European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1727

5.8.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1727

tal-5 ta’ Awwissu 2025

li jissospendi miżuri ta’ riekwilibriju kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka u ċerti prodotti esportati mill-Unjoni lejn l-Istati Uniti tal-Amerka imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1564

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta’ politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(3) u (4) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-24 ta’ Lulju 2025, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1564 (2) li jipprevedi l-applikazzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ prodotti speċifikati li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka (“l-Istati Uniti”) kif ukoll l-applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni lejn l-Istati Uniti ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Unjoni (“il-miżuri ta’ riekwilibriju”).

(2)

Il-miżuri imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1564 kellhom l-għan li jikkontrobilanċjaw il-miżuri ta’ salvagwardja fil-forma ta’ dazji doganali addizzjonali li l-Istati Uniti kienu introduċew fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar u tal-aluminju u prodotti derivattivi tal-azzar u tal-aluminju, ċerti vetturi tal-passiġġieri u trakkijiet ħfief, ċerti partijiet tal-karozzi, ċerti laned tal-birra u laned tal-aluminju vojta, u firxa wiesgħa ta’ prodotti agrikoli, tas-sajd u industrijali oħra, li joriġinaw mill-Unjoni, imsemmija fil-premessi (1) sa (7) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1564.

(3)

Fis-27 ta’ Lulju 2025, l-Unjoni u l-Istati Uniti laħqu ftehim politiku fir-rigward tar-relazzjoni kummerċjali tagħhom, li jipprevedi, fost l-oħrajn, ħelsien immedjat mit-tariffi għall-importazzjonijiet tal-Unjoni lejn l-Istati Uniti. Bħala riżultat, l-Istati Uniti impenjaw ruħhom li b’mod immedjat jimmodifikaw ċerti tariffi applikabbli għall-importazzjonijiet tal-Unjoni f’konformità ma’ dak il-ftehim politiku, u naqqsu r-rata applikabbli għal massimu ta’ 15 % ad valorem.

(4)

Fid-dawl tal-iżviluppi msemmija fil-premessa (3), u biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-ftehim politiku, l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ riekwilibriju tal-Unjoni jenħtieġ li tiġi sospiża. Għaldaqstant, bħalissa ma huwa meħtieġ l-ebda avviż bil-miktub lill-Kunsill għall-Kummerċ fil-Merkanzija tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri u dak l-avviż jenħtieġ li jiġi sospiż.

(5)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkompli żżomm għajnejha fuq is-sospensjoni fid-dawl ta’ xi żviluppi ulterjuri fir-relazzjonijiet kummerċjali mal-Istati Uniti tal-Amerka, u tista’ tieħu azzjoni ulterjuri.

(6)

Dan ir-Regolament huwa bla ħsara għall-pożizzjoni tal-Unjoni fil-kunsiderazzjoni li l-miżuri ta’ salvagwardja tal-Istati Uniti għadhom inkompatibbli mal-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

(7)

Fid-dawl ta’ raġunijiet imperattivi ta’ urġenza ġġustifikati mill-ħtieġa li tiġi sospiża l-applikazzjoni imminenti tal-miżuri ta’ riekwilibriju sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-ftehim politiku deskritt fil-premessa (3), id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw immedjatament. Għall-istess raġunijiet, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħlu fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), dan ir-Regolament għandu jibqa’ fis-seħħ għal sitt xhur.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, mhux aktar tard minn 14-il jum wara l-adozzjoni tiegħu, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta dan ir-Regolament lill-Kumitat dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ għall-opinjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 2 u 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1564 għandha tiġi sospiża.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Awwissu 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 189, 27.6.2014, p. 50, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/654/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1564 tal-24 ta’ Lulju 2025 dwar miżuri ta’ riekwilibriju kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka u ċerti prodotti esportati mill-Unjoni lejn l-Istati Uniti tal-Amerka, u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/724, (UE) 2018/886, (UE) 2020/502 u (UE) 2025/778 (ĠU L, 2025/1564, 24.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1564/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1727/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)