2012D0389 — MT — 07.12.2015 — 006.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/389/PESK

tas-16 ta’ Lulju 2012

dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP NESTOR)

(ĠU L 187 17.7.2012, p. 40)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/367/PESK tad-9 ta’ Lulju 2013

  L 189

12

10.7.2013

 M2

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/660/PESK tal-15 ta’ Novembru 2013

  L 306

17

16.11.2013

►M3

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/485/PESK tat-22 ta’ Lulju 2014

  L 217

39

23.7.2014

 M4

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/726/PESK tal-20 ta' Ottubru 2014

  L 301

29

21.10.2014

►M5

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/1793 tas-6 ta' Ottubru 2015

  L 260

30

7.10.2015

►M6

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/2275 tas-7 ta' Diċembru 2015

  L 322

50

8.12.2015




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/389/PESK

tas-16 ta’ Lulju 2012

dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP NESTOR)



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-14 ta’ Novembru 2011, il-Kunsill adotta Qafas Strateġiku għall-Qarn tal-Afrika sabiex jiggwida l-impenn tal-UE fir-reġjun.

(2)

Fit-8 ta’ Diċembru, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/819/PESK ( 1 ) li taħtar Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika.

(3)

Fis-16 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill qabel dwar Kunċett ta’ Maniġġar ta’ Kriżi għall-Missjoni tal-Bini tal-Kapaċità Marittima Reġjonali.

(4)

Fit-23 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/173/PESK ( 2 ) li tattiva ċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni fil-Qarn tal-Afrika.

(5)

Il-Gvernijiet tad-Djibouti, tal-Kenja u tas-Seychelles u l-Gvern Federali Transitorju tas-Somalja laqgħu l-istazzjonament tal-Missjoni fil-pajjiżi tagħhom.

(6)

Fit-18 ta’ Ġunju 2007, il-Kunsill approva l-Linji Gwida għall-Istruttura ta’ Kmand u Kontroll għall-Operazzjonijiet Ċivili tal-UE fil-Maniġġar ta’ Kriżijiet.

(7)

Il-Kapaċità tal-Għassa għandha tiġi attivata għall-Missjoni stabbilita b’din id-Deċiżjoni.

(8)

Il-Missjoni ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif imniżżel fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:



Artikolu 1

Il-Missjoni

L-Unjoni b’dan tistabbilixxi Missjoni tal-Bini tal-Kapaċitajiet Marittimi Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (“EUCAP NESTOR”)

▼M3

Artikolu 2

Dikjarazzjoni tal-Missjoni

EUCAP NESTOR għandha tassisti lill-pajjiżi fil-Qarn tal-Afrika u l-Oċean Indjan tal-Punent fit-tisħiħ tal-kapaċità tas-sigurtà marittima sabiex ikunu jistgħu jiġġieldu kontra l-piraterija b'mod aktar effettiv. EUCAP NESTOR ser ikollha konċentrazzjoni ewlenija fuq is-Somalja, u konċentrazzjoni sekondarja fuq il-Ġibuti, is-Seychelles u t-Tanzanija.

Artikolu 3

Objettivi u kompiti

1.  Sabiex tinkiseb id-Dikjarazzjoni tal-Missjoni kif tinsab fl-Artikolu 2, EUCAP NESTOR għandha:

(a) ittejjeb il-kapaċità tal-Istati msemmijin fl-Artikolu 2 sabiex tiġi eżerċitata governanza marittima effettiva mal-kosta, l-ilmijiet interni, l-ibħra territorjali u ż-żoni ekonomiċi esklussivi tagħhom;

(b) tappoġġa lil dawn l-Istati biex jieħdu r-responsabbiltà tal-ġlieda kontra l-piraterija f'konformità mal-istandards tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem;

(c) issaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali u l-koordinazzjoni tas-sigurtà marittima;

(d) tagħmel kontribut immirat u speċifiku għall-isforzi internazzjonali kontinwi.

2.  Biex tikseb l-objettivi, l-EUCAP NESTOR għandha topera skont il-linji ta' operat u kompiti stipulati fid-dokumenti ta' ppjanar operattiv approvati mill-Kunsill.

3.  EUCAP NESTOR ma għandha twettaq l-ebda funzjoni eżekuttiva.

▼B

Artikolu 4

Katina ta’ kmand u struttura

1.  EUCAP NESTOR għandu jkollha katina ta’ kmand unifikata bħala operazzjoni ta’ ġestjoni tal-kriżi.

▼M3

2.  EUCAP NESTOR għandha tkun strutturata f'konformità mad-dokumenti tal-ippjanar tagħha.

▼M3 —————

▼B

Artikolu 5

Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili

1.  Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-EUCAP NESTOR.

2.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ), għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-EUCAP NESTOR fil-livell strateġiku.

3.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jassigura, fir-rigward tat-tmexxija tal-operazzjonijiet, l-implimentazzjoni kif suppost u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-KPS, inkluż permezz tal-ħruġ ta’ istruzzjonijiet fil-livell strateġiku kif meħtieġ lill-Kap tal-Missjoni u jipprovdilu konsulenza u appoġġ tekniku.

4.  Iċ-Ċentru tal-Operazzjonijiet tal-UE attivat bid-Deċiżjoni 2012/173/PESK għandu jipprovdi appoġġ dirett lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-ippjanar u t-tmexxija operattivi tal-EUCAP NESTOR.

5.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill tar-RGħ.

6.  Il-persunal sekondat kollu għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat li ssekondah skont ir-regoli nazzjonali, tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv (OPCON) tal-persunal, gruppi u unitajiet tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

7.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jkollu responsabbiltà ġenerali biex jiżgura li d-dmir ta’ diliġenza tal-Unjoni jiġi attwat korrettament.

8.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika (RSUE) u l-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.

Artikolu 6

Kap tal-Missjoni

1.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jassumi responsabbilità u jeżerċita kmand u kontroll ta’ EUCAP NESTOR fil-post u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

▼M3

1a.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun ir-rappreżentant tal-EUCAP NESTOR fiż-żona tal-azzjonijiet tagħha. Il-Kap tal-Missjoni jista' jiddelega kompiti ta' ġestjoni fi kwistjonijiet ta' persunal u kwistjonijiet finanzjarji lill-membri tal-persunal ta' EUCAP NESTOR, taħt ir-responsabbiltà ġenerali tiegħu/tagħha.

▼B

2.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-persunal, gruppi u unitajiet mill-Istati kontribwenti kif assenjati mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika inkluża fuq l-assi, ir-riżorsi u l-informazzjoni mqiegħdin għad-dispożizzjoni tal-EUCAP NESTOR.

3.  Il-Kap tal-Missjoni għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-persunal kollu ta’ EUCAP NESTOR għat-tmexxija effettiva tal-EUCAP NESTOR fil-post, jassumi l-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ kuljum tagħha, u jsegwi l-istruzzjonijiet fil-livell strateġiku tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

▼M3 —————

▼B

5.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinari fuq il-persunal. Għall-persunal sekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali skont ir-regoli nazzjonali, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE.

6.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta lill-EUCAP NESTOR fiż-żona tal-operazzjonijiet u għandu jiżgura l-viżibbiltà adatta ta’ EUCAP NESTOR.

7.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina, kif adatt, ma’ atturi oħrajn tal-Unjoni fuq il-post. Il-Kap tal-Missjoni għandu, mingħajr preġudizzju għal linja ta’ kmand, jirċievi gwida politika lokali mir-RSUE, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun.

▼M3 —————

▼B

Artikolu 7

Persunal

1.  L-EUCAP NESTOR għandha tikkonsisti primarjament minn persunal issekondat mill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew is-SEAE. Kull Stat Membru, jew istituzzjoni tal-Unjoni, jew is-SEAE għandha terfa’ l-ispejjeż relatati ma’ kwalunkwe persunal issekondat minnha, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-iskjerament, is-salarji, il-kopertura medika u l-allokazzjonijiet minbarra allokazzjonijiet applikabbli ta’ kuljum.

2.  L-Istat, jew l-istituzzjoni tal-UE, jew is-SEAE li tkun issekondat membru tal-persunal għandha tkun responsabbli biex twieġeb għal kwalunkwe pretensjoni marbuta mas-sekondar, mill-membru tal-persunal jew dwaru, u biex tieħu kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna sekondata.

3.  Persunal internazzjonali u lokali jista’ wkoll jiġi rreklutat mill-EUCAP NESTOR fuq bażi kuntrattwali jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux provduti minn persunal sekondat mill-Istati Membri. Eċċezzjonalment, u f’każijiet debitament ġustifikati, fejn ma jkun hemm disponibbli l-ebda applikazzjoni kwalifikata mill-Istati Membri, ċittadini minn Stati terzi parteċipanti jistgħu jiġu reklutati fuq bażi kuntrattwali, skont il-każ.

▼M3

4.  Il-kondizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti li għandhom jiġu konklużi bejn il-EUCAP NESTOR u l-membru tal-persunal ikkonċernat.

▼B

Artikolu 8

Status ta’ EUCAP NESTOR u tal-persunal tiegħu

L-istatus tal-EUCAP NESTOR u tal-persunal tagħha, inkluż fejn adatt il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħrajn meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel ta’ EUCAP NESTOR, għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehim konkluż skont l-Artikolu 37 TUE u konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 9

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.  Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUCAP NESTOR. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għal dan il-għan konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 TUE. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat sabiex jinħatar Kap tal-Missjoni, fuq proposta mir-RGħ, u sabiex jiġu emendati l-Kunċett tal-Operazzjonijiet (CONOPS) u l-Pjan tal-Operazzjoni (OPLAN). Is-setgħat tad-deċiżjoni fir-rigward tal-objettivi u t-terminazzjoni tal-EUCAP NESTOR għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill.

2.  Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

3.  Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma tar-responsabbiltà tagħhom.

Artikolu 10

Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi

1.  Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija għat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna biex jikkontribwixxu għall-EUCAP NESTOR, sakemm dawn jerfgħu l-ispejjeż tal-persunal issekondat minnhom, inklużi s-salarji, l-assigurazzjoni li tkopri r-riskji kollha, l-allokazzjonijiet ta’ sostenn ta’ kuljum u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post ta’ skjerament, u sakemm dawn jikkontribwixxu għall-ispejjeż operattivi tal-EUCAP NESTOR, kif meħtieġ.

2.  L-Istati terzi li jikkontribwixxu għall-EUCAP NESTOR għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi f’termini ta’ ġestjoni ta’ kuljum ta’ EUCAP NESTOR bħall-Istati Membri.

3.  Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet proposti u sabiex jistabbilixxi Kumitat ta’ Kontributuri.

4.  L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehimiet konklużi konformement mal-Artikolu 37 TUE u arranġamenti tekniċi addizzjonali kif meħtieġ. Fejn l-Unjoni u Stat terz jikkonkludu ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dak l-Istat terz f’operazzjonijiet tal-Unjoni ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-EUCAO NESTOR.

Artikolu 11

Sigurtà

1.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jmexxi l-ippjanar ta’ miżuri tas-sigurtà tal-Kap tal-Missjoni u jiżgura l-implimentazzjoni tajba u effettiva minn EUCAP NESTOR konformement mal-Artikolu 5.

2.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà tal-EUCAP NESTOR u sabiex jiżgura konformità ma’ rekwiżiti minimi ta’ sigurtà applikabbli għall- EUCAP NESTOR, konformement mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-Unjoni f’kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-TUE, u mad-dokumenti li jappoġġawha.

3.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Uffiċjal Għoli tas-Sigurtà tal-Missjoni (SMSO), li għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib mas-SEAE.

4.  Il-persunal tal-EUCAP NESTOR għandu jingħata taħriġ obbligatorju ta’ sigurtà qabel ma jibda dmirijietu, f’konformità mal-OPLAN. Huwa għandu jingħata wkoll taħriġ regolari ta’ aġġornament fuq il-post organizzat mill-SMSO.

▼M3

5.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE ( 3 ).

▼B

Artikolu 12

Kapaċità tal-Għassa

Il-Kapaċità tal-Għassa għandha tiġi attivata għall- EUCAP NESTOR.

▼M3

Artikolu 12a

Arranġamenti legali

EUCAP NESTOR għandha l-kapaċità li takkwista servizzi u provvisti, tikkonkludi kuntratti u arranġamenti amministrattivi, timpjega persunal, jkollha kontijiet bankarji, takkwista u tiddisponi mill-assi, tħallas l-obbligazzjonijiet tagħha, u li tkun parti għal proċeduri legali, kif meħtieġ sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni.

▼M3

Artikolu 13

Arranġamenti Finanzjarji

▼M6

1.  L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUCAP NESTOR għall-perijodu mis-16 ta' Lulju 2012 sal-15 ta' Novembru 2013 għandu jkun ta' EUR 22 880 000 .

L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUCAP NESTOR għall-perijodu mis-16 ta' Novembru 2013 sal-15 ta' Ottubru 2014 għandu jkun ta' EUR 11 950 000 .

L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUCAP NESTOR għall-perijodu mis-16 ta' Ottubru 2014 sal-15 ta' Diċembru 2015 għandu jkun ta' EUR 17 900 000 .

L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUCAP NESTOR għall-perijodu mis-16 ta' Diċembru 2015 sat-12 ta' Diċembru 2016 għandu jkun ta' EUR 12 000 000 .

▼M5

2.  In-nefqa kollha għandha tiġi amministrata f'konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist mill-EUCAP NESTOR għandha tkun miftuħa mingħajr limitazzjonijiet. Barra minn hekk, m'għandha tapplika l-ebda regola ta' oriġini għall-prodotti mixtrija mill-EUCAP NESTOR.

▼M3

3.  EUCAP NESTOR għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tagħha. Għal dan il-għan, EUCAP NESTOR għandha tiffirma ftehim mal-Kummissjoni.

4.  Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar l-istatus ta' EUCAP NESTOR u l-persunal tagħha, EUCAP NESTOR għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe pretensjoni u obbligi li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-mandat li jibda mis-16 ta' Lulju 2014, bl-eċċezzjoni ta' kwalunkwe pretensjoni relatata ma' mġiba ħażina ħafna mill-Kap tal-Missjoni, li għalihom il-Kap tal-Missjoni għandu jġorr ir-responsabbiltà.

5.  L-implimentazzjoni tal-arranġamenti finanzjarji għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand kif previst fl-Artikoli 4, 5 u 6 u r-rekwiżiti operazzjonali tal-missjoni EUCAP NESTOR, inkluż il-kompatibbiltà tat-tagħmir u l-interoperabbiltà tat-timijiet tagħha.

6.  In-nefqa għandha tkun eliġibbli mis-16 ta' Lulju 2012.

▼M3

Artikolu 13a

Ċellula ta' proġetti

1.  EUCAP NESTOR għandu jkollha Ċellula ta' Proġetti għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti. EUCAP NESTOR għandha, kif meħtieġ, tikkoordina, tiffaċilita u tipprovdi konsulenza dwar proġetti implimentati mill-Istati Membri u l-Istati terzi taħt ir-responsabbiltà tagħhom, f'oqsma relatati mal-EUCAP NESTOR u b'appoġġ tal-objettivi tagħha.

2.  EUCAP NESTOR għandha tkun awtorizzata li tuża l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri jew ta' Stati terzi għall-implimentazzjoni ta' proġetti identifikati bħala li jissupplimentaw lil azzjonijiet oħra ta' EUCAP NESTOR b'mod konsistenti, jekk il-proġett ikun:

(a) previst fid-dikjarazzjoni finanzjarja relatata ma' din id-Deċiżjoni; jew

(b) integrat matul il-mandat permezz ta' emenda għad-dikjarazzjoni finanzjarja fuq talba tal-Kap tal-Missjoni.

EUCAP NESTOR għandha tikkonkludi arranġament ma' dawk l-Istati, li jkopri b'mod partikolari l-proċeduri speċifiċi għat-trattament ta' kull ilment minn partijiet terzi dwar ħsara kkawżata minħabba atti jew ommissjonijiet minn EUCAP NESTOR fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati. L-Istati Membri li jikkontribwixxu ma jistgħu f'ebda ċirkostanza jżommu lill-Unjoni jew lir-RGħ responsabbli għal atti jew ommissjonijiet minn EUCAP NESTOR fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati.

3.  Il-KPS għandu jaqbel dwar l-aċċettazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-Istati terzi għaċ-Ċellula ta' Proġetti.

▼B

Artikolu 14

Konsistenza tar-rispons u l-koordinazzjoni tal-Unjoni

1.  Ir-RGħ għandha tiżgura l-konsistenza tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni mal-azzjoni esterna tal-Unjoni fl-intier tagħha inkluż, il-programmi ta’ żvilupp tal-UE.

2.  Mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi f’koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun sabiex jiżgura l-konsistenza tal-azzjoni tal-Unjoni fir-reġjun tal-Qarn tal-Afrika.

3.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina mill-qrib mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri fir-Reġjun.

4.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoopera mal-atturi internazzjonali l-oħra fir-reġjun, b’mod partikolari l-Uffiċju Politiku tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) għas-Somalja, l-Uffiċju għad-Drogi u l-Kriminalità, il-Programm ta’ Żvilupp tan-NU u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.

5.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina mill-qrib ma’ Atalanta EUNAVFOR, il-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea sabiex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà Somali (EUTM Somalia), il-Proġett Marittimu ta’ Sigurtà u l-Programm tar-Rotot Marittimi Kritiċi.

Artikolu 15

Rilaxx ta’ informazzjoni u ta’ dokumenti

1.  Ir-RGħ għandha tkun awtorizzata tirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni, skont il-każ u skont il-ħtiġijiet ta’ EUCAP NESTOR, informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL” li jiġu ġenerati għall-finijiet ta’ EUCAP NESTOR, konformement mad- ►M3  Deċiżjoni 2013/488/UE ◄ .

2.  Ir-RGħ għandha tkun awtorizzata tirrilaxxa lin-NU u lill-Unjoni Afrikana (UA), u skont il-ħtiġijiet operattivi ta’ EUCAP NESTOR, informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” ġenerata għall-finijiet ta’ EUCAP NESTOR, konformement mad- ►M3  Deċiżjoni 2013/488/UE ◄ . L-arranġamenti bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tan-NU u l-UA għandhom jitfasslu għal dan il-għan.

3.  Fil-każ ta’ ħtieġa operattiva speċifika u immedjata, ir-RGħ għandha tkun awtorizzata wkoll tirrilaxxa lill-Istat ospitanti kwalunkwe informazzjoni tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” ġenerata għall-finijiet ta’ EUCAP NESTOR, f’konformità mad- ►M3  Deċiżjoni 2013/488/UE ◄ . L-arranġamenti bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti għandhom jitfasslu għal dan il-għan.

4.  Ir-RGħ hija awtorizzata tirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokument mhux klassifikat tal-UE relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar EUCAP NESTOR u li jkunu koperti mill-obbligu ta’ segretezza professjonali konformement mal-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ( 4 ).

5.  Ir-RGħ jista’ jiddelega s-setgħat imsemmija fil-paragrafi 1 sa 4, kif ukoll il-kapaċità li jikkonkludi l-arranġamenti msemmija fil-paragrafi 2 u 3 lil persuni li jinsabu taħt l-awtorità tiegħu/tagħha, lill-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili u/jew lill-Kap tal-Missjoni.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ u perijodu ta’ validità

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

▼M3

Dan għandu japplika sat-12 ta' Diċembru 2016.



( 1 ) ĠU L 327, 9.12.2011, p. 62.

( 2 ) ĠU L 89, 27.3.2012, p. 66.

( 3 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1.).

( 4 ) Id-Deċizjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).