KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
SPIELMANN
ippreżentati fit‑30 ta’ Jannar 2025 ( 1 )
Kawżi magħquda C‑636/23 [Al Hoceima] u C‑637/23 [Boghni] ( i )
W
vs
Belgische Staat (C‑636/23)
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju))
u
X
vs
État belge, irrappreżentat mis-secrétaire d’État à l’Asile et la Migration (C‑637/23)
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika ta’ immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115/KE – Deċiżjoni li tordna r-ritorn – Artikolu 7 – Tluq volontarju – Nuqqas ta’ għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju – Artikolu 13 – Dritt għal rimedju effettiv – Konsegwenzi tal-illegalità fuq id-deċiżjoni li tordna r-ritorn – Artikolu 11 – Teħid ta’ projbizzjoni ta’ dħul wara d-dekorrenza ta’ perijodu ta’ żmien kunsiderevoli mill-adozzjoni tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn”
|
1. |
Permezz ta’ dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju) b’talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment ( 2 ). |
|
2. |
Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw prinċipalment it-“tluq volontarju”, kif previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/115. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tipprovdi kjarifiki neċessarji sabiex tistabbilixxi t-termini tas-sitwazzjoni ġuridika ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, destinatarju ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn, li fir-rigward tiegħu ma ngħatax terminu għat-tluq volontarju. Fis-sentenza li ser tagħti, hija ser ikollha l-opportunità tiddeċiedi, b’mod partikolari dwar, l-ewwel nett, jekk ir-rifjut ta’ għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju għandux neċessarjament ikun jista’ jiġi kkontestat permezz ta’ rikors; it-tieni nett, jekk projbizzjoni ta’ dħul ibbażata fuq deċiżjoni li tordna r-ritorn tistax ukoll tiġi imposta anki wara li jkun iddekorra perijodu ta’ żmien kunsiderevoli mill-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u, it-tielet nett, liema huma l-konsegwenzi tal-illegalità tal-assenza ta’ għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju fuq id-destin ġuridiku tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn li fiha din l-assenza ta’ għoti. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3. |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni [id-Direttiva] għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
[…]” |
|
4. |
L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tluq volontarju”, jipprevedi, fil-paragrafi 1, 2 u 4 tiegħu: “1. Id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tipprevedi perijodu adegwat għat-tluq volontarju ta’ bejn sebat ijiem u tletin jum, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 4. L-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-leġislazzjoni nazzjonali li tali perijodu għandu jingħata biss wara applikazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi konċernati dwar il-possibbiltà li jippreżentaw tali applikazzjoni. Il-perijodu ta’ żmien previst fl-ewwel subparagrafu ma jeskludix il-possibbiltà li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz konċernati jitilqu qabel. 2. L-Istati Membri għandhom, fejn neċessarju, jestendu l-perijodu għat-tluq volontarju għal perijodu adegwat, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali, bħat-tul tas-soġġorn, l-eżistenza ta’ tfal li jattendu l-iskola u l-eżistenza ta’ rabtiet familjari u soċjali oħrajn. […] 4. Jekk ikun hemm riskju ta’ ħarba, jew jekk applikazzjoni għal soġġorn legali tkun ġiet miċħuda għax kienet bla bażi jew ibbażata fuq frodi jew jekk il-persuna konċernata tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu ma jagħtux perijodu ta’ żmien għat-tluq volontarju, jew jistgħu jagħtu perijodu iqsar minn sebat ijiem.” |
|
5. |
L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tneħħija”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7. 2. Jekk l-Istat Membru jkun ta perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7, id-deċiżjoni ta’ ritorn tista’ tiġi nfurzata biss wara li l-perijodu jkun intemm, sakemm ma jirriżultax riskju matul dan il-perijodu, kif imsemmi fl-Artikolu 7(4).” |
|
6. |
Skont l-Artikolu 11, intitolat “Projbizzjoni fuq id-dħul”, paragrafu 1 tal-istess direttiva: “Deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul:
F’każijiet oħrajn, deċiżjonijiet ta’ ritorn jistgħu jkunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul.” |
|
7. |
L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Rimedji”, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, jaqra kif ġej: “1. Iċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv li jappella kontra jew li jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1) quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta’ indipendenza. 2. L-awtorità jew il-korp imsemmijin fil-paragrafu 1 hawn fuq għandhom ikollhom is-setgħa li jirrivedu deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1), inkluża l-possibbiltà li jiġi sospiż temporanjament l-infurzar tagħhom, dment li ma tkunx diġà applikabbli sospensjoni temporanja taħt il-leġislazzjoni nazzjonali.” |
Id‑dritt Belġjan
|
8. |
Il-paragrafi 6 u 8 tal-Artikolu 1 tal-wet betreffende de toegang tot het grondgebied, het verblijf, de vestiging en de verwijdering van vreemdelingen (il-Liġi dwar l-Aċċess għat-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tneħħija tal-Barranin), tal‑15 ta’ Diċembru 1980 ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Istatus tal-Barranin”), li jittrasponu l-punti 4 u 6, rispettivament, tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, jaqraw kif ġej: “6° deċiżjoni ta’ tneħħija: id-deċiżjoni li tikkonstata l-illegalità tar-residenza ta’ barrani u li timponi obbligu ta’ ritorn; […] 8° projbizzjoni ta’ dħul: id-deċiżjoni li tista’ takkumpanja deċiżjoni ta’ tneħħija u li tipprojbixxi, matul żmien determinat, id-dħul u r-residenza, jew fit-territorju tar-Renju, jew fit-territorju tal-Istati Membri kollha, li jinkludi dak tar-Renju […]” |
|
9. |
Il-punti 1° u 3° tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ din il-liġi, li jikkostitwixxu t-traspożizzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, jipprevedu: “Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet iktar favorevoli kontenuti fi trattat internazzjonali, ministru [de minister die bevoegd is voor de toegang tot het grondgebied, het verblijf, de vestiging en de verwijdering van vreemdelingen (il-Ministru Kompetenti mill-Aċċess għat-territorju, mir-Residenza, mill-Istabbiliment u t-Tkeċċija tal-Barranin) ( 4 )] jew id-delegat tiegħu, jista’, jew fil-każijiet previsti fil-punti 1°, 2°, 5°, 9°, 11° jew 12°, il-ministru jew id-delegat tiegħu għandhom jagħtu lill-barrani, li ma huwiex awtorizzat u lanqas aċċettat li jirrisjedi iktar minn tliet xhur jew li jistabbilixxi ruħu fir-Renju, ordni ta’ tluq mit-territorju fi żmien determinat:
[…]
|
|
10. |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 39/56 tal-imsemmija liġi, huwa fformulat kif ġej: “Ir-rikorsi previsti fl-Artikolu 39/2 jistgħu jiġu ppreżentati quddiem ir-[Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) ( 5 )] mill-barrani leż jew li għandu interess.” |
|
11. |
L-Artikolu 74/11 tal-istess liġi jittrasponi l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/115 u jipprevedi b’mod partikolari li ż-żmien tal-projbizzjoni ta’ dħul għandu jiġi stabbilit b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari kollha ta’ kull każ. |
|
12. |
L-Artikolu 74/14 tal-Liġi dwar l-Istatus tal-Barranin jipprevedi b’mod partikolari li d-deċiżjoni ta’ tneħħija għandha tipprevedi terminu ta’ tletin jum sabiex jitlaq mit-territorju u li, fuq applikazzjoni mmotivata ppreżentata miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz quddiem il-ministru jew id-delegat tiegħu, it-terminu mogħti sabiex jitlaq mit-territorju jiġi estiż, jekk tiġi pprodotta l-prova li r-ritorn volontarju ma setax jitwettaq fit-terminu mogħti. Jekk ikun neċessarju, dan it-terminu jista’ jiġi estiż, fuq applikazzjoni mmotivata ppreżentata mressqa miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz quddiem il-ministru jew id-delegat tiegħu, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi partikolari tas-sitwazzjoni tiegħu, bħat-tul tar-residenza, l-eżistenza ta’ tfal li jattendu l-iskola, il-finalizzazzjoni tal-organizzazzjoni tat-tluq volontarju u rabtiet familjari u soċjali oħrajn. Sakemm ikun għaddej it-terminu għat-tluq volontarju, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa protett mit-tneħħija forzata. Sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ ħarba matul dan it-terminu, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jkun obbligat jissodisfa miżuri preventivi. Dan it-terminu jista’ jiġi dderogat meta jeżisti riskju ta’ ħarba, meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx osserva l-miżura preventiva imposta, jew meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali. F’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ tneħħija tipprevedi jew terminu ta’ inqas minn sebat ijiem, jew ebda terminu. |
Il‑fatti tal‑kawżi prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
Kawża C‑636/23
|
13. |
Ir-rikorrent, W, jiddikjara li huwa ta’ nazzjonalità Marokkina. Fit‑3 ta’ Jannar 2015, id-delegat tal-iStaatssecretaris voor Asiel en Migratie en Administratieve Vereenvoudiging (is-Segretarju tal-Istat għall-Ażil u l-Migrazzjoni u għas-Simplifikazzjoni Amministrattiva, il-Belġju) adotta fir-rigward tiegħu ordni ta’ tluq mit-territorju u projbizzjoni ta’ dħul għat-tul ta’ tliet snin. Fit‑22 ta’ Mejju 2019, W għamel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem l-awtoritajiet Belġjani. Fis‑7 ta’ Ġunju 2019, W kien ikkundannat mill-Correctionele Rechtbank Antwerpen (il-Qorti Kriminali ta’ Antwerpen, il-Belġju) għal priġunerija ta’ tmintax-il xahar, disa’ xhur minnhom sospiżi għal ħames snin, għal ksur tal-leġiżlazzjoni dwar id-drogi. Fid‑9 ta’ Lulju 2019, il-Commissariaat-generaal voor de vluchtelingen en de staatlozen (il-Kummissarjat Ġenerali għar-Refuġjati u għall-Persuni Apolidi, il-Belġju) adotta deċiżjoni ta’ rifjut ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat u ta’ rifjut ta’ għoti tal-protezzjoni sussidjarja. |
|
14. |
Fit‑18 ta’ Lulju 2019, l-awtoritajiet Belġjani ħarġu ordni ta’ tluq mit-territorju u imponew projbizzjoni ta’ dħul għal perijodu ta’ tmien snin fil-konfront ta’ W. Dawn id-deċiżjonijiet ġew ikkomunikati lilu fl-istess jum. Ebda terminu ma ngħata għat-tluq volontarju. Fir-rigward tal-motivi li jiġġustifikaw l-assenza ta’ tali terminu, fl-ordni ta’ tluq mit-territorju hemm indikat li jeżisti riskju li W jaħrab u li dan jikkostitwixxi periklu għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà nazzjonali. |
|
15. |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fid‑19 ta’ Awwissu 2019, W mar quddiem il-qorti tar-rinviju b’rikors għal sospensjoni u għal annullament tal-ordni ta’ tluq mit-territorju u l-projbizzjoni ta’ dħul adottati fit‑18 ta’ Lulju 2019. |
|
16. |
Fid‑19 ta’ Novembru 2019, il-qorti tar-rinviju annullat l-ordni ta’ tluq mit-territorju u l-projbizzjoni ta’ dħul inkwistjoni, billi laqgħet l-argument ta’ W li l-motivi sottostanti għad-deċiżjoni li ma jingħatax terminu għat-tluq volontarju kienu illegali. Għal dak li jirrigwarda l-motiv relatat mar-riskju ta’ ħarba, din il-qorti qieset li kull evalwazzjoni tar-riskju ta’ ħarba għandha tkun ibbażata fuq eżami individwali tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata u li s-sempliċi fatt li jiġi ssodisfatt kriterju oġġettiv, kif previst mil-Liġi dwar l-Istatus tal-Barranin, kien insuffiċjenti. Fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq it-theddida li kien jikkostitwixxi W għall-ordni pubbliku, l-imsemmija qorti ddikjarat li l-fatt waħdu li W kien ikkundannat kriminalment għal ksur tal-leġiżlazzjoni dwar id-drogi ma kienx jikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjentement konkreta sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali periklu. |
|
17. |
Barra minn hekk, billi qieset li l-indikazzjoni tat-terminu għat-tluq volontarju huwa element kostituttiv jew essenzjali tal-ordni ta’ tluq mit-territorju, il-qorti tar-rinviju annullat l-ordni ta’ tluq mit-territorju fl-intier tagħha. |
|
18. |
L-Istat Belġjan ippreżenta rikors ta’ kassazzjoni quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) kontra d-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju li tannulla l-ordni ta’ tluq mit-territorju, filwaqt li aċċetta l-annullament tal-projbizzjoni ta’ dħul mill-qorti tar-rinviju. |
|
19. |
Fis-sentenza tiegħu tal‑1 ta’ Settembru 2022, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) annulla d-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju li annullat l-ordni ta’ tluq mit-territorju, billi qies. fost affarijiet oħra, li l-assenza ta’ għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju huwa sempliċi miżura ta’ eżekuzzjoni li ma tibdilx is-sitwazzjoni ġuridika taċ-ċittadin barrani kkonċernat, peress li d-deċiżjoni li jingħata jew le terminu għat-tluq volontarju ma taffettwax l-ewwel konstatazzjoni tar-residenza irregolari fit-territorju. |
|
20. |
Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju terġa’ tinstab fis-sitwazzjoni li għandha tiddeċiedi dwar ir-rikors ta’ W kontra l-ordni ta’ tluq mit-territorju b’konformità ma’ dak li ddeċieda r-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat). |
|
21. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Kawża C‑637/23
|
22. |
Skont ma qal X, huwa ilu sentejn li wasal fil-Belġju u jiddikjara li qiegħed joqgħod id-dar ta’ ħuh. Huwa jikkonferma li huwa ta’ nazzjonalità Alġerina. |
|
23. |
Fis‑27 ta’ Jannar 2023, X ġie detenut wara rapport amministrattiv ta’ kontroll ta’ barrani. |
|
24. |
Fit‑28 ta’ Jannar 2023, X ġie kkomunikat lilu ordni ta’ tluq mit-territorju b’teħid lura lejn il-fruntiera u żamma sat-tneħħija, kif ukoll bi projbizzjoni ta’ dħul ta’ sentejn. F’din l-ordni, huwa indikat li ebda terminu ma ngħata għat-tluq volontarju, peress li jeżisti riskju ta’ ħarba min-naħa ta’ X. Ir-rifjut li jingħata dan it-terminu huwa b’mod partikolari mmotivat kif ġej: “Il-persuna kkonċernata ma għamlitx applikazzjoni għal residenza jew għal protezzjoni internazzjonali wara d-dħul illegali tagħha jew matul ir-residenza illegali tagħha jew fit-terminu mogħti minn din il-liġi. Il-persuna kkonċernata tallega li ilha sentejn tirrisjedi fil-Belġju. Il-fajl amministrattiv ma jurix li hija pprovat tirregolarizza r-residenza tagħha bil-mod previst mil-liġi. Il-persuna kkonċernata ma tikkollaborax jew ma kkollaboratx fir-relazzjonijiet tagħha mal-awtoritajiet. Il-persuna kkonċernata ma ppreżentatx ruħha fil-Komun fit-terminu [legali] u ma tipproduċi ebda prova li qed toqgħod fil-lukanda.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
25. |
Il-ħelsien ta’ X kien ordnat permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ Frar 2023, li kienet ikkonfermata fl-appell fil‑21 ta’ Frar 2023. |
|
26. |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fis‑6 ta’ Frar 2023, X ippreżenta quddiem il-qorti tar-rinviju rikors għal sospensjoni u għal annullament tal-ordni ta’ tluq mit-territorju b’teħid lura lejn il-fruntiera u tal-projbizzjoni ta’ dħul adottati fit‑28 ta’ Jannar 2023. |
|
27. |
Fir-rigward tal-ordni ta’ tluq mit-territorju b’teħid lura lejn il-fruntiera, X jargumenta quddiem il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, li kien l-Istat Belġjan li kellu jwettaq eżami individwali qabel jistabbilixxi riskju ta’ ħarba. X isostni wkoll li ma huwiex suffiċjenti li jsir riferiment għall-kriterji li jinsabu fil-Liġi dwar l-Istatus tal-Barranin, iżda għandu wkoll jiġi ġġustifikat liema minn dawn il-kriterji japplika f’dan il-każ. Skont X, fil-motivazzjoni tal-att jew fil-fajl amministrattiv xejn ma jippermetti li jifhem għaliex l-Istat Belġjan ibbaża ruħu fuq kwalunkwe riskju ta’ ħarba sabiex jeskludi l-perijodu ordinarju ta’ 30 jum previst f’din il-liġi. Fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ dħul, X iqis li dan l-att huwa mmotivat, ukoll, b’mod inadegwat u insuffiċjenti, sa fejn huwa bbażat fuq ir-riskju ta’ ħarba li X jirrappreżenta. |
|
28. |
Mistoqsi waqt is-seduta quddiem il-qorti tar-rinviju dwar in-natura tad-deċiżjoni li ma jingħatax terminu għat-tluq mit-territorju, X isostni li, peress li din id-deċiżjoni għandha effetti ġuridiċi, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda d-detenzjoni u l-projbizzjoni ta’ dħul, hija ma tikkostitwixxix biss sempliċi miżura ta’ eżekuzzjoni u għalhekk għandha tkun tista’ tiġi kkontestata ġudizzjarjament. Min-naħa tiegħu, l-Istat Belġjan jargumenta li d-deċiżjoni li ma jingħatax terminu għat-tluq mit-territorju ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat. |
|
29. |
Mistoqsi fl-istess seduta dwar iż-żamma tal-interess li tiġi kkontestata d-deċiżjoni ta’ teħid lura lejn il-fruntiera, l-Istat Belġjan iqis li fid-dawl tal-ħelsien ta’ X, dan l-interess spiċċa, filwaqt li X jikkontesta dan il-punt u jħallih għad-dehen tal-qorti tar-rinviju. F’dan ir-rigward, din tal-aħħar tqis li, minħabba l-ħelsien ta’ X, ir-rikors huwa null, sa fejn jirrigwarda d-deċiżjoni ta’ teħid lura lejn il-fruntiera. |
|
30. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemha u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
31. |
X, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑637/23, il-Gvern Ġermaniż, Belġjan u Ċek, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. |
Analiżi
|
32. |
Għal raġunijiet ta’ kjarezza, id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju f’dawn il-kawżi għandhom jinġabru flimkien b’mod li dawk li jirrigwardaw l-istess kwistjoni legali jiġu eżaminati flimkien. |
|
33. |
L-ewwel domanda u t-tielet parti tat-tieni domanda fil-Kawża C‑636/23, kif ukoll l-ewwel domanda fil-Kawża C‑637/23 jirrigwardaw il-punt dwar jekk l-assenza ta’ għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju jistax ikun is-suġġett ta’ rikors kontenzjuż. |
|
34. |
It-tieni domanda fil-Kawża C‑636/23 tirrigwarda r-rabta eżistenti bejn id-deċiżjoni li tordna r-ritorn u l-projbizzjoni ta’ dħul inkluż din id-deċiżjoni ta’ ritorn li takkumpanja lil tal-ewwel, u b’mod iktar preċiż dwar jekk Stat Membru jistax jimponi projbizzjoni ta’ dħul, anki wara li jkun iddekorra perijodu ta’ żmien kunsiderevoli mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn li ma tatx terminu għat-tluq volontarju. |
|
35. |
It-tielet domanda fil-Kawża C‑636/23 u t-tieni domanda fil-Kawża C‑637/23 jirrigwardaw il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-illegalità tal-assenza ta’ għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju fuq l-istatus ġuridiku tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn li fiha tinsab l-assenza ta’ oħrajn. |
|
36. |
Għalhekk ser nindirizzahom f’din l-ordni, wara li nissottolinja l-elementi essenzjali tal-kuntest ġuridiku ta’ analiżi rilevanti. |
Fuq il‑kuntest ġuridiku ta’ analiżi
|
37. |
Id-Direttiva 2008/115 għandha l-għan li tistabbilixxi politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni bbażata fuq standards komuni, għar-ritorn tal-persuni kkonċernati b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali kif ukoll tad-dinjità tagħhom ( 6 ). |
|
38. |
L-elementi essenzjali tal-kuntest ġuridiku stabbilit minnha huma miġbura fil-qosor kif ġej fis-sentenza El Dridi ( 7 ). |
|
39. |
Din id-direttiva tistabbilixxi bi preċiżjoni l‑proċedura, flimkien ma’ garanziji legali, li għandha tiġi applikata minn kull Stat Membru għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment u tiffissa l-ordni ta’ żvolġiment tad-diversi stadji ta’ din il-proċedura. |
|
40. |
L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jipprevedi, prinċipalment, obbligu tal-Istati Membri li jieħdu deċiżjoni li tordna r-ritorn kontra kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju tagħhom. Fil-kuntest ta’ dan l-istadju inizjali, għandha tingħata prijorità lill-eżekuzzjoni volontarja tal-obbligu li jirriżulta mid-deċiżjoni li tordna r-ritorn. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi li din id-deċiżjoni tipprevedi terminu xieraq li jmur minn seba’ sa tletin jum għat-tluq volontarju. |
|
41. |
Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jastjenu milli jagħtu tali terminu jew jistgħu jagħtu terminu ta’ inqas minn sebat ijiem fil-preżenza ta’ ċirkustanzi partikolari espressament elenkati fl-Artikolu 7(4) ta’ din id-direttiva, jiġifieri jekk jeżisti riskju ta’ ħarba, jew jekk applikazzjoni għal residenza tkun ġiet miċħuda bħala manifestament infondata jew frawdolenti jew jekk il-persuna konċernata tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali. |
|
42. |
Meta Stat Membru jastjeni milli jagħti terminu għat-tluq volontarju, kif ukoll f’sitwazzjoni fejn l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie osservat fit-terminu mogħti għat-tluq volontarju, l-Artikolu 8(1) u (4) tad-Direttiva 2008/115 jimponi lil dan l-Istat Membru l-obbligu ta’ tneħħija, billi jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji, inkluż, jekk ikun il-każ, miżuri koerċittivi, b’mod proporzjonat u fir-rispett tad-drittijiet fundamentali ( 8 ). |
|
43. |
B’hekk, l-ordni ta’ żvolġiment tal-istadji tal-proċedura ta’ ritorn stabbilita bid-Direttiva 2008/115 tikkorrispondi għal gradazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu fid-dawl tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn, gradazzjoni li tmur mill-miżura li tħalli l-iktar libertà lill-persuna kkonċernata, jiġifieri l-għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju, għal dawk li jirrestrinġuha l-iktar, jiġifieri d-detenzjoni f’ċentru speċjalizzat, fejn l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandha tiġi dejjem żgurata matul dawn l-istadji kollha ( 9 ). |
Fuq l‑ewwel domanda u t‑tielet parti tat‑tieni domanda fil‑Kawża C‑636/23, kif ukoll fuq l‑ewwel domanda fil‑Kawża C‑637/23
|
44. |
Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi li l-assenza ta’ għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju jista’ jiġi kkontestat fil-kuntest ta’ rikors kontenzjuż ( 10 ). |
|
45. |
Dawn id-domandi huma mmotivati mill-konstatazzjoni, li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, li hija biss il-qorti tar-rinviju, fis-sens tad-dritt intern, li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikorsi ppreżentati kontra “deċiżjonijiet”, iddefiniti bħala kull att ġuridiku individwali intiż sabiex jibdel sitwazzjoni ġuridika eżistenti, jew anki sabiex jipprekludi t-tibdil tagħha. F’dan ir-rigward, din il-qorti tosserva li, fis-sentenza li rrinvijatilha l-kawża, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddikjara li t-terminu għat-tluq volontarju ma jibdel xejn mill-istatus taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment, peress li dan tal-aħħar huwa sempliċement protett minn miżuri koerċittivi. Huwa b’hekk li hija tistaqsi jekk għandux jitqies li l-assenza ta’ għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju jikkostitwixxi sempliċi miżura ta’ eżekuzzjoni li ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju. |
|
46. |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jkollu rimedju ġudizzjarju effettivi sabiex jattakka d-deċiżjonijiet marbuta mar-ritorn, jiġifieri d-deċiżjonijiet li jordnaw ir-ritorn, id-deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni ta’ dħul u d-deċiżjonijiet ta’ tneħħija. |
|
47. |
Peress li tirriafferma biss id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, din id-dispożizzjoni ma tagħtix preċiżazzjonijiet dwar l-elementi tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn li għandhom neċessarjament ikunu jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ rikors kontenzjuż. |
|
48. |
Madankollu, jidhirli li dawn l-elementi kienu ġew identifikati fis-sentenza Boudjlida ( 11 ). |
|
49. |
Mistoqsija dwar il-portata tad-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, essenzjalment, li kull ċittadin ta’ pajjiż terz għandu dritt għal smigħ fir-rigward tal-irregolarità tar-residenza tiegħu u tal-motivi li jistgħu jiġġustifikaw, skont id-dritt nazzjonali, li l-awtorità nazzjonali kompetenti tastjeni milli tadotta deċiżjoni li tordna r-ritorn, kif ukoll dwar il-kontenut ta’ tali deċiżjoni. |
|
50. |
B’mod iktar preċiż, dan id-dritt jimplika, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li jippermetti lill-persuna kkonċernata tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-legalità tar-residenza tagħha u dwar l-applikazzjoni possibbli tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 2008/115, dwar ir-rispett ta’ wħud mid-drittijiet fundamentali tagħha, li l-awtorità nazzjonali kompetenti hija marbuta bihom skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, u dwar il-modalitajiet tar-ritorn tagħha, jiġifieri t-terminu għal tluq u n-natura volontarja jew vinkolanti tiegħu ( 12 ). |
|
51. |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li d-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn għandu jippermetti lill-awtorità nazzjonali kompetenti li tinvestiga l-kwistjoni b’mod li tieħu deċiżjoni informata u li timmotivaha b’mod xieraq, sabiex, jekk ikun il-każ, il-persuna kkonċernata tkun tista’ teżerċita d-dritt ta’ azzjoni tagħha b’mod validu ( 13 ). Għalhekk, huwa evidenti li l-aspetti li dwarhom il-persuna kkonċernata għandha tinstema’, li jinkludu t-terminu għat-tluq u n-natura volontarja jew vinkolanti tiegħu, jistgħu jiġu invokati wkoll fil-kuntest ta’ rikors kontenzjuż. |
|
52. |
Minn dan isegwi li kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment għandu d-dritt għal smigħ b’mod partikolari fir-rigward tal-għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju jew tal-estensjoni tiegħu, u fil-każ fejn dan it-terminu ma jingħatax, għandu d-dritt li jikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill-amministrazzjoni permezz tal-imsemmi rikors. |
|
53. |
Il-klassifikazzjoni bħala “miżura ta’ eżekuzzjoni” li ma tistax tiġi kkontestata tal-għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju, li hija l-bażi tat-teżi opposta, hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li l-fatt li jingħata jew ma jingħatax dan it-terminu ma għandu ebda effett fuq in-natura irregolari tar-residenza tal-persuna kkonċernata. Issa, jidhirli li l-effett fuq l-istatus ġuridiku ma jikkostitwixxix kriterju rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk dan l-element tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn għandux ikun jista’ jiġi kkontestat b’rimedju ġudizzjarju. Fil-fatt, minkejja li huwa minnu li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jibqa’ f’residenza irregolari matul id-dekorrenza taż-żmien li jingħatalu għar-ritorn volontarju ( 14 ), xorta jibqa’ l-fatt li l-assenza ta’ għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju għandu konsegwenzi ċerti, u ċertament ta’ piż, fuq is-sitwazzjoni legali ta’ dan iċ-ċittadin. |
|
54. |
L-ewwel nett, l-assenza ta’ għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2008/115, iwassal għas-saħħa eżekuttiva immedjata tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn, li jimplika b’hekk iċ-ċaħda tal-garanziji tal-istennija tar-ritorn kif elenkati fl-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva ( 15 ). It-tieni nett, l-assenza ta’ għoti ta’ dan it-terminu jnissel l-obbligu min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat li jadotta projbizzjoni ta’ dħul fis-sens tal-Artikolu 11(1) tal-imsemmija direttiva. Fil-qosor, meta ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment ma jingħatax terminu għat-tluq volontarju, mhux biss jirriskja li jitneħħa minn dan it-territorju f’kull mument, iżda tiġi adottata wkoll projbizzjoni ta’ dħul fil-konfront tiegħu. |
|
55. |
Mingħajr dubju, ninsabu fil-preżenza ta’ dispożizzjoni tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn li kontra tagħha għandu bilfors jiġi rrikonoxxut rikors kontenzjuż. Fil-fatt, jekk l-Artikolu 47 tal-Karta jistabbilixxi li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni nkisru għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti, jidhirli li minn dan jirriżulta li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment ġustament jargumenta, fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, il-ksur tad-drittijiet tiegħu li ma jkunx is-suġġett ta’ tneħħija u li ma tkunx imposta projbizzjoni ta’ dħul fil-konfront tiegħu, ksur li jirriżulta mir-rifjut tal-awtorità nazzjonali kompetenti li tagħtih terminu għat-tluq volontarju ( 16 ). |
|
56. |
L-interpretazzjoni li nipproponi bl-ebda mod ma hija kkontestata, fil-fehma tiegħi, mill-argument imressaq mill-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li jipprevedi li din l-interpretazzjoni tippermetti rikorsi dilatorji intiżi sempliċement sabiex jikkontestaw fid-dritt l-assenza ta’ għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju minkejja li l-obbligu ta’ ritorn sottostanti ma jistax jiġi raġonevolment ikkontestat. Fil-fatt, tali argument donnu huwa bbażat fuq l-idea li l-assenza ta’ għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għar-raġuni li ma għandux effett fuq l-istatus ġuridiku taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, li diġà stinkajt sabiex irrifjutajt fl-argumenti preċedenti tiegħi. |
|
57. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda u t-tielet parti tat-tieni domanda fil-Kawża C‑636/23, kif ukoll għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑637/23, fis-sens li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi li l-assenza ta’ għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju jista’ jiġi kkontestat fil-kuntest ta’ rikors kontenzjuż. |
Fuq it‑tieni domanda fil-Kawża C‑636/23
|
58. |
Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑636/23, jekk l-punt 6 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/115, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-awtorità nazzjonali kompetenti timponi wkoll projbizzjoni ta’ dħul, anki wara perijodu ta’ żmien kunsiderevoli, abbażi ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn li permezz tagħha ma ngħata ebda terminu għat-tluq volontarju. |
|
59. |
Din il-kwistjoni hija spjegata mill-fatt li, fil-kawża prinċipali, minn naħa, id-deċiżjoni li tordna r-ritorn u l-projbizzjoni ta’ dħul, ibbażata fuq din id-deċiżjoni, kienu annullati mill-qorti tar-rinviju, u li, min-naħa l-oħra, l-appell ta’ kassazzjoni ppreżentat fil-konfront tas-sentenza ta’ din il-qorti, milqugħ mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), kien intiż sempliċement għall-annullament tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn u mhux għal dik tal-projbizzjoni ta’ dħul, li għalhekk l-annullament tagħha mill-qorti tar-rinviju huwa definittiv. Minn dan isegwi li l-unika deċiżjoni li għadha fis-seħħ illum hija d-deċiżjoni li tordna r-ritorn li fiha terminu għat-tluq volontarju kien irrifjutat. |
|
60. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li terminu massimu ta’ 30 jum għat-tluq volontarju kien diġà skada, ir-risposta għad-domanda dwar jekk l-awtorità nazzjonali kompetenti għadhiex tista’ timponi projbizzjoni ta’ dħul tirriżulta neċessarja għall-evalwazzjoni tal-interess fil-motiv indirizzat f’dan il-każ kontra l-assenza ta’ terminu għat-tluq volontarju. |
|
61. |
B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tevalwa r-relazzjoni ġuridika li torbot id-deċiżjoni li tordna r-ritorn mal-projbizzjoni ta’ dħul fil-kuntest tad-Direttiva 2008/115. |
|
62. |
Kif tindika l-qorti tar-rinviju, għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni huma rilevanti l-punt 6 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/115. Tal-ewwel jiddefinixxi “projbizzjoni ta’ dħul” bħala “deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jipprojbixxi dħul lejn u soġġorn fit-territorju ta’ l-Istati Membri għal perijodu speċifikat, li jakkumpanja deċiżjoni ta’ ritorn” ( 17 ). Fi kliem ieħor, tali deċiżjoni hija intiża sabiex tipprojbixxi lid-destinatarju milli jidħol jew jirrisjedi fit-territorju tal-Istati Membri kollha, u tagħti għalhekk “dimensjoni Ewropea” lill-effetti ta’ miżuri nazzjonali ta’ ritorn ( 18 ). It-tieni artikolu jipprovdi li “[d]eċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul: (a) jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għat-tluq volontarju jew, (b) jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat”, filwaqt li jżid li “[f]’każijiet oħrajn, deċiżjonijiet ta’ ritorn jistgħu jkunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul” ( 19 ). |
|
63. |
B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kif tirriżulta mis-sentenza Westerwaldkreis ( 20 ). |
|
64. |
Għandu jitfakkar li, fil-kawża li minnha oriġinat din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet adita minn domanda dwar il-kompatibbiltà mad-Direttiva 2008/115 taż-żamma fis-seħħ ta’ projbizzjoni ta’ dħul adottata minn Stat Membru kontra ċittadin ta’ pajjiż terz li kien jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija li saret definittiva, meta d-deċiżjoni li tordna r-ritorn adottata fir-rigward ta’ dan iċ-ċittadin kienet ġiet irtirata. |
|
65. |
Kif tosserva l-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fil-punt 52 tal-imsemmija sentenza, li mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet fuq imsemmija jirriżulta “li ‘projbizzjoni fuq id-dħul’ hija maħsuba sabiex tikkompleta deċiżjoni ta’ ritorn”. |
|
66. |
Min-naħa tiegħi, jiena ma naħsibx li l-użu tal-verb “tikkompleta” jindika li projbizzjoni ta’ dħul ma tistax tiġi adottata ħlief simultanjament jew wara perijodu qasir biss, mid-deċiżjoni li tordna r-ritorn li tirrifjuta l-għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju. Fil-fehma tiegħi, dan isir ċar meta l-frażi msemmija fil-punt preċedenti titqiegħed fil-kuntest tagħha. |
|
67. |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-bqija tal-punt 52, li projbizzjoni ta’ dħul hija maħsuba sabiex tikkompleta deċiżjoni li tordna r-ritorn “billi tipprojbixxi lill-persuna kkonċernata għal żmien determinat wara r-‘ritorn’ tagħha […], u għalhekk wara t-tluq tagħha mit-territorju tal-Istati Membri, milli tidħol mill-ġdid f’dan it-territorju u sussegwentement tirrisjedi hemmhekk”, filwaqt li żiedet li “[k]onsegwentement, projbizzjoni fuq id-dħul tipproduċi l-effetti tagħha biss mill-mument li fih il-persuna kkonċernata titlaq effettivament mit-territorju tal-Istati Membri”. B’hekk, fil-punt 54 ta’ din l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “jekk projbizzjoni fuq id-dħul […] ma tistax tipproduċi l-effetti legali tagħha stess ħlief wara l-eżekuzzjoni, volontarja jew furzata, tad-deċiżjoni ta’ ritorn, din ma tistax tibqa’ fis-seħħ wara l-irtirar ta’ din id-deċiżjoni ta’ ritorn”. |
|
68. |
Minn dan jirriżulta li l-verb “tikkompleta” huwa, fir-realtà, użat fis-sens li “tkun komplimentari” għad-deċiżjoni li tordna r-ritorn, u jirreferi għal rabta sostantiva li tipprevedi li din id-deċiżjoni tikkostitwixxi, bħala prinċipju, kundizzjoni preliminari neċessarja għall-validità tal-projbizzjoni ta’ dħul ( 21 ). Il-ħtieġa ta’ rabta ta’ natura ratione temporis ma tistax, għall-kuntrarju, tiġi dedotta mill-istess sentenza. |
|
69. |
Fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi sostnut li tali rabta ratione temporis bejn deċiżjoni li tordna r-ritorn u projbizzjoni ta’ dħul hija meħtieġa mid-dispożizzjonijiet rilevanti. Fil-fatt, tali konstatazzjoni ma tistax tkun ibbażata fuq it-test tal-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 2008/115, li jipprevedi l-każ ta’ projbizzjoni ta’ dħul adottata b’konsegwenza għall-assenza ta’ għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju. Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni tkun probabbilment kontradetta mill-Artikolu 11(1)(b), li jirrigwarda l-ipoteżi fejn l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie osservat fit-terminu mogħti għat-tluq volontarju fid-deċiżjoni li tordna r-ritorn jew fejn projbizzjoni ta’ dħul tkun ġiet adottata bħala konsegwenza. Peress li l-projbizzjoni ta’ dħul hija imposta fi stadju sussegwenti meta mqabbla mad-deċiżjoni li tordna r-ritorn, din l-aħħar każ ipoteżi neċessarjament li ma hijiex meħtieġa rabta ta’ simultanjetà bejn deċiżjoni li tordna r-ritorn u projbizzjoni ta’ dħul ( 22 ). |
|
70. |
Minn dan isegwi li ebda limitu ratione temporis ma huwa impost fuq l-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tadotta projbizzjoni ta’ dħul li takkumpanja deċiżjoni li tordna r-ritorn li ma tkunx tat terminu għat-tluq volontarju. Għalhekk, huwa possibbli li din l-awtorità tadottaha anki meta jkun għadda perijodu ta’ żmien kunsiderevoli mill-adozzjoni tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn. |
|
71. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑636/23 fis-sens li l-punt 6 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/115 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-awtorità nazzjonali kompetenti timponi wkoll projbizzjoni ta’ dħul, anki wara perijodu ta’ żmien kunsiderevoli, abbażi ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn li permezz tagħha ebda terminu għat-tluq volontarju ma kien ingħata. |
Fuq it‑tielet domanda fil‑Kawża C‑636/23 u t‑tieni domanda fil‑Kawża C‑637/23
|
72. |
Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 u l-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li d-dispożizzjoni dwar it-terminu għat-tluq volontarju tikkostitwixxi element essenzjali ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn, b’tali mod li jekk tiġi kkonstatata illegalità fir-rigward ta’ dan it-terminu, id-deċiżjoni li tordna r-ritorn issir nulla u bla effett fl-intier tagħha. Fin-negattiv, u fil-każ fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx għamel użu, fil-kuntest tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/115, mill-possibbiltà li jiffissa terminu biss fuq talba taċ-ċittadin ikkonċernat, il-qorti tar-rinviju tistaqsi x’portata prattika u x’saħħa eżekuttiva għandhom jingħataw lil deċiżjoni li tordna r-ritorn li tkun imċaħħda mid-dispożizzjoni tagħha relatata mat-terminu. |
|
73. |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2008/115 tistabbilixxi s-sistema legali tat-tluq volontarju u l-konsegwenzi li jirriżultaw mir-rifjut ta’ għoti tat-terminu għat-tluq volontarju fuq is-sitwazzjoni legali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, mingħajr madankollu ma tindika espressament x’jiġri minn deċiżjoni li tordna r-ritorn fil-każ fejn tali rifjut ikun ivvizzjat b’illegalità. |
|
74. |
Skont il-qorti tar-rinviju, dawn il-konsegwenzi jiddependu fuq in-natura ġuridika tat-terminu għat-tluq volontarju. Kif tosserva din il-qorti, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja toffri indikazzjonijiet utli ħafna f’dan ir-rigward fis-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság ( 23 ). Fir-rigward tal-punt dwar jekk deċiżjoni li temenda l-pajjiż ta’ destinazzjoni indikat f’deċiżjoni li tordna r-ritorn preċedenti għandhiex tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni li tordna r-ritorn ġdida, il-Qorti tal-Ġustizzja, qabelxejn, ikkonstatat li mid-definizzjoni ta’ “deċiżjoni li tordna r-ritorn”, kif stabbilita fil-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, jirriżulta li l-fatt li jiġi impost jew iddikjarat obbligu ta’ ritorn jikkostitwixxi wieħed miż-żewġ elementi li jikkostitwixxu deċiżjoni li tordna r-ritorn, u li tali obbligu ma jistax jiġi kkonċepit mingħajr l-identifikazzjoni ta’ destinazzjoni. Imbagħad, hija ddeduċiet li emenda tal-pajjiż ta’ destinazzjoni msemmi f’deċiżjoni li tordna r-ritorn preċedenti hija f’dan il-punt tant sostanzjali li għandu jitqies li l-awtorità nazzjonali kompetenti adottat b’hekk deċiżjoni ġdida li tordna r-ritorn ( 24 ). |
|
75. |
Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk, b’analoġija għal dik il-kawża, fil-każ fejn il-qorti nazzjonali tikkonstata l-illegalità tad-dispożizzjoni relatata mat-terminu għat-tluq volontarju u li l-awtorità nazzjonali kompetenti jkollha tinkludi dispożizzjoni ġdida dwar dan it-terminu, dan jimplikax l-emenda ta’ element kostituttiv tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn (l-obbligu ta’ ritorn), u b’hekk jeħtieġ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida li tordna r-ritorn min-naħa ta’ din l-awtorità. |
|
76. |
Fi kliem ieħor, huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk, bħall-identifikazzjoni tal-pajjiż ta’ destinazzjoni, id-dispożizzjoni relatata mat-terminu għat-tluq volontarju tagħmilx parti integrali mill-obbligu ta’ ritorn, b’tali mod li illegalità li tivvizzja din id-deċiżjoni twassal sabiex id-deċiżjoni li tordna r-ritorn issir nulla u bla effett fl-intier tagħha. |
|
77. |
Il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin ser iwassluni sabiex nipproponi tweġiba pożittiva għal din il-mistoqsija. |
|
78. |
Qabelxejn, għandu jiġi osservat li d-definizzjoni ta’ “ritorn”, kif prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, tirreferi espressament għan-natura volontarja jew vinkolanti tar-ritorn. Konformement ma’ din id-definizzjoni, “obbligu ta’ ritorn” huwa intiż sabiex, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, imur lura b’konformità volontarja jew b’mod forzat fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, li jippreżupponi li l-konstatazzjoni li permezz tagħha l-awtorità nazzjonali kompetenti tiddeċiedi dwar l-għoti ta’ tluq volontarju, billi tagħti, jekk ikun il-każ, terminu għal dan il-għan, tagħmel parti integrali mill-obbligu ta’ ritorn. |
|
79. |
Barra minn hekk, tali konklużjoni tidher iġġustifikata meta jitqies li d-dispożizzjoni dwar it-terminu għat-tluq volontarju tipparteċipa fl-għan ġenerali tad-Direttiva 2008/115. |
|
80. |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, billi jipprevedi li l-Istati Membri huma, bħala prinċipju, obbligati li jagħtu terminu għat-tluq volontarju liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/115 huwa intiż li jiżgura, b’mod partikolari, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ta’ dawn iċ-ċittadini matul l-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-iskop ta’ dan l-artikolu jaqa’ taħt l-għan ġenerali mfittex minn din id-direttiva, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 11 tagħha, jiġifieri dak li tiġi stabbilita politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni bbażata fuq regoli u fuq garanziji ġuridiċi komuni, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu rripatrijati b’mod uman u b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom ( 25 ). |
|
81. |
Minn dan niddeduċi li l-kunċett ta’ “obbligu ta’ ritorn”, bħala element kostituttiv tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn, għandu jinftiehem b’mod li jirrifletti l-bilanċ bejn l-effettività tal-politika ta’ tneħħija u r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati. Kull interpretazzjoni li tipprevedi li d-dispożizzjoni dwar it-terminu għat-tluq volontarju ma tagħmilx parti integrali mill-obbligu ta’ ritorn twassal, fil-fehma tiegħi, sabiex tikkomprometti tali bilanċ, u b’hekk tmur kontra l-għan tad-Direttiva 2008/115. |
|
82. |
Għall-kuntrarju tal-Gvern Belġjan u dak Ġermaniż, ma jidhirlix li din il-konklużjoni hija kkontestata mit-tieni u t-tielet sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/115, li jipprevedu li “[l]-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-leġislazzjoni nazzjonali li tali perijodu għandu jingħata biss wara applikazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi konċernati dwar il-possibbiltà li jippreżentaw tali applikazzjoni”. Fil-fatt, anki jekk jiġi preżunt li Stat Membru għamel użu mill-fakultà mogħtija lilu minn dan (li ma huwiex il-każ fil-każ inkwistjoni), id-dispożizzjoni dwar it-terminu għat-tluq volontarju għandha tkun inkluża fid-deċiżjoni li tordna r-ritorn, anki meta ma tkun saret ebda applikazzjoni miċ-ċittadin ikkonċernat. F’tali ipoteżi, din id-dispożizzjoni tindika l-assenza ta’ għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni proċedurali li għaliha hija suġġetta l-evalwazzjoni dwar tali terminu. |
|
83. |
Minn dan isegwi li illegalità li tivvizzja l-imsemmija dispożizzjoni jkollha riperkussjonijiet fuq l-obbligu ta’ ritorn, u mbagħad, fuq id-deċiżjoni li tordna r-ritorn fl-intier tagħha. |
|
84. |
Din l-interpretazzjoni għandha l-mertu wkoll li tirrendi negliġibbli r-riskju li, f’ċerti Stati Membri, l-awtorità nazzjonali kompetenti tipproċedi bl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn li fiha d-dispożizzjoni dwar t-terminu għat-tluq volontarju biss tkun illegali, u dan qabel l-eżitu ta’ rikors ippreżentat kontra tali deċiżjoni. Fil-fatt, infakkar li, b’konformità mal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri għandhom il-fakultà, u mhux l-obbligu, li jipprevedu li l-preżentazzjoni ta’ rikors kontra deċiżjoni li tordna r-ritorn twassal għas-sospensjoni temporanja ipso jure tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni ( 26 ), u huma sempliċement obbligati jipprevedu li l-qorti adita tista’, f’każ individwali, tipprevedi s-sospensjoni temporanja ta’ tali eżekuzzjoni. |
|
85. |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li l-interpretazzjoni proposta ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti li ġejjin. L-ewwel nett, il-Gvern Ġermaniż jikkonstata, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li konformement mal-qari magħqud tal-Artikolu 7(2) u tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2008/115, it-terminu għat-tluq volontarju jista’ jiġi estiż permezz ta’ sempliċi konferma bil-miktub, u li, konformement mal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, dan l-istess terminu jista’ jitqassar fil-każ li jirriżulta wieħed mir-riskji previsti fl-Artikolu 7(4) tagħha, mingħajr ma huwa neċessarju li tittieħed deċiżjoni ġdida li tordna r-ritorn. Skont dan il-gvern, kieku t-terminu għat-tluq volontarju ma kienx separabbli mid-deċiżjoni li tordna r-ritorn, kull emenda tal-imsemmi terminu kienet twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida li tordna r-ritorn b’terminu emendat. Fir-rigward tal-ewwel ipoteżi, fil-fehma tiegħi, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li emenda bħall-estensjoni tat-terminu għat-tluq volontarju ma timplikax evalwazzjoni ġdida mill-awtorità nazzjonali kompetenti dwar jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan it-terminu. Fir-rigward tat-tieni ipoteżi, ma naqbilx mal-perspettiva tal-imsemmi gvern dwar l-assenza ta’ ħtieġa tat-teħid ta’ deċiżjoni ġdida li tordna r-ritorn. Peress li din l-ipoteżi timmaterjalizza meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tikkonstata li seħħ wieħed mir-riskji previsti fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115, hija timplika neċessarjament evalwazzjoni ġdida tal-imsemmija kundizzjonijiet. Għalhekk, jidhirli li huwa meħtieġ it-teħid ta’ deċiżjoni ġdida li tordna r-ritorn. |
|
86. |
It-tieni nett, il-Gvern Ġermaniż jinvoka, insostenn tal-pożizzjoni tiegħu, l-ewwel parti tat-Taqsima 1.4 tal-“Manwal dwar ir-Ritorn” ( 27 ), li hija fformulata kif ġej: “[i]d-definizzjoni ta’ ‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tiffoka fuq żewġ elementi essenzjali. Deċiżjoni ta’ ritorn għandha tinkludi: (1) dikjarazzjoni li tikkonċerna l-illegalità tal-permanenza; kif ukoll (2) l-impożizzjoni ta’ obbligu għal ritorn. Deċiżjoni ta’ ritorn jista’ jkun fiha aktar elementi, bħal projbizzjoni fuq id-dħul, terminu għat-tluq volontarju, għażla tal-pajjiż tar-ritorn […]”. F’dan ir-rigward, ser infakkar sempliċement li, minkejja li dan il-manwal jikkostitwixxi għodda ta’ riferiment għall-awtoritajiet tal-Istati Membri kompetenti għall-eżekuzzjoni ta’ kompitu marbuta mar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiż terzi li jirrisjedu irregolarment, ir-Rakkomandazzjoni li magħha huwa anness ma għandhiex effett vinkolanti ( 28 ). F’dan ir-rigward, nenfasizza li diġà kien hemm żewġ istanzi fejn il-qari tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 kif irrakkomandat f’dan il-manwal ma kienx aċċettat mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 29 ). |
|
87. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fuq imsemmija, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda fil-Kawża C‑636/23 u għat-tieni domanda fil-Kawża C‑637/23 fis-sens li l-Artikolu 7 u l-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115 għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dispożizzjoni dwar it-terminu għat-tluq volontarju tagħmel parti integrali mill-obbligu ta’ ritorn, b’tali mod li jekk tiġi kkonstatata illegalità fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni, id-deċiżjoni li tordna r-ritorn issir nulla u bla effett fl-intier tagħha. |
Konklużjoni
|
88. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju):
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( i ) L-ismijiet ta’ dawn il-kawżi huma fittizji. Dawn l-ismijiet ma jikkorrispondu għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
( 2 ) ĠU 2008, L 348, p. 98.
( 3 ) Belgisch Staatsblad, 31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584.
( 4 ) Ara l-Artikolu 1(2) tal-Liġi dwar l-Istatus tal-Barranin.
( 5 ) Ara l-Artikolu 39/1 tal-Liġi dwar l-Istatus tal-Barranin.
( 6 ) Ara l-premessa 2 tad-Direttiva 2008/115.
( 7 ) Sentenza tat‑28 ta’ April 2011 (C‑61/11 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza El Dridi, EU:C:2011:268).
( 8 ) Ara s-sentenza El Dridi, punti 34 sa 38.
( 9 ) Ara s-sentenza El Dridi, punt 41.
( 10 ) Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li hija adita biha. Minn din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, jekk ikun il-każ, tirriformula d-domandi magħmulin lilha. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, TL (Assenza ta’ interpretu u ta’ traduzzjoni) (C‑242/22 PPU, EU:C:2022:611, punti 42 u 43). F’dan il-każ, huwa prinċipalment l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115 (“Rimedji”) li għandu jiġi interpretat sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, peress li l-artikoli l-oħra invokati f’dawn id-domandi preliminari huma rilevanti biss fil-kuntest tar-raġunament żviluppat għall-finijiet tar-risposta tagħhom. Għalhekk, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirriformula dawn id-domandi b’riferiment għall-Artikolu 13 biss ta’ din id-direttiva.
( 11 ) Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014 (C‑249/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza Boudjlida, EU:C:2014:2431).
( 12 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Boudjlida, punti 47 sa 51.
( 13 ) Ara s-sentenza Boudjlida, punt 59.
( 14 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 47).
( 15 ) Skont din id-dispożizzjoni: “L-Istati Membri għandhom, bl-eċċezzjoni tas-sitwazzjoni koperta fl-Artikoli 16 u 17, jiżguraw li sa fejn ikun possibbli jiġu kkunsidrati l-prinċipji li ġejjin fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi matul il-perijodu għal tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7 […]: a) tinżamm l-għaqda tal-familja ma’ membri tal-familja preżenti fit-territorju tagħhom; b) jingħataw kura tas-saħħa f’emerġenza u trattament essenzjali ta’ mard; c) jingħata aċċess lill-minuri għas-sistema bażika ta’ l-edukazzjoni soġġett għat-tul tas-soġġorn tagħhom; d) jittieħed kont tal-bżonnijiet speċjali ta’ persuni vulnerabbli.”
( 16 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) ma jaċċettax li fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat sempliċement kontra l-projbizzjoni ta’ dħul, jista’ jitqajjem motiv kontra l-assenza ta’ għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju, b’mod partikolari għar-raġuni li dan huwa motiv kontra deċiżjoni oħra. Li kieku rikors ma kienx irrikonoxxut, dan seta’ jwassal imbagħad, skont il-qorti tar-rinviju, għal sitwazzjonijiet li fihom il-bażi legali nnifisha tal-ħruġ tal-projbizzjoni ta’ dħul ma tkunx tista’ tiġi kkontestata b’mod utli. Min-naħa tiegħi, ser nirrileva biss li l-imsemmi motiv għandu jkun permess fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul, peress li r-rimedju effettiv kontra d-deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni ta’ dħul, kif previst fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115, għandu neċessarjament jippermetti l-kontestazzjoni tal-legalità tagħhom. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et (222/86, EU:C:1987:442, punt 15).
( 17 ) Korsiv miżjud minni.
( 18 ) Ara l-premessa 14 tad-Direttiva 2008/115.
( 19 ) Korsiv miżjud minni.
( 20 ) Sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021 (C‑546/19, EU:C:2021:432).
( 21 ) Il-partikolaritajiet tal-kuntest fattwali jispjegaw għaliex, fis-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, M.D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija) (C‑528/21, EU:C:2023:341), il-Qorti tal-Ġustizzja injorat il-fatt li, qabel ma kien id-destinatarju ta’ projbizzjoni ta’ dħul, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma kienx is-suġġett ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn. L-ewwel nett, il-projbizzjoni ta’ dħul fil-konfront ta’ dan iċ-ċittadin kienet ġiet adottata fl-estensjoni ta’ deċiżjoni li permezz tagħha Stat Membru kien irtiralu, għal raġuni identika għal dik li kienet il-bażi ta’ din il-projbizzjoni, id-dritt tiegħu ta’ residenza fit-territorju ta’ dan l-Istat, u t-tieni nett, l-imsemmi ċittadin kien telaq mit-territorju tal-imsemmi Stat sabiex imur fi Stat Membru ieħor qabel l-adozzjoni tal-imsemmija projbizzjoni. L-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet iggwidata mill-ħtieġa li jiġi evitat li l-Istati Membri jkunu jistgħu faċilment jevitaw ir-regoli li, skont id-Direttiva 2008/115, jirregolaw l-adozzjoni ta’ tali projbizzjoni. Fil-fatt, kien ikun biżżejjed li jistennew li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, li lilu jkun ġie rrifjutat jew irtirat dritt ta’ residenza jitlaq mit-territorju tagħhom qabel jadottaw projbizzjoni ta’ dħul, sabiex din tal-aħħar tkun awtomatikament meħlusa mill-osservanza ta’ dawn ir-regoli.
( 22 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża Westerwaldkreis (C‑546/19, EU:C:2021:105, punt 74).
( 23 ) Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020 (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367).
( 24 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punti 114 sa 116).
( 25 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punti 47 u 48). Il-fatt li r-ritorn forzat jista’, jekk ikun il-każ, jippreġudika d-dinjità tal-persuna kkonċernata huwa dedott mill-qari tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2008/115, li jipprevedi li “[m]eta l-Istati Membri jużaw - bħala l-aħħar possibbiltà - miżuri koerżivi biex iwettqu t-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirreżisti t-tneħħija, tali miżuri għandhom ikunu proporzjonali u m’għandhomx jeċċedu forza raġonevoli. Dawn għandhom jiġu implimentati kif previst fil-leġislazzjoni nazzjonali skond id-drittijiet fundamentali u bir-rispett dovut għad-dinjità u l-integrità fiżika taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat.”
( 26 ) Ara, b’mod partikolari, id-digriet tal‑5 ta’ Mejju 2021, CPAS de Liège (C‑641/20, EU:C:2021:374, punt 22). Għall-kuntrarju, ir-rikors ippreżentat kontra deċiżjoni li tordna r-ritorn għandu, sabiex jiżgura, fir-rigward taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ non-refoulement u tal-Artikolu 47 tal-Karta, ikollu effett sospensiv ipso jure, peress li din id-deċiżjoni tista’ tesponi lil dan iċ-ċittadin għal riskju reali li jkun suġġett għal trattamenti li jmorru kontra l-Artikolu 18 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jew għal trattamenti li jmorru kontra l-Artikolu 19(2) tal-Karta. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punti 52 u 53), kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Tall (C‑239/14, EU:C:2015:824, punti 57 u 58).
( 27 ) Il-Manwal dwar ir-Ritorn jinsab fl-anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2338 tas‑16 ta’ Novembru 2017 li tistabbilixxi “Manwal dwar ir-Ritorn” li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu l-kompiti relatati mar-ritorn (ĠU 2017, L 339, p. 83).
( 28 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Westerwaldkreis (C‑546/19, EU:C:2021:432, punt 47).
( 29 ) Minbarra s-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Westerwaldkreis (C‑546/19, EU:C:2021:432, punt 47), ara wkoll tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punti 114 sa 116).