European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1941

7.8.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1941

tas-7 ta’ Awwissu 2026

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 tat-18 ta’ Jannar 2016 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/44 jagħti effett lill-miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 (2).

(2)

L-Anness V tar-Regolament (UE) 2016/44 jelenka l-bastimenti magħżulin mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti f'konformità mal-paragrafu 11 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) 2146 (2014). Dawk il-bastimenti huma soġġetti għal għadd ta’ projbizzjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2016/44, inkluż il-projbizzjoni li jgħabbu, jittrasportaw jew iħottu żejt mhux maħdum mil-Libja, li jaċċessaw portijiet fit-territorju tal-Unjoni, il-forniment ta’ servizzi ta’ bunkering jew ta’ forniment lill-bastimenti jew kwalunkwe servizz ieħor, u l-projbizzjoni li jinvolvu ruħhom fi tranżazzjonijiet finanzjarji.

(3)

Fit-22 ta’ Lulju 2026, il-Kumitat tal-KSNU stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 1970 (2011) tal-KSNU ddeċieda li jżid bastiment wieħed mal-lista ta’ bastimenti soġġetti għal miżuri restrittivi mniżżla fil-paragrafu 10 tar-Riżoluzzjoni 2146 (2014) tal-KSNU.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness V għar-Regolament (UE) 2016/44 jiġi emendat kif xieraq.

(5)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ikunu effettivi, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness V tar-Regolament (UE) 2016/44 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Awwissu 2026.

Għall-Kummissjoni,

F’isem il-President,

Direttur Ġenerali

Id-Direttorat Ġenerali għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali


(1)   ĠU L 12, 19.1.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/44/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 tal-31 ta’ Lulju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/137/PESK (ĠU L 206, 1.8.2015, p. 34, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1333/oj).


ANNESS

Fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2016/44 tiżdied l-entrata li ġejja mal-“LISTA TA’ BASTIMENTI MSEMMIJA FIL-PUNT (H) TAL-ARTIKOLU 1 U L-ARTIKOLU 15 U MIŻURI APPLIKABBLI KIF SPEĊIFIKATI MILL-KUMITAT TAS-SANZJONIJIET”:

“1.

Isem: AVAX

Elenkat fil-22 ta’ Lulju 2026. Elenkat skont il-paragrafi 10(a), 10(b), 10(c) u 10(d) tar-riżoluzzjoni 2146 (2014), kif emendata mill-paragrafu 2 tar-riżoluzzjonijiet 2441 (2018) u 2509 (2020) u estiża fir-riżoluzzjoni 2819 (2026) (projbizzjoni fuq it-tagħbija, it-trasport jew il-ħatt; projbizzjoni fuq id-dħul fil-portijiet; projbizzjoni fuq il-forniment ta’ servizzi ta’ bunkering u ta’ bastimenti; projbizzjoni fuq involviment fi tranżazzjonijiet finanzjarji fir-rigward tal-petroleum). Skont il-paragrafu 11 tar-riżoluzzjoni 2146, kif modifikata mill-paragrafu 2 tar-riżoluzzjoni 2509 (2020), din id-deżinjazzjoni hija valida mit-22 ta’ Lulju 2026 sat-22 ta’ Lulju 2027, sakemm ma tintemmx qabel mill-Kumitat skont il-paragrafu 12 tar-riżoluzzjoni 2146 (2014).

Informazzjoni addizzjonali

OMI: 9058713. Stat tal-Bandiera: Il-Kamerun. Mill-4 ta’ April 2026, il-bastiment kien jinsab qrib iż-żona tal-ankraġġ tal-Port il-Qadim ta’ Bengażi, il-Libja.”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1941/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)