut f’atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Haiti, u ppjana, idderieġa jew wettaq atti li jikkostitwixxu abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem. Jimmy Cherizier huwa wieħed mill-mexxejja l-aktar influwenti ta’ gruppi vjolenti u jmexxi alleanza ta’ gruppi Haitjani magħrufa bħala l-“G9 Family and Allies”.

Funzjoni: Eks Uffiċjal tal-Pulizija

Data tat-twelid: 30 ta’ Marzu 1977

Post tat-twelid: Port au Prince, Haiti

Nazzjonalità: Haitjan

Nru ta’ identifikazzjoni nazzjonali: 001-843-989-7 (NIF – Haiti)

Indirizz: 16, Imp Manius, Delmas 40 B, Port-au-Prince, Haiti

Data tad-deżinjazzjoni tan-NU: 21 ta’ Ottubru 2022

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Waqt li kien uffiċjal fil-Pulizija Nazzjonali tal-Haiti (HNP), Cherizier ippjana u pparteċipa fl-attakk fatali ta’ Novembru 2018 kontra persuni ċivili fil-viċinanzi La Saline ta’ Port-au-Prince. Waqt dan l-attakk inqatlu mill-inqas 71 persuna, inqerdu aktar minn 400 dar u mill-inqas seba’ nisa ġew stuprati minn gruppi armati. Matul l-2018 u l-2019, Cherizier mexxa gruppi armati f’attakki brutali u koordinati fil-viċinat ta’ Port-au-Prince. F’Mejju 2020, Cherizier mexxa gruppi armati f’attakk li dam ħamest ijiem f’għadd ta’ viċinanzi ta’ Port-au-Prince, fejn inqatlu persuni ċivili u tqabbdu djar. Mill-11 ta’ Ottubru 2022, Cherizier u l-konfederazzjoni ta’ gruppi “Familja u Alleati tal-G9” tiegħu kienu qed jimblukkaw b’mod attiv il-moviment liberu tal-fjuwil mit-terminal tal-fjuwil ta’ Varreux – l-akbar wieħed fil-Haiti. L-azzjonijiet tiegħu kkontribwew direttament għall-paraliżi ekonomika u l-kriżi umanitarja fil-Haiti.”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2573/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)