KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fis‑6 ta’ Frar 2025 ( 1 )
Kawża C‑82/24
Miejskie Przedsiębiorstwo Wodociągów i Kanalizacji w m.st. Warszawie S.A.
vs
Veolia Water Technologies sp. z o.o.,
Krüger A/S,
OTV France,
Haarslev Industries GmbH,
Warbud S.A.
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja))
“Proċedura għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE – Artikolu 2 – Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza – Obbligu li la huwa espressament previst fid-dokumenti ta’ sejħa għal offerti u lanqas fil-kuntratt – Applikazzjoni supplettiva tal-leġiżlazzjoni ċivili b’riferiment għall-klawżoli kuntrattwali – Tiġdid tal-garanzija li tirriżulta mill-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali applikabbli b’analoġija – Offerent raġonevolment informat u normalment diliġenti”
|
1. |
Fit-tilwima li tagħti lok għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, jiġi diskuss it-terminu ta’ garanzija miftiehem bejn l-awtorità kontraenti u l-offerent rebbieħ ta’ kuntratt pubbliku li l-għan tiegħu kien l-espansjoni u l-immodernizzazzjoni ta’ impjant tat-trattament tal-ilma mormi. |
|
2. |
Il-kontroversja hija ċċentrata madwar it-tiġdid eventwali tal-perijodu tal-garanzija, lil hinn minn dak li kien miftiehem b’mod espliċitu fil-kuntratt. Il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk dan it-tiġdid, kif impost unilateralment mill-awtorità kontraenti, huwiex kompatibbli mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18/KE ( 2 ), applikabbli ratione temporis. |
I. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
1. Id‑Direttiva 2004/18
|
3. |
L-Artikolu 2 (“Prinċipji ta’ assenjar ta’ kuntratti”) jipprovdi: “L-awtoritajiet kuntrattwali se jistmaw l-operaturi ekonomiċi ugwali u bla diskriminazzjoni u se jaġixxu b’mod trasparenti”. |
|
4. |
L-Artikolu 12 (“Kuntratti ta’ servizzi fis-setturi ta’ l-ilma, enerġija, trasport u posta”) jiddikjara: “Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi li, taħt id-Direttiva 2004/17/KE, huma mogħtija minn awtoritajiet kontrattwanti li jkunu qed jeżerċitaw xi attività jew aktar li sar riferiment għalihom fl-Artikoli 3 sa 7 ta’ dik id-Direttiva u huma mogħtija għas-segwiment ta’ dawk l-attivitajiet, jew għal kuntratti pubbliċi esklużi mill-iskop ta’ dik id-Direttiva taħt l-Artikolu 5(2) u l-Artikoli 19, 26 u 30 tagħha. Madankollu, din id-Direttiva għandha tkompli tapplika għal kuntratti pubbliċi mogħtija minn awtoritajiet kontrattwanti li jkunu qegħdin iwettqu attività jew aktar li sar riferiment għalihom fl-Artikolu 6 tad- Direttiva 2004/17/KE u mogħtija għal dawk l-attivitajiet, safejn l-Istat Membru konċernat jieħu vantaġġ mill-għażla li sar riferiment għaliha fit-tieni s-sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 71 tagħha biex tiddiferixxi l-applikazzjoni tiegħu”. |
|
5. |
L-Artikolu 26 (“Kondizzjonijiet għal twettiq ta’ kuntratti”) jistabbilixxi: “Awtoritajiet kontrattwanti jistgħu jniżżlu kondizzjonijiet speċjali relatati mat-twettiq ta’ xi kuntratt, basta dawn ikunu kompatibbli mal-liġi tal-Komunità u huma indikati fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet. Il-kondizzjonijiet li jikkontrollaw it-twettiq ta’ xi kuntratt jistgħu, partikolarment, jikkonċernaw kunsiderazzjonijiet soċjali u ambjentali”. |
2. Id‑Direttiva 2004/17/KE ( 3 )
|
6. |
Skont l-Artikolu 4 (“Ilma”): “1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-attivitajiet li ġejjin:
2. Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal kuntratti jew kuntesti ta’ disinn mogħtija jew organizzati minn entitajiet li jsegwu attività riferita fil-paragrafu 1 u li:
[…]”. |
|
7. |
L-Artikolu 10 (“Prinċipji ta’ għoti ta’ kuntratti”) jipprovdi: “Entitajiet kontraenti għandhom jittrattaw lil operaturi ekonomiċi ugwalment (indaqs) u mhux b’mod diskriminatorju u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti”. |
|
8. |
L-Artikolu 38 (“Kondizzjonijiet għat-twettieq ta’ kuntratti”) jipprevedi: “Entitajiet kontraenti jistgħu jippreskrivu kondizzjonijiet speċjali li għandhom x’jaqsmu mat-twettieq ta’ kuntratt, basta li dawn huma kompatibbli mal-liġi Komunitarja u huma ndikati fl-avviż użat bħala mezz ta’ sejħa għall-kompetizzjoni jew fl-ispeċifikazzjonijiet. Il-kondizzjonijiet li jirregolaw it-twettieq ta’ kuntratt jistgħu, partikolarment, jirrigwardjaw konsiderazzjonijiet soċjali u ambjentali”. |
B. Il‑kuntest ġuridiku nazzjonali
1. (Dik li kienet) il-Liġi tal-Kuntratti Pubbliċi, tad‑29 ta’ Jannar 2004 ( 4 )
|
9. |
Skont l-Artikolu 29(1), l-ispeċifikazzjonijiet ser jiddeskrivu s-suġġett tal-kuntratt b’mod inekwivoku u eżawrjenti, permezz ta’ espressjonijiet preċiżi u li jinftiehmu biżżejjed, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti u ċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu jinfluwenzaw it-tħejjija tal-offerta. |
|
10. |
Il-punt 16 tal-Artikolu 36(1) jistipula li l-ispeċifikazzjonijiet għandu jkun fihom, mill-inqas, il-klawżoli essenzjali għall-partijiet, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt jew il-mudell tal-kuntratt, jekk l-awtorità kontraenti tkun teħtieġ li l-kuntrattur jidħol f’kuntratt pubbliku magħha taħt dawk il-kundizzjonijiet. |
2. Il‑Kodiċi Ċivili ( 5 )
|
11. |
Skont l-Artikolu 353: “Il-partijiet fil-kuntratt jistgħu jiddeterminaw liberament il-kontenut tar-relazzjoni ġuridika, sakemm l-għan jew l-iskop tagħha ma jkunux kuntrarji għall-karatteristiċi essenzjali (in-natura) ta’ tali relazzjoni, għal-liġi jew għar-regoli tal-ħajja fis-soċjetà”. |
|
12. |
L-Artikolu 581(1) li jinsab fit-titolu ddedikat għall-kuntratti ta’ bejgħ, jinkludi dan li ġej: “Jekk, fit-twettiq tal-obbligi tiegħu, il-garanti jkun ikkonsenja lill-benefiċjarju tal-garanzija, minflok oġġett difettuż, oġġett li ma jkunx difettuż, jew ikun wettaq tiswijiet rilevanti għall-oġġett kopert mill-garanzija, il-perijodu tal-garanzija jerġa’ jibda jiddekorri mill-mument tal-kunsinna tal-oġġett li ma jkunx difettuż jew ir-ritorn tal-oġġett imsewwi. Fejn il-garanti jkun biddel parti mill-oġġett, din id-dispożizzjoni għandha tapplika mutatis mutandis għall-parti mibdula”. |
II. Il‑fatti, it‑tilwima u d‑domanda preliminari
|
13. |
Miejskie Przedsiębiorstwo Wodociągów i Kanalizacji w m.st. Warszawie S.A. ( 6 ) (iktar ’il quddiem l-“awtorità kontraenti”) ippubblikat avviż ta’ sejħa għall-offerti miftuħa għall-għoti tal-kuntratt Nru 8/JRP/R/2008 “Modernizzazzjoni u espansjoni tal-impjant tat-trattament tal-ilma mormi ta’ Czajka (trattament termali tal-ħama tad-drenaġġ)”. |
|
14. |
Konsorzju ta’ kumpanniji mmexxi minn Veolia Water Technologies sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “Veolia”), b’uffiċċju rreġistrat ġewwa Varsavja ( 7 ), ipparteċipa fil-proċedura u aġġudika l-kuntratt. |
|
15. |
Fl‑1 ta’ Awwissu 2008, ġie ffirmat il-kuntratt bejn Veolia u l-awtorità kontraenti. |
|
16. |
Il-kuntratt kien jinkludi l-bini ta’ impjant ta’ trattament termali tal-ħama tad-drenaġġ, li fih kellhom jiġu installati żewġ rekuperaturi, kull wieħed fuq linji indipendenti ta’ inċinerazzjoni tal-iskart. |
|
17. |
Il-kuntratt kien jinkludi wkoll klawżola (“ittra ta’ garanzija”) li kienet tiffissa perijodu ta’ garanzija ta’ sitta u tletin xahar, li kien jibda jiddekorri mid-data tal-kunsinna taċ-ċertifikat finali tax-xogħol. |
|
18. |
Is-subklawżola 6.1 tal-kuntratt kienet tistipula li “f’materji li ma humiex irregolati b’din l-ittra ta’ garanzija, għandhom japplikaw ir-regoli korrispondenti tad-dritt Pollakk, b’mod partikolari tal-Kodiċi Ċivili […]”. |
|
19. |
Ix-xogħlijiet koperti mill-kuntratt kellhom jitwettqu qabel it‑30 ta’ Ottubru 2010. Madankollu, l-iskadenza ġiet estiża sat‑30 ta’ Novembru 2012. Fil‑21 ta’ Marzu 2013, inħareġ iċ-ċertifikat finali tax-xogħol. |
|
20. |
Fis‑26 ta’ Settembru 2014 u fit‑3 ta’ Marzu 2015, l-awtorità kontraenti informat lil Veolia, rispettivament, li r-rekuperaturi tal-linja 2 u l-linja 1 kienu difettużi. |
|
21. |
B’mod konformi mal-ittra ta’ garanzija, Veolia biddlet ir-rekuperaturi difettużi. It-tnedija tat-tħaddim tar-rekuperaturi l-ġodda saret fit‑22 ta’ Frar u fit‑28 ta’ April 2016. |
|
22. |
Fis‑27 ta’ Novembru 2018, l-awtorità kontraenti kkomunikat lil Veolia rigward ħsara (ġdida) taż-żewġ rekuperaturi mibdula u talbet it-tiswija jew is-sostituzzjoni tagħhom taħt il-garanzija. |
|
23. |
Veolia rrifjutat li tindirizza t-talba billi argumentat li l-perijodu ta’ kopertura mill-garanzija kien skada. |
|
24. |
Id-diskrepanza bejn il-partijiet fil-kuntratt wasslet għal żewġ tilwimiet quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), li din il-qorti akkumulat għal deċiżjoni konġunta:
|
|
25. |
F’din is-sitwazzjoni, il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar dawn it-tilwimiet tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja: “Il-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ kompetizzjoni leali, imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18/KE […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tippermetti li jiġi stabbilit il-kontenut ta’ kuntratt pubbliku konkluż ma’ konsorzju kompost minn entitajiet ta’ Stati Membri differenti tal-Unjoni Ewropea billi jittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan il-kuntratt, obbligu li jista’ jaffettwa indirettament id-determinazzjoni tal-prezz fl-offerta magħmula minn [dan il-konsorzju], fejn dan l-obbligu la huwa espressament previst fid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt u lanqas fid-dokumentazzjoni ta’ sejħa għal offerti iżda jirriżulta minn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali mhux direttament applikabbli għal dan il-kuntratt, li madankollu hija suġġetta għal applikazzjoni b’analoġija?” |
III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
26. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Frar 2024. |
|
27. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Veolia, l-awtorità kontraenti, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea. |
|
28. |
Ma ġiex ikkunsidrat essenzjali li tinżamm seduta. |
IV. Analiżi
A. Osservazzjonijiet preliminari
1. Id‑Direttiva applikabbli
|
29. |
Il-Kummissjoni tittratta, qabel kollox, il-kwistjoni jekk id-Direttiva 2004/18 hijiex applikabbli f’din il-kawża jew jekk, għall-kuntrarju, hijiex applikabbli d-Direttiva 2004/17 ( 8 ). |
|
30. |
Id-Direttiva 2004/17 tirregola, speċifikament, kuntratti jew kompetizzjonijiet ta’ disinn mogħtija jew organizzati minn entitajiet iddedikati għall-provvista ta’ ilma tax-xorb permezz ta’ networks ta’ distribuzzjoni fissi, sakemm dawn il-kuntratti jkunu relatati, fost attivitajiet oħra, mar-rimi/qerda jew it-trattament tal-ilma mormi (l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2004/17). |
|
31. |
Kif tenfasizza l-Kummissjoni ( 9 ), li naqbel mal-evalwazzjoni tagħha, kollox jidher li jindika li d-Direttiva 2004/17 hija dik li għandha tiġi kkunsidrata, peress li:
|
|
32. |
Hija l-qorti tar-rinviju, li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni kollha dwar il-kuntratt u l-attività tal-awtorità kontraenti, li għandha tivverifika d-data fattwali li fuqha għandha tevalwa liema waħda miż-żewġ Direttivi hija applikabbli. |
|
33. |
Fir-realtà, l-importanza prattika ta’ din il-kwistjoni hija żgħira, peress li r-regolamentazzjoni tal-prinċipji tal-għoti ta’ kuntratti fid-Direttiva 2004/18 (l-Artikolu 2) u fid-Direttiva 2004/17 (l-Artikolu 10) hija sostanzjalment l-istess. |
|
34. |
Madankollu, ser niffoka l-attenzjoni tiegħi fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/18, li hija dik iċċitata fid-digriet tar-rinviju u li ffukaw fuqha l-intervenjenti matul il-proċedura għal deċiżjoni preliminari. |
2. Id‑Direttiva 2004/18 u l‑eżekuzzjoni tal‑kuntratt
|
35. |
Huwa iktar diffiċli li jiġi deċiż jekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 japplikax għal avveniment li seħħ fil-fażi ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt, snin wara li dan ikun ġie mogħti u konkluż. |
|
36. |
Id-diffikultà tirriżulta mill-fatt li d-Direttiva 2004/18 kellha l-għan li tikkoordina l-proċeduri ta’ għoti ta’ ċerti kuntratti pubbliċi. Speċifikament, l-Artikolu 2 tagħha jiddikjara tliet prinċipji li għandu jkun suġġett għalihom l-“għoti tal-kuntratti”. |
|
37. |
Id-Direttiva 2004/18 irregolat b’mod estensiv l-għoti u kien fiha riferimenti iżolati għall-eżekuzzjoni tal-kuntratti. Għall-kuntrarju, id-Direttiva 2014/24/UE ( 10 ) sussegwenti tiddedika kapitolu speċifiku għall-eżekuzzjoni tal-kuntratti pubbliċi ( 11 ). |
|
38. |
Din id-differenza fis-sistemi għandha, madankollu, titqiegħed f’perspettiva: kwistjonijiet li d-Direttiva 2014/24 tiġbor taħt il-kapitolu ddedikat għall-eżekuzzjoni tal-kuntratti huma ttrattati fid-Direttiva 2004/18 b’sistema differenti, fit-titolu ddedikat lill-ispeċifikazzjonijiet u lid-dokumenti tal-kuntratt. |
|
39. |
Dan huwa l-każ, pereżempju, għad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratti (l-Artikolu 70 tad-Direttiva 2014/24 u l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18) jew is-subappalt (l-Artikolu 71 tad-Direttiva 2014/24 u l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2004/18). |
|
40. |
Fir-rigward tal-modifika tal-kuntratti matul it-terminu tagħhom, għalkemm id-Direttiva 2004/18 ma għandhiex dispożizzjoni ekwivalenti fil-kontenut għall-Artikolu 72 tad-Direttiva 2014/24, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà interpretat l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 fis-sens li, wara l-għoti ta’ kuntratt pubbliku, ma tistax issirlu modifika sostanzjali mingħajr il-ftuħ ta’ proċedura ġdida għall-għoti ta’ kuntratt ( 12 ). |
|
41. |
F’din is-sitwazzjoni regolatorja, l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18 għall-kawża inkwistjoni tista’ tkun ibbażata fuq tliet suppożizzjonijiet: a) li, fir-realtà, modifika kuntrattwali sseħħ meta jiġi interpretat il-kontenut ta’ klawżola fl-ispeċifikazzjonijiet billi jiġi dedott minnha obbligi li ma humiex espressament idderivati mill-istipulazzjonijiet miftiehma ( 13 ); b) li l-ispeċifikazzjonijiet jew id-dokumenti kuntrattwali, minħabba li kienu jinkludu l-ittra ta’ garanzija fit-termini li bihom għamlu dan, ma kinux kompatibbli mal-prinċipji tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, diġà mill-fażi tal-għoti; u c) li l-ittra ta’ garanzija kienet tikkostitwixxi, fiha nnifisha, kundizzjoni ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt. |
|
42. |
Minn dawn it-tliet suppożizzjonijiet, neskludi l-possibbiltà li saret modifika kuntrattwali, u għalhekk naqbel mal-Gvern Pollakk. It-teżi tal-modifika ssib l-ostakolu li l-klawżola diskussa dehret fil-kuntratt mill-bidu nett. Barra minn hekk, din ġiet applikata b’mod effettiv u paċifiku, billi Veolia, l-ewwel darba li kien meħtieġ, issostitwiet ir-rekuperaturi difettużi. |
|
43. |
Jekk Veolia ċaħdet li kien hemm obbligu ta’ garanzija sabiex jiġu ssostitwiti t-“tieni” rekuperaturi, hija ma għamlitx dan minħabba li kienet ġiet introdotta modifika, iżda peress li, fl-opinjoni tagħha, dan l-obbligu kuntrattwali kien intemm bl-iskadenza tat-terminu miftiehem. |
|
44. |
Meta nittratta l-ittra ta’ garanzija mill-perspettiva tal-għoti tal-kuntratt, ma nsib l-ebda raġuni sabiex niċħad, bħala prinċipju, il-validità tagħha, u wisq inqas dik tal-kuntratt kollu kemm hu. Raġunijiet taċ-ċertezza legali u tas-sistema proprja tad-Direttiva dwar ir-reviżjonijiet ( 14 ) jipprevjenu l-ftuħ mill-ġdid tad-dibattitu dwar il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ għoti aċċettata u li dak iż-żmien ma kinitx ġiet ikkontestata ( 15 ). |
|
45. |
Fil-fatt, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-kuntrattur ma jitlobx dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-għoti minħabba li l-kuntratt fih klawżola ta’ garanzija li, kieku kellha l-portata temporali li issa tagħtiha l-awtorità kontraenti, kienet twasslu sabiex ma jissottomettix l-offerta tiegħu (jew li joffri prezz ogħla). Dak li jixtieq huwa, sempliċiment, li din il-klawżola tiġi interpretata fis-sens li ma timplikax l-obbligu li r-rekuperaturi difettużi jiġu ssostitwiti għat-tieni darba. |
|
46. |
Sa fejn l-interpretazzjoni sostnuta mill-awtorità kontraenti għad-dħul fis-seħħ fil-fażi ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt timplika żnaturament tal-klawżoli kuntrattwali miftiehma (fis-sens imsemmi mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta) ( 16 ), id-diskussjoni tkun testendi, indirettament, għat-termini tal-għoti nnifsu. |
|
47. |
Finalment, l-ittra ta’ garanzija għandha tinftiehem bħala kundizzjoni speċjali fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, suġġetta għall-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18. Skont dan, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jirrikjeduha, dejjem jekk tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u tiġi indikata fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet ( 17 ). |
|
48. |
Peress li l-ittra ta’ garanzija taffettwa t-twettiq tal-obbligi kuntrattwali, ladarba l-kuntratt jiġi ffirmat, ma jkun hemm ebda ostakolu insormontabbli sabiex tiġi kklassifikata, fl-aħħar mill-aħħar, bħala kundizzjoni għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Ladarba jkun ġie vverifikat li ġiet stabbilita fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet ( 18 ), ikun meħtieġ li jiġi deċiż jekk tikkonformax mad-dritt tal-Unjoni, speċifikament mal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza. |
|
49. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti li l-prinċipji tal-kuntratti pubbliċi jkunu relatati mal-fażi ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt ( 19 ): “l-awtoritajiet kontraenti għandhom josservaw, matul il-proċedura kollha, il-prinċipji ta’ għoti ta’ kuntratti stabbiliti fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24, fejn fosthom jinsabu, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità” ( 20 ). |
|
50. |
Wara li ġie stabbilit ir-riferiment għal ugwaljanza fit-trattament, in-nondiskriminazzjoni u t-trasparenza fil-premessi suċċessivi tad-Direttiva 2014/24, huwa loġiku l-Artikolu 18(1) tagħha jiġi interpretat li jistabbilixxi dawn il-prinċipji gwida tal-kuntratti pubbliċi, fis-sens li ma humiex limitati għall-fażi tal-għoti tal-kuntratt. |
|
51. |
Huwa minnu li din il-ġurisprudenza ġiet deċiża fir-rigward tad-Direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi tal‑2014, li huma inapplikabbli hawnhekk ratione temporis. Madankollu, ma nsibx diffikultajiet insormontabbli sabiex tiġi estiża, suġġett għal differenzi, għall-kuntratti rregolati mid-Direttiva 2004/18, li l-prinċipji ta’ għoti ta’ kuntratti tagħha (l-Artikolu 2) għandhom jiġu osservati fil-fażijiet kollha tal-ħajja tal-kuntratt. |
|
52. |
Altrimenti, jiġi prodott effett li ma huwiex mixtieq, li rreferiet għalih il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, iċċitata iktar ’il fuq: “jekk l-entità kontraenti kellha tiġi awtorizzata sabiex timmodifika fid-diskrezzjoni tagħha, matul il-fażi ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt, il-kundizzjonijiet tal-offerti nfushom, mingħajr ma d-dispożizzjonijiet applikabbli rilevanti li jkun fihom awtorizzazzjoni espressa f’dan ir-rigward, it-termini tal-għoti tal-kuntratt, bħalma kienu stipulati inizjalment, jiġu żnaturati” ( 21 ). |
|
53. |
Konsegwentement, ma nara l-ebda ostakolu għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipprovdi lill-qorti tar-rinviju, f’din il-kawża, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18. |
B. Risposta għad‑domanda preliminari
|
54. |
Jidhirli li huwa xieraq li jiġu riflessi, mill-bidu, it-termini tad-dibattitu bejn il-partijiet dwar il-klawżola ta’ garanzija miftiehma u d-delimitazzjoni tal-validità tagħha:
|
|
55. |
Il-qorti tar-rinviju, bħala raġunijiet għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, tesponi uħud li jirrigwardaw id-dritt nazzjonali (punti 34 sa 42 tad-digriet tar-rinviju) u oħrajn li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni (punti 44 sa 53 tal-istess digriet). |
|
56. |
Jiena nemmen li din is-sistema fl-espożizzjoni tista’ tgħin sabiex tinftiehem aħjar id-domanda preliminari. Qabel ma jiġi eżaminat jekk klawżola kuntrattwali, jew l-interpretazzjoni tagħha, tkunx konformi mad-Direttiva 2004/18, jeħtieġ li tiġi ċċarata l-interpretazzjoni li tagħmel il-qorti tar-rinviju tagħha. |
|
57. |
Fil-prinċipju, hija l-qorti tar-rinviju, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tinterpreta l-klawżoli tal-kuntratti li dwarhom jinħoloq tilwim bejn il-partijiet, fid-dawl tal-formulazzjoni tagħhom, l-intenzjoni tal-partijiet kontraenti u r-regoli tad-dritt intern li jirregolaw dawn il-kuntratti. |
|
58. |
Abbażi ta’ din il-premessa, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk, fir-rigward tad-dritt intern, l-ittra ta’ garanzija: a) kienx fiha regolazzjoni eżawrjenti tal-perijodu li fih ikollha effett, jiġifieri sitta u tletin xahar wara l-kunsinna taċ-ċertifikazzjoni tax-xogħlijiet, mingħajr ma jkun impost it-tiġdid tiegħu; jew b) wasslitx, permezz tas-subklawżola 6.1, sabiex dak il-perijodu jiġi mġedded meta kienu applikabbli r-regoli supplettivi tad-dritt Pollakk, u speċjalment dawk tal-Kodiċi Ċivili. |
|
59. |
Kieku l-qorti tar-rinviju aċċettat l-ewwel waħda minn dawn is-soluzzjonijiet, it-tilwima kienet tiġi solvuta u probabbilment ma kinitx tkun teħtieġ l-assistenza għal deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
60. |
Madankollu, kollox jidher li jindika li l-qorti tar-rinviju ma teskludix l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili għall-kawża inkwistjoni (jiġifieri, it-tieni waħda mill-għażliet li indikajt hawn fuq). |
|
61. |
Fil-fatt, hija tindika fid-digriet tar-rinviju li “huwa xieraq li jiġu applikati, b’analoġija, f’materji li ma humiex irregolati mill-klawżoli kuntrattwali, id-dispożizzjonijiet tal-[Kodiċi Ċivili] dwar il-garanzija fil-kuntest tal-bejgħ għall-garanzija pprovduta għall-oġġett tal-kuntratt ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni” ( 22 ). Fl-opinjoni tagħha, “il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kuntratti pubbliċi […] ma teskludux l-applikazzjoni b’analoġija tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li fir-rigward tagħhom ma hemm l-ebda riferiment espliċitu fil-klawżoli kuntrattwali, fl-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti jew fid-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw it-tip ta’ kuntratt li fuqu hija bbażata s-sejħa għal offerti” ( 23 ). |
|
62. |
Ir-riflessjonijiet li ser nippreżenta hawn taħt għandhom jassumu bħala premessa l-interpretazzjoni li l-qorti tar-rinviju tagħmel tal-kuntratt inkwistjoni. Jiena ser niffoka fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza, marbut mill-qrib ma’ dak tal-ugwaljanza fit-trattament. |
|
63. |
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-obbligu ta’ trasparenza, li huwa korollarju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, għandu essenzjalment l-għan li jiżgura li kull operatur ikkonċernat ikun jista’ jiddeċiedi li jagħmel offerti wara sejħiet għal offerti fuq il-bażi tal-informazzjoni rilevanti kollha u li jiggarantixxi l-assenza ta’ riskju ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti.” ( 24 ). |
|
64. |
L-obbligu ta’ trasparenza joffri żewġ aspetti:
|
|
65. |
Dan l-aħħar approċċ huwa dak rilevanti f’din il-kawża. Kif diġà spjegajt, il-qofol tat-tilwima huwa li jiġi deċiż jekk, fid-dawl tat-termini li bihom tfassal il-kuntratt, Veolia kinitx f’pożizzjoni li tkun taf x’kundizzjonijiet kienet qiegħdha timpenja ruħha għalihom verament permezz tal-firma tagħha. |
|
66. |
Il-qorti tar-rinviju tagħti attenzjoni, b’mod partikolari, lill-applikazzjoni eventwali tas-sentenza Pizzo ( 27 ) għall-każ li għandu jiġi solvut, minkejja li rrikonoxxiet li din il-kawża kienet tirreferi għall-esklużjoni ta’ offerent mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti minħabba inċident fil-fażi ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt. |
|
67. |
Fid-digriet tar-rinviju, ladarba ġie traskritt il-punt 51 tas-sentenza Pizzo ( 28 ), il-qorti tar-rinviju:
|
|
68. |
Fil-kawża Pizzo, kien diskuss l-esklużjoni ta’ offerent talli ma ssodisfa l-ebda wieħed mir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà sabiex jipparteċipa fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti. Il-kundizzjoni li kienet tiddetermina l-esklużjoni ma kinitx inkluża espressament fl-avviż tas-sejħa tal-offeri u lanqas fl-ispeċifikazzjonijiet, iżda setgħet tiġi dedotta mir-regoli nazzjonali ta’ portata ġenerali. |
|
69. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza kienu ġew osservati fil-kawża Pizzo. Fl-opinjoni tagħha, u fil-qosor ħafna, ma kinitx ammissibbli interpretazzjoni tat-termini tal-ispeċifikazzjonijiet li l-parteċipanti fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti (speċjalment jekk kienu involuti operaturi barranin) ma setgħux jipprevedu b’mod raġonevoli. |
|
70. |
Ċertament, is-sentenza Pizzo interpretat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti. Madankollu, jekk naċċettaw, kif issuġġerejt ( 31 ), li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 jista’ jiġi invokat ukoll, mutatis mutandis, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, ma jkun hemm ebda problema li jiġu estiżi għalih id-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza. |
|
71. |
Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa sa liema punt interpretazzjoni tal-ittra ta’ garanzija (inkluża s-subklawżola 6.1) li tippermetti lill-awtorità kontraenti titlob it-tiġdid tat-terminu miftiehem kienet, jew ma kinitx, raġonevolment prevedibbli għal operatur diliġenti. |
|
72. |
Sabiex tintlaħaq din l-interpretazzjoni, jistgħu jintużaw żewġ approċċi, skont jekk wieħed iqisx biss it-termini stretti u letterali tal-ittra ta’ garanzija, iktar milli l-kundizzjonijiet suġġettivi tal-operatur u l-kuntest kuntrattwali u regolatorju, jew, għall-kuntrarju, jekk jingħatax iktar attenzjoni lil dawn il-fatturi msemmija l-aħħar. |
|
73. |
Ikun xi jkun l-approċċ adottat, fil-fehma tiegħi, il-qofol huwa l-prevedibbiltà (raġonevoli) tas-soluzzjoni adottata. Prevedibbiltà li, min-naħa tagħha, hija relatata mal-għarfien tad-dritt nazzjonali u mal-grad ta’ ċertezza legali li dan għandu jipprovdi lill-operaturi ekonomiċi fil-qafas tal-kuntratti pubbliċi. |
|
74. |
Għal dawn il-finijiet, kif tenfasizza ġustament il-qorti tar-rinviju, it-tul tal-perijodu ta’ garanzija huwa fattur rilevanti għall-operaturi ekonomiċi sabiex jistabbilixxu b’mod xieraq il-prezzijiet tal-offerti tagħhom. Dawn it-termini għandhom jirriżultaw ċari mill-ispeċifikazzjonijiet u mid-dokumenti kuntrattwali oħra. |
|
75. |
Barra minn hekk, tista’ sseħħ distorsjoni tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-operaturi ekonomiċi minn Stati Membri oħra jekk dawn, kunfidenti fit-tfassil tal-klawżola ta’ garanzija, jiffaċċjaw sussegwentement interpretazzjoni tal-kontenut tagħha li ma setgħux raġonevolment jipprevedu. |
|
76. |
Il-kundizzjonijiet kuntrattwali għandhom, b’mod indipendenti, jippermettu lill-partijiet ikkonċernati kollha jifhmu l-kontenut u l-portata tagħhom. B’dan il-mod biss ikunu ggarantiti t-trasparenza u ċ-ċertezza legali essenzjali. |
|
77. |
Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pizzo ddikjarajt li “ikun illoġiku li l-awtoritajiet kontraenti jkunu obbligati wkoll li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet imposti minn dispożizzjonijiet regolatorji ta’ portata ġenerali li offerent ‘raġonevolment informat u normalment diliġenti’ ma jistax jinjora” ( 32 ). |
|
78. |
Issa ntenni din id-dikjarazzjoni, iżda minnha ma jistax jiġi dedott il-kunsens tiegħi li naċċetta obbligi kuntrattwali li l-prevedibbiltà tagħhom ma tistax tiġi raġonevolment dedotta mill-qari tal-kuntratt innifsu, anki meta jkunu integrati ma’ dawk id-dispożizzjonijiet normattivi ġenerali li huma applikabbli b’mod inkontestabbli. |
|
79. |
Il-qorti tar-rinviju, għalhekk, għandha tevalwa jekk, f’dan il-każ, kinitx tkun ammissibbli interpretazzjoni tal-ittra ta’ garanzija li, lil hinn mill-kliem letterali tagħha, tat lok għall-applikazzjoni supplettiva ta’ regoli tal-Kodiċi Ċivili Pollakk relatati mat-tiġdid tal-perijodi ta’ garanzija fil-kuntratti ta’ bejgħ. |
|
80. |
Sabiex tgħin f’din l-evalwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-informazzjoni li ġejja:
|
|
81. |
Fil-qosor, nifhem illi l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 ma jipprekludux, bħala regola ġenerali, l-inklużjoni f’kuntratt pubbliku għal eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ klawżola li tirreferi, sabiex tistabbilixxi l-portata temporali tal-obbligu ta’ garanzija tal-kuntrattur u fi kwistjonijiet li ma humiex irregolati f’dik il-klawżola, għar-regoli tal-Kodiċi Ċivili nazzjonali. Dawn il-prinċipji ma humiex kompatibbli, madankollu, ma’ interpretazzjoni ta’ dik il-klawżola li, bl-estensjoni tal-perijodu ta’ garanzija lil hinn minn dak miftiehem mill-partijiet, tirriżulta imprevedibbli għal kuntrattur raġonevolment informat u normalment diliġenti, li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju. |
V. Konklużjoni
|
82. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi tas‑Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) tkun fit-termini li ġejjin: “L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandu jiġi interpretat fis-sens li: ma jipprekludix l-inklużjoni ta’ klawżola f’kuntratt pubbliku għal eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet li tirreferi, sabiex tistabbilixxi l-portata temporali tal-obbligu ta’ garanzija tal-kuntrattur u fi kwistjonijiet li ma humiex irregolati f’dik il-klawżola, għar-regoli tal-Kodiċi Ċivili nazzjonali. Il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 ma humiex kompatibbli, madankollu, ma’ interpretazzjoni ta’ din il-klawżola li, minħabba l-estensjoni tal-perijodu ta’ garanzija lil hinn minn dak miftiehem mill-partijiet, ma tkunx prevedibbli għal kuntrattur raġonevolment informat u normalment diliġenti, li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju”. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l‑Ispanjol.
( 2 ) Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).
( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19).
( 4 ) Ustawa z dnia 29 stycznia 2004 r. Prawo zamówień Publicznych (Dz. U. tal‑2007, Nru 223, pożizzjoni 1655, kif emendata).
( 5 ) Ustawa z dnia 23 kwietnia 1964 r. Kodeks cywilny (Dz. U. tal‑1964, Nru 16, pożizzjoni 93, kif emendata).
( 6 ) Din hija l-kumpannija inkarigata mill-provvista tal-ilma tax-xorb u t-trattament sanitarju tal-ilma mormi tal-belt ta’ Varsavja (il-Polonja).
( 7 ) Minbarra Veolia, il-konsorzju kien jinkludi Krüger A/S, bis-sede f’Søborg (id-Danimarka); OTV France, bis-sede f’Saint-Maurice (Franza); Haarslev Industries GmbH, bis-sede f’Bruchsal (il-Ġermanja), u Warbud S.A., bis-sede f’Varsavja. Iktar ’il quddiem, nifhem li Veolia taġixxi f’isem il-konsorzju.
( 8 ) Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/18, din id-direttiva ma tapplikax għall-kuntratti pubbliċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17.
( 9 ) Il-punt 35 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, fejn tindika s-sit tal-awtorità kontraenti (https://www.mpwik.com.pl/view/dane-spolki).
( 10 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68 u fil-ĠU L, 2023/90063).
( 11 ) Kapitolu IV tat-Titolu II, Artikoli 70 sa 73, tad-Direttiva 2014/24.
( 12 ) Sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, Finn Frogne (C‑549/14, EU:C:2016:634, id-dispożittiv). Il-modifika kienet saret matul il-fażi ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt.
( 13 ) Il-punt 29 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Pollakk.
( 14 ) Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246 u rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44).
( 15 ) Nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi tas‑17 ta’ Ottubru 2024 fil-kawża Fastned Deutschland (C‑452/23, EU:C:2024:894).
( 16 ) Sentenza tad‑29 ta’ April 2004 (C‑496/99 P, EU:C:2004:236, punt 120).
( 17 ) Fil-konklużjonijiet tiegħi tat‑28 ta’ Jannar 2021, il-kawża Riigi Tugiteenuste Keskus (C‑6/20, EU:C:2021:79, punt 79), stqarrejt li “[l]-ġurisprudenza tat attenzjoni lil dawn il-kondizzjonijiet partikolari meta dawn ikunu ddettati minn ‘kunsiderazzjonijiet soċjali’, u b’hekk iffokat l-attenzjoni fuq uħud minn dawk li jibbenefikaw mid-dikjarazzjoni miftuħa fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18. Xejn ma jipprekludi li dawn jestendu għal oqsma oħra, peress li r-riferiment għall-‘kunsiderazzjonijiet soċjali u ambjentali’ isir bħala eżempju (‘partikolarment’)”.
( 18 ) Il-qari tad-digriet tar-rinviju jagħti x’tifhem li l-klawżola kkontestata dehret fl-avviż tas-sejħa għal offerti u li d-dubju huwa biss rigward l-applikabbiltà tal-Artikolu 581(1) tal-Kodiċi Ċivili, peress li, skont Veolia, la l-kuntratt u lanqas l-avviż tas-sejħa għal offerti ma “indikaw li dik id-dispożizzjoni kienet applikabbli għall-garanzija mogħtija mill-kuntratturi”.
( 19 ) Ir-rabta bejn l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 70 tad-Direttiva 2014/24 tista’ tiġi evalwata fis-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2021, Sanresa (C‑295/20, EU:C:2021:556, punt 63 u d-dispożittiv, punt 2); u fis-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centros (C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 90).
( 20 ) Sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2019, Vitali (C‑63/18, EU:C:2019:787, punt 39). Korsiv miżjud minni. Din kienet kawża relatata mas-subkuntrattar, li, kif diġà enfasizzajt u bħall-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni, huwa rregolat mid-Direttiva 2014/24 fil-kapitolu ddedikat għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.
( 21 ) Sentenza tad‑29 ta’ April 2004 (C‑496/99 P, EU:C:2004:236, punt 120). Korsiv miżjud minni.
( 22 ) Digriet tar-rinviju, punt 39.
( 23 ) Digriet tar-rinviju, punt 41.
( 24 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Unibet International (C‑49/16, EU:C:2017:491, punt 46).
( 25 ) Sentenza tal‑4 ta’ April 2019, Allianz Vorsorgekasse (C‑699/17, EU:C:2019:290, punt 61).
( 26 ) Ibidem, punt 62.
( 27 ) Sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pizzo (C‑27/15, EU:C:2016:404). Iktar ’il quddiem, is-“sentenza Pizzo”.
( 28 )
( 29 ) Digriet tar-rinviju, punt 53.
( 30 ) Digriet tar-rinviju, punt 53, in fine.
( 31 ) Punti 35 sa 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 32 ) Konklużjonijiet tal‑21 ta’ Jannar 2016 (C‑27/15, EU:C:2016:48, punt 52). Għandi nfakkar li, fil-kawża Pizzo, id-dokumenti tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma kienu jinkludu ebda riferiment għall-kundizzjoni li tiddetermina l-esklużjoni tal-offerenti (nuqqas ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni stabbilita mil-liġi). Hawnhekk, l-ittra ta’ garanzija ffirmata minn Veolia hija rregolata fil-kuntratt u, għal dak li ma huwiex irregolat, tagħmel riferiment speċifiku għar-“regoli korrispondenti tad-dritt Pollakk, b’mod partikolari tal-Kodiċi Ċivili”.
( 33 ) Il-Gvern Pollakk jaċċetta li l-interpretazzjoni tal-kuntratt li minnha jiġi dedott obbligu li ma huwiex espressament previst fih, iżda li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirreferi għalihom, tkun vijabbli sa fejn il-kuntrattur raġonevolment informat u normalment diliġenti ma setax jinjora dawk id-dispożizzjonijiet (punt 47 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu).
( 34 ) Il-punt 39 tad-digriet tar-rinviju: “[…] l-applikazzjoni b’analoġija għall-kuntratt ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-garanzija fil-kuntratt ta’ bejgħ tqajjem kontroversja kemm fil-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali kif ukoll fil-duttrina”. Il-punt 36 tal-istess digriet jindika li “fil‑25 ta’ Diċembru 2014, daħlet fis-seħħ ir-riforma tal-Artikolu 638 tal-[Kodiċi Ċivili], li jirregola l-kuntratt […] tax-xogħol, li permezz tagħha ġie introdott il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, skont liema, meta tkun ġiet ipprovduta garanzija lix-xerrej għax-xogħol eżegwit, id-dispożizzjonijiet dwar il-garanzija fil-bejgħ għandhom jiġu applikati mutatis mutandis iżda din ir-regola ma hijiex applikabbli għat-tilwima”.
( 35 ) Veolia tirreferi għal din il-kwistjoni fin-nota numru 3 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, filwaqt li tenfasizza li t-tiswija jew is-sostituzzjoni tal-elementi ta’ installazzjoni għandha spejjeż u riskji differenti ħafna minn dawk inerenti għall-bejgħ ta’ oġġetti għall-konsum mill-pubbliku (li l-produzzjoni tagħhom hija kkaratterizzata minn spiża marġinali minima). Il-garanzija pprovduta f’ċerti kuntratti u f’oħrajn ma tistax, konsegwentement, tiġi kkomparata ma’ dan.