European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/7426

10.12.2024

Avviż għall-attenzjoni tal-individwi soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/450/PESK u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 747/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan

(C/2024/7426)

L-informazzjoni li ġejja qed tinġieb għall-attenzjoni tal-individwi li jidhru fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/450/PESK (1), kif implimentata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/3113 (2), u fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 747/2014 (3), kif implimentat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/3114 (4), dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan.

Fit-8 ta' Novembru 2024, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 1591 (2005) tal-KSNU żied żewġ persuni fil-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi.

L-individwi kkonċernati jistgħu jressqu talba fi kwalunkwe ħin lill-Kumitat tan-NU stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 1591(2005), flimkien ma' kwalunkwe dokumentazzjoni ta' ġustifikazzjoni, biex id-deċiżjoni li jiġu inklużi fil-lista tan-NU terġa' tiġi kkunsidrata. Din it-talba għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

Focal Point for De-listing

Security Council Subsidiary Organs Branch

Room DC2 2034

United Nations

New York, N.Y. 10017

United States of America

Tel.: +1 917 367 9448

Fax: +1 917 367 0460

Email: delisting@un.org

Għal aktar informazzjoni, ara: https://www.un.org/securitycouncil/sanctions/2653.

B'segwitu għad-deċiżjoni tan-NU, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddetermina li l-individwi ddeżinjati min-NU għandhom jiġu inklużi fil-listi ta' persuni u entitajiet li huma soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2014/450/PESK, kif implimentata bid-Deċiżjoni (PESK) 2024/3113, u fir-Regolament (UE) Nru 747/2014, kif implimentat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2024/3114. Ir-raġunijiet għall-elenkar tal-individwi kkonċernati jinsabu fl-entrata korrispondenti fl-Anness tad-Deċiżjoni u fl-Anness I tar-Regolament.

Qed tinġibed l-attenzjoni tal-individwi kkonċernati dwar il-possibbiltà li jressqu talba quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru/i rilevanti kif indikat fis-siti web fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 747/2014, kif implimentat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2024/3114, sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni biex il-fondi ffriżati jintużaw għal ħtiġijiet bażiċi jew pagamenti speċifiċi (ara l-Artikolu 6 tar-Regolament).

L-individwi kkonċernati jistgħu jressqu talba lill-Kunsill fl-indirizz li ġej, flimkien mad-dokumentazzjoni ta' ġustifikazzjoni, biex id-deċiżjoni li jiġu inklużi fil-lista msemmija hawn fuq tiġi kkunsidrata mill-ġdid:

Kunsill tal-Unjoni Ewropea

General Secretariat

RELEX.1

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Email: sanctions@consilium.europa.eu

Qed tinġibed l-attenzjoni tal-individwi kkonċernati anke għall-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 275, it-tieni paragrafu, u fl-Artikolu 263, ir-raba' u s-sitt paragrafi, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


(1)   ĠU L 203, 11.07.2014, p. 106.

(2)   ĠU L, 2024/3113, 10.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3113/oj.

(3)   ĠU L 203, 11.07.2014, p. 1.

(4)   ĠU L, 2024/3114, 10.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3114/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/7426/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)