32003R1461



Official Journal L 208 , 19/08/2003 P. 0014 - 0016


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1461/2003

tat-18 ta' Awissu 2003

li jippreskrivi kondizzjonijiet dwar proġetti pilota għat-trasmissjoni elettronika ta' informazzjoni dwar attivitajiet tas-sajd u r-remote sensing

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkonsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkonsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni tas-Sajd [1], u partikolarment l-Artikolu 22(3) u l-Artikolu 23(5) tiegħu,

Billi:

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002 jeħtieġ lill-Kunsill li jiddeċiedi dwar l-obbligi li jibgħat elettronikament l-informazzjoni dwar attivitajiet ta' sajd biex titjieb l-effiċjenza fl-immaniġġjar ta' opportunitajiet tas-sajd u biex jinħoloq mezz ta' remote sensing biex wieħed isir jaf b'xi bastimenti li qed ibaħħru.

(2) Proġetti piloti li għandhom x'jaqsmu rispettivament mat-trasmissjoni elettronika ta' informazzjoni dwar attivitajiet ta' sajd u mar-remote sensing, jistgħu jitwettqu, b'koperazzjoni mal-Kummissjoni, biex issir stima tat-teknoloġija li għandha tiġi użata, qabel l-1 ta' Ġunju 2004.

(3) Huwa għalhekk meħtieġ, biex jiġi żgurat li l-Istati Membri iwettqu dawn il-proġetti piloti, li jiġu stabbiliti dawn il-kondizzjonijiet ta' applikazzjoni. Dawk il-kondizzjonijiet għandhom partikolarment ikopru, dwar dak li għandu x'jaqsam mat-trasmissjoni elettronika ta' informazzjoni, l-informazzjoni li trid tiġi reġistrata u rappurtata b'mezzi elettroniċi, u l-funzjoni tas-sistemi li jkun hemm abbord bastimenti tas-sajd li jirreġistraw u jittrasmettu elettronikament l-informazzjoni konċernata. Dwar ir-remote sensing, il-kondizzjonijiet għandhom ikopru wkoll il-funzjonijiet ta' din is-sistema u ż-żoni li għandhom ikunu monitorjati matul il-proġetti pilota.

(4) Il-Kummissjoni teħtieġ li tiġi infurmata mill-Istati Membri dwar il-progress u r-riżultati tal-proġetti pilota, partikolarment biex tkun tista' tagħmel stima ta' l-effettività ta' l-infiq tat-teknoloġiji li għandhom ikunu wżati biex titjieb l-effettività fil-kontroll tas-sajd.

(5) Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità tista' tingħata dwar il-proġetti pilota mwettqa mill-Istati Membri, skond il-kondizzjonijiet preskritti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/431/KE tat-18 ta' Mejju 2001 dwar kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għal ċerti spejjeż li jkunu daħlu għalihom l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tas-sistemi ta' kontroll, l-ispezzjoni u s-sorveljanza applikabbli għall-politika komuni tas-sajd [2].

(6) Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għas-Sajd u l-Akwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Is-suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi ċerti kondizzjonijiet għat-twettiq mill-Istati Membri tal-proġetti pilota previsti fl-Artikolu 22(1)(ċ) u l-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 2371.2002 dwar it-trasmissjoni elettronika ta' informazzjoni dwar attivitajiet ta' sajd u ta' remote sensing.

Artikolu 2

Limiti ta' żmien

1. Il-proġetti pilota għandhom jitħaddmu mill-1 ta' Diċembru 2003 l-aktar tard u jibqgħu jitħaddmu sal-31 ta' Mejju 2004.

2. Proġetti dwar it-trasmissjoni elettronika ta' informazzjoni dwar attivitajiet ta' sajd u ta' remote sensing minn Stati Membri qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament huma kkonsidrati proġetti pilota għall-finijiet tar-Regolament preżenti.

KAPITOLU II

TRASMISSJONI ELETTRONIKA TA' INFORMAZZJONI DWAR ATTIVITAJIET TA' SAJD

Artikolu 3

Għażla ta' bastimenti tas-sajd

L-Istati Membri li jwettqu proġetti pilota dwar it-trasmissjoni elettronika ta' informazzjoni dwar attivitajiet ta' sajd, għandhom jagħżlu numru xieraq ta' bastimenti, preferibbilment ta' tulijiet differenti.

Artikolu 4

Rapporti lill-awtorità kompetenti

Bla ħsara għall-obbligi preskritti fil-liġi tal-Komunità, il-kaptan tal-flotta tas-sajd tal-Komunità li jkun qed jieħu sehem fil-proġett pilota għandu kuljum jirreġistra u jirrapporta b'mezz elettroniku lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru tal-bandiera b'informazzjoni dwar:

(a) il-kwantitajiet ta' kull speċi maqbuda u miżmuma abbord, meta jaqbżu l-50 kg fil-piż ħaj ekwivalenti

(b) id-data u l-post ta' dawn il-qabdiet

(ċ) it-tip ta' tagħmir użat; u

(d) għal bastimenti tas-sajd li jaqbżu t-18-il metru fit-tul u li jkunu fuq attivitajiet ta' sajd f'xi żoni fejn japplikaw regoli speċifiċi dwar l-aċċess għall-ibħra u r-riżorsi, id-data u l-ħin ta' l-issettjar jew is-settjar mill-ġdid ta' tagħmir statiku kif ukoll id-data u l-ħin tat-tmiem tal-ħidmiet tas-sajd bl-użu tat-tagħmir statiku.

Artikolu 5

Tagħmir tal-bastiment

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom u li jkunu jieħdu sehem fil-proġett pilota jkunu mgħammra b'sistemi kapaċi jirreġistraw u jittrasmettu elettronikament l-informazzjoni dwar l-attivitajiet tas-sajd tagħhom waqt il-proġetti pilota.

Artikolu 6

Trasmissjoni ta' informazzjoni

1. Mhux aktar tard minn xahar qabel il-proġetti jibdew jitħaddmu, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni:

(a) ir-referenza sħiħa ta' l-awtorit_ kompetenti nominata biex issegwi l-proġetti pilota;

(b) lista tal-bastimenti li jkunu jieħdu sehem, li jkun fiha għal kull bastiment għall-inqas in-numru intern tar-reġistru tal-flotta;

(ċ) sommarju tal-karatteristiċi takniċi tat-tagħmir li jkun hemm abbord;

(d) deskrizzjoni ta' kif data jinġabru u jiġu proċessati mill-awtoritÞ kompetenti.

2. Darba l-proġetti jkunu bdew jitħaddmu, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'kull tibdil fil-lista tal-bastimenti parteċipanti.

3. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istati Membri id-data li tkun irċeviet skond il-paragrafi (1) u (2).

Artikolu 7

Proċessar ta' data dwar attivitajiet ta' sajd

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-informazzjoni trasmessa elettronikament mill-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom u li jkunu jipparteċipaw fil-proġett tkun proċessata mill-awtoritajiet kompetenti.

2. Tkun xi tkun is-sistema użata, l-Istati Membri għandhom jirreġistraw l-informazzjoni f'għamla li tinqara minn kompjuter. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data jinżammu reġistrati sal-31 ta' Diċembru 2004.

KAPITOLU III

REMOTE SENSING

Artikolu 8

Sistemi tal-bastimenti dwar l-iskoperta

1. L-Istati Membri li jistabbilixxu u jittestjaw sistemi tal-bastimenti dwar l-iskoperta bażati fuq teknoloġija ta' remote sensing (VDS) għandhom jużaw xbihat li jinħassu mill-bogħod biex jiskopru bastimenti li jkunu qed ibaħħru f'ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew ġurisdizzjoni tagħhom, kif ukoll f'żoni oħra li fihom jistgħu joperaw bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom.

2. Il-proġetti pilota għandhom jassessjaw il-kapaċità tal-VDS dwar:

(a) l-użu ta' xbihat li jinħassu mill-bogħod ġejjin mill-ispazju jew mill-ajru biex ikun determinat in-numru ta' bastimenti tas-sajd u l-posizzjoni tagħhom f'żona speċifika;

(b) il-kontroll bir-reqqa tal-posizzjonijiet ta' bastimenti tas-sajd bil-VDS b'rapporti dwar il-posizzjoni minn sistemi li jimmonitorjaw il-bastimenti (VMS), u

(ċ) is-sinjalazzjoni tal-possibiltà ta' preżenza ta' bastimenti tas-sajd li minnhom ma waslu ebda rapporti dwar il-posizzjoni permezz tal-VMS.

Artikolu 9

Żoni marittimi li għandhom jiġu monitorjati.

1. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar iż-żona jew żoni marittimi li għandhom jiġu monitorjati matul il-proġetti pilota.

2. Mhux aktar tard minn xahar qabel il-proġetti jibdew jitħaddmu, l-Istati membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni id-dettalji tal-proġett, partikolarment l-awtorità kompetenti nominata biex issegwi l-proġetti pilota, in-numru ta' xbihat u ż-żoni ta' mnejn jittieħdu dawn ix-xbihat. L-Istati Membri iridu jiġġustifikaw l-għażla li jkunu għamlu ta' dawn iż-żoni.

KAPITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 10

Koperazzjoni bejn l-Istati Membri

1. L-Istati Membri jistgħu iħaddmu proġetti pilota flimkien.

2. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-progress tal-proġetti pilota u tiffaċilita l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri.

Artikolu 11

Rapporti lill-Kummissjoni

1. Sat-30 ta' April, 2004, kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni rapport ta' stima dwar il-proġetti pilota li jkun wettaq, li jkun fih partikolarment deskrizzjoni teknika tas-sistemi imħaddma għall-għan ta' proġetti pilota kif jaħdmu f'konnessjoni ma' sistemi eżistenti dwar monitoraġġ, kontroll u sorveljanza.

2. Sal-31 ta' Lulju, 2004, kull Stat Membru għandu jibgħat ir-rapport finali tiegħu, li jkun fih partikolarment dettalji dwar l-effettività ta' l-infiq u l-funzjonament tas-sistemi, kif ukoll ir-rimarki tiegħu dwar l-użu tat-teknoloġiji involuti.

Artikolu 12

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-18 ta' Awissu 2003.

Ghall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 358, 31.12.02, p. 59.

[2] ĠU L 154, 09.06.01, p. 22.

--------------------------------------------------