Brussell, 6.6.2025

COM(2025) 286 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport ta’ Progress dwar il-Kapaċitajiet ta’ Rispons għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili

{SWD(2025) 146 final}


Werrej

1.    Sommarju Eżekuttiv    

Lista ta’ akronimi    

2.    Introduzzjoni    

3.    Rakkomandazzjonijiet għall-kapaċitajiet ta’ reazzjoni tal-UCPM    

a.    Rakkomandazzjonijiet għar-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili (ECPP)    

i.    Għeluq ta’ lakuni fil-kapaċità    

ii.    Tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn MS/PS biex jiġu segwiti b’mod attiv l-għanijiet tal-kapaċità    

iii.    Tisħiħ tal-għotjiet ta’ adattament    

iv.    Inċentivar tal-offerti u l-iskjeramenti tal-ECPP    

b.    Rakkomandazzjonijiet għal rescEU    

i.    Kapaċitajiet bi skopijiet multipli u b’użu multiplu u appoġġ speċjalizzat    

ii.    Tisħiħ proattiv    

iii.    Riforniment wara l-iskjerament    

iv.    Pożizzjonament minn qabel temporanju għal skjerament effettiv    

v.    Żieda fl-effettività tal-iskjeramenti tar-rescEU    

vi.    Simplifikazzjoni tar-rati ta’ kofinanzjament għal rescEU    

vii.    Simplifikazzjoni tal-akkwist    

c.    Kunsiderazzjonijiet usa’ għall-iżvilupp tal-kapaċità ta’ reazzjoni    

i.    Approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni għall-iżvilupp tal-kapaċità    

ii.    Kapaċitajiet tal-UCPM biex jikkomplementaw il-kapaċitajiet nazzjonali madwar l-Ewropa    

iii.    Gruppi vulnerabbli    

iv.    Għarfien transsettorjali tas-sitwazzjoni tal-ERCC    

v.    Kunsiderazzjoni ta’ xenarji ta’ kunflitt/gwerra    

vi.    Sħubijiet tas-settur privat    

vii.    Ċentri ta’ donazzjoni    

viii.    Kumulazzjoni ta’ riżervi    

4.    Konkluzjoni    

1.Sommarju Eżekuttiv

Dan ir-rapport ta’ progress dwar il-kapaċità jirrappreżenta l-parti li tħares ’il quddiem tal-obbligu ta’ rapportar tal-Artikolu 34.2 dwar il-kapaċitajiet ta’ reazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM, Union Civil Protection Mechanism) kif stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE. Jiddeskrivi sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet biex tiżdied aktar l-effettività tal-kapaċitajiet ta’ reazzjoni tal-UCPM. Ir-rakkomandazzjonijiet huma bbażati fuq l-analiżi tal-istat kurrenti tal-kapaċitajiet ta’ reazzjoni tal-UCPM kif stabbilit fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal korrispondenti “Union Civil Protection Mechanism capacity development and gaps overview”.

Bl-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza, l-Ewropa qed timmira lejn preparatezza madwar l-Unjoni kollha fis-setturi u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Bħala parti mir-reazzjoni għall-bidliet fix-xenarju tar-riskji u tal-perikli, il-kapaċitajiet ta’ reazzjoni tal-UCPM jistgħu jipprovdu kontribut konkret u operazzjonali għal approċċ Ewropew ta’ maniġġar ta’ kriżijiet aktar proattiv, ikkoordinat aħjar u mtejjeb.

It-talbiet għall-assistenza mhux biss qed jiġu indirizzati lill-UCPM għal emerġenzi tipiċi tal-protezzjoni ċivili bħal nirien fis-selvaġġ, terremoti u għargħar, iżda wkoll biex jassisti dejjem aktar f’emerġenzi aktar kumplessi fejn diversi perikli u vulnerabbiltajiet spiss jinteraġixxu biex joħolqu kriżijiet fit-tul. Sabiex iżomm il-kapaċità tiegħu li jappoġġa lill-Istati Membri u lill-Istati parteċipanti (MS, Member States / PS, participating States) fi żminijiet ta’ bżonn, l-UCPM irid ikompli jiżviluppa l-istrutturi u l-proċessi interni tiegħu, kif ukoll il-kooperazzjoni tiegħu mas-sħab esterni. Il-15-il rakkomandazzjoni ewlenija deskritti f’dan ir-rapport għandhom l-għan li jiggwidaw l-evoluzzjoni tal-kapaċitajiet ta’ reazzjoni tal-UCPM, filwaqt li jiffukaw fuq l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tiegħu biex jindirizza l-isfidi emerġenti u javvanza l-isforzi ta’ preparatezza tiegħu.

Rakkomandazzjonijiet għar-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili (ECPP, European Civil Protection Pool):

I.Ħidma għall-għeluq tal-lakuni fil-kapaċità tal-ECPP identifikati f’dan ir-rapport (eż. fl-oqsma tat-tifi tan-nar fis-selvaġġ, tal-kapaċità medika ta’ emerġenza, tal-inċidenti ta’ tniġġis marittimu, kostali u tal-ilmijiet interni, tal-pontijiet, tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, u tat-trasport u tal-loġistika).

II.It-tisħiħ tal-koordinazzjoni ma’ u bejn MS/PS fl-insegwiment tal-għanijiet tal-kapaċità.

III.It-tisħiħ tal-finanzjament għall-għotjiet ta’ adattament.

IV.L-inċentivazzjoni għar-reġistrazzjonijiet tal-ECPP permezz tat-tiżjid tal-finanzjament matul l-iskjeramenti.

Rakkomandazzjonijiet għal rescEU:

I.L-iffukar fuq l-iżvilupp futur tal-kapaċità primarjament fuq kapaċitajiet bi skopijiet multipli u b’użu multiplu (eż. għall-kenn, l-elettriku, it-telekomunikazzjoni, il-kura medika, u t-trasport u l-loġistika) u, fejn meħtieġ, kapaċitajiet ta’ appoġġ speċjalizzati komplementari (eż. f’oqsma relatati maċ-CBRN jew għarfien espert mediku speċjalizzat għal perikli speċifiċi).

II.L-iffaċilitar tat-tisħiħ baġitarju prevedibbli għar-riforniment wara l-iskjerament, filwaqt li jiġi segwit approċċ aktar proattiv għall-iżvilupp tal-kapaċità.

III.It-tiżjid tal-effettività tal-iskjeramenti tar-rescEU permezz ta’ deċiżjonijiet ta’ skjerament aktar rapidi u għażliet ta’ pożizzjonament minn qabel.

IV.L-issimplifikar tar-rati ta’ kofinanzjament għall-iskjeramenti tal-kapaċitajiet tar-rescEU u l-issimplifikar tal-proċess tal-akkwist.

Kunsiderazzjonijiet usa’ għall-iżvilupp tal-kapaċità ta’ reazzjoni:

I.L-insegwiment tal-użu ta’ għanijiet ibbażati fuq il-prestazzjoni għall-iżvilupp futur tal-kapaċità tal-UCPM.

II.Il-kunsiderazzjoni ta’ skambju aħjar ta’ informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ kapaċitajiet nazzjonali speċifiċi biex tiżdied l-effiċjenza ġenerali tal-UCPM.

III.It-titjib tal-fehim tal-ħtiġijiet tal-gruppi vulnerabbli matul l-operazzjonijiet ta’ emerġenza.

IV.It-tisħiħ ulterjuri tal-għarfien transsettorjali tas-sitwazzjoni taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (ERCC, Emergency Response Coordination Centre).

V.Il-kunsiderazzjoni tax-xenarji ta’ kunflitt/gwerra fl-iżvilupp ulterjuri tal-kapaċità.

VI.L-espansjoni tas-sħubijiet tas-settur privat fejn xieraq, inkluż l-iżvilupp ta’ ċentri ta’ donazzjoni f’kompetenza usa’ tal-UCPM.

VII.Il-kunsiderazzjoni tal-kumulazzjoni ta’ riżervi ta’ firxa usa’ ta’ oġġetti ta’ reazzjoni ta’ emerġenza.

B’mod ġenerali, ir-reazzjoni tal-UCPM se jkollha tmur lil hinn mill-kapaċitajiet tradizzjonali tar-reazzjoni f’każ ta’ emerġenza, filwaqt li tappoġġa lill-partijiet ikkonċernati tas-settur biex jikkontribwixxu l-għarfien espert speċifiku tagħhom għall-preparatezza, f’konformità mal-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza.

Lista ta’ akronimi

CBRN - Kimiku, Bijoloġiku, Radjoloġiku u Nukleari (Chemical, Biological, Radiological, and Nuclear)

CEMS - Servizz ta’ Ġestjoni ta’ Emerġenzi ta’ Copernicus (Copernicus Emergency Management Service)

COVID-19 - Marda tal-Coronavirus 2019 (Coronavirus Disease 2019)

DRG - Għan Marbut mar-Reżiljenza għad-Diżastri (Disaster Resilience Goal)

ECPP - Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili (European Civil Protection Pool)

ERCC - Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza

UE - Unjoni Ewropea

GSS - Sistema ta’ Sitwazzjoni Globali (Global Situation System)

MEDEVAC - Evakwazzjoni Medika (Medical Evacuation)

QFP - Qafas Finanzjarju Pluriennali (Multiannual Financial Framework)

MS - Stati Membri

PPE - Tagħmir Protettiv Personali (Personal Protective Equipment)

PS - Stati Parteċipanti

RfA - Applikazzjoni għal Assistenza (Request for Assistance)

SWD - Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (Staff Working Document)

UCPM - Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili

2.Introduzzjoni

Skont l-Artikolu 34(2) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, il-Kummissjoni hija meħtieġa tirrapporta dwar il-progress li sar lejn l-għanijiet marbuta mar-reżiljenza għad-diżastri, l-għanijiet tal-kapaċità u l-lakuni li fadal fir-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili (minn hawn ’il quddiem “ir-Riżerva”) filwaqt li tqis l-istabbiliment tal-kapaċitajiet tar-rescEU. Dan għandu jinkludi wkoll ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi baġitarji u tal-kostijiet relatati mal-kapaċitajiet ta’ reazzjoni, u valutazzjoni tal-ħtieġa ta’ żviluppi ulterjuri tal-kapaċità fil-livell tal-UE.

Permezz ta’ dan ir-rapport u tal-SWD li jakkumpanjah bit-titolu “Union Civil Protection Mechanism capacity development and gaps overview”, il-Kummissjoni tipprovdi analiżi tal-iżviluppi sinifikanti tal-kapaċità ta’ reazzjoni fl-ambitu tal-UCPM mill-2017 sal-2024, kif ukoll rakkomandazzjonijiet li jħarsu ’l quddiem dwar aktar ħtiġijiet ta’ kapaċità u kompetenza. L-objettiv huwa li jiġi żgurat li l-UCPM ikompli jevolvi u jibqa’ riżorsa effiċjenti li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jiddependu fuqha f’emerġenzi, filwaqt li, f’kuntest usa’, jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza.

Ix-xenarju dinamiku tar-riskju u tat-theddid li l-Ewropa hija esposta għalih diġà qed iġiegħel lill-UCPM jadatta l-għodod għad-dispożizzjoni tiegħu għal ċirkostanzi mhux previsti, filwaqt li qed jassisti lill-MS/PS fil-UCPM b’modi li kienu kkunsidrati bħala inkonċepibbli daqs 10 snin ilu. Fi ħdan il-qafas strateġiku usa’ ta’ Unjoni tal-Preparatezza, il-UCPM u, għall-iskop speċifiku ta’ dan ir-rapport, il-kapaċitajiet ta’ reazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu, jistgħu jagħtu kontribut konkret u operazzjonali għal approċċ Ewropew ta’ maniġġar ta' kriżijiet aktar proattiv, ikkoordinat aħjar u mtejjeb.

Għal dak l-għan, dan ir-rapport jistabbilixxi sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet għal aktar progress fir-rigward tal-kapaċitajiet ta’ reazzjoni tal-UCPM. Ir-rakkomandazzjonijiet huma bbażati fuq l-SWD anness u l-analiżi tiegħu tax-xenarju kurrenti tar-riskju u tat-theddid; is-suppożizzjonijiet ta’ ppjanar maqbula skont ix-xenarji ta’ diżastri madwar l-Unjoni kollha żviluppati; it-tagħlimiet meħuda mill-iskjeramenti reċenti tal-UCPM; u l-iżviluppi tal-kapaċità ta’ reazzjoni operazzjonali matul dawn l-aħħar snin.

3.Rakkomandazzjonijiet għall-kapaċitajiet ta’ reazzjoni tal-UCPM

 
L-ewwel sett ta’ rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rapport ikopri l-ECPP, it-tieni sett jindirizza l-kapaċitajiet ta’ reazzjoni fl-ambitu ta’ rescEU, u t-tielet sett jagħti ħarsa lejn rakkomandazzjonijiet usa’ li jgħinu biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-UCPM biex jirreaġixxi għad-diżastri. Flimkien, dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom l-għan li jiżviluppaw aktar il-kapaċitajiet ta’ reazzjoni tal-UCPM, filwaqt li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kompetenza tal-UE li tirreaġixxi għall-kriżijiet. Il-konklużjonijiet tar-rapport fihom sommarju tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

a.Rakkomandazzjonijiet għar-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili (ECPP)

I.Għeluq ta’ lakuni fil-kapaċità

L-ECPP hija bbażata fuq żewġ pilastri: i) l-assigurazzjoni tal-kwalità, permezz ta’ skema ta’ ċertifikazzjoni, biex tiġi żgurata l-konformità mal-istandards tal-UCPM fl-operazzjonijiet ta’ reazzjoni; ii) aktar prevedibbiltà fir-rigward tad-disponibbiltà tal-kapaċitajiet ta’ reazzjoni meta l-UCPM jiġi attivat. L-ECPP tikkonsisti f’moduli, kapaċitajiet oħra ta’ reazzjoni (inklużi oġġetti ta’ għajnuna) u kategoriji ta’ esperti. Dawn huma kollha kapaċitajiet nazzjonali li l-Istati Membri u l-Istati parteċipanti tal-UCPM jimpenaw ruħhom għal sena jew aktar u fuq bażi volontarja li jiskjeraw fil-każ ta’ attivazzjoni tal-UCPM. Bħala wieħed mill-pilastri ċentrali tal-kapaċità ta’ reazzjoni tal-UCPM, ir-Riżerva tirrappreżenta l-impenn ta’ MS għas-solidarjetà f’każ ta’ diżastri. Bħala medja, l-iskjeramenti tal-ECPP jammontaw għal madwar 1/4 tal-kapaċitajiet skjerati matul l-attivazzjonijiet tal-UCPM (ara l-Illustrazzjoni 10 fl-SWD, il-paġna 32). ECPP aktar b’saħħitha tiżgura li fi żminijiet ta’ kriżi, is-solidarjetà bejn MS/PS tibqa’ sors ta’ saħħa għall-UE. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt huma maħsuba biex irawmu approċċ ikkoordinat għall-insegwiment tal-għanijiet tal-kapaċità tal-ECPP li għadhom kif ġew riveduti, b’aktar inċentivar tal-impenn tal-kapaċitajiet ta’ MS għall-ECPP.

Tqabbil tal-kapaċitajiet irreġistrati fl-ECPP mal-għanijiet tal-kapaċità li għadhom kemm ġew riveduti ppreżentati fl-SWD ta’ akkumpanjament (ara l-Anness 1 fl-SWD, il-paġna 45) jiżvela diversi lakuni. Il-kapaċitajiet tat-tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru għadhom sottorappreżentati f’termini ta’ kapaċitajiet tal-ECPP irreġistrati, bil-moduli bbażati fuq il-ħelikopter neqsin għalkollox. Ċerti tipi ta’ kapaċitajiet mediċi jippreżentaw ukoll sfida għar-Riżerva. Il-laboratorji mobbli tal-bijosikurezza huma partikolarment meħtieġa, kif inhuma wkoll it-timijiet tal-kura speċjalizzati, b’kapaċità waħda biss għaddejja minn ċertifikazzjoni meta mqabbla mat-tmien kapaċitajiet stipulati fl-għan. Filwaqt li żewġ kapaċitajiet ta’ MEDEVAC għaddejjin minn ċertifikazzjoni biex jintlaħaq l-għan tal-kapaċità tal-ECPP, il-MEDEVAC u l-MEDEVAC ta’ pazjenti infettivi ħafna għadhom jirrappreżentaw lakuna konsistenti għall-UCPM, peress li taħlita tal-kapaċitajiet eżistenti tar-rescEU u tal-ECPP ippjanati għadha ma laħqitx il-kapaċità tal-MEDEVAC deskritta fl-Għan Marbut mar-Reżiljenza għad-Diżastri 4 usa’ “Reazzjoni – Biex tissaħħaħ il-kapaċità ta’ reazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili”, li jistabbilixxi miri ta’ prestazzjoni għall-kapaċitajiet ta’ reazzjoni tal-UCPM (SWD, il-paġni 26-28).

L-aktar għanijiet tal-kapaċità reċenti tal-ECPP żiedu wkoll sensiela ta’ kapaċitajiet mhux rappreżentati mal-ECPP. Aktar kapaċitajiet ta’ reazzjoni għandhom ikunu impenjati lejn l-ECPP biex jirreaġixxu għal inċidenti ta’ tniġġis marittimu, kostali u tal-ilmijiet interni. Dawn il-lakuni l-ġodda huma konformi mad-diżastri ġeneralment aktar kumplessi li l-UCPM huwa mistenni li jirreaġixxi għalihom. Dawn jinkludu kapaċitajiet ta’ reazzjoni bħal pontijiet u l-ġenerazzjoni tal-elettriku, u hemm ħtieġa ċara ta’ kapaċitajiet loġistiċi u tat-trasport. Aktar impenji volontarji minn MS/PS għandhom jagħtu prijorità lil dawn il-lakuni identifikati.

II.Tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn MS/PS biex jiġu segwiti b’mod attiv l-għanijiet tal-kapaċità

Huwa f’idejn MS/PS li jieħdu kompletament u internament id-deċiżjoni li jiġu offruti u rreġistrati l-kapaċitajiet fl-ECPP. Dan il-proċess volontarju huwa inerenti għall-ECPP u għandu jinżamm. Madankollu, sforzi kkoordinati biex tiżdied il-kopertura tal-għanijiet tal-kapaċità permezz tar-riżorsi tal-ECPP isaħħu l-kapaċità ta’ reazzjoni tal-UCPM, filwaqt li jagħmlu l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi ta’ MS/PS u tal-Kummissjoni li huma meħtieġa biex tiġi offruta, iċċertifikata u rreġistrata kapaċità fl-ECPP.

Bħala riżultat tal-għanijiet ambizzjużi ġodda tal-kapaċità għall-ECPP stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/704, il-livell kurrenti ta’ kisba għall-għanijiet tal-kapaċità naqas għal ~15 % minn ~31 % tal-għanijiet tal-kapaċità ddikjarati. Dan huwa dovut l-aktar għal żieda kwantitattiva ġenerali fil-konfigurazzjoni tal-ECPP kif deskritt fl-għanijiet il-ġodda. Il-mira tal-kapaċità mixtieqa żdiedet b’medja ta’ 160 % għal kull kategorija ta’ kapaċità eżistenti. In-numru ta’ tipi ta’ kapaċitajiet differenti elenkati fl-għanijiet żdied ukoll b’mod sinifikanti, minn 37 għal 50 tip ta’ kapaċità differenti. Dan id-distakk għandu jitqies bħala temporanju filwaqt li MS/PS jallinjaw l-offerti tagħhom mal-għanijiet tal-ECPP, u l-kapaċitajiet offruti jgħaddu mill-proċess ta’ ċertifikazzjoni.

Il-koordinazzjoni bejn u ma’ MS/PS fl-insegwiment ta’ dawn l-għanijiet tista’ twassal għal benefiċċji sinifikanti, billi tippermetti lil MS/PS jieħdu deċiżjonijiet aktar infurmati dwar liema kapaċitajiet għandhom jipprijoritizzaw fl-offerti tagħhom lir-Riżerva. Id-diskussjonijiet reġjonali dwar l-offerti ppjanati tal-ECPP jistgħu jipprovdu opportunitajiet għall-kondiviżjoni tal-kostijiet permezz tal-iżvilupp ta’ moduli multinazzjonali u jippromwovu distribuzzjoni ġeografika aktar ibbilanċjata madwar iż-żona tal-UCPM tat-tipi ta’ kapaċità rilevanti, skont il-profil tar-riskju lokali/reġjonali.

Il-Kummissjoni tista’ tappoġġa wkoll b’mod attiv l-insegwiment aktar ikkoordinat tal-għanijiet tal-kapaċità tal-UCPM permezz ta’ varjetà ta’ miżuri, bħall-inċentivar tar-reġistrazzjoni tat-tipi ta’ kapaċità meħtieġa u l-użu ta’ fora eżistenti biex titrawwem il-koordinazzjoni fost MS/PS. Il-Kummissjoni tista’ torganizza diskussjonijiet f’fora eżistenti bħall-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar il-Kapaċitajiet u ambjenti tekniċi oħra, kif ukoll il-Kumitat għall-Protezzjoni Ċivili, sabiex trawwem skambji dwar l-offerti ppjanati tal-ECPP. Dawn id-diskussjonijiet jistgħu jiġu strutturati jew skont il-kategorija tal-kapaċità jew skont il-periklu. Jistgħu jkunu bbażati fuq objettivi ta’ politika eżistenti bħad-DRG Nru 4, “Reazzjoni - Biex tissaħħaħ il-kapaċità ta’ reazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili”, li jiddefinixxi l-kategoriji ta’ kapaċità kritika, u x-xenarji ta’ diżastri żviluppati, li jipprovdu għarfien siewi relatat mal-kapaċità (ħarsa ġenerali lejn il-kopertura kurrenti tad-DRG Nru 4 hija pprovduta fl-SWD, it-Taqsima 3.b, il-paġna 23).

Id-diskussjonijiet fil-livell reġjonali dwar reġistrazzjonijiet possibbli tal-ECPP jippermettu wkoll lill-awtoritajiet nazzjonali jsegwu d-distribuzzjoni ġeografika sensibbli tal-kapaċitajiet tar-Riżerva, filwaqt li jidentifikaw opportunitajiet biex jiġu ffurmati moduli multinazzjonali li jaqsmu l-piż taż-żamma tal-kapaċità bejn aktar partijiet ikkonċernati. Il-bidu u t-tkomplija tad-diskussjonijiet ikun mod b’kost baxx għall-Kummissjoni biex tappoġġa approċċ aktar koordinat biex jintlaħqu l-għanijiet tal-kapaċità stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/704 1 .

Il-koordinazzjoni rigward ir-reġistrazzjonijiet tal-ECPP tgħin ukoll biex jiġu identifikati l-limiti tal-approċċ tal-ECPP. L-għanijiet li ma jistgħux jiġu koperti permezz tal-ECPP minkejja l-koordinazzjoni ta’ MS/PS jistgħu jiġu indirizzati direttament bl-użu ta’ rescEU jew strumenti oħra, bħall-kooperazzjoni mas-settur privat jew ma’ pajjiżi terzi.

III.Tisħiħ tal-għotjiet ta’ adattament

Skema msaħħa ta’ għotjiet ta’ adattament għall-ECPP tista’ tgħin biex jinkisbu l-għanijiet tal-kapaċità mhux milħuqa.

MS/PS li joffru kapaċitajiet nazzjonali lill-ECPP huma eliġibbli biex japplikaw għal għotjiet ta’ adattament tal-ECPP li jipprovdu appoġġ finanzjarju għal tiswijiet u ammeljoramenti, filwaqt li jtejbu l-prontezza u l-prestazzjoni tal-kapaċità offruta matul l-iskjeramenti tal-UCPM. Mill-introduzzjoni tagħhom, kull sena ngħataw medja ta’ EUR 4-5 miljun f’għotjiet ta’ adattament. Filwaqt li l-awtoritajiet nazzjonali jibqgħu responsabbli għall-kost tal-istabbiliment u ż-żamma tal-kapaċità nazzjonali li jirreġistraw fir-Riżerva, l-UE tiżgura li l-kapaċitajiet irreġistrati jkunu jistgħu jiġu skjerati b’mod effettiv u joperaw f’kuntesti internazzjonali.

Il-kriterji ta’ evalwazzjoni kurrenti għall-għoti ta’ għotjiet ta’ adattament tal-ECPP iqisu jekk proposta għal għotja ta’ adattament taħdimx biex jinkiseb għan tal-kapaċità tal-UCPM mhux milħuq. Iż-żieda fl-enfasi fuq dan il-kriterju matul il-proċess ta’ evalwazzjoni tipprovdi inċentiv għal MS li qed ifittxu għotjiet ta’ adattament biex jipprijoritizzaw l-għanijiet ta’ kapaċità mhux milħuqa fl-offerti tagħhom lill-ECPP.

Tisħiħ baġitarju tal-programm ta’ għotja ta’ adattament jippermetti lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa lil MS/PS li qed jagħmlu l-kapaċitajiet nazzjonali disponibbli għall-iskjeramenti tal-UCPM.

IV.Inċentivar tal-offerti u l-iskjeramenti tal-ECPP

Fil-każ ta’ attivazzjoni tal-UCPM, il-kapaċitajiet skjerati tal-ECPP huma eliġibbli għal rata ta’ kofinanzjament ta’ 75 % għall-kostijiet eliġibbli relatati mat-trasport u l-operat tal-kapaċità. Filwaqt li din ir-rata ta’ kofinanzjament hija vantaġġuża meta mqabbla ma’ kapaċitajiet mhux irreġistrati, li jibbenefikaw biss minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 75 % għat-trasport tal-kapaċità (u mhux il-kostijiet operazzjonali) matul l-iskjerament tal-UCPM, ir-rati ta’ kofinanzjament tal-ECPP jistgħu jiġu adattati biex jinċentivaw aktar ir-reġistrazzjoni tal-kapaċitajiet. Iż-żieda tal-finanzjament għat-trasport u l-operat tal-kapaċitajiet tal-ECPP sa 100 % issaħħaħ il-fiduċja ta’ MS/PS biex joffru kapaċitajiet addizzjonali lill-ECPP billi jneħħu l-inċertezzi relatati mal-kostijiet tal-iskjeramenti futuri tal-kapaċitajiet impenjati tagħhom permezz tal-UCPM. Dan l-adattament tal-kundizzjonijiet ta’ kofinanzjament jinċentiva offerti u skjeramenti futuri tar-Riżerva, filwaqt li jħeġġeġ lil MS jagħmlu aktar mill-kapaċitajiet nazzjonali tagħhom disponibbli għar-Riżerva u jużawhom.

b.Rakkomandazzjonijiet għal rescEU

RescEU hija l-pilastru l-ieħor tal-kapaċità ta’ rispons tal-UCPM. Stabbiliet lilha nnifisha malajr bħala assi operazzjonali, b’231 skjerament bejn l-2019 u l-2024 (ara l-Illustrazzjoni 18 fl-SWD, il-paġna 40). Ipprovdiet appoġġ li jsalva l-ħajjiet f’firxa wiesgħa ta’ xenarji ta’ diżastri, minn rilaxxi ta’ ħażniet relatati mal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, sat-terremot tal-2023 fit-Turkija u fis-Sirja u l-COVID-19, kif ukoll skjeramenti regolari ta’ kapaċitajiet tat-tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru matul l-istaġuni Ewropej tan-nirien fis-selvaġġ.

I.Kapaċitajiet bi skopijiet multipli u b’użu multiplu u appoġġ speċjalizzat

Kif analizzat fl-SWD ta’ akkumpanjament (il-paġni 8-15), jista’ jkun mistenni li rescEU tintalab l-għajnuna għal tipi u għadd dejjem akbar ta’ emerġenzi fil-futur. Filwaqt li jista’ ma jkunx realistiku li jiġi segwit l-istabbiliment tal-kapaċitajiet tar-rescEU għall-kwantitajiet stipulati fix-xenarji ta’ diżastri żviluppati fl-ambitu tal-UCPM, din l-analiżi tax-xenarju, flimkien mal-esperjenza operazzjonali ta’ attivazzjonijiet reċenti tal-UCPM, jistgħu jservu ta’ gwida għal strateġija fuq żewġ binarji għall-iżvilupp futur tar-rescEU mmirata speċifikament biex tikkomplementa l-kapaċitajiet irreġistrati tal-ECPP.

L-ewwel nett, filwaqt li titqies l-importanza strateġika tal-kapaċitajiet imfassla għal emerġenzi speċifiċi, għandha tingħata attenzjoni lill-kapaċitajiet bi skopijiet multipli u b’użu multiplu li jistgħu jipprovdu appoġġ f’varjetà wiesgħa ta’ xenarji. Fejn fattibbli, il-kapaċitajiet li jistgħu jiġu mislufa u rritornati biex iservu għal emerġenzi oħra jkunu għażla preferibbli. Il-kapaċitajiet li jipprovdu lill-popolazzjonijiet affettwati b’servizzi essenzjali li jiġu mfixkla minħabba emerġenza joffru b’mod konsistenti grad ogħla ta’ versatilità operazzjonali, peress li jiffukaw fuq il-provvista lill-popolazzjoni affettwata b’sett relattivament fiss ta’ ħtiġijiet, aktar milli kapaċitajiet li jiffukaw fuq periklu partikolari. L-għargħar, ix-xenarji ta’ kunflitt, in-nirien fil-foresti, it-terremoti, l-ispostament ta’ popolazzjoni fuq skala kbira u emerġenzi oħra kollha jirriżultaw f’għadd kbir ta’ persuni li jeħtieġu kenn, enerġija, telekomunikazzjoni u kura medika adegwata, kif ukoll kapaċitajiet relatati mat-trasport għall-moviment ta’ dawk l-oġġetti jew tal-persuni affettwati nfushom. L-investiment qawwi fil-kapaċitajiet ta’ reazzjoni fil-livell tal-UE li jissodisfaw dawn il-ħtiġijiet jipprovdi valur żgurat.

Emerġenzi fuq skala kbira, bħal terremot kbir, jistgħu jeżawrixxu malajr il-kapaċitajiet nazzjonali u jnaqqsu l-ħażniet rilevanti. L-esperjenza ta’ emerġenzi fuq skala iżgħar bħall-għargħar turi wkoll li s-swieq fiż-żoni tal-madwar jistgħu jiġu eżawriti malajr, u dan jikkomplika l-provvista tal-oġġetti meħtieġa għall-popolazzjoni affettwata. Riżerva strateġika, f’pożizzjoni tajba, ta’ kapaċitajiet meħtieġa b’mod wiesa’ fil-livell kontinentali tista’ tgħin fl-ingranaġġ tad-daqs tal-Ewropa kontra diżastri fuq skala nazzjonali, u b’hekk MS/PS ikunu jistgħu jiffukaw aktar mir-riżorsi tagħhom fuq l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet speċifiċi għall-profil ta’ riskju partikolari tagħhom.

Dawn il-miżuri jiżguraw li proporzjon akbar tal-popolazzjoni affettwata jirċievi l-assistenza malajr, u jagħmlu l-kapaċità ta’ koordinazzjoni disponibbli matul emerġenza. Il-kapaċità ta’ koordinazzjoni magħmula disponibbli fil-livell tal-UE u tal-MS tista’ tkun iffukata aħjar fuq l-iskjerament ta’ kapaċitajiet speċjalizzati speċifiċi għat-tip ta’ emerġenza, li jistgħu jkunu aktar diffiċli biex jiġu identifikati u skjerati minn ġewwa s-sistemi nazzjonali.

It-tieni nett, ix-xenarji żviluppati taħt l-UCPM jindikaw ukoll il-ħtieġa li fl-istess ħin jiġu segwiti l-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet speċjalizzati ewlenin li ma humiex kosteffettivi biex jiġu żviluppati fil-kwantitajiet meħtieġa fil-livell nazzjonali. Il-kapaċitajiet tat-tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru u l-iżviluppi tal-kapaċità relatati maċ-CBRN huma l-aktar eżempji notevoli li ġew segwiti b’suċċess skont dan l-approċċ f’dawn l-aħħar snin, f’koordinazzjoni mill-qrib bejn MS/PS u l-Kummissjoni. L-iżvilupp futur potenzjali ta’ dawn il-kapaċitajiet se jkompli jagħmel użu minn dik il-koordinazzjoni mill-qrib. L-inizjattiva ta’ bini ta’ xenarji tal-UCPM tipprovdi diversi indikazzjonijiet ta’ ħtiġijiet futuri potenzjali f’oqsma ulterjuri relatati maċ-CBRN jew f’għarfien espert mediku speċjalizzat għal perikli speċifiċi, inkluż it-trattament ta’ ġrieħi tal-gwerra u/jew avvenimenti ta’ diżgrazzji tal-massa.

II.Tisħiħ proattiv

L-UCPM investa porzjon sinifikanti tal-baġit tiegħu (EUR 3.2 biljun fl-2019-2024) fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet li tqiesu minn MS/PS u mill-Kummissjoni bħala kritiċi biżżejjed biex jiġġustifikaw it-tisħiħ fil-livell tal-UE lil hinn mill-preparatezza individwali ta’ MS. Fid-dawl tax-xenarju tar-riskji u tal-perikli li qed jevolvi, dawn l-investimenti fir-rescEU għandhom jitkomplew u jiġu msaħħa fejn possibbli sabiex l-UCPM ikun jista’ jappoġġa lil MS/PS matul emerġenzi fuq skala kbira li jissuperaw il-kapaċitajiet nazzjonali fil-futur.

L-għotjiet kurrenti biex jiġu stabbiliti u miżmuma l-kapaċitajiet tar-rescEU huma mistennija li jiskadu sal-2027, meta jintemm il-perjodu kurrenti tal-QFP 2021-2027. Jekk il-finanzjament biex jiġu sostnuti l-kapaċitajiet eżistenti tar-rescEU ma jsirx disponibbli, il-kapaċitajiet stabbiliti jiskadu jew jitwaqqfu, u l-investimenti sinifikanti li jsiru matul l-iżvilupp tagħhom jintilfu. Dan jinkludi ħażniet strateġiċi għall-kenn, il-ġenerazzjoni tal-enerġija f’każ ta’ emerġenza u oġġetti CBRN u mediċi, kif ukoll il-kapaċitajiet tat-tifi tan-nar mill-ajru li saru disponibbli kull sena mill-2019.

L-inġenji tal-ajru għat-tifi tan-nar fil-foresti li jsiru disponibbli fl-ambitu tal-kapaċità ta’ rescEU ta’ tranżizzjoni huma partikolarment dipendenti fuq finanzjament prevedibbli peress li dawn l-inġenji tal-ajru jsiru disponibbli kull sena għall-istaġun tan-nirien fis-selvaġġ sakemm il-flotta permanenti tal-inġenji tal-ajru tat-tifi tan-nar ta’ rescEU ssir disponibbli.

Il-kapaċitajiet fil-line-up kurrenti ġew stabbiliti b’mod primarjament reattiv, biex jittrattaw emerġenzi li għaddejjin jew li huma imminenti f'MS/PS wieħed jew aktar. Konsegwentement, fil-biċċa l-kbira tagħhom intużaw jew immedjatament, fiż-żmien tal-istabbiliment tagħhom, jew f’perjodu ta’ sena wara dan. Il-kapaċità tal-UCPM li jadotta malajr atti ta’ implimentazzjoni, jagħti għotjiet, u mbagħad jakkwista materjal u tagħmir biex MS jistabbilixxu l-kapaċitajiet tar-rescEU, turi l-adattabbiltà tas-sistema. Filwaqt li l-adattabbiltà hija essenzjali għal sistema ta’ ġestjoni tad-diżastri li tiffunzjona, approċċ reattiv jeħtieġ li jiġi kkomplementat minn ħsieb li jħares ’il quddiem aħjar u kultura ta’ preparatezza proattiva biex jiġu indirizzati l-isfidi tax-xenarju l-ġdid tal-Ewropa tar-riskju u tat-theddid.

Filwaqt li l-UCPM u l-partijiet ikkonċernati tiegħu fehmu l-ħtieġa ta’ kapaċitajiet ta’ reazzjoni fil-livell tal-UE lil hinn minn dawk ipprovduti mis-sistemi nazzjonali, kunsens dwar il-kunċett ta’ kapaċitajiet strateġiċi ta’ reazzjoni fil-livell tal-UE ntlaħaq biss wara n-nirien traġiċi fil-foresti fil-Portugall fl-2017 u l-istaġun tan-nirien fil-foresti tal-2018 li affettwa t-Tramuntana tal-Ewropa. Għal kapaċitajiet addizzjonali bħal ħażniet mediċi/CBRN u ta’ kenn, ix-xejra ġiet ripetuta darbtejn, fejn finanzjament addizzjonali mill-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru sar disponibbli matul il-pandemija tal-COVID-19 fl-2020 u wara r-ritorn tal-gwerra lejn l-Ewropa fl-2022 biex ikunu jistgħu jiġu adottati atti legali b’mod reattiv, u dan ippermetta l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tar-rescEU biex ikopru ħtiġijiet urġenti. Dan l-approċċ huwa għali u inqas effettiv peress li jirrikjedi li l-materjali u l-għarfien espert jiġu akkwistati taħt pressjoni ta’ żmien jew matul perjodu ta’ domanda globali għolja, kif kien il-każ matul il-pandemija tal-COVID-19.

It-tisħiħ proattiv tar-rescEU bħala riżerva ta’ kapaċità ta’ reazzjoni fil-livell tal-UE huwa direttament konformi mal-azzjoni ewlenija 26 tal-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza, li tappella għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet eżistenti tar-rescEU flimkien mal-identifikazzjoni ta’ kapaċitajiet ewlenin addizzjonali għal żvilupp possibbli fil-livell tal-UE. Sabiex il-kapaċitajiet tar-rescEU jiġu msaħħa effettivament, l-iżvilupp għandu jseħħ b’mod komplementari mal-iżvilupp ta’ inizjattivi oħra bħall-ECPP, li jingranaw il-vantaġġi rispettivi għall-aktar użu effettiv tar-riżorsi.

L-isfidi li ġejjin f’termini tat-tibdil fil-klima u l-iżviluppi ġeopolitiċi jirrikjedu li l-UCPM jitgħallem mill-esperjenzi miksuba fl-istabbiliment tar-rescEU. Biex tilħaq il-potenzjal tagħħa bħala kapaċità ta’ reazzjoni strateġika, jeħtieġ li r-rescEU tiġi żviluppata qabel ma jseħħu emerġenzi. Kif enfasizzat fl-SWD ta’ akkumpanjament, permezz tal-output ipprovdut mill-inizjattiva ta’ bini ta’ xenarji f’konsultazzjoni ma’ MS, l-UCPM ipprovda ħarsa ġenerali infurmata lejn il-kapaċitajiet meħtieġa biex jirreaġixxi għas-16-il periklu l-aktar urġenti analizzati.

III.Riforniment wara l-iskjerament

Porzjon sinifikanti tal-ħażniet tar-rescEU diġà ġew skjerati fil-kuntest tal-COVID-19, it-terremot fit-Turkija fl-2023 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Filwaqt li d-domanda għolja tenfasizza l-importanza tal-kapaċitajiet tar-rescEU fil-livell tal-UE, in-nuqqas ta’ finanzjament u ta’ mekkaniżmi simplifikati għar-riforniment tal-ħażniet eżawriti jnaqqsu l-affidabbiltà futura tal-isforz ta’ kumulazzjoni ta’ riżervi fl-ambitu ta’ rescEU.

Bir-rata għolja ta’ skjerament ta’ ħażniet murija fl-SWD (il-paġni 39-41), diversi mill-ħażniet ewlenin maħluqa b’reazzjoni għall-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-COVID-19 jew mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna ma għandhomx biżżejjed finanzjament biex jirrestawrawhom għall-valur operazzjonali sħiħ tagħhom. In-numru totali ta’ ġeneraturi li għadhom disponibbli taħt il-“kapaċitajiet tal-provvista tal-enerġija f’każ ta’ emerġenza” stabbiliti fir-rescEU juri li, minn Frar 2025, 2 564 ġeneratur għadu disponibbli minn total ta’ 5 630 ġeneratur akkwistat inizjalment. Minkejja n-numru sinifikanti ta’ ġeneraturi tar-rescEU li għadu disponibbli, analiżi ulterjuri turi li 98 % minnhom huma ta’ kapaċità żgħira, kapaċi li jipprovdu l-elettriku lil unitajiet domestiċi individwali. Bħalissa ma hemm l-ebda stokk ta’ ġeneraturi ta’ daqs medju li huma kapaċi jipprovdu biżżejjed enerġija lill-infrastruttura kritika bħall-isptarijiet. Sakemm isiru disponibbli aktar fondi, u jiġu fornuti mill-ġdid l-istokkijiet tal-ġeneraturi, l-iskjeramenti tal-kapaċità tal-enerġija tar-rescEU biex jappoġġaw l-infrastruttura rilevanti huma virtwalment impossibbli.

L-istokkijiet temporanji tal-kapaċità ta’ kenn fl-ambitu ta’ rescEU jiffaċċjaw sfidi simili. Il-kapaċitajiet disponibbli bħalissa u dawk li għadhom qed jiġu akkwistati għandhom il-kapaċità li jospitaw 9 000 persuna, li hija ordni waħda ta’ kobor iżgħar mit-tarf inferjuri tal-firxa ta’ kapaċità ta’ kenn meħtieġa stipulata mill-inizjattiva ta’ bini ta’ xenarji.

Minkejja li ġiet rikonoxxuta l-importanza li l-ħażniet strateġiċi ta’ oġġetti kritiċi jinżammu lesti biex jappoġġaw lil MS/PS matul emerġenzi kbar, il-limitazzjonijiet baġitarji qed ikollhom impatt fuq id-disponibbiltà ta’ dawn il-ħażniet. Minħabba l-iskjeramenti preċedenti, l-istatus tal-ġeneraturi tal-enerġija ta’ emerġenza u l-ħażniet ta’ kenn ikun ta’ benefiċċju limitat għal MS/PS li jeħtieġ assistenza fl-emerġenza kbira li jmiss.

Jekk il-ħażniet, u l-kapaċitajiet tar-rescEU b’mod aktar wiesa’, ikunu mistennija jipprovdu għajnuna rapida meta din tintalab, il-prontezza operazzjonali tagħhom għandha tiġi restawrata malajr wara l-iskjerament tagħhom. Dan jinkludi l-impenn baġitarju biex it-tagħmir bil-ħsara jiġi restawrat regolarment u r-riforniment ta’ ħażniet eżawriti. Dan isaħħaħ ir-rwol strateġiku tar-rescEU bħala pilastru tal-prontezza tal-UCPM u jevita r-riskju ta’ xiri reattiv ad hoc fil-livell tal-UE.

IV.Pożizzjonament minn qabel temporanju għal skjerament effettiv

L-Istati Membri jistgħu jitolbu assistenza fil-forma ta’ pożizzjonament minn qabel temporanju tal-kapaċitajiet ta’ reazzjoni. Din il-possibbiltà hija aktar u aktar importanti minħabba l-isfidi ppreżentati mix-xenarju dinamiku tar-riskju u tat-theddid li l-Ewropa hija obbligata tiffaċċja. Aktar flessibbiltà madwar il-pożizzjonament minn qabel tal-kapaċitajiet ta’ reazzjoni ssaħħaħ l-isforzi ta’ preparatezza tal-UCPM.

Filwaqt li mhux dejjem jista’ jkun possibbli li jiġu mbassra b’mod preċiż l-iskjeramenti tal-kapaċità minħabba n-natura intrinsikament imprevedibbli tal-emerġenzi li huma stabbiliti għalihom, hemm kapaċitajiet li għalihom użu aktar aġli tal-arranġamenti ta’ qabel l-iskjerament jista’ jżid b’mod sinifikanti l-effettività tal-assi.

Fost l-oħrajn, in-nirien fis-selvaġġ joffru opportunità partikolari biex jiġu kkombinati l-kapaċitajiet u l-ħiliet tal-UCPM għall-benefiċċju ta’ MS/PS, qabel ma jseħħ diżastru. L-UCPM għandu l-kapaċitajiet ta’ reazzjoni biex jappoġġa lil MS/PS fil-ġlieda kontra n-nirien fil-foresti, u l-għarfien tas-sitwazzjoni korrispondenti u l-kapaċità analitika biex ibassar liema reġjuni fl-Ewropa x’aktarx li jesperjenzaw nirien fis-selvaġġ fuq bażi regolari. Meta jkun meħtieġ, MS/PS jistgħu jsegwu, permezz tal-UCPM, użu aktar proattiv ta’ pożizzjonament temporanju minn qabel biex itejbu l-effettività tal-iskjeramenti tal-kapaċità. L-iskjerament minn qabel tal-kapaċitajiet ikun f’koordinazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet rilevanti tal-protezzjoni ċivili u abbażi ta’ applikazzjoni għal assistenza. Dan jista’ jqis ukoll il-proporzjonalità tal-kostijiet operazzjonali assoċjati.

V.Żieda fl-effettività tal-iskjeramenti tar-rescEU

Ir-rescEU kienet maħsuba biex tassisti lil MS/PS affettwat meta l-kapaċitajiet nazzjonali ma jkunux jistgħu joffru assistenza suffiċjenti jew effettiva. Il-prinċipju ewlieni applikat huwa li l-mekkaniżmu primarju għall-azzjoni fl-ambitu tal-UCPM jibqa’ l-espressjoni nazzjonali tas-solidarjetà. Ir-rescEU tipprovdi assistenza fejn il-kapaċitajiet eżistenti ġenerali fil-livell nazzjonali u dawk impenjati minn qabel mill-Istati Membri għall-ECPP ma jkunux jistgħu jiżguraw reazzjoni effettiva.

Fil-prattika, dan ifisser li d-disponibbiltà tal-kapaċitajiet nazzjonali ta’ MS/PS biex jirreaġixxu għal applikazzjoni għal assistenza jeħtieġ li tiġi ddeterminata qabel ma jiġu kkunsidrati l-kapaċitajiet disponibbli tar-rescEU. Dan jista’ jwassal għal dewmien bla bżonn fl-għoti ta’ assistenza lill-popolazzjonijiet affettwati. Wara l-maltempata Éowyn f’Jannar tal-2025, madwar 710 000 unità domestika ġiet affettwata minn qtugħ tal-elettriku, b'aktar minn 133 000 binja fil-pajjiż kienu għadhom affettwati minn blackouts 5 ijiem wara l-maltempata. Filwaqt li d-Danimarka u l-Lussemburgu setgħu jirreaġixxu għall-applikazzjoni għal assistenza b’ħames ġeneraturi, il-mobilizzazzjoni eventwali ta’ ġeneraturi disponibbli mill-ħażniet tar-rescEU biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ma seħħitx qabel ma l-MS/PS iddikjaraw defiċit ta’ kapaċitajiet nazzjonali li setgħu jintużaw biex jissodisfaw it-talba tal-Irlanda.

Għalhekk, sabiex jinkiseb UCPM aktar effiċjenti, l-ERCC għandu jkun jista’ jagħżel l-aktar kapaċità ta’ reazzjoni rapida disponibbli u dik l-aktar effettiva. Is-simplifikazzjoni tal-proċessi tiffranka l-ħin, b’mod partikolari għat-tipi ta’ kapaċità li jirreaġixxu għal diżastri li jevolvu malajr, bħal xenarji CBRN jew nirien fis-selvaġġ.

VI.Simplifikazzjoni tar-rati ta’ kofinanzjament għal rescEU

Ir-rati ta’ kofinanzjament kurrenti għall-iskjeramenti tar-rescEU jiddifferenzjaw bejn il-kostijiet tat-trasport u l-kostijiet operazzjonali, fejn 100 % tal-kostijiet tat-trasport jistgħu jiġu rkuprati permezz tal-finanzjament tal-UE u 75 % tal-kostijiet operazzjonali tal-kapaċitajiet tat-tifi tan-nar mill-ajru huma eliġibbli għal rescEU. Il-25 % li jifdal tal-kostijiet operazzjonali għall-iskjerament tal-kapaċitajiet tat-tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru fl-UE għandhom jiġu koperti mill-MS/PS ospitanti jew rikjedenti. F’żewġ każijiet, sa 100 % tal-kostijiet operazzjonali huma eliġibbli għall-finanzjament tal-UE. Dawn jinkludu l-kostijiet għall-kapaċitajiet stabbiliti biex jirreaġixxu għal “riskji ta’ probabbiltà baxxa b’impatt għoli” (Lo-Hi) u każijiet li fihom rescEU tiġi skjerata barra mill-UE.

Fil-prattika, id-differenzjazzjoni tar-rati ta’ kofinanzjament skont it-tip ta’ emerġenza tagħmel il-proċeduri amministrattivi involuti f’emerġenza kumplessi bla bżonn meta mqabbla mal-kostijiet inkwistjoni. Rieżami tal-għotjiet tar-rescEU juri li l-kiri ta’ kapaċità rescEU għat-tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru għall-istaġun tan-nirien tal-2024 huwa fil-medda ta’ EUR 1-1.5 miljun, bl-għotjiet għall-istabbiliment ta’ kapaċità korrispondenti xierqa tar-rescEU stmata għal EUR 100 miljun. Il-kostijiet tal-iskjerament u l-operat ta’ kapaċità tat-tifi tan-nar fil-foresti matul l-istaġun tan-nirien tal-2024 jistgħu jiġu stmati għal EUR 400 000 għal kull ġimgħa ta’ operazzjoni. L-applikazzjoni tar-rati ta’ kofinanzjament rispettivi għat-trasport u l-operazzjoni tfisser li tibqa’ medja ta’ EUR 64 000 (16 %) f’kostijiet ta’ skjerament li għandhom jiġu koperti mill-pajjiż ospitanti jew rikjedenti. Il-biċċa l-kbira tal-kost biex kapaċità ssir disponibbli fil-livell tal-UE tinsab fil-provvista inizjali tal-kapaċità, u mhux fl-operat tagħha.

Fil-prattika, ir-rati ta’ finanzjament differenti għall-kostijiet operazzjonali ma għandhomx impatt fuq id-deċiżjoni li jiġu attivati l-UCPM u r-rescEU. Fil-kuntest ta’ emerġenza kontinwa li thedded li tegħleb il-kapaċitajiet nazzjonali, l-enfasi hija fuq il-limitazzjoni rapida tal-impatt tal-periklu billi jiġu attivati r-riżorsi disponibbli, irrispettivament mir-rati ta’ finanzjament. Meta mqabbel mal-kost inizjali tal-istabbiliment ta’ kapaċità u l-kost totali tal-iskjerament tal-kapaċità f’emerġenza, il-porzjon mhux kofinanzjat tal-kostijiet operazzjonali jidher marġinali u ma jservi l-ebda skop prattiku.

Il-konsolidazzjoni tar-rati ta’ finanzjament eliġibbli għat-trasport u l-operat tal-kapaċitajiet tar-rescEU għal 100 %, u l-eliminazzjoni ta’ regoli differenti għall-kapaċitajiet Lo-Hi, jissimplifikaw il-piż amministrattiv fuq il-partijiet kollha involuti fl-emerġenza, u jirrazzjonalizzaw l-appoġġ li l-UCPM jipprovdi lil MS/PS.

VII.Simplifikazzjoni tal-akkwist

L-Artikolu 12(3b) tad-Deċiżjoni Nru 1313 2 jippermetti lill-Kummissjoni takkwista, tikri, tikseb b’lokazzjoni jew tikkuntratta b’xi mod ieħor kapaċità direttament, jekk ikun meħtieġ, iżda jirrikjedi l-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni korrispondenti biex jiġu stabbiliti l-kapaċità u l-kwantità li għandhom jiġu akkwistati. Minkejja li jista’ jgħaddi att ta’ implimentazzjoni taħt proċedura ta’ urġenza, dan il-pass amministrattiv għandu l-potenzjal li jdewwem b’mod sinifikanti l-akkwist b’diversi ġimgħat, b’konsegwenzi operazzjonali.

Matul emerġenzi fuq skala kbira, bħall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, jew il-pandemija tal-COVID-19, l-UCPM joffri l-opportunità lil MS/PS biex jikkombinaw il-ħtiġijiet tal-akkwist tagħhom għal kapaċitajiet kritiċi f’lottijiet akbar li jistgħu jinxtraw aktar malajr milli MS/PS individwali jkunu jistgħu jagħmlu waħedhom. Dan iservi biex MS/PS jiġu iżolati minn nuqqasijiet globali u fluttwazzjonijiet dinamiċi fil-prezzijiet billi tiġi kkombinata l-kapaċità tal-akkwist u tiġi evitata l-kompetizzjoni bejn MS/PS. In-nuqqasijiet ta’ ġeneraturi fuq skala kbira u PPE matul l-istadji inizjali tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-pandemija tal-COVID-19 juru n-natura dinamika tas-suq globali matul emerġenzi fuq skala kbira. It-tneħħija tar-rekwiżit għal att ta’ implimentazzjoni matul l-akkwist dirett tippermetti lill-Kummissjoni taġixxi malajr biex tiżgura l-kapaċità meħtieġa qabel ma d-domanda globali taqbeż il-provvista jew il-prezzijiet jiżdiedu b’mod drammatiku. Simplifikazzjoni tal-proċedura ta’ akkwist dirett tippermetti li din l-għodda tal-UCPM tintuża sal-potenzjal sħiħ tagħha.

Il-Kummissjoni tista’ tagħmel użu wkoll mill-possibbiltajiet usa’ ta’ akkwist konġunt mogħtija skont l-Artikolu 168(3) 3 tar-Regolament Finanzjarju rivedut tal-UE adottat f’Settembru 2024. Skont ir-Regolament il-ġdid, il-Kummissjoni tista’ tappoġġa lil diversi MS billi taġixxi bħala korp ċentrali għall-akkwisti għal MS li jixtiequ jakkwistaw tagħmir simili, u b’hekk tingrana l-ekonomija ta’ skala biex tikseb ipprezzar aħjar għal MS, filwaqt li tappoġġa l-akkwist ta’ tagħmir kompatibbli.

c.Kunsiderazzjonijiet usa’ għall-iżvilupp tal-kapaċità ta’ reazzjoni

Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq huma speċifiċi għall-kapaċitajiet tal-ECPP jew tar-rescEU, dawn ir-rakkomandazzjonijiet jinvolvu l-istrumenti tal-kapaċità ta’ reazzjoni u għandhom l-għan li jrawmu l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ reazzjoni tal-UCPM minn perspettiva sistemika. Dan jinkludi enfasi fuq il-bidliet rilevanti kemm għar-rescEU kif ukoll għall-ECPP, kif ukoll konnessjoni aktar mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati li bħalissa jinsabu fil-periferija tal-attivitajiet tal-UCPM jew lil hinn minnhom.

I.Approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni għall-iżvilupp tal-kapaċità

Hekk kif ġew estiżi l-istrumenti tal-kapaċità disponibbli għall-iskjerament fl-ambitu tal-UCPM, l-UCPM beda jkejjel il-progress tiegħu fl-issodisfar tal-ħtiġijiet tal-kapaċità permezz ta’ miri bbażati fuq il-prestazzjoni. Filwaqt li l-għanijiet ibbażati fuq il-kapaċità tal-ECPP għadhom għodda rilevanti għat-tfassil tal-konfigurazzjoni tal-ECPP, l-Għanijiet marbuta mar-Reżiljenza għad-Diżastri skont id-DRG Nru 4 (“Reazzjoni — Biex tissaħħaħ il-kapaċità ta’ reazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili”) introduċew miri ta’ prestazzjoni li jinkludu l-possibbiltajiet kollha ta’ skjerament fl-ambitu tal-mekkaniżmu. Dan jipprovdi ħarsa ġenerali aktar olistika lejn il-livell ġenerali ta’ preparatezza tal-UCPM f’oqsma ewlenin. Approċċ li jkejjel il-progress fl-iżvilupp tal-kapaċità permezz ta’ indikaturi tal-prestazzjoni għandu jitkompla u jiġi estiż. L-isforzi futuri biex jiġu koperti l-lakuni fil-kapaċità għandhom jiffukaw fuq l-effett ikkombinat tal-istrumenti kollha tal-UCPM, inkluż l-ECPP, ir-rescEU, is-suq privat u, fejn meħtieġ, l-akkwist dirett f’qasam partikolari ta’ preparatezza. Il-monitoraġġ u l-analiżi kontinwi tal-kapaċitajiet tal-UCPM kollu kemm hu u t-tqabbil tagħhom mal-kuntest li fih isib ruħu l-UCPM, se jiżguraw li jingrana l-aktar kapaċità ta’ reazzjoni xierqa biex jappoġġa b’mod effettiv lil MS/PS matul emerġenzi.

II.Kapaċitajiet tal-UCPM biex jikkomplementaw il-kapaċitajiet nazzjonali madwar l-Ewropa

Il-kapaċitajiet u l-lakuni diskussi f’dan ir-rapport huma limitati biss għall-kapaċitajiet fl-ambitu tal-ECPP u r-rescEU. Ma hemm l-ebda ħarsa ġenerali tal-UE lejn kapaċitajiet nazzjonali eżistenti oħra madwar l-MS u l-PS. In-nuqqas ta’ ħarsa ġenerali madwar l-UE kollha lejn il-kapaċitajiet nazzjonali huwa inerenti għal qasam li għalih l-UE għandha biss kompetenza ta’ appoġġ. Emerġenzi fuq skala kbira bħall-pandemija tal-COVID-19 urew li, f’każijiet speċifiċi, ħarsa ġenerali lejn il-kapaċitajiet nazzjonali speċifiċi jista’ jkollha rwol sinifikanti fiż-żieda tal-effiċjenza ġenerali tal-UCPM (bħal pereżempju għad-disponibbiltà tas-sodod tal-kura intensiva jew fi swali ta’ pazjenti li jkunu sofrew ħruq). Filwaqt li jiġi rrispettat ir-rwol primarju tal-awtoritajiet nazzjonali fil-ġestjoni tad-diżastri, il-kapaċità tal-UCPM li jappoġġa malajr lil MS/PS meta jkun meħtieġ tista’ tibbenefika minn żieda fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ kapaċitajiet nazzjonali ewlenin, inklużi l-ħażniet. Sensibilizzazzjoni fl-UE kollha dwar il-ħażniet ewlenin hija partikolarment importanti għall-implimentazzjoni ta’ Strateġija tal-UE għall-Kumulazzjoni tar-Riżervi, kif previst mill-azzjoni ewlenija Nru 9 taħt it-Taqsima 2 - Reżiljenza tal-Funzjonijiet Vitali tas-Soċjetà - tal-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza. Filwaqt li l-kondiviżjoni tal-informazzjoni tista’ tkun limitata għal ċirkostanzi speċifiċi, il-metodoloġiji u l-proċessi għal din il-kondiviżjoni tad-data mħejjija qabel iż-żmien jippermettu lill-UCPM iżid malajr il-kondiviżjoni tad-data meta jkun meħtieġ u jirreaġixxi kif xieraq.

III.Gruppi vulnerabbli

Id-DRGs, appoġġati minn waħda mir-rakkomandazzjonijiet orizzontali ewlenin mill-inizjattiva ta’ bini ta’ xenarji fl-ambitu tal-UCPM, jenfasizzaw il-ħtieġa ta’ approċċ inklużiv għall-protezzjoni ċivili, filwaqt li jiżguraw li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura f’emerġenza. Il-kapaċitajiet li jagħtu servizzi lill-popolazzjonijiet affettwati jridu jikkunsidraw b’mod sistematiku kif se jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet vulnerabbli, bħal gruppi ta’ età speċifiċi jew persuni b’diżabilità. Il-kapaċitajiet skjerati fil-kuntest ta’ attivazzjoni tal-UCPM qed jaġixxu, skont id-definizzjoni, f’emerġenza fuq skala kbira li qed taffettwa numru kbir ta’ persuni, inklużi dawk bi bżonnijiet speċjali. L-issodisfar ta’ dawn il-ħtiġijiet għandu jkompli jiġi indirizzat b’mod xieraq meta jiġu żviluppati l-kapaċitajiet ta’ reazzjoni, inkluż fl-SOPs tagħhom u fit-taħriġ u l-eżerċizzji. L-UCPM għandu obbligu u huwa impenjat li jqis il-ħtiġijiet tal-gruppi vulnerabbli matul l-operazzjonijiet ta’ emerġenza, filwaqt li jiżgura li l-kapaċitajiet jiġu adattati biex jaqdu l-ħtiġijiet diversi tal-popolazzjonijiet affettwati, inklużi l-persuni b’diżabilità.

IV.Għarfien transsettorjali tas-sitwazzjoni tal-ERCC

L-UCPM għandu firxa wiesgħa ta’ għodod ta’ għarfien tas-sitwazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu biex jimmonitorja u jantiċipa l-iżviluppi globali u biex jiġġenera prodotti ta’ informazzjoni għall-partijiet ikkonċernati tiegħu matul l-emerġenzi. Wieħed mill-aktar żviluppi reċenti huwa l-ħolqien tal-GSS, li tiġbor diversi sorsi ta’ informazzjoni f’dashboard interattiv wieħed ibbażat fuq il-GIS. Flimkien maċ-CEMS u l-pjattaformi ta’ monitoraġġ speċifiċi għall-periklu tiegħu li jistgħu jimmonitorjaw, pereżempju, l-għargħar, in-nirien fis-selvaġġ u n-nixfiet, l-ERCC diġà jisfrutta ammont konsiderevoli ta’ informazzjoni. Dawn il-kapaċitajiet jipprovdu riżorsi ta’ għajnuna għall-partijiet ikkonċernati tal-UCPM u jikkontribwixxu għall-effiċjenza operazzjonali tiegħu.

Filwaqt li l-monitoraġġ speċifiku għas-settur iseħħ fil-livell tal-UE jew f’dak nazzjonali għal servizzi kritiċi bħall-enerġija u t-trasport, bħalissa ma hemm l-ebda għarfien komuni tas-sitwazzjoni li jikkombina diversi ħarsiet ġenerali settorjali ma’ perikli f’ħin reali biex jgħin fil-valutazzjoni tal-impatti potenzjali fil-livell Ewropew. Aħbarijiet ta’ tfixkil kbir relatat mal-infrastruttura jaslu biss għand l-ERCC permezz tal-awtoritajiet tal-protezzjoni ċivili tal-pajjiż affettwat jew permezz ta’ rapporti tal-midja pubblika. L-ERCC għandu jkompli jagħti u jżid l-appoġġ lill-Istati Membri fl-immaniġġjar tal-konsegwenzi transsettorjali tal-kriżijiet, abbażi ta’ ppjanar imsaħħaħ u analiżi u għarfien tas-sitwazzjoni aktar komprensivi. Dan ikun b’appoġġ dirett tal-azzjoni ewlenija 3 tal-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza - It-tisħiħ tal-ERCC - u l-azzjoni ewlenija 25 - It-twaqqif ta’ ċentru tal-UE għall-koordinazzjoni tal-kriżijiet. L-ewwel pass lejn approċċ aktar integrat ikun l-inkorporazzjoni ta’ data mhux klassifikata u aġġornata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili fil-GSS. Din l-integrazzjoni tkun ta’ benefiċċju reċiproku kemm għall-ERCC kif ukoll għall-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili, u tipprovdi lill-UCPM bi stampa tas-sitwazzjoni komuni fil-livell Ewropew. B’riżultat ta’ dan, ERCC imsaħħaħ jiġi integrat b’mod sistematiku fis-sistemi ta’ monitoraġġ settorjali eżistenti, biex jiżdied l-għarfien tas-sitwazzjoni tiegħu, filwaqt li jkun jista’ jipprovdi informazzjoni dwar tfixkil potenzjali fis-servizzi kritiċi lil MS/PS.

V.Kunsiderazzjoni ta’ xenarji ta’ kunflitt/gwerra

L-għan primarju tal-UCPM kien li jtaffi l-effetti ta’ perikli naturali jew aċċidentali fuq il-popolazzjonijiet tal-bniedem u l-ambjent. Madankollu, ix-xenarju tar-riskju u tat-theddid inbidel b’mod fundamentali mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Filwaqt li l-frekwenza tal-attivazzjonijiet tradizzjonali tal-UCPM hija mistennija li tkompli minħabba ż-żieda fl-impatti tat-tibdil fil-klima, kif diskuss fl-SWD ta’ akkumpanjament, hemm ukoll il-ħtieġa li l-UCPM jiżviluppa ulterjorament ir-rwol tiegħu fil-protezzjoni taċ-ċittadini fl-Ewropa matul ix-xenarji ta’ kunflitt u ta’ difiża.

Hemm bżonn li tissaħħaħ il-koordinazzjoni ċivili u militari, lil hinn mill-koordinazzjoni ta’ attivitajiet separati f’emerġenza u lejn approċċ olistiku li jistabbilixxi arranġamenti komprensivi ta’ preparatezza ċivili-militari kif previst taħt l-azzjoni ewlenija 22 taħt it-taqsima tal-kooperazzjoni Ċivili-militari tal-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza. L-inizjattiva tax-xenarju ssottolinjat l-importanza li tiġi żviluppata din ir-relazzjoni u li jiġu indirizzati l-isfidi ta’ koordinazzjoni li fadal biex jiġi żgurat li fergħat separati tal-gvern jaħdmu biex iżommu l-popolazzjoni ’l bogħod mill-periklu, b’mod partikolari f’xenarji ta’ kunflitt.

Il-kunsiderazzjoni ta’ xenarji ta’ kunflitt u ta’ gwerra biex titrawwem koordinazzjoni ċivili-militari aktar mill-qrib fil-maniġġar ta’ kriżijiet tista’ sservi bħala punt tat-tluq għall-iżvilupp usa’ ta’ standards b’użu doppju fit-teknoloġiji, filwaqt li tipprovdi redditu fuq l-investiment għaż-żewġ setturi fejn fattibbli.

L-UCPM għandu sistematikament jislet tagħlimiet mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, inkluż permezz tal-proċess “tagħlimiet meħuda” tal-UCPM tiegħu. Dan jista’ jappoġġa azzjonijiet preparatorji fi ħdan is-sistemi nazzjonali tal-ġestjoni tad-diżastri għal xenarji futuri simili potenzjali. Dan jinkludi tagħlimiet identifikati mill-awtoritajiet Ukreni tal-ġestjoni tad-diżastri u tal-protezzjoni ċivili dwar kif l-aħjar titħejja sistema nazzjonali u l-UCPM għal xenarju ta’ kunflitt.

Il-kapaċitajiet ta’ reazzjoni eżistenti u l-għażliet ta’ skjerament tagħhom jeħtieġ li jiġu rieżaminati biex jiġu ddeterminati l-kontributi potenzjali tagħhom għall-appoġġ tal-popolazzjonijiet ċivili matul kunflitti jew ġwerer. Il-kapaċitajiet li jiddependu fuq persunal jew tagħmir militari jista’ jkollhom jiffaċċjaw restrizzjonijiet ta’ skjerament jew nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ elementi ta’ kapaċità ewlenin. Ħafna kapaċitajiet li għandhom l-għan li jappoġġaw lill-persuni affettwati (eż. it-tiftix u s-salvataġġ, il-kenn, l-enerġija f’każ ta’ emerġenza, il-loġistika u t-tifi tan-nar fil-foresti) se jkomplu jaqdu rwol importanti fil-kapaċitajiet tagħhom, u possibbilment jibbenefikaw minn taħriġ addizzjonali ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-kunflitti jew tagħmir protettiv personali jew tagħmir supplimentari ieħor rilevanti għax-xenarju partikolari ta’ kunflitt. L-eżerċizzji ta’ rispons u preparatezza għall-kriżijiet tal-UE, kif ukoll skambji bbażati fuq xenarji, huma essenzjali għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-UCPM f’sitwazzjoni ta’ kunflitt jew gwerra.

VI.Sħubijiet tas-settur privat

Bħala wieħed mill-gruppi ta’ partijiet ikkonċernati ewlenin tas-soċjetà, is-settur privat għandu jitqies bħala sieħeb potenzjali b’saħħtu għall-UCPM u l-preparatezza tal-UE f’sens usa’. L-Istrateġija adottata mill-UE għal Unjoni tal-Preparatezza tissottolinja l-ħtieġa li l-partijiet ikkonċernati privati jiġu inklużi fil-preparatezza fis-setturi rilevanti kollha. Għall-azzjonijiet tal-UCPM u tal-protezzjoni ċivili b’mod partikolari, ir-rilevanza ta’ dan is-settur kienet diġà rikonoxxuta mid-DRG Nru 5 “Sigurtà – Biex tiġi żgurata sistema robusta tal-protezzjoni ċivili”, li jitlob li jitrawmu sħubijiet mal-partijiet ikkonċernati tas-settur privat fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. Entitajiet li jappartjenu għas-settur privat jinteraġixxu mal-attivitajiet tal-ġestjoni governattiva tal-emerġenzi matul kull fażi fiċ-ċiklu tal-ġestjoni tad-diżastri.

L-ispettru divers ta’ partijiet ikkonċernati raggruppati “fis-settur privat” jissarraf f’numru kważi bla tmiem ta’ relazzjonijiet ta’ benefiċċju reċiproku fil-livelli operazzjonali u strateġiċi. L-esplorazzjoni u l-iżvilupp ta’ dawn ir-relazzjonijiet f’karatteristika permanenti tal-preparatezza madwar l-UE kollha ma jistgħux jitħallew għal soluzzjonijiet ad hoc żviluppati matul emerġenza. Diversi inizjattivi li jistgħu jiġu esplorati biex iwessgħu l-interfaċċa bejn il-ġestjoni pubblika tad-diżastri u s-settur privat jinkludu:

·Il-formalizzazzjoni u l-espansjoni tal-possibbiltajiet offruti minn ċentri ta’ donazzjoni privati ospitati u ġestiti minn MS li se jwettqu l-verifika tal-kwalità tal-oġġetti mogħtija b’donazzjoni, bħala kapaċità tal-UCPM li jgħaddi assistenza b’donazzjoni privata lill-awtoritajiet ta’ pajjiż affettwat, żviluppata biex jnkludu ftehimiet ta’ donazzjoni għal oġġetti u kwantitajiet definiti minn qabel, tnaqqas il-ħin ta’ reazzjoni u tantiċipa l-ħidma amministrattiva qabel donazzjoni reali matul emerġenza.

·L-iżvilupp ta’ arranġamenti ta’ emerġenza mas-sħab industrijali rilevanti għal emerġenzi fuq skala kbira bħal pandemiji jew xenarji ta’ kunflitt, iżda wkoll f’każijiet ta’ ħtiġijiet atipiċi, bħal talbiet għall-użu ta’ gafef, kontejners jew trakkijiet tal-iskart, b’appoġġ tal-azzjoni ewlenija 19 fit-Taqsima 4 tal-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza - L-iżvilupp ta’ protokolli ta’ emerġenza pubbliċi-privati

·Iż-żieda fil-kondiviżjoni bidirezzjonali tal-informazzjoni dwar il-perikli u r-riskji bejn l-istituzzjonijiet, l-akkademja u n-negozji privati, inkluż is-settur tal-assigurazzjoni, biex tiġi appoġġata l-analiżi fil-ġestjoni tad-diżastri u tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji fost il-popolazzjoni ċivili u s-settur privat, f’allinjament mal-azzjoni ewlenija 21 fit-Taqsima 4 tal-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza - L-istabbiliment ta’ ċentru Ewropew ta’ għarfien espert dwar is-sigurtà tar-riċerka.

·L-aċċess imtejjeb għal esperti tekniċi mis-settur privat biex jappoġġaw inizjattivi ta’ preparatezza u reazzjoni, inkluż il-programm ta’ taħriġ u eżerċizzju tal-UCPM.

Iż-żieda fl-integrazzjoni tal-partijiet ikkonċernati tas-settur privat fl-attivitajiet ta’ ġestjoni tad-diżastri ma tfissirx rwol imnaqqas għall-gvern. L-għan ta’ ħidma aktar mill-qrib mas-settur privat huwa li jiġi evitat l-istabbiliment ta’ attivitajiet paralleli ta’ preparatezza u reazzjoni u li jiġu sfruttati r-riżorsi kollha disponibbli biex jaħdmu flimkien fil-prevenzjoni tad-diżastri u fil-mitigazzjoni tal-konsegwenzi tagħhom meta jseħħu.

VII.Ċentri ta’ donazzjoni

Iċ-ċentri ta’ donazzjoni li jippermettu li l-assistenza in natura privata jew ta’ pajjiż terz tiġi mgħoddija lil popolazzjoni affettwata permezz tal-pipeline tal-UCPM urew li huma effettivi fiż-żieda tal-valur miżjud tal-UCPM, filwaqt li l-kostijiet żejda jinżammu f’livell minimu u tiġi pprovduta għajnuna amministrattiva lill-awtoritajiet tal-kontea riċeventi. Bejn il-bidu tal-gwerra kontra l-Ukrajna u April 2025, l-UCPM seta’ jgħaddi kważi EUR 15-il miljun f’oġġetti minn kumpaniji privati u pajjiżi terzi lejn l-Ukrajna u r-reġjun affettwat mill-gwerra. Dan inkiseb permezz tal-involviment tal-Belġju u tal-Polonja bħala pajjiżi ospitanti taċ-ċentri u għotjiet għall-operat tagħhom, li jammontaw għal EUR 3.5 miljun.

Sabiex jiġu ingranati aħjar il-loġistika tal-UCPM u l-pipelines tal-operazzjonijiet u l-proċeduri amministrattivi u l-potenzjal ta’ donazzjonijiet esterni fil-futur, għandhom jitneħħew l-ostakli għall-approċċ kurrenti taċ-ċentri, u b’hekk tiżdied il-flessibbiltà operazzjonali. Bil-formazzjoni ta’ ċentri fil-qafas rescEU, iċ-ċentri stabbiliti bħalissa jridu jkunu marbuta b’mod tematiku mal-kapaċitajiet eżistenti tar-rescEU. Għar-reazzjoni għall-Ukrajna, dan jirrestrinġi l-oġġetti mgħoddija permezz taċ-ċentri għal kapaċitajiet definiti fl-ambitu tar-rescEU, minkejja li l-ħtiġijiet ħafna usa’ tal-awtoritajiet Ukreni huma magħrufa. Iċ-ċentri stabbiliti speċifiċi għas-settur jirrappreżentaw proġetti pilota li rnexxew. L-iżvilupp tal-inizjattiva taċ-ċentri f’kapaċità usa’ li tistabbilixxi ċentri ġeneriċi jippermetti lill-UCPM jissodisfa aħjar il-ħtiġijiet ta’ pajjiż affettwat, filwaqt li jiftaħ ukoll il-bieb għal modi ġodda ta’ kollaborazzjoni mas-settur privat u ma’ sħab tal-istess fehma matul emerġenzi futuri.

Huwa importanti li MS/PS li jospitaw u jiġġestixxu ċ-ċentri jwettqu kontrolli tal-kwalità tad-donazzjonijiet u jiġġestixxu t-twassil tagħhom, u jwettqu kontrolli tal-kwalità ta’ oġġetti mogħtija b’donazzjoni, u b’hekk jiżguraw sorveljanza governattiva tad-donazzjonijiet, li hija pedament tal-UCPM.

VIII.Kumulazzjoni ta’ riżervi

Il-kumulazzjoni ta’ riżervi tiżgura l-aċċess immedjat għal oġġetti kritiċi f’każ ta’ emerġenza. Dan l-approċċ jista’ jkun partikolarment ta’ benefiċċju għal oġġetti li huma soġġetti għal domanda globali li qed tiżdied, bħal fil-każ tal-PPE u l-prodotti terapewtiċi matul pandemija globali. L-istess jista’ jkun minnu għal oġġetti akbar bi żminijiet twal ta’ tħejjija u għażla limitata ta’ fornituri, bħal ġeneraturi kbar. Sa mill-istabbiliment tagħha, il-ħażniet tar-rescEU kienu ta’ benefiċċju għal MS/PS f’varjetà ta’ kuntesti, u pprovdew oġġetti essenzjali fi kwantitajiet li jaqbżu dak li huwa tipikament disponibbli fil-livell nazzjonali.

Il-versatilità tal-ħażniet kurrenti tar-rescEU tkompli tenfasizza l-valur tagħhom fid-dawl ta’ futur inċert, b’attivazzjonijiet tal-passat li juru li anki għażla limitata ta’ kategoriji ta’ ħażniet tista’ tikkontribwixxi għal operazzjonijiet ta’ reazzjoni matul diżastri naturali, epidemiji u xenarji ta’ kunflitt.

Il-ħażniet kurrenti tar-rescEU huma limitati għal oġġetti essenzjali għar-reazzjonijiet mediċi u CBRN, il-ġenerazzjoni tal-enerġija ta’ emerġenza u l-kapaċitajiet ta’ kenn, u għandha tiġi kkunsidrata l-estensjoni tagħhom biex jinkludu oġġetti oħra li jistgħu jgħinu lill-atturi/awtoritajiet tal-ġestjoni tad-diżastri jipprovdu għajnuna immedjata matul l-emerġenzi. Idealment, il-kumulazzjoni ta’ riżervi għandha tiffoka fuq oġġetti li ma jitħassrux u li jistgħu jiġu mislufa u użati f’diversi emerġenzi.

L-isforzi ta’ kumulazzjoni ta’ riżervi tal-UCPM jirrappreżentaw il-kontribut tas-settur tal-maniġġar ta’ kriżijiet għall-istrateġija usa’ tal-UE ta’ kumulazzjoni ta’ riżervi li bħalissa qed tiġi żviluppata għall-adozzjoni f’Ġunju 2025.

4.Konkluzjoni

 
L-UCPM jirrappreżenta l-kapaċità ta’ reazzjoni fil-livell tal-UE tas-settur Ewropew tal-ġestjoni tad-diżastri. Sa mill-bidu tiegħu, il-kapaċitajiet ta’ reazzjoni tiegħu kibru u ġew adattati għall-ħtiġijiet ta’ MS/PS li huwa mfassal biex jappoġġa. Din l-evoluzzjoni kontinwa teħtieġ impenn mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili lejn UCPM li jkun ibbażat fuq is-solidarjetà bejn il-pajjiżi parteċipanti.

L-implikazzjonijiet tax-xenarju dinamiku tar-riskju u tat-theddid, stabbiliti f’diversi ħarsiet ġenerali lejn ir-riskju u l-inizjattiva ta’ bini ta’ xenarji tal-UCPM, jikkonfermaw xejra li diġà qed tiġi esperjenzata matul l-attivazzjonijiet tal-UCPM. Minbarra l-attivazzjonijiet ta’ periklu uniku bi żminijiet qosra ta’ reazzjoni li tradizzjonalment okkupaw l-awtoritajiet tal-protezzjoni ċivili, l-UCPM qed jintalab jipprovdi appoġġ f’emerġenzi aktar kumplessi. Kostellazzjonijiet ta’ perikli u vulnerabbiltajiet jirriżultaw f’emerġenzi fit-tul li huma ferm aktar kumplessi u spiss ikollhom effetti estensivi.

Billi jgħaqqad fehim tal-isfidi li għandna quddiemna għall-UCPM u analiżi tal-kapaċitajiet ta’ reazzjoni eżistenti disponibbli għall-Mekkaniżmu, dan id-dokument jipprovdi sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet immirati lejn l-iżvilupp ulterjuri tal-kapaċità ta’ reazzjoni tal-UCPM.

Il-15-il-rakkomandazzjoni f’dan ir-rapport huma miġbura f’rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-ECPP u għar-rescEU, bħala ż-żewġ pilastri tal-kapaċità ta’ reazzjoni tal-UCPM, bit-tielet kategorija tinkludi rakkomandazzjonijiet li ma humiex marbuta direttament ma’ tip ta’ kapaċità u minflok jappoġġaw l-iżvilupp tal-kapaċità ta’ reazzjoni f’sens usa’.

Rakkomandazzjonijiet għallECPP:

I.Taħdem biex tagħlaq il-lakuni fil-kapaċità tal-ECPP identifikati f’dan ir-rapport (eż. fl-oqsma tat-tifi tan-nar fis-selvaġġ, il-kapaċità medika ta’ emerġenza, l-inċidenti ta’ tniġġis marittimu, kostali u tal-ilmijiet interni, il-pontijiet, il-ġenerazzjoni tal-elettriku, u t-trasport u l-loġistika).

II.It-tisħiħ tal-koordinazzjoni ma’ u bejn MS/PS fl-insegwiment tal-għanijiet tal-kapaċità.

III.Issaħħaħ il-finanzjament għall-għotjiet ta’ adattament.

IV.Tagħti inċentivi għar-reġistrazzjonijiet tal-ECPP billi żżid il-finanzjament matul l-iskjeramenti.

Rakkomandazzjonijiet għar-rescEU:

I.L-iffukar fuq l-iżvilupp futur tal-kapaċità primarjament fuq kapaċitajiet bi skopijiet multipli u b’użu multiplu (eż. għall-kenn, l-elettriku, it-telekomunikazzjoni, il-kura medika, u t-trasport u l-loġistika) u, fejn meħtieġ, kapaċitajiet ta’ appoġġ speċjalizzati komplementari (eż. f’oqsma relatati maċ-CBRN jew għarfien espert mediku speċjalizzat għal perikli speċifiċi).

II.Tippermetti t-tisħiħ baġitarju prevedibbli għar-riforniment wara l-iskjerament, filwaqt li ssegwi approċċ aktar proattiv għall-iżvilupp tal-kapaċità.

III.Iżżid l-effettività tal-iskjeramenti tar-rescEU permezz ta’ deċiżjonijiet ta’ skjerament aktar rapidi u għażliet ta’ pożizzjonament minn qabel.

IV.Tissimplifika r-rati ta’ kofinanzjament għall-iskjeramenti tal-kapaċitajiet tar-rescEU u tissimplifika l-proċess tal-akkwist.

Kunsiderazzjonijiet usa’ għall-iżvilupp tal-kapaċità ta’ reazzjoni:

I.L-insegwiment tal-użu ta’ għanijiet ibbażati fuq il-prestazzjoni għall-iżvilupp futur tal-kapaċità tal-UCPM.

II.Il-kunsiderazzjoni ta’ skambju aħjar ta’ informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ kapaċitajiet nazzjonali speċifiċi biex tiżdied l-effiċjenza ġenerali tal-UCPM.

III.It-titjib tal-fehim tal-ħtiġijiet tal-gruppi vulnerabbli matul l-operazzjonijiet ta’ emerġenza.

IV.It-tisħiħ ulterjuri tal-għarfien transsettorjali tas-sitwazzjoni tal-ERCC.

V.Il-kunsiderazzjoni tax-xenarji ta’ kunflitt/gwerra fl-iżvilupp ulterjuri tal-kapaċità.

VI.L-espansjoni tas-sħubijiet tas-settur privat fejn xieraq, inkluż l-iżvilupp ta’ ċentri ta’ donazzjoni f’kompetenza usa’ tal-UCPM.

VII.Il-kunsiderazzjoni tal-kumulazzjoni ta’ riżervi ta’ firxa usa’ ta’ oġġetti ta’ reazzjoni ta’ emerġenza.

Lil hinn minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet, hekk kif il-preparatezza timxi minn responsabbiltà unika tal-atturi/awtoritajiet tal-ġestjoni tad-diżastri biex issir kwistjoni soċjetali trasversali, l-UCPM jista’ jinkoraġġixxi din l-evoluzzjoni lejn approċċ tas-soċjetà kollha billi jikkontribwixxi l-għarfien espert tiegħu dwar il-preparatezza għal setturi li bdew jinvolvu ruħhom fis-suġġett aktar reċentement. Sabiex ilaħħaq mal-kumplessità dejjem akbar tal-isfidi li ġejjin, ir-reazzjoni tal-UCPM jeħtieġ li tmur lil hinn mill-kapaċitajiet tradizzjonali ta’ reazzjoni għal emerġenza, f’konformità mal-objettivi tal-Istrateġija tal-UE għal Unjoni tal-Preparatezza.

(1)

  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Frar 2023 dwar l-għanijiet tal-Unjoni marbuta mar-reżiljenza għad-diżastri 2023/C 56/01

C/2023/400

(2)

  Deċiżjoni - 2013/1313 - MT - EUR-Lex

(3)

  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (riformulazzjoni)