8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

805


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-3 ta' Mejju 2006

dwar abbozz ta' dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Renju ta' l-Olanda taħt l-Artikolu 95 (5) tat-Trattat tal-KE li jistabbilixxi l-limiti fuq l-emissjonijiet ta' materja f'partiċelli minn vetturi li jaħdmu bid-diżil

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 1791)

(It-test Olandiż biss huwa awtentiku)

(2006/372/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 (5) u (6) tiegħu,

Billi:

I.   Il-FATTI

1.   Il-Leġiżlazzjoni Relevanti tal-Komunità

(1)

Id-Direttiva 98/69/KE (1) tistabbilixxi valur ta' limitu ta' emissjonijiet ta' partiċelli ta' 25 milligramma għal kull kilometru (ara Sezzjoni 5.3.1.4 ta' Anness I tad-Direttiva) għal vetturi li jaħdmu bid-diżil f'kategorija M kif definiti f'Anness II, Sezzjoni A, tad-Direttiva 70/156/KEE (2) — barra minn vetturi li l-massa massima tagħhom taqbeż 2 500 Kg — u N1, klassi I. Dan il-valur ta' limitu japplika mill-1 ta' Jannar 2005 għal tipi ġodda ta' vetturi u mill-1 ta' Jannar 2006 għal vetturi ġodda. Id-Direttiva tistabbilixxi wkoll valur ta' limitu għal emissjonijiet ta' partiċelli ta' 40 milligramma għal kull kilometru għal vetturi diżil f'kategorija N1, Klassi II u valur ta' limitu għal emissjonijiet ta' partiċelli ta' 60 milligrammi għal kull kilometru għal vetturi diżil f'kategorija N1, Klassi III u M li l-massa massima tagħhom ma taqbiżx 2 500 Kg. Iż-żewġ valuri ta' limitu ta' l-aħħar japplikaw mill-1 ta' Jannar 2006 għal tipi ġodda ta' vetturi u mill-1 ta' Jannar 2007, għal vetturi ġodda.

(2)

Skond l-Artikolu 2 (1) tad-Direttiva 98/69/KE “… l-ebda Stat Membru ma jista', fuq bażijiet ta' tniġġis ta' l-arja minn emissjonijiet minn vetturi bil-mutur:

—

jiċħad li jagħti approvazzjoni tat-tip skond l-artikolu 4(1) ta' Direttiva 70/156/KEE, jew

—

jiċħad li jagħti approvazzjoni tat-tip nazzjonali, jew

—

jipprojbixxi r-reġiżtrazzjoni, bejgħ jew dħul fis-servizz ta' vetturi, skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva 70/156/KEE,

jekk il-vetturi jaqblu mar-rekwiżiti tad-Direttiva 70/220/KEE, kif emendata b'din id-Direttiva”.

(3)

Fil-21.12.2005, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward ta' l-emissjonijiet u dwar aċċess għal informazzjoni ta' tiswija tal-vetturi, li temenda d-Direttiva 72/306/KEE u d-Direttiva …/…/KE (Euro 5 proposta) (3). Il-proposta tnaqqas il-limitu ta' emissjoni ta' partiċelli ta' materja għal vetturi diżil għal 5 milligrammi għal kull kilometru. Dan il-limitu ġdid ser japplika għal tipi ġodda ta' vetturi ta' kategorija M u N1, klassi I, minn 18-il xahar + 1 ġurnata wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament u għal vetturi ġodda ta' kategorija M u N1, klassi I, minn 36 xhar mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

(4)

Id-Direttiva 99/30/KE (4) tal-Kunsill tat-22 ta' April 1999 dwar il-valuri limiti għall-dijossidu tal-kubrit, dijossidu tan-nitroġenu u ossidi tan-nitroġenu, partiċelli ta' materja u ċomb fl-arja ambjentali, li għandha tinqara flimkien mad-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE (5) tas-27 ta' Settembru 1996 dwar l-assessjar u l-mmaniġġjar tal-kwalità ta' l-arja ta' l-ambjent, li tistabbilixxi valuri limiti għall-konċentrazzjoni fl-arja ta' l-ambjent ta' PM10 (Particulate Matter), definiti bħala “partiċelli ta' materja li jgħaddu minn bokka li tagħżel id-daqsijiet b'effiċjenza ta' qtugħ ta' 50 % ma' 10 μm (mikrometri) djametru aerodinamiku”. Skond l-artikolu 5 tad-Direttiva 99/30/KE, dawn il-valuri ta' limitu ilhom jorbtu legalment mill-1 ta' Jannar 2005. Skond l-Anness III ta' l-istess Direttiva, il-valur ta' limitu annwali għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem huwa 40 μg/m3, filwaqt li l-valur ta' limitu ta' 24 siegħa għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem huwa ta' 50 μg/m3, u ma jistax jinqabeż aktar minn 35 darba f'sena.

(5)

L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 96/62 jistipula li “l-Istati Membri għandhom jagħmlu pjanijiet ta' azzjoni li jindikaw il-miżuri li għandhom jittieħdu fuq medda ta' żmien qasir fejn hemm riskju li l-valuri limitu u/jew il-limiti ta' periklu jinqabżu, sabiex jonqos dan ir-riskju u sabiex jiġi limitat il-ħin li fih dan jista' jseħħ. Dawn il-pjanijiet jistgħu, skond il-każ individwali, jipprovdu għal miżuri ta' kontroll u, fejn neċessarju, jissospendu attivitajiet, li jinkludu traffiku ta' vetturi bil-mutur, li jgħinu sabiex il-valuri ta' limitu jinqabżu”.

2.   Dispożizzjoni nazzjonali notifikata

(6)

Ir-Renju ta' l-Olanda nnotifika lill-Kummissjoni b'abbozz ta' digriet maħsub sabiex jimponi valur ta' limitu għall-emissjonijiet ta' materja f'sura ta' partiċelli ta' 5 mg għal kull kilometru fuq vetturi kummerċjali b'piż massimu permissibbli ta' 1 305 kg (vetturi N1, klassi I) u karozzi privati (vetturi M1) kif definiti fl-Artikolu 1.1 (h) u 1.1 (at) tal-Voertuigreglement. Id-digriet ikun japplika għal vetturi kollha li ġew użati għall-ewwel darba wara l-31 ta' Diċembru 2006, li għandhom magna diżil. Dan ikun ifisser li dawn il-vetturi jkunu mgħammra b'filtri għall-partiċelli.

(7)

Il-miżura notifikata mill-awtoritajiet Olandiżi tikkostitwixxi emenda għal-leġiżlazzjoni dwar ir-rekwiżiti permanenti li magħhom għandhom jikkonformaw il-vetturi u l-komponenti tagħhom matul il-ħajja tagħhom ta' użu (Voertuigreglement). Il-kontrolli ta' konformità ma' dawn ir-rekwiżiti permanenti jsiru taħt il-proċedura għall-ispezzjoni regolari ta' vetturi u jistgħu jsiru mill-pulizija.

(8)

Skond il-memorandum ta' spjegazzjoni, il-miżura notifikata ma tirrigwardax il-proċedura ta' approvazzjoni tat-tip. Jidher li vetturi b'approvazzjoni tat-tip KE fi Stat Membru ieħor ma jiġux miċħuda reġiżtrazzjoni mill-awtoritajiet Olandiżi u vetturi li jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva 70/220/KE, kif emendata bid-Direttiva 98/69/KE, għandhom ikomplu jingħataw l-approvazzjoni tat-tip mill-awtoritajiet Olandiżi. Madanakollu, l-ewwel darba li l-vetturi jgħaddu minn spezzjonijiet tekniċi jew kull meta jiġu ċċekkjati mill-pulizija, dawn ser jinstabu li ma jaqblux mal-miżura notifikata.

(9)

Fl-aħħar, il-miżura notifikata timponi projbizzjoni fuq l-użu ta' vetturi ġodda ta' kategorija N1, klassi I u M1 li jemettu aktar minn 5mg/km ta' materja f'sura ta' partiċelli, mill-1 ta' Jannar 2007.

II.   PROĊEDURA

(10)

Permezz ta' ittra tat-2 ta' Novembru 2005, ir-Renju ta' l-Olanda nnotifika lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 95 (5) tat-Trattat tal-KE bl-intenzjoni li jadotta abbozz ta' digriet li jistabbilixxi regolamenti sabiex jillimitaw emissjonijiet ta' materja f'sura ta' partiċelli minn vetturi li jaħdmu bid-diżil b'deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/69/KE.

(11)

Permezz ta' ittra tat-23 ta' Novembru 2005, il-Kummissjoni infurmat lill-gvern Olandiż li kienet irċeviet in-notifika taħt l-Artikolu 95 (5) tat-Trattat tal-KE u li l-perjodu tas-sitt xhur għall-eżami tagħha taħt l-Artikolu 95 (6) beda nhar il-5 ta' Novembru 2005, il-ġurnata ta' wara l-ġurnata meta rċeviet in-notifika.

(12)

Permezz ta' ittra tas-17 ta' Jannar 2006, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri bin-notifika li rċeviet mir-Renju ta' l-Olanda. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll avviż dwar in-notifika fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea (6) sabiex tinforma partijiet oħra interessati dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali li r-Renju ta' l-Olanda beħsiebu jintroduċi kif ukoll ir-raġunijiet miġjuba għal dan l-għan.

(13)

Permezz ta' ittra ta' l-10 ta' Marzu 2006, l-awtoritajiet ta' l-Olanda nfurmaw lill-Kummissjoni b'rapport reċenti mill-Aġenzija Olandiża ta' Assessjar Ambjentali msemmi “Interpretazzjoni ġdida ta' l-iskala tal-problema tal-materja f'sura ta' partiċelli” li turi li l-livelli ta' PM10 huma 10-15 % aktar baxxi minn kemm kien maħsub qabel.

(14)

Sabiex jiġu valutati l-argumenti miġjuba mill-awtoritajiet Olandiżi, il-Kummissjoni saqsiet għal parir xjentifiku u tekniku ta' konsorzju ta' konsulenti koordinati mit-TNO (Nederlandse Organisatie voor toegepast-natuurwetenschappelijk onderzoek). Il-konsorzju bagħat ir-rapport tiegħu lill-Kummissjoni nhar is-27 ta' Marzu 2006 (7).

III.   ASSESSJAR LEGALI

1.   Kunsiderazzjoni ta' ammissibilità

(15)

L-Artikolu 95 (5) tat-Trattat tal-KE jipprovdi dan li ġej: “Jekk, wara l-adozzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni ta' miżura ta' armonizzazzjoni, Stat Membru jqis neċessarju li jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali bbażati fuq evidenza xjentifika ġdida li għandha x'taqsam mal-protezzjoni ta' l-ambjent jew il-ħidma ta' l-ambjent fuq bażi ta' problema speċifika għal dak l-Istat Membru li tqum wara l-adozzjoni tal-miżura ta' armonizzazzjoni, huwa għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet maħsuba kif ukoll il-bażijiet għall-introduzzjoni tagħhom.”

(16)

In-notifika mibgħuta mill-awtoritajiet Olandiżi hija maħsuba sabiex tikseb approvazzjoni għall-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali ġodda li huma meqjusa bħala inkompatibbli mad-Direttiva 70/220/KEE, kif emendata bid-Direttiva 98/69/KE. Din id-direttiva tikkostitwixxi miżura ta' armonizzazzjoni totali tar-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward ta' l-emissjonijiet tagħhom. Hija tistabbilixxi valur ta' limitu għal emissjonijiet ta' partiċelli minn karozzi diżil u vannijiet ħfief b'25 milligramma għal kull kilometru.

(17)

Meta jitqabblu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 70/220/KEE, kif emendata bid-Direttiva 98/69/KE, mal-miżuri nazzjonali notifikati mill-awtoritajiet Olandiżi, joħroġ illi l-proposta Olandiża tistabilixxi rekwiżiti aktar stretti għall-kontroll tekniku ta' vetturi bil-mutur fuq bażijiet relatati mat-tniġġis ta' l-arja mill-emissjonijiet minn dawk imniżżla fid-Direttiva. B'mod partikolari l-miżura notifikata timponi valur ta' limitu obbligatorju għall-emissjonijiet ta' materja f'sura ta' partiċelli ta' 5 mg kull kilometru fuq vetturi kummerċjali b'piż massimu permissibbli ta' 1 305 kg (vetturi N1, klassi I) u karozzi tal-passiġġieri (vetturi M1), u b'hekk twaqqaf l-użu ta' vetturi f'dawn il-kategoriji konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 70/220/KEE, kif emendata bid-Direttiva 98/69/KE. Għandu jiġi nnutat li d-Direttiva jitneħħilha l-effett tagħha jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jimponu rekwiżiti differenti fuq vetturi fuq bażijiet relatati mat-tniġġis ta' l-arja minħabba l-emissjonijiet tagħhom għall-iskopijiet ta' kontrolli tekniċi. Tabilħaqq, l-approvazzjoni tat-tip tal-KE għandha tibqa' valida għal numru ta' snin u ċertament ħafna aktar lil hemm mill-ewwel spezzjoni tal-vettura. Kwalunkwe interpretazzjoni oħra tħalli l-Istati Membri jaħarbu mis-sistema ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-KE.

(18)

Kif meħtieġ mill-Artikolu 95 (5) tat-Trattat tal-KE, l-Olanda nnotifikat lill-Kummissjoni bil-kliem attwali tad-dispożizzjonijiet li huma beħsibhom jintroduċu li jmorru lil hinn minn dawk imniżżla fid-Direttiva 70/220/KEE, kif emendata bid-Direttiva 98/69/KE. Mat-talba kien hemm spjegazzjoni tar-raġunijiet li, fl-opinjoni tagħhom, jiġġustifikaw l-introduzzjoni tad-dispożizzjonijiet.

(19)

In-notifika mibgħuta mill-Olanda sabiex tingħata l-approvazzjoni għall-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet nazjonali li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 70/220/KEE, kif emendata bid-Direttiva 98/69/KE, għandha għalhekk tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli taħt l-Artikolu 95 (5) tat-Trattat tal-KE.

2.   Assessjar tal-merti

(20)

Skond l-Artikolu 95 tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kundizzjonijiet kollha li jippermettu li Stat Membru jagħmel użu mill-possibiltajiet ta' deroga pprovduti f'dan l-Artikolu jiġu soddisfatti.

(21)

Il-Kummissjoni għandha għalhekk tqis jekk il-kundizzjonijiet pprovduti fl-Artikolu 95 (5) tat-Trattat ġewx soddisfatti. Dan l-Artikolu jeħtieġ li meta Stat Membru jqis neċessarju li jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw minn miżura ta' armonizzazzjoni, l-Istat Membru għandu jibbażahom fuq:

(a)

evidenza xjentifika ġdida li għandha x'taqsam mal-protezzjoni ta' l-ambjent jew l-ambjent tax-xogħol

(b)

raġunijiet ta' problema speċifika għal dak l-Istat Membru li tqum wara l-adozzjoni tal-miżura ta' armonizzazzjoni.

(22)

Barra minn hekk, skond l-Artikolu 95 m(6) tat-Trattat tal-KE, fejn tikkunsidra li l-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawn hija ġustifikata, il-Kummissjoni għandha tiċċekkja jekk dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali humiex mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew le jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u jekk dawn jikkostittwux tfixkil għall-ħidma tas-suq intern.

(23)

Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti, kwalunkwe eċċezzjoni għall-prinċipju ta' applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-Komunità u l-għaqda tas-suq intern għandha tiġi interpretata b'mod restrittiv. L-Artikolu 95 (5) tat-Trattat tal-KE jipprovdi eċċezzjoni għall-prinċipji ta' applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-Komunità u l-għaqda tas-suq. Għalhekk, għandha tiġi interpretata b'mod li l-iskop tagħha ma jiġix estiż lil hemm mill-każijiet li għalihom tipprovdi formalment.

(24)

Fid-dawl taż-żmien stabbilit mill-Artikolu 95 (6) tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni, meta teżamina jekk il-miżuri nazzjonali notifikati taħt l-Artikolu 95 (%) humiex ġustifikati, għandha tieħu bħala bażi “ir-raġunijiet” ippreżentati mill-Istat Membru li ta n-notifika. Dan ifisser li, skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-KE, ir-responsabbiltà ta' prova li l-miżuri nazzjonali huma ġustifikati hija ta' l-Istat Membru li jagħmel it-talba. Minħabba l-qafas proċedurali stabbilit mill-Artikolu 95 tat-Trattat tal-KE, li jinkludi b'mod partikolari skadenza stretta sabiex deċiżjoni tiġi adottata, il-Kummissjoni normalment kull ma għandha tagħmel hu li teżamina r-rilevanza ta' l-elementi li jintbagħtu mill-Istat Membru li jagħmel it-talba, mingħajr ma jkollha toqgħod tfittex raġunijiet jew ġustifikazzjonijiet possibbli hija stess.

1.   Eżistenza ta' evidenza xjentifika ġdida

(25)

Skond l-awtoritajiet Olandiżi, it-talba tagħhom hija ġustifikata minħabba li evidenza xjentifika ġdida fuq l-effetti ambjentali u ta' saħħa ta' materja f'sura ta' partiċelli saret disponibbli minn meta ġiet adottata d-Direttiva 98/69/KE. Din l-informazzjoni ġdida turi li emissjoni eċċessiva ta' materja f'sura ta' partiċelli għandha effetti ta' ħsara fuq is-saħha tal-bniedem, bħall-imwiet qabel iż-żmien u ħsara fil-funzjoni tal-pulmun.

(26)

Id-dokumenti mibgħuta mill-Olanda dwar l-evidenza xjentifika ġdida fuq l-effetti lill-ambjent u lis-saħħa ta' materja f'sura ta' partiċelli jinkludu studji nazzjonali u internazzjonali, pubblikazzjonijiet u rivisti fuq is-suġġett. Id-dokumenti jipprovdu ħarsa ġenerali komprensiva ta' l-għarfien xjentifiku li jeżisti li jirrigwarda l-medda ta' effetti fuq is-saħħa li għandhom x'jaqsmu ma' li wieħed jesponi ruħu għal materja f'sura ta' partiċelli li sar wara li ġiet adottata d-Direttiva 98/69/KE.

(27)

L-awtoritajiet Olandiżi ġibdu l-attenzjoni li r-relazzjoni bejn li wieħed jesponi ruħu għal partiċelli ta' l-arja u l-medda ta' l-effetti fuq is-saħħa ġiet ppruvata u enfasizzata f'ħafna pubblikazzjonijiet xjentifiċi reċenti. L-effetti tal-partiċelli fuq is-saħħa jistgħu jinqasmu f'dawk li jiġu minn perjodi ta' espożizzjoni relattivament qosra (“qawwija”) u dawk minn perjodi twal ta' espożizzjoni (“kroniċi”). L-istudji mibgħuta mill-Olanda juru li għalkemm l-effetti fuq is-saħħa ta' espożizzjoni għal żmien qasir mhumiex ta' importanza żgħira, espożizzjoni għal żmien twil għal partiċelli ta' arja għandha impatt aktar sinifikanti. Effetti relatati ma' espożizzjoni ta' żmien qasir jinkludu: reazzjonijiet ta' infjammazzjoni fil-pulmun, sintomi fis-sistema tan-nifs, effetti negattivi fuq is-sistema kardjovaskulari u żieda f'użu ta' trattamenti tas-saħħa, dħul fi sptarijiet u rata ta' mwiet. L-effetti relatati ma' espożizzjoni ta' żmien twil jinkludu: żieda fis-sintomi ta' respirazzjoni t'isfel u mard kroniku ta' impediment tal-pulmun, tnaqqis fil-funzjoni tal-pulmun fi tfal u adulti, u tnaqqis fl-istennija ta' ħajja, prinċipalment minħabba mwiet ikkaġunati minn mard kardjopulmonari u kanċer aktarx tal-pulmun.

(28)

L-awtoritajiet Olandiżi bagħtu dokumenti li juru li għalkemm l-effetti fuq is-saħħa ta' sub-frazzjonijiet varji u varji sorsi ta' materja f'sura ta' partiċelli mhuwiex għal kollox ċar, studji epidemoloġiċi u tossikoloġiċi reċenti juru li partiċelli ġenerati minn proċessi ta' kombustjoni, bħal nugrufun minn magni diżil, huma partikolarment importanti f'termini ta' effetti fuq saħħa. Partiċelli li jiġu minn kombustjoni primarja għandhom effetti sostanzjali ta' ħsara fuq is-saħħa minħabba l-kompożizzjoni tagħhom (preżenza ta' metalli tranżizzjonali u komposti reattivi organiċi) u minħabba d-daqs żgħir ħafna tagħhom. Minħabba d-daqs żgħir tagħhom, partiċelli li ġejjin minn kombustjoni għandhom il-potenzjal li jaħarbu mill-mekkaniżmi ta' protezzjoni tal-ġisem tal-bniedem u jidħlu fid-demm u t-tessuti. L-awtoritajiet Olandiżi ġibdu l-attenzjoni għal fatt li studji epidemoloġiċi fuq skala kbira ta' popolazzjonijiet ma kinux kapaċi jidentifikaw punt ta' konċentrazzjoni li taħtu materja f'sura ta' partiċelli ta' l-atmosfera ma għandha l-ebda effett fuq ir-rata ta' mwiet u mard.

(29)

L-awtoritajiet Olandiżi kkunsidraw li għalkemm bħalissa mhuwiex possibbli li tikkwantifika b'mod suffiċjenti l-impatti fuq is-saħħa ta' materja f'sura ta' partiċelli, minħabba l-protezzjoni tas-saħħa tal-popolazzjoni Olandiża u fuq il-bażi tal-prinċipju kawtelatorju, huwa essenzjali li taġixxi malajr kemm jista' jkun sabiex titnaqqas kemm jista' jkun l-espożizzjoni għall-partiċelli li ġejjin min-nugrufun tat-traffiku.

(30)

Fil-fehma ta' l-awtoritajiet Olandiżi, studji xjentifiċi reċenti wrew li gruppi ta' popolazzjoni li huma suxxettibbli huma suġġetti għal aktar riskji ta' saħħa assoċjati ma' materja f'sura ta' partiċelli. Dawn il-gruppi jinkludu dawk li huma b'mod naturali aktar suxxettibbli għall-effetti ta' espożizzjoni għal materja f'sura ta' partiċelli (eż. dawk bi predispożizzjoni ġenetika, tfal żgħar ħafna, persuni mdaħħla fiż-żmien, persuni b'disturbi fis-sistema tan-nifs tagħhom u mard tal-pulmun), dawk li jsiru suxxettibbli ħafna bħala riżultat ta' fatturi ambjentali jew soċjali jew imġieba personali u dawk li huma esposti għal ammonti kbar u li mhux tas-soltu ta' pollutanti ta' l-arja minħabba li jgħixu qrib triq prinċipali jew iqattgħu sigħat twal barra mid-dar. Minħabba l-fatt li fl-Olanda parti kbira tal-popolazzjoni qegħda tgħix f'ambjent urban u maġenb toroq traffikużi, l-awtoritajiet Olandiżi stqarru li r-riskju ta' saħħa li għandu x'jaqsam ma' materja f'sura ta' partiċelli għall-popolazzjoni huwa konsiderevoli.

(31)

Il-Kummissjoni tinnota li effetti ambjentali u tas-saħha li għandhom x'jaqsmu ma' konċentrazzjonijiet ta' materja f'sura ta' partiċelli kienu diġà magħrufa sa ċertu punt qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 98/69/KE. Kien hemm diġà impressjoni li partiċelli żgħar kellhom impatti aktar sinifikanti fuq is-saħħa milli partiċelli goffi. Però, ftit kienu l-istudji disponibbli fuq dan il-punt. Minn dakinhar, numru kbir ta' studji epidemoloġiċi fuq ħafna aspetti ta' espożizzjoni u effetti fuq saħħa ta' materja f'sura ta' partiċelli tlestew li juru b'mod partikolari evidenza sabiex jikkonkludu li partiċelli rqaq huma aktar ta' ħsara milli l-kbar (8). Id-disponibilità ta' dawn l-istudji ġodda wasslu biex l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tagħmel tiġdid fil-“Gwida tal-Kwalità ta' l-Arja għall-Ewropa” għal materja f'sura ta' partiċelli fl-2000, 2003 u 2004 (9).

(32)

Fid-dawl ta' dan kollu, jidher illi l-Olanda pprovdiet evidenza xjentifika ġdida li għandha x'taqsam mal-protezzjoni ta' l-ambjent kif meħtieġ minn Artikolu 95 (5) tat-Trattat tal-KE. L-evidenza xjentifika ma kenitx disponibli fiż-żmien ta' l-adozzjoni tad- Direttiva 98/69/KE.

2.   Problema speċifika għall-Olanda li seħħet wara l-adozzjoni tad-Direttiva 98/69/KE

(33)

L-awtoritajiet Olandiżi huma ta' l-opinjoni li l-Olanda qegħda tħabbat wiċċha ma' problema speċifika li seħhet wara l-adozzjoni tad-Direttiva 98/69/KE. L-ewwel nett, huma jargumentaw li l-Olanda ġarrbet diffikultajiet għal madwar sena u nofs biex tikkonforma mad-Direttiva 99/30/KE. Fit-tieni lok, huma jinnutaw li n-numru ta' karozzi diżil fl-Olanda żdied minħabba prezzijiet ogħla ta' petrol, aktar disponibbilità ta' mudelli ta' karozzi diżil, u r-rendiment imtejjeb ħafna u l-effiċjenza ta' konsum ta' karburant ta' magni diżil. Din iż-żieda fis-sehem tal-karozzi diżil ma kinitx mistennija meta d-Direttiva 98/69/KE ġiet adottata. Is-sehem ta' karozzi diżil ogħla minn ftit inqas minn 15 % fl-1995 sa madwar 25 % illum il-ġurnata. Dawn il-fatturi kollha jfissru li ma ntebħux bil-kobor kollu tal-problema tal-kwalità ta' l-arja qabel l-1998.

(34)

Skond l-awtoritajiet Olandiżi, materja f'sura ta' partiċelli hija kawża prinċipali ta' tħassib minħabba d-densità ta' popolazzjoni għolja u infrastruttura kkonċentrata iktar minn pajjiżi oħra ta' l-Ewropa. Huma ta' l-opinjoni li l-Olanda tokkupa pożizzjoni speċjali fl-Ewropa minħabba l-użu minnha ta' spazju kbir, b'densità għolja ta' persuni, baqar, traffiku u industrija. Fil-fehma tagħhom din is-sitwazzjoni twassal għall-emissjonijiet għal kull kilometru kwadru aktar għoljin. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Olandiżi stqarru li l-Olanda għandha tlaħhaq ma' ammont kbir ta' tniġġis minn barra l-pajjiż. B'mod partikolari, 45 % tal-konċentrazzjoni tal-materja f'sura ta' partiċelli fl-Olanda hija kkawżata minn attività umana, b'żewġ terzi minnha tinħoloq barra l-pajjiż. Madankollu, f'żoni urbani, il-kontribuzzjoni antropoġenika minn sorsi fl-Olanda hija 30-45 %, bit-traffiku bħala sors sinifikanti.

(35)

L-awtoritajiet Olandiżi stqarrew li l-kwalità ta' l-arja f'ħafna erjas ta' l-Olanda ma taqbilx mal-valuri limitu Ewropej għal materja f'sura ta' partiċelli kif imniżżla fid-Direttiva 99/30/KE. Għalkemm emissjonijiet magħmula minn partiċelli fl-Olanda tbaxxew sewwa bejn l-1990 u 2003, skond l-awtoritajiet Olandiżi, minħabba l-volum għoli ta' traffiku u l-konċentrazzjoni għolja ta' nies u bini fl-Olanda, dan in-nuqqas mhuwiex biżżejjed sabiex jikkumbatti l-effetti l-ħżiena fuq is-saħħa ta' emissjonijiet magħmula minn materja f'sura ta' partiċelli u sabiex timplimenta valuri limitu ta' kwalità ta' l-arja.

(36)

Skond l-awtoritajiet Olandiżi, mill-emissjonijiet domestiċi kollha ta' materja f'sura ta' partiċelli, madwar terz jiġu minn traffiku, terz ieħor mill-industrija u madwar kwart mill-agrikultura. Partiċelli minn gassijiet ta' l-egżost huma fost l-aktar materja f'sura ta' partiċelli li jagħmlu ħsara. It-traffiku ipoġġi lin-nies f'qagħda ta' espożizzjoni kbira, minħabba l-emissjonijiet tiegħu jiġri qrib erjas residenzjali u użijiet sensittivi oħra ta' l-art.

(37)

Fid-dokumenti msemmija “Bilanċ ambjentali 2005” (Milieubalans 2005) u “Materja magħmul minn partiċelli: ħarsa aktar mill-qrib” (Fijn stof nader bekeken) annessi man-notifika tagħhom, l-awtoritajiet Olandiżi saħqu li konċentrazzjonijiet ta' materja f'sura ta' partiċelli fl-arja jaqbżu l-istandards ta' kwalità ta' l-arja Ewropej b'ħafna fuq erjas wiesgħa ta' l-Olanda. L-awtoritajiet Olandiżi jinnutaw li l-limiti ta' kwalità ta' l-arja ta' kuljum għal materja f'sura ta' partiċelli xorta jinqabeż fuq skala kbira fl-2010. Għal kuntrarju, vjolazzjonijiet tal-medja ta' standard annwali għal materja f'sura ta' partiċelli huma rari. L-awtoritajiet Olandiżi jinnutaw li vjolazzjonijiet tal-valuri limitu imniżżla fid-Direttiva 99/30/KE ġew osservati kważi fl-ibliet kollha ta' l-Ewropa. Però, il-vjolazzjonijiet fl-Olanda, Belġju, id-distrett ta' Ruhr fil-Ġermanja u l-erja industrijalizzata ta' l-Italja ta' Fuq jseħħu fuq erja ġeografika akbar milli fi Stati Membri oħra.

(38)

L-awtoritajiet Olandiżi jinnutaw illi huwa impossibli illi jinġibdu konklużjonijiet sostanzjali minn din l-informazjoni mingħjar ma jiġu kkunsidrati s-sitwazzjoni u d-daqs taż-żoni fil-pajjiżi varji. L-awtoritajiet Olandiżi jinnutaw ukoll illi determinazzjoni tal-kwalità ta' l-arja fl-Olanda ssir b'livell għoli ta' detall billi jintuża immudellar dettaljat ta' l-ippjanar minbarra l-kejl preskritt. Madankollu, numru limitat biss ta' pajjiżi ta' l-UE jużaw mudelli wkoll; il-parti l-kbira tal-pajjiżi għall-kuntrarju, jużaw biss kejl ta' kwalità ta' l-arja. Huwa wkoll possibbli illi xi wħud mid-differenzi jistgħu jiġu spjegati permezz tad-differenzi fil-fatturi ta' korrezzjoni użati. L-Olanda, per eżempju, żiedet ir-riżultat imkejjel b'fattur ta' 1.33. Skond l-awtoritajiet Olandiżi, numru ta' pajjiżi jsegwu l-indikazzjonijiet provduti mill-Kummissjoni Ewropea u jużaw fattur ta' korrezzjoni ta' 1.3. Il-parti l-kbira tal-pajjiżi jużaw fatturi ta' korrezzjoni iktar baxxi jew saħansitra ebda fattur ta' korrezzjoni. Minbarra dan, mhux il-pajjiżi kollha jimmudellaw il-kwalità ta' l-arja tagħhom fuq il-livelli tat-triq. Skond l-awtoritajiet Olandiżi, in-numru ta' reġjuni fil-pajjiżi li ma jimmudelawx il-kwalità ta' l-arja tagħhom fil-livell tat-triq x'aktarx ma huwiex stmat biżżejjed.

(39)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Olandiżi jindikaw is-sitwazzjoni legali speċifika tagħhom. Id-Digriet dwar il-Kwalità ta' l-Arja, li daħal fis-seħħ fl-2001, daħħal reġim legali li permezz tiegħu pjanijiet ta' kostruzzjoni u tkabbir jistgħu jinżammu jew jintalbu tibdiliet fil-pjanijiet jekk dawn aktarx ikun ser ikollhom effetti ta' ħsara fuq il-kwalità ta' l-arja. Wara l-implimentazzjoni ta' dan ir-reġim, iktar minn 40 oġġezzjoni għal pjanijiet ta' żvilupp ta' l-ispazju ġew iddepożitati ma' awtoritajiet ġudizzjali varji, li jinkludu il-Kunsill ta' l-Istat, minħabba kunflitti possibli mad-Digriet dwar il-Kwalità ta' l-Arja. F'terz minn dawn il-każijiet, il-Kunsill ta' l-Istat ħassar il-pjan.

(40)

Il-Kummissjoni tinnota illi l-persentaġġ ta' kontribuzzjoni tat-trasport li jaqsam il-fruntieri ta' materja f'sura ta' partiċelli fl-Olanda huwa wieħed għoli iżda mhux ogħla minn pajjiżi oħra tal-Benelux (10). Il-Kummissjoni tinnota wkoll illi l-Olanda hija karatterizzata, għal kuntrarju ta' l-Istati Membri l-oħra, b'emissjonijiet ta' materja f'sura ta' partiċelli konsiderevolment ogħla li ġejjin minn tbaħħir f'kanali interni u trasport marittimu (11). Għandu jiġi nnutat ukoll illi l-port kbir ta' Rotterdam mhuwiex sors ewlieni ta' materja f'sura ta' partiċelli, iżda għandu influwenza kbira fuq l-attivitajiet u t-trasport ġo u madwar l-Olanda (10).

(41)

Ir-rapport annwali taħt id-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE tindika li l-Olanda ma kellhiex xi problemi ta' eċċessi għoljin ħafna fl-2003 meta mqabbla ma' Stati Membri oħra (per eżempju l-Belġju, l-Awstrija, il-Greċja, ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja, l-Islovenja u l-Islovakkja). Minħabba li l-Olanda għadha ma bagħtitx data uffiċjali għall-2004, mhuwiex possibli li tqabbel is-sitwazzjoni tal-kwalità ta' l-arja fl-Olanda ma' dik fi Stati Membri oħra fl-2004. Minbarra dan, il-Kummissjoni tinnota illi reċentement ħafna (Marzu 2006) l-Aġenzija Olandiża għal Assessjar Ambjentali NMP ippubblikat evalwazzjoni mill-ġdid tal-livelli PM10, li tindika li l-livelli ta' PM10 huma 10-15 % inqas minn kif kien maħsub qabel. Dan it-tnaqqis jiddependi fuq il-lok fl-Olanda, u aktarx ikun ikbar f'erjas rurali milli fi bliet. Skond ir-rapport NMP, in-numru ta' erjas fejn il-valuri ta' limitu ta' kwalità ta' l-arja jinqabżu se jitnaqqsu bin-nofs fl-2010 meta mqabbla ma' l-2005 u fl-2015 meta mqabbla ma' l-2010.

(42)

Skond ir-rapport annwali għall-2003 u meta tikkunsidra l-informazzjoni l-ġdida mibgħuta mill-gvern Olandiż u li tinsab fir-rapport NMP, jidher li hemm dubju konsiderevoli dwar l-eżistenza ta' problema speċifika fl-Olanda meta mqabbla ma' Stati Membri oħra fir-rigward tal-konformità mal-valuri ta' limitu stabbilit fid-Direttiva dwar il-Kwalità ta' l-Arja. B'mod partikolari, il-livell ta' l-emissjonijiet totali ta' partiċelli (PM10 and PM2.5) għal kull kilometru kwadru fl-Olanda huwa biss nofs dak fil-Belġju (11).

(43)

B'mod iktar speċifiku, hemm dubju jekk hemmx problema speċifika fir-rigward tad- Direttiva 98/69/KE. Kif intqal f'sezzjoni 40 ta' hawn fuq, l-Olanda hija karatterizzata b'emissjoni ta' materja f'sura ta' partiċelli konsiderevolment ogħla mill-medja li ġejja minn tbaħħir f'kanali interni u trasport marittimu. Minbarra dan, is-sehem ta' vetturi li jaħdmu bid-diżil fl-Olanda huwa konsiderevolment inqas (25 % ta' bejgħ ġdid) mill-medja ta' l-UE (madwar 50 % ta' bejgħ ġdid). Huwa għalhekk dubjuż jekk hemmx xi problema speċifika fir-rigward ta' emissjonijiet ta' materja f'sura ta' partiċelli li ġejja minn vetturi motorizzati koperti bid-Direttiva 98/69/KE.

(44)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li l-Olanda naqset li turi l-eżistenza ta' problema speċifika fir-rigward tad-Direttiva 98/69/KE.

3.   Assessjar tal-kundizzjonijiet taħt Artikolu 95 (6) tat-Trattat tal-KE

(45)

Artikolu 95 (6) tat-Trattat tal-KE jobbliga lill-Kummissjoni sabiex tivverifika illi l-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mhumiex mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija għall-kummerċ bejn Stati Membri u li ma jikkostitwixxux tfixkil għat-tħaddim tas-suq intern.

(46)

L-aħħar kundizzjoni ma tistax tiġi nterpretata b'mod li jipprojbixxi l-approvazzjoni ta' xi miżura nazzjonali li aktarx taffettwa t-tħaddim tas-suq intern. Fil-fatt, kull miżura nazzjonali li tidderoga minn miżura ta' armonizzazzjoni bi skop ta' twaqqif u tħaddim tas-suq intern tikkostitwixxi effettivament miżura li x'aktarx taffettwa s-suq intern. Konsegwentement, sabiex tinżamm l-utilità tal-proċedura għad-deroga stabbilita f'Artikolu 95 tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni tikkunsidra li, fil-kuntest ta' Artikolu 95 (6), il-kunċett ta' tfixkil għat-tħaddim tas-suq intern għandu jinftiehem bħala effett sproporzjonat fir-rigward ta' l-oġġettiv li jrid jintlaħaq.

(47)

L-awtoritajiet Olandiżi jikkunsidraw li l-miżura hija neċessarja sabiex tiġi mtejba l-kwalità ta' l-ambjent u għalhekk tiġi mħarsa s-saħħa tal-bniedem. Huma jikkunsidraw ukoll li l-abbozz ta' miżura ma huwiex mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn Stati Membri. Minbarra dan, huma jemmnu li, minħabba r-riskji li l-emissjonijiet ta' partiċelli ta' ġmied jikkaġunaw kemm għall-ambjent u kemm għas-saħħa tal-bniedem, u meta tikkunsidra li s-sitwazzjoni ta' espożizzjoni speċifika f'reġjuni b'popolazzjoni densa bħal ma hi l-Olanda, il-miżura hija proporzjonata għall-għan li jrid jintlaħaq. Minbarra dan, skond l-awtoritajiet Olandiżi, il-mudelli kollha ta' vetturi b'sehem sinifikanti fil-bejgħ ta' karozzi diżil huma diġà disponibbli b'mezz biex jinqabdu l-partiċelli jew ser ikunu disponibbli dalwaqt. Għalhekk il-miżura notifikata mhux ser iġġiegħel il-fabbrikanti tal-karozzi sabiex jagħmlu tibdiliet (radikali) fil-proċess ta' produzzjoni tagħhom.

(48)

Il-gvern Franċiż u dak Taljan bagħtu kummenti fuq in-notifika Olandiża fiż-żmien stipulat. It-tnejn li huma saħqu dwar l-impatti negattivi li l-miżura notifikata jkollha fuq is-suq intern għal vetturi, bid-deformazzjoni tas-suq. Huma ndikaw il-possibilità li l-awtoritajiet Olandiżi jinkuraġġixxu użu kmieni ta' karozzi li jissodisfaw il-livell ta' emissjoni ta' materja f'sura ta' partiċelli ta' 5 mg kull kilometru b'inċentivi fiskali, li jippermettu implimentazzjoni kmieni ta' l-istandards Ewropej futuri ta' emissjonijiet waqt, li fl-istess ħin, ma jxekklux is-suq intern tal-vetturi.

(49)

Kif imsemmi hawn fuq (ara Sezzjoni 46), fil-kuntest ta' Artikolu 95 (6) il-kunċett ta' tfixkil għat-tħaddim tas-suq intern għandu jinftiehem bħala effett sproporzjonat fir-rigward ta' l-oġġettiv li jrid jintlaħaq. Il-Kummisjoni għalhekk sejra tiffoka l-assessjar tal-kundizzjonijiet taħt Artikolu 95 (6) tat-Trattat tal-KE fuq il-proporzjonalità tal-dispożizzjonijiet nazzjonali li ġew notifikati. It-twettiq ta' dan l-assessjar ifisser deċiżjoni fuq jekk il-miżura notifikata taqbiżx il-limiti ta' x'inhu xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-iskop dikjarat ta' tħaris ta' l-ambjent u tas-saħħa. L-assessjar ser isir bil-ħsieb illi, fejn ikun hemm numru ta' miżuri xierqa li jistgħu jittieħdu, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva minnhom.

(50)

Bħala rimarka preliminari, il-Kummissjoni tixtieq tindika li l-bżonn li tkompli ttejjeb ir-rendiment tal-vetturi fir-rigward ta' l-emissjonijiet ta' pollutanti atmosferiċi huwa ferm rikonoxxut mill-Kummissjoni. Din hija r-raġuni għalfejn, kif diġa msemmi, reċentement saret il-proposta Euro 5. Skond il-proposta l-limiti ta' emissjonijiet għal materja f'sura ta' partiċelli minn karozzi privati diżil ġodda u l-iżgħar vetturi għal użu ħafif jitnaqqsu b' 80 %. Permezz tal-proposta Euro 5, il-Kumissjoni ppruvat toħloq bilanċ bejn il-bżonn ta' iktar titjib fir-rendiment ambjentali u l-bżonn li tipprovdi lill-fabbrikanti tal-karozzi bil-ħin biżejjed sabiex jiddisinjaw vetturi u jippjanaw attivitajiet ta' produzzjoni. Din ir-riflessjoni tidher b'mod partikolari fil-proveddimenti dwar id-dħul fis-seħħ tar-regolament. Permezz tad-dħul fis-seħħ tal-limiti ta' emissjoni ta' materja f'sura ta' partiċelli stabbiliti fil-proposta Euro 5 qabel id-data maħsuba, il-miżura notifikata mill-awtoritajiet Olandiżi tnaqqas drastikament iż-żmien ta' bejn il-proposta u l-implimentazzjoni. Dan ikollu impatt kbir fuq il-fabbrikanti tal-vetturi, għax iġiegħlhom jaddattaw il-produzzjoni tagħhom skond ir-rekwiżiti tal-liġi Olandiża jew jobbligahom jillimitaw il-mudelli offruti fis-suq Olandiż. F'dan ir-rigward għandu jiġi nnutat illi, bħalissa, mhux it-tipi kollha ta' vetturi fil-kategoriji M1 u N1, klassi I, huma disponibbli b'filtru tal-partiċelli. L-awtoritajiet Olandiżi nfurmaw lill-Kummissjoni li xi tipi ta' karozzi privati li jaħdmu bid-diżil b'filtru għall-partiċelli tad-diżil huma diġà disponibbli jew daqt ikunu disponibbli fis-suq Olandiż. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota illi, fuq il-bażi ta' l-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni (sa Diċembru 2005), hemm mill-anqas 240 tip differenti ta' karozzi tal-passiġġieri 'il barra minn ca. 710 li mhumiex aċċessibbli fis-suq Olandiż b'filtru tal-partiċelli u li għalhekk ikunu esklużi minn dak is-suq jekk il-miżura notifikata kellha tiġi tintlaqa'. Minħabba li għal xi mudelli huma l-magni l-kbar li jiġu mgħammra b'filtri tal-partiċelli, il-miżura Olandiża taf tħalli barra l-magni iżgħar li jużaw il-karburant b'mod effiċjenti ta' dawn il-mudelli mis-suq Olandiż u dan imur kontra l-politika stabbilita UE ta' tnaqqis ta' l-emissjonijiet tad-CO2.

(51)

L-awtoritajiet Olandiżi nfurmaw lill-Kummissjoni illi l-miżura maħsuba hija parti minn sett ta' miżuri (Sett ta' Miżuri ta' Jum il-Baġit) bl-iskop li jtejbu l-kwalità ta' l-arja fl-Olanda. Dan is-sett ta' miżuri huwa iffukat fuq miżuri tat-traffiku minħabba li l-partiċelli minn gassijiet ta' egżost huma fost l-iktar li jagħmlu ħsara mill-materja f'sura ta' partiċelli kollha. Jinkludi, fost miżuri oħrajn, sussidji għal filtru tal-partiċelli fuq karozzi diżil ġodda jew eqdem, inċentivi għal traffiku lokali nadif, trasport tal-merkanzija u ġarr ta' merkanzija bil-baħar, inċentivi għal karburanti nodfa. Inbdiet riċerka dwar kemm sussidju għall-iskrappjar ta' karozzi (diżil) eqdem ikun effettiv f'termini ta' spejjeż. Minbarra dan, is-sett ta' miżuri jinkludi miżuri ġeneriċi oħra tat-traffiku u miżuri li jkopru l-industrija u l-agrikoltura. Se jittieħdu wkoll miżuri lokali li jaffetwaw l-infrastruttura nazzjonali, bħal ma huma t-tnaqqis tal-veloċità massima fuq xi toroq. Fl-aħħar, is-sett ta' miżuri huwa maħsub sabiex ikun effettiv f'livell lokali, bħal per eżempju bl-implimentazzjoni ta' pjanijiet dwar il-kwalità ta' l-arja muniċipali, iżjed flus sabiex jinkoraġġixxu trasport lokali li jniġġes anqas f'muniċipalitajiet u provinċji u miżura bbażata fuq rimborsi ta' parti sostanzjali mill-ispejjeż żejda ta' teknoloġiji għal inqas tniġġis bħal mezzi li jaqbdu l-partiċelli. Minbarra dan, hemm għajnuna għal muniċipalitajiet li jillimitaw id-dħul fl-ibliet (jew ċentri tagħhom) għal vetturi li ma jniġġsux ħafna jew li ma jagħmlux ħafna ħsejjes.

(52)

L-awtoritajiet Olandiżi pprovdew deskrizzjoni ġenerali tal-miżuri li jridu jimplimentaw b'valutazzjoni ta' l-ispejjeż u l-benefiċċji relatati. Għandu jiġi nnutat li xi wħud mill-miżuri maħsuba li jagħmlu parti mis-Sett ta' Miżuri ta' Jum il-Baġit jikkwalifikaw bħal “miżuri iebsa”, u l-oħrajn bħala “miżuri rotob”. Il-“miżuri iebsa” huma azzjonijiet konkreti illi diġà ġew indikati, il-finanzjament tagħhom ġie miftiehem u li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Gvern Ċentrali. Miżuri rotob ser jiġu deċiżi iktar 'il quddiem jew mill-istituzzjonijiet oħra (bħall-Unjoni Ewropea), l-istrument u l-finanzjament ħafna drabi ma jkunx stabbilit u l-kompetenzi ma jaqgħux taħt il-Gvern Ċentrali.

(53)

Sabiex jiġi assessjat jekk il-miżura notifikata hija proporzjonali għall-oġġettivi ddikjarati, il-Kummissjoni kkunsidrat illi għandu jiġi mistħarreġ jekk jistgħu jittieħdu miżuri alternattivi mill-awtoritajiet Olandiżi li jħallu l-istess benefiċċji f'termini ta' tnaqqis ta' materja f'sura ta' partiċelli (b'mod partikolari partiċelli fini ħafna), imma fl-istess ħin ikunu inqas ta' ħsara għas-suq intern. L-ewwel pass ta' din l-analiżi jwassal għal evalwazzjoni tal-benefiċji possibbli li jistgħu joħorġu mill-implimentazzjoni tal-miżura notifikata.

(54)

Skond l-awtoritajiet Olandiżi, l-implimentazzjoni ta' obbligazzjoni li jitwaħħlu mezzi li jaqbdu l-partiċelli mill-1 ta' Jannar 2007 fuq vetturi diżil fil-kategoriji M1 u N1, klassu I, iwassal għal tnaqqis ta' materja f'sura ta' partiċelli ta' madwar 0,4 sa 0,5 kilotunnellata (kt) fl-2010 li jirrapreżenta madwar 50 % tat-tnaqqis li jrid jintlaħaq bis-sett sħiħ Olandiż ta' miżuri ta' traffiku. Dawn il-figuri huma bbażati fuq il-fatt li fil-waqt tan-notifika l-proporzjon ta' vetturi diżil b'mezz li jaqbad il-patrikuli kienet 10 % tal-karozzi kollha u bis-suppożizzjoni li r-regolament Euro 5 ikun obbligatorju mhux qabel l-1 ta' Lulju 2008 u fl-1 ta' Jannar 2010 għal vetturi ġodda.

(55)

Il-Kummisjoni tagħraf illi l-awtoritajiet Olandiżi, mill-1 ta' Ġunju 2005, daħħlu fis-seħħ skema ta' inċentivi fiskali għat-tagħmir ta' karozzi diżil ġodda b'filtri tal-partiċelli. Il-Kummissjoni tinnota li fid-dokument “Assessjar tas-Sett ta' Miżuri ta' Jum il-Baġit dwar il-kwalità ta' l-arja 2005” (Beoordeling van het prinsjesdagpakket — Aanpak Luchtkwaliteit 2005), l-awtoritajiet Olandiżi jassessjaw l-impatt ta' din l-iskema ta' inċentivi. Jassumu illi, bħala riżultat ta' din il-miżuri u jekk tassumi li l-Istandard Euro 5 se jidħol fis-seħħ mhux qabel l-1 ta' Lulju 2008 għal tipi ġodda ta' vetturi u fl-1 ta' Jannar 2010 għal vetturi ġodda, fl-2008 70-90 % tal-karozzi diżil ġodda mibjugħa fl-Olanda ser ikollhom filtru tal-partiċelli. Iċ-ċifri relattivi tas-snin ta' qabel huma 40-60 % għall-2006 u 60-80 % għall-2007. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi illi l-benefiċċji l-oħra ta' l-introduzzjoni tal-dispożizzjonijiet notifikati, meta mqabbla ma' xenarju bażi fejn l-iskema ta' inċentivi għal karozzi diżil ġodda hija fis-seħħ, u tikkunsidra x-xejra awtonoma fl-Ewropa ta' vetturi diżil li jiġu mgħammra b'filtri tal-partiċelli, ikunu konsiderevolment inqas mill-benefiċċji stmati ta' tnaqqis ta' 0,4 sa 0,5 kt ta' materja f'sura ta' partiċelli fl-2010. Il-Kummissjoni tistma li l-impatt x'aktarx ikun fil-medda ta' 0,05 kt (12). Għandu jiġu nnutat ukoll li l-impatt ta' l-iskema ta' inċentivi fiskali eżistenti jistgħu ikomplu jittejbu billi din il-miżura tiġi akkumpanjata b'miżuri oħra kumplimentari, bħall-projbizzjoni selettiva ta' ċirkulazzjoni skond il-liġi tal-Komunità f'erjas definiti għal vetturi diżil mhux konformi ma' xi livell ta' emissjoni ta' materja f'sura ta' partiċelli. L-esperjenza fi Stati Membri oħra turi li ħafna drabi l-aħbar ta' dawn il-projbizzjonijiet selettivi hija biżżejjed sabiex tinfluwenza deċiżjonijiet ta' bejgħ favur vettura diżil b'filtru tal-partiċelli jew vettura mhux diżil.

(56)

L-awtoritajiet Olandiżi jikkunsidraw li ebda miżura nazzjonali oħra b'inqas impatt fuq il-kummerċ ma jkollha l-istess riżultat bħall-miżura notifikata. Madankollu, il-Kummisjoni tinnota li fid-dokument “Assessjar tas-Sett ta' Miżuri f'Jum il-Baġit dwar il-kwalità ta' l-arja 2005” (Beoordeling van het prinsjesdagpakket — Aanpak Luchtkwaliteit 2005), l-awtoritajiet Olandiżi jiddikjaraw b'mod ċar illi minbarra l-miżuri kkunsidrati fis-Sett ta' Miżuri ta' Jum il-Baġit ser ikun hemm miżuri oħrajn alternattivi li huma iktar effikaċi f'termini ta' spejjeż. B'mod partikolari, huma jikkunsidraw illi l-iktar mezz effikaċi f'termini ta' spejjeż sabiex tnaqqas il-konċentrazzjonijiet fuq skala Olandiżi, kemm reġjonali u kemm lokali, tkun politika addizzjonali ta' iffissar ta' prezzijiet għas-settur tat-trasport. Il-benefiċċji sħaħ lis-soċjetà assoċjati ma' din l-għażla jisbqu l-ispejjeż. Skond l-istima magħmula mill-awtoritajiet Olandiżi, tibdil fit-taxxi tal-karozzi u d-dħul ta' iffissar ta' prezzijiet għat-triq inaqqsu l-emissjonijiet fl-2010 b'bejn wieħed u ieħor kemm se jitnaqqsu bil-miżuri proposti fis-Sett ta' Miżuri ta' Jum il-Baġit. Dan ifisser illi politika bħal dik tista' twassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta' materja f'sura ta' partiċelli ta' 4 jew 10 darbiet iktar mill-miżura notifikata (13).

(57)

L-awtoritajiet Olandiżi jinnutaw illi l-benefiċċji għal żmien qasir assoċjata ma' iffissar ta' prezzijiet għat-triq li jinbidlu skond iż-żmien u l-post ma tantx huma differenti mill-benefiċċji assoċjati mal-miżuri ta' Jum il-Baġit. Madankollu, il-miżuri ta' Jum il-Baġit huma wkoll inqas effettivi fir-rigward tal-kwalità ta' l-arja fl-2020. Huma jikkonkludu illi waqt l-iffissar tal-prezzijiet għat-triq li jinbidlu skond iż-żmien u l-post jiswew lill-gvern iktar mill-miżuri ta' Jum il-Baġit, jista' joħloq benefiċċji soċjali kbar (EUR 1-1,5 biljun fis-sena). Minbarra dan, problemi soċjali oħra bħal fastidju minn ħsejjes, nuqqas ta' sigurtà ta' traffiku u konġestjoni ukoll jitnaqqsu bl-implimentazzjoni ta' l-iffissar ta' prezzijiet għat-triq. Fl-aħħar nett, huma jagħrfu li l-miżuri proposti taħt il-miżuri ta' Jum il-Baġit jikkostitwixxu “t-tieni l-aħjar” soluzzjoni meta mqabbla ma' l-implimentazzjoni ta' politika addizzjonali ta' iffissar ta' prezzijiet għas-settur tat-trasport.

(58)

Waqt li bbażat ruħha fuq l-informazzjoni provduta mill-awtoritajiet Olandiżi, il-Kummissjoni tinnota li politika ta' iffisar ta' prezzijiet għat-triq għas-settur tat-trasport tidher li hija iktar effikaċi f'termini ta' spejjeż mill-miżura notifikata u tħalli benefiċċji ikbar f'termini ta' tnaqqis ta' emissjonijiet ta' materja f'sura ta' partiċelli fini ħafna waqt li, fil-prinċipju, ma toħloqx diffikultajiet għat-tħaddim tas-suq intern. L-effikaċja ta' din il-miżura tiġi mtejba meta miżjuda ma' l-iskemi ta' inċentivi fiskali li hemm bħalissa u tkun tista' tiġi mtejba iktar, kif imsemmi fuq, jekk miżuri oħra kumplimentari, bħal projbizzjonijiet ta' ċirkulazzjoni għal vetturi antiki li jniġġsu iktar, jiġu mdaħħla fis-seħħ mill-awtoritajiet lokali. Il-Kummissjoni tinnota li dawn il-miżuri ta' l-aħħar ġew adottati b'mod effettiv u wiesa' minn awtoritajiet lokali fi Stati Membri oħra li jħabbtu wiċċhom ma' problemi ta' kwalità ta' l-arja bħal dawk imġarrba mill-Olanda.

(59)

Minbarra dan, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Olandiżi jistgħu jikkunsidraw illi jsaħħu xi wħud mill-“miżuri iebsa” li jinsabu fil-miżuri ta' Jum il-Baġit. Per eżempju, t-tagħmir li jsir wara ta' vetturi diżil b'filtru tal-partiċelli jista' jwassal għal tnaqqis ikbar fl-emissjonijiet minn dak stmat mill-awtoritajiet Olandiżi, jekk il-baġit imqassam għal din il-miżura jiżdied u jekk filtri tal-partiċelli jiġu nstallati b'mod partikolari f'vetturi li għandhom kilometraġġ urban ogħli (eż. taksis). L-ispejjeż għat-tagħmir li jsir wara ta' vapuri b'filtri ta' partiċelli diżil huma stmati mill-awtoritajiet Olandiżi li huma inqas minn miżuri oħra ta' tagħmir li jsir wara (fil-medda ta' EUR 10 sa EUR 60 għal kull kilo ta' tnaqqis ta' materja f'sura ta' partiċelli (14)) u jkunu inqas mill-ispejjeż tas-saħħa assoċjati ma' konċentrazzjonijiet ta' materja f'sura ta' partiċelli, kif ikkalkulata mill-awtoritajiet Olandiżi (i.e. EUR 340 għal kull kilo f'ambjent urban u EUR 80 għal kull kilo f'ambjent rurali). Għandu jiġi nnutat f'dan ir-rigward illi, skond il-projezzjonijiet mill-mudelli RANIS, waqt li l-importanza relattiva ta' emissjonijiet f'sura ta' partiċelli minn vetturi ta' tħaddim ħafif ser tonqos fis-snin li ġejjin, l-importanza ta' l-emissjonijiet minn tbaħħir intern u trasport marittimu ser jiżdied.

(60)

L-awtoritajiet Olandiżi jistgħu jikkunsidraw ukoll implimentazzjoni iktar kmieni ta' xi “miżuri rotob” li jinstabu fil-miżuri ta' Jum il-Baġit u li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-gvern Olandiż. F' dan il-kuntest, jiġi nnutat illi l-potenzjal tat-tnaqqis stmat ta' materja f'sura ta' partiċelli tal-sett sħiħ ta' “miżuri rotob” tal-proposta ta' jum il-Baġit huwa iktar minn dak tal-“miżuri iebsa”. B'mod partikolari, skond l-istima mill-awtoritajiet Olandiżi, id-dħul ta' “sistemi ta' ħasil ta' l-arja” magħquda, fir-rigward ta' xogħol intensiv ta' trobbija tal-bhejjem, iwassal għal tnaqqis ta' 4,4 kt fil-materja f'sura ta' partiċelli fl-2010. Dan it-tnaqqis huwa konsiderevolment iktar mit-tnaqqis mistenni fil-materja b'sura ta' partiċelli li kieku jinħoloq bl-implimentazzjoni tal-miżura notifikata (0,05 kt, ara sezzjoni 55 ta' hawn fuq). Din il-miżura probabbilment ikollha effett ikbar fuq erjas b'popolazzjoni baxxa milli fl-ibliet. Madankollu, minħabba l-ordni mistennija ta' l-ammont ta' tnaqqis tal-konċentrazzjoni ambjentali ta' materja f'sura ta' partiċelli, u l-effett favorevoli tagħha f'termini ta' ħarsien tas-saħħa pubblika, x'aktarx ikun aħjar li tiġi kkunsidrata implimentazzjoni iktar kmieni.

(61)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Olandiżi tindika b'mod ċar li miżuri inqas restrittivi mill-miżura notifikata jistgħu jittieħdu mill-awtoritajiet Olandiżi sabiex jilħqu l-oġġettivi ddikjarati ta' ħarsien ta' l-ambjent u tas-saħħa. Waqt li l-miżura notifikata tikkostitwixxi vjolazzjoni tas-sistema ta' approvazzjoni tat-tip-KE għal vetturi, il-miżuri alternattivi ma jikkostitwixxux, fil-prinċipju, deroga mill-miżuri eżistenti ta' armonizzazzjoni tal-KE. Ir-raġunijiet għaliex dawn il-miżuri ma ġewx proposti b'mod finali, anki jekk maħsuba mill-awtoritajiet Olandiżi u minkejja l-fatt li kienu jwasslu mill-inqas għall-istess ammont ta' tnaqqis ta' materja f'sura ta' partiċelli bħall-miżura notifikata, ma joħroġux b'mod ċar mid-dokumenti mibgħuta mill-Olanda. Il-Kummissjoni tixtieq tisħaq f'dan ir-rigward li fost l-għażliet differenti li jistgħu iwasslu biex jintlaħaq l-oġġettiv ta' ħarsien tas-saħħa u ta' l-ambjent, l-Istati Membri huma obbligati li jagħżlu dawk li huma l-inqas ta' ħsara għas-suq intern.

(62)

Biex tikkonkludi, il-Kummissjoni temmen li hemm evidenza li turi li l-miżura nazzjonali maħsuba mhix l-iktar miżura restrittiva sabiex jintlaħaq l-iskop dikjarat ta' ħarsien ta' l-ambjent u tas-saħħa u li, ġaladarba tiġi adottata, tikkostitwixxi tfixkil sproporzjonat għat-tħaddim tas-suq intern.

4.   Kuntest internazzjonali

(63)

Il-Kummissjoni tixtieq tagħmel xi kunsiderazzjonijiet dwar il-kuntest internazzjonali tal-miżura maħsuba. Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE (15), il-Komunità Ewropea aderiet ma' Regolament 83 UN/ECE (16) adottat taħt il-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa li tikkonċerna l-adozzjoni tal-preskrizzjonijet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet liema jistgħu ikunu iffittjati ma' u/jew ikunu użati ma' vetturi bir-roti u l-kondizzjonijet reċiproċi ta' l-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta' dawn il-preskrizzjonijet (“Ftehim ta' l-1958 Rivedut”). Ir-Regolament ipoġġi l-istess valuri ta' limitu ta' emissjonijiet u għandu l-istess ambitu ta' applikazzjoni bħad-Direttiva 70/220/KE, kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 98/69/KE. Skond Artikolu 3 tal-Ftehim ta' 1958, “Vetturi bir-roti, tagħmir jew partijiet li għalihom ikunu ħarġu approvazzjonijiet skond it-tip minn xi Parti Kontraenti skond l-Artikolu 2 ta' dan il-Ftehim u jkunu fabbrikati jew fit-territorju ta' xi Parti Kontraenti li tkun qegħda tapplika r-Regolament partikolari, jew f'xi pajjiż ieħor li jkun indikat mill-Parti Kontraenti li tkun approvat it-tipi ta' vetturi bir-roti, tagħmir jew partijiet konċernati għandhom jiġu meqjusa li huma konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Partijiet Kontraenti kollha li jkunu qegħdin japplikaw l-imsemmi Regolament permezz ta' l-approvazzjoni skond it-tip”.

(64)

Il-miżura notifikata mill-awtoritajiet Olandiżi ma fiha ebda provvediment li jippermetti l-użu ta' vetturi li għalihom ikunu ħarġu approvazzjonijiet tat-tip skond ir-Regolament 83 UN/ECE. Għalhekk, il-miżura żżomm vetturi minn Partijiet Kontraenti oħra li jissodisfaw ir-Regolament 83 milli jidħlu fis-suq Olandiż. Jekk adottata, il-miżura għalhekk tikkostitwixxi vjolazzjoni tal-Ftehim ta' l-1958. Skond il-każijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-liġi tal-Komunità għandha tiġi nterpretata kemm jista' jkun, bi qbil ma' l-obbligazzjonijiet internazzjonali tal-Komunità. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tiżgura illi l-Komunità tissodisfa l-obbligi tagħha taħt il-Ftehim ta' l-1958. Dan ifisser li l-Olanda trid tkun konformi mar-Regolament 83 UN/ECE. Fin-nuqqas, dan jista' jdgħajjef l-għarfien ta' l-approvazzjonijiet tat-tip ta' l-UE mill-Partijiet Kontraenti l-oħra u għalhekk ikollu ċertament effetti negattivi fuq l-esportazzjonijiet tal-vetturi tal-KE lil dawk il-pajjiżi.

IV.   KONKLUŻJONI

(65)

Fid-dawl ta' l-elementi li kellha disponibbli sabiex jivvaluta l-meriti tal-ġustifikazzjonijiet imressqa għall-miżuri nazzjonali notifikati, u fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet spjegati hawn fuq, il-Kummisjoni tikkunsidra li t-talba tar-Renju ta' l-Olanda sabiex tintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw mid-Direttiva 98/69/KE, mibgħuta fit-2 ta' Novembru 2005:

—

tista' tintlaqa',

—

ma tissodifax il-kundizzjonijiet stabbiliti f'Artikolu 95 tat-Trattat tal-KE. L-Olanda naqset li turi l-eżistenza ta' problema speċifika fir-rigward tad-Direttiva 98/69/KE. Anki kieku kellu jingħad li l-Olanda ppruvat l-eżistenza ta' problema speċifika fir-rigward tad-Direttiva 98/69/KE il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura notifikata mhix proporzjonali għall-oġġettivi li jridu jintlaħqu.

(66)

Il-Kummissjoni għalhekk għandha raġunijiet sabiex tikkunsidra li l-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati ma jistgħux jiġu approvati skond Artikolu 95 (6) tat-Trattat tal-KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimponu valur obbligatorju ta' limiti għall-emissjonijiet ta' materja f'sura ta' partiċelli ta' 5 mg kull kilometru fuq vetturi kummerċjali b'piż massimu permissibbli ta' 1 305 kg (vetturi N1, klassi I) u karozzi privati (vetturi M1) notifikati mir-Renju ta' l-Olanda skond l-Artikolu 95 (5) tat-Trattat tal-KE huma miċħuda.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta' l-Olanda.

Magħmul fi Brussell, nhar it-3 ta' Mejju 2006.

Għall-Kummissjoni

Gunter VERHEUGEN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 350, 28.12.1998, p. 1.

(2)   ĠU L 42, 23.2.1970, p. 1.

(3)  COM(2005) 683 finali.

(4)   ĠU L 163, 29.6.1999, p. 41.

(5)   ĠU L 296, 21.11.1996, p. 41.

(6)   ĠU C 12, 18.1.2006, p. 5.

(7)  Rapport TNO, 06.OR.VM.013.1/IJR “Evalwazzjoni tat-Talba Olandiża għad-deroga mid-Direttiva 98/69/KE”, Marzu 27, 2006 (minn hawn 'l quddiem nirreferu għalih bħala r-rapport TNO).

(8)   “Aspetti tat-Tniġġis ta' l-Arja minn partiċelli mill-Ożonu u mid-Dijossidu tan-Nitroġenu li jirrigwardaw is-saħħa”, Rapport dwar Grupp ta' Xogħol tal-WHO, 2003.

(9)  Meta-analiżi ta'studji li jsiru f'serje ta' ħinijiet u studji minn bordijiet dwar partiċelli (Particulate Matter PM) u l-Ożonu (O3), Uffiċċju reġjonali tal-WHO għall-Ewropa, 2004.

(10)  Ara r-rapport TNO, p. 5.

(11)  Ara r-rapport TNO, p. 31.

(12)  Ara r-rapport TNO, p. 38.

(13)  Ara r-rapport TNO, p. 36.

(14)  Ara r-rapport TNO, p. 41.

(15)   ĠU L 346, 17.12.1997, p. 78.

(16)  Regolament 83 UN/ECE dwar “Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta' vetturi fir-rigward ta' l-emissjoni ta' elementi li jniġġsu skond ir-rekwiżiti ta' karburant tal-magna”.