|
20.12.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 340/49 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2389
tal-5 ta' Diċembru 2017
li tistabbilixxi li ma ttieħdet l-ebda azzjoni effikaċi mir-Rumanija b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-16 ta' Ġunju 2017
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari r-raba' subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fis-16 ta' Ġunju 2017, il-Kunsill iddeċieda skont l-Artikolu 121(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) li fir-Rumanija kienet teżisti devjazzjoni sinifikanti osservata mill-pjan ta' aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju. |
|
(2) |
Fid-dawl tad-devjazzjoni sinifikanti stabbilita, il-Kunsill fis-16 ta' Ġunju 2017 ħareġ rakkomandazzjoni biex ir-Rumanija tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura li fl-2017 ir-rata ta' tkabbir nominali ta' nfiq pubbliku primarju nett (2) ma taqbiżx it-3,3 %, li jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta' 0,5 % tal-PDG. Huwa rrakkomanda li r-Rumanija tuża kull qligħ mhux mistenni għat-tnaqqis tad-defiċit, filwaqt li jenħtieġ li l-miżuri ta' konsolidazzjoni baġitarja jiżguraw titjib dejjiemi fil-bilanċ strutturali tal-amministrazzjoni pubblika b'mod li jiffavorixxi t-tkabbir. Il-Kunsill stabbilixxa skadenza tal-15 ta' Ottubru 2017 sa meta r-Rumanija għandha tirrapporta dwar l-azzjoni meħuda b'reazzjoni għar-rakkomandazzjoni. |
|
(3) |
Fis-26 u s-27 ta' Settembru 2017, il-Kummissjoni wettqet missjoni ta' sorveljanza msaħħa fir-Rumanija għall-fini ta' monitoraġġ fuq il-post skont l-Artikolu -11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Wara li bagħtet il-konklużjonijiet provviżorji tagħha lill-awtoritajiet Rumeni għall-kummenti, il-Kummissjoni rrapportat il-konlużjonijiet tagħha lill-Kunsill fl-24 ta' Ottubru 2017. Dawn il-konklużjonijiet ġew sussegwentement ippubblikati. Ir-rapport tal-Kummissjoni jikkonstata li l-awtoritajiet Rumeni mhumiex beħsiebhom jaġixxu skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2017. L-awtoritajiet iddikjaraw li l-mira tagħhom għall-2017 tibqa' defiċit nominali ta' 3 % tal-PDG. Fid-dawl tal-marġni pożittiv u dejjem jiżdied tal-potenzjal tal-produzzjoni, dan jammonta għal deterjorament tad-defiċit strutturali fl-2017, kuntrarjament għal dak indikat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Dan jirrifletti politika fiskali kjarament espansjonarja. |
|
(4) |
Fit-13 ta' Ottubru 2017, l-awtoritajiet Rumeni ppreżentaw rapport dwar l-azzjoni meħuda b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2017. Fir-rapport, l-awtoritajiet tennew li l-mira tagħhom għall-2017 jibqa' defiċit nominali ta' 3 % tal-PDG. L-unika miżura mniżżla fir-rapport b'impatt sinifikanti fuq il-baġit fl-2017 hija żieda fid-dazji tas-sisa għall-prodotti tal-enerġija lura għal-livell tal-2016 (jiġifieri, treġġigħ lura tat-tnaqqis fid-dazji tas-sisa adottat preċedentement li daħal fis-seħħ f'Jannar 2017). Għalhekk, l-impatt fiskali tal-miżuri rrappurtati huma 'l isfel b'mod sinifikanti mir-rekwiżit indikat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. |
|
(5) |
Abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2017, il-bilanċ strutturali huwa mistenni jiddeterjora b'1,1 % tal-PDG, u jilħaq defiċit ta' 3,3 % fl-2017. Dan hu l-oppost tat-titjib strutturali rakkomandat ta' 0,5 % tal-PDG meta mqabbel mal-2016. It-tkabbir korrispondenti tal-infiq pubbliku primarju nett jammonta għal 4,9 %, 'il fuq sew mill-parametru referenzjarju għall-infiq ta' 3,3 %. Dan id-deterjorament meta mqabbel mal-2016 kien xprunat minn tnaqqis fit-taxxi indiretti, b'mod partikolari l-VAT u d-dazji tas-sisa, li daħal fis-seħħ fil-bidu tas-sena u minn żidiet fil-pagi pubbliċi u fil-benefiċċji soċjali introdotti tul is-sena. Wara r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2017, iż-żieda tad-dazji tas-sisa għall-prodotti tal-enerġija lura għal-livell tal-2016, kif ukoll tnaqqis fl-investiment pubbliku fir-rettifika baġitarja ta' Settembru 2017, kellhom impatt pożittiv fuq id-defiċit pubbliku, għalkemm l-effett tagħhom kien fil-biċċa l-kbira mxejjen minn żidiet fil-pagi pubbliċi wkoll inklużi fir-rettifika tal-baġit. |
|
(6) |
Dan iwassal għall-konklużjoni li r-reazzjoni tar-Rumanija għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2017 ma kinitx suffiċjenti. L-isforz fiskali ma jilħaqx l-aġġustament strutturali annwali ta' 0,5 % tal-PDG għall-2017, li jikkorrispondi għal rata ta' tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett li ma jaqbiżx it-3,3 % fl-2017, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-Rumanija ma ħaditx azzjoni effikaċi b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2017.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Diċembru 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
T. TÕNISTE
(2) L-infiq nett tal-gvern huwa magħmul mill-infiq totali tal-gvern bl-esklużjoni tal-infiq fuq l-imgħax, infiq fuq programmi tal-Unjoni korrisposti bis-sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni u tibdil nondiskrezjonarju fl-infiq fuq il-benefiċċji tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjata nazzjonalment hija mifruxa fuq perjodu ta' erba' snin. Miżuri ta' dħul diskrezjonarji jew żidiet fid-dħul mitluba mil-liġi huma inklużi. Miżuri ta' darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-infiq huma kumpensati bejn xulxin.