Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RANTOS
ippreżentati fis‑6 ta’ Frar 2025 (1)
Kawża C‑423/23
Secab Soc. coop.
vs
Autorità di Regolazione per Energia Reti e Ambiente (ARERA),
Gestore dei servizi energetici (GSE) SpA
fil-preżenza ta’:
Presidenza del Consiglio dei Ministri,
Ministero della Transizione Ecologica,
Ministero dello Sviluppo Economico,
Associazione Italia Solare ETS,
Assoidroelettrica,
Elettricità Futura - Unione delle imprese elettriche italiane
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardija, l-Italja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Direttiva (UE) 2019/944 – Regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku – Artikolu 5 – Prezzijiet ta’ provvista bbażati fuq is-suq – Direttiva (UE) 2018/2001 – Promozzjoni tal-użu tal-enerġija ġġenerata minn sorsi rinnovabbli – Regolament (UE) 2022/1854 – Intervent ta’ emerġenza biex jilqa’ għall-prezzijiet għoljin tal-enerġija – Artikolu 6 – Limitu obbligatorju fuq id-dħul miksub mis-suq – Artikolu 8 – Miżuri nazzjonali f’każ ta’ kriżi – Limitu fuq id-dħul tas-suq miksub mill-produtturi tal-enerġija li jużaw ċerti sorsi ta’ enerġija rinnovabbli – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tiggarantixxi lill-produtturi li jżommu 10 % mid-dħul li jaqbeż tali limitu – Preservazzjoni tal-investimenti fis-settur tal-enerġija rinnovabbli”
I. Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li tressqet mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardija, l-Italja), tirrigwarda b’mod partikolari l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva (UE) 2019/944 (2), il-premessi 2, 3 u 12 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 (3) kif ukoll il-premessi 27, 28, 29, 39, l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8(2)(b) u (c) tar-Regolament (UE) 2022/1854 (4).
2. Din it-talba toriġina minn tilwima bejn Secab Soc. coop., kumpannija kooperattiva li topera fis-settur tal-produzzjoni tal-elettriku u l-Autorità di Regolazione per Energia Reti e Ambiente (ARERA) (l-Awtorità li Tirregola l-Enerġija, in-Networks u l-Ambjent, l-Italja, iktar ’il quddiem l-“ARERA”) kif ukoll ma’ Gestore dei servizi energetici (GSE) SpA (il-ġestjonarja tas-servizzi tal-enerġija, l-Italja, iktar ’il quddiem “GSE”), fir-rigward tal-legalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi limitu fuq id-dħul tas-suq miksub mill-bejgħ ta’ elettriku ġġenerat minn ċerti sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
3. Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu ffokati fuq l-analiżi tat-tieni domanda preliminari. Din tirrigwarda, essenzjalment, il-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi limitu fuq id-dħul tas-suq miksub mill-bejgħ tal-elettriku bil-modalitajiet li ma jippreservawx u ma jinċentivawx l-investimenti fis-settur tal-enerġija rinnovabbli.
4. Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tagħmel xi preċiżazzjonijiet għal dak li jirrigwarda l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni mill-Istati Membri tal-modalitajiet għall-kalkolu ta’ limitu fuq id-dħul tas-suq miksub mill-bejgħ tal-elettriku, f’kuntest speċifiku, ikkaratterizzat bi prezzijiet dejjem jogħlew tal-enerġija, b’mod partikolari tal-elettriku, li reċentement laħqu livelli eċċezzjonalment għoljin prinċipalment minħabba l-gwerra fl-Ukraina.
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
1. Id‑Direttiva 2018/2001
5. Skont il-premessi 2, 3 u 12 tad-Direttiva 2018/2001:
“(2) Skont l-Artikolu 194(1) tat-[TFUE], il-promozzjoni tal-forom tal-enerġija rinnovabbli hija waħda mill-għanijiet tal-politika tal-Unjoni dwar il-enerġija. Dak il-għan qed taħdem għalih din id-Direttiva [...]
(3) L-użu akbar ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli għandu wkoll rwol fundamentali fil-promozzjoni tas-sigurtà fil-provvista tal-enerġija, fl-enerġija sostenibbli bi prezzijiet aċċessibbli [...]
[...]
(12) Sabiex tappoġġa lill-Istati Membri fil-kontributi ambizzjużi biex tintlaħaq il-mira tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas finanzjarju bl-għan li jiġi ffaċilitat l-investiment fi proġetti tal-enerġija rinnovabbli f’dawk l-Istati Membri, inkluż permezz tal-użu ta’ strumenti finanzjarji.”
2. Id‑Direttiva 2019/944
6. L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/944, intitolat “Prezzijiet tal-provvista bbażati fis-suq” huwa fformulat kif ġej:
“1. Il-fornituri għandhom ikunu ħielsa li jiddeterminaw il-prezz li bih jipprovdu l-elettriku lill-klijenti. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjonijiet xierqa biex jiżguraw il-kompetizzjoni effettiva bejn il-fornituri.
[...]
3. B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri jistgħu japplikaw interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku lil klijenti domestiċi foqra jew vulnerabbli f’termini ta’ enerġija. Tali interventi pubbliċi għandhom ikunu soġġetti għall-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 4 u 5.
4. Interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku għandhom:
(a) ikunu mmirati lejn interess ekonomiku ġenerali u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiksbu dak l-interess ekonomiku ġenerali;
(b) ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorji u verifikabbli;
(c) jiggarantixxu aċċess ugwali lill-impriżi tal-elettriku tal-Unjoni għall-klijenti;
(d) għandhom ikunu limitati fiż-żmien u jkunu proporzjonati fir-rigward tal-benefiċjarji tagħhom;
(e) m’għandhomx jirriżultaw fi spejjeż addizzjonali għall-parteċipanti fis-suq b’mod diskriminatorju
[...]”
3. Ir‑Regolament 2022/1854
7. Il-premessi 24, 25, 27 sa 29, 39, 41 u 48 tar-Regolament 2022/1854 kienu jippreċiżaw dan li ġej:
“(24) Minħabba r-rwol tal-prezz fis-suq ta’ ġurnata bil-quddiem bħala referenza għall-prezz fi swieq oħra tal-elettriku bl-ingrossa, u l-fatt li l-parteċipanti kollha fis-suq jirċievu l-prezz tal-ikklerjar, it-teknoloġiji b’kostijiet marġinali ferm aktar baxxi ilhom mill-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna fi Frar 2022 jirreġistraw b’mod konsistenti dħul għoli, ferm iżjed mill-aspettattivi tagħhom meta ddeċidew li jinvestu.
(25) F’sitwazzjoni fejn il-konsumaturi jkunu esposti għal prezzijiet estremament għoljin li jagħmlu ħsara wkoll lill-ekonomija tal-Unjoni, huwa neċessarju li b’mod temporanju jiġi limitat id-dħul straordinarju tas-suq tal-produtturi b’kostijiet marġinali aktar baxxi, billi jiġi applikat limitu massimu fuq id-dħul tas-suq miksub mill-bejgħ tal-elettriku fl-Unjoni.
[...]
(27) Il-livell li fih il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq jiġi stabbilit jenħtieġ li ma jipperikolax il-kapaċità li l-produtturi inkwistjoni, inkluż il-produtturi tal-enerġija rinnovabbli, jirkupraw l-investiment u l-kostijiet operatorji tagħhom u jenħtieġ li jippreserva u jinċentiva investimenti futuri bil-kapaċità meħtieġa għal sistema tal-elettriku dekarbonizzata u affidabbli. Il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq, li huwa limitu massimu uniformi madwar l-Unjoni, hu l-aħjar mod biex jiġi ppreservat il-funzjonament tas-suq intern tal-elettriku, għaliex dan iżomm kompetizzjoni bbażata fuq il-prezzijiet bejn il-produtturi tal-elettriku abbażi ta’ teknoloġiji differenti, b’mod partikolari s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli.
(28) Filwaqt li l-livelli massimi okkażjonali u għal terminu qasir jistgħu jitqiesu bħala karatteristika normali f’suq tal-elettriku u jistgħu jkunu utli għal xi investituri biex jirkupraw l-investiment fil-ġenerazzjoni tagħhom, iż-żieda estrema u dejjiema fil-prezzijiet osservata minn Frar 2022 ’l hawn hija ferm differenti minn sitwazzjoni normali tas-suq ta’ livelli massimi okkażjonali tal-prezzijiet. Għalhekk, il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq jenħtieġ li ma jiġix stabbilit inqas mill-aspettattivi raġonevoli tal-parteċipanti fis-suq fir-rigward tal-livell medju tal-prezzijiet tal-elettriku fil-ħinijiet bl-akbar domanda għall-elettriku, qabel il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Qabel Frar 2022, minkejja d-differenzi fil-prezzijiet tal-elettriku bejn ir-reġjuni fl-Unjoni, fl-aħħar deċennji l-prezzijiet għoljin medji fis-suq tal-elettriku bl-ingrossa kienu ferm u konsistentement mistennija inqas minn EUR 180 għal kull MWh madwar l-Unjoni. Peress li d-deċiżjoni ta’ investiment inizjali tal-parteċipanti fis-suq ittieħdet abbażi ta’ aspettattiva li, bħala medja, il-prezzijiet ikunu aktar baxxi minn dak il-livell matul il-ħinijiet l-aktar intensivi, l-iffissar ta’ limitu massimu fuq id-dħul mis-suq ta’ EUR 180 għal kull MWh jikkostitwixxi livell ferm ogħla minn dawk l-aspettattivi inizjali tas-suq. Billi jitħalla marġni fuq il-prezz li l-investituri setgħu raġonevolment jistennew, huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq ma jmurx kontra l-valutazzjoni inizjali tal-profittabbiltà tal-investiment.
(29) Barra minn hekk, il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq ta’ EUR 180 għal kull MWh huwa konsistentement ogħla, inkluż marġni raġonevoli, mill-kost livellat tal-produzzjoni ta' enerġija (LCOE) attwali għat-teknoloġiji ta’ ġenerazzjoni rilevanti kollha, u dan jippermetti lill-produtturi li għalihom japplika jkopru l-investimenti u l-kostijiet operatorji tagħhom. Meta jitqies li l-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq iħalli marġni konsiderevoli bejn l-LCOE raġonevoli u l-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq, dan għalhekk ma jistax ikun mistenni li jfixkel l-investiment f’kapaċitajiet inframarġinali ġodda.
[...]
(39) Sabiex jitqies it-tħassib dwar is-sigurtà tal-provvista, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jistabbilixxu limitu massimu fuq id-dħul mis-suq b’mod li jippermetti lill-produtturi tal-elettriku jżommu 10 % tas-surplus tad-dħul ogħla mil-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq
[...]
(41) [L]-Istati Membri jżommu l-possibbiltà li jillimitaw aktar id-dħul tal-produtturi li għalihom japplika l-limitu massimu tad-dħul mis-suq [...]
[...]
(48) L-interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku jikkostitwixxu, fil-prinċipju, miżura li tfixkel is-suq. Għaldaqstant, interventi bħal dawn jistgħu jsiru biss bħala obbligi ta’ servizz pubbliku u jenħtieġ li jkunu soġġetti għal kondizzjonijiet speċifiċi. Attwalment, skont id-Direttiva (UE) 2019/944, il-prezzijiet jistgħu jiġu regolati għall-unitajiet domestiċi u għall-mikroimpriżi, filwaqt li għall-klijenti foqra u vulnerabbli tal-enerġija jistgħu jiġu regolati inqas mill-kost. Madankollu, minħabba ż-żieda eċċezzjonali attwali fil-prezzijiet tal-elettriku, is-sett tal-miżuri disponibbli għall-Istati Membri biex isostnu lill-konsumaturi jenħtieġ li jiġi estiż temporanjament billi tingħata l-possibbiltà li l-prezzijiet regolati jiġu estiżi għall-SMEs u billi jitħallew isiru prezzijiet regolati inqas mill-kost. Estensjoni bħal din tista’ tiġi ffinanzjata mil-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq.”
8. L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Limitu massimu obbligatorju fuq id-dħul mis-suq”, kien jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:
“1. Id-dħul mis-suq tal-produtturi miksub mill-ġenerazzjoni tal-elettriku mis-sorsi msemmija fl-Artikolu 7(1) għandu jkun limitat għal massimu ta’ EUR 180 għal kull MWh ta’ elettriku prodott.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq ikun japplika għad-dħul kollu mis-suq tal-produtturi [...]”
9. L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Applikazzjoni tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq tal-produtturi tal-elettriku”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq previst fl-Artikolu 6 għandu japplika għad-dħul mis-suq miksub mill-bejgħ tal-elettriku ġġenerat mis-sorsi li ġejjin:
[...]
(d) l-idroenerġija mingħajr ġibjuni;
[...]”
10. L-Artikolu 8 tal-istess regolament, intitolat “Miżuri nazzjonali ta’ kriżi”, kien jipprevedi:
“1. L-Istati Membri jistgħu:
(a) iżommu jew jintroduċu miżuri li jillimitaw aktar id-dħul mis-suq tal-produtturi li jiġġeneraw l-elettriku mis-sorsi elenkati fl-Artikolu 7(1), inkluż il-possibbiltà li ssir distinzjoni bejn it-teknoloġiji [...];
[...]
(d) jistabbilixxu limitu massimu speċifiku fuq id-dħul mis-suq miksub mill-bejgħ tal-elettriku prodott mill-faħam iebes;
[...]
2. Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom, f’konformità ma’ dan ir-Regolament:
(a) ikunu proporzjonati u mhux diskriminatorji;
(b) ma jipperikolawx is-sinjali ta’ investiment;
(c) jiżguraw li l-investimenti u l-ispejjeż operattivi jkunu koperti;
(d) ma jfixklux il-funzjonament tas-swieq tal-operaturi tal-elettriku, u b’mod partikolari, ma jaffettwawx l-ordni tal-mertu u l-formazzjoni tal-prezzijiet fis-suq tal-operaturi;
(e) ikunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni”.
11. L-Artikolu 10 tar-Regolament 2022/1854, intitolat “Distribuzzjoni tas-surplus tad-dħul”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-surplus kollu tad-dħul miksub mill-applikazzjoni tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq jintuża biex jiffinanzja miżuri li jsostnu lill-klijenti finali tal-elettriku u li jtaffu l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-elettriku fuq dawk il-klijenti, b’mod immirat.”
12. L-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dħul fis-seħħ u applikazzjoni”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:
“[...]
(c) l-Artikoli 6, 7, u 8 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Diċembru 2022 sat‑30 ta’ Ġunju 2023;
[...]”
B. Id‑dritt Taljan
1. Id‑Digriet Liġi Nru 4/2022
13. Id-Digriet Liġi Nru 4/2022, kif emendat permezz tal-legge n. 25 – Conversione in legge, con modificazioni, del decreto-legge 27 gennaio 2022, n. 4, recante misure urgenti in materia di sostegno alle imprese e agli operatori economici, di lavoro, salute e servizi territoriali, connesse all’emergenza da COVID-19, nonché per il contenimento degli effetti degli aumenti dei prezzi nel settore elettrico (il-Liġi Nru 25 ta’ Konverżjoni f’Liġi, b’Emendi tad-Digriet Liġi Nru 4 tas‑27 ta’ Jannar 2022 dwar il-Miżuri Urġenti Intiżi li Jappoġġjaw lill-Impriżi u lill-Operaturi Ekonomiċi, ix-Xogħol, is-Saħħa u s-Servizzi Territorjali, fil-Kuntest tal-Kriżi tal-COVID‑19, u sabiex Jillimita l-Effetti taż-Żidiet fil-Prezzijiet fis-Settur tal-Elettriku), tat‑28 ta’ Marzu 2022 (5) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 4/2022”), fih l-Artikolu 15a, intitolat “Miżuri Addizzjonali dwar l-Elettriku Ġġenerat minn Impjanti li Jużaw Sorsi Rinnovabbli”, li kien jipprovdi:
“1. B’effett mill‑1 ta’ Frar 2022 u sal‑31 ta’ Diċembru 2022, għandu jiġi applikat mekkaniżmu ta’ kumpens doppju fuq il-prezz tal-enerġija, għal dak li jikkonċerna l-elettriku mitmugħ lin-netwerk permezz ta’:
a) impjanti fotovoltajċi ta’ saħħa ogħla minn 20 kW li jibbenefikaw minn primjums fissi li jirriżultaw mill-mekkaniżmu tat-tariffa tax-xiri (Conto Energia), li ma jiddependux minn prezzijiet tas-suq;
b) l-impjanti ta’ saħħa ogħla minn 20 kW, li jużaw sorsi tax-xemx, idroenerġetiċi, ġeotermiċi u tar-riħ u ma jibbenefikawx mill-mekkaniżmi ta’ inċentivi, li daħlu fis-seħħ qabel l‑1 ta’ Jannar 2010.
[...]
3. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, GSE tikkalkola d-differenza bejn il-valuri msemmija fil-punti a) u b) kif indikat hawn taħt:
a) prezz ta’ riferiment daqs dak indikat fit-tabella [annessa ma’ dan] id-digriet liġi, għal kull żona tas-suq[, li jkun bejn 56 u 58 EUR kull MWh (ħlief fil-gżejjer ta’ Sardenia u ta’ Sicilia, li għalihom huwa ffissat il-prezz ta’ 61 EUR kull MWh u 75 EUR kull MWh rispettivament)] ;
b) prezz daqs:
1) għall-impjanti msemmijin fil-paragrafu 1 a) kif ukoll għall-impjanti imsemmijin fil-paragrafu 1 b) li jużaw is-sorsi tax-xemx, tar-riħ, ġeotermiċi u tal-ilma mix-xmajjar, il-prezz fis-siegħa tal-elettriku fiż-żona tas-suq jew, għall-kuntratti ta’ provvista konklużi qabel is‑27 ta’ Jannar 2022 li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 7, il-prezz indikat fil-kuntratti msemmija;
2) għall-impjanti msemmija fil-paragrafu 1 b), barra minn dawk imsemmijin fil-punt 1, il-medja aritmetika fix-xahar tal-prezzijiet fis-siegħa tal-elettriku fiż-żoni tas-suq, jew, għall-kuntratti ta’ provvista konklużi qabel is‑27 ta’ Jannar 2022, li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 7, il-prezz indikat fil-kuntratti msemmija.
4. Jekk id-differenza msemmija fil-paragrafu 3 tkun pożittiva, GSE għandha tħallas l-ammont korrispondenti lill-produttur. F’każ fejn din id-differenza tkun negattiva, GSE għandha tagħmel tnaqqis jew titlob mingħand il-produttur l-ammont korrispondenti.
[...]”
14. L-Artikolu 11(2) tad-decreto-legge n. 115 – Misure urgenti in materia di energia, emergenza idrica, politiche sociali e industriali (id-Digriet Liġi Nru 115 dwar il-Miżuri Urġenti fil-Qasam tal-Enerġija, tal-Kriżi tal-Ilma, tal-Politika Soċjali u Industrijali) tad‑9 ta’ Awwissu 2022 (6), kif emendat permezz tal-Liġi Nru 142 tal‑21 ta’ Settembru 2022, estenda sat‑30 ta’ Ġunju 2023 l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kumpens previst f’dan l-Artikolu 15a.
2. Il‑Liġi Nru 197/22
15. Il-legge n. 197 – Bilancio di previsione dello Stato per l’anno finanziario 2023 e bilancio pluriennale per il triennio 2023-2025 (il-Liġi Nru 197 dwar il-Baġit Previżjonali tal-Istat għas-Sena 2023 u l-Baġit Pluriannwali għat-Tliet Snin 2023‑2025) tad‑29 ta’ Diċembru 2022 (7) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 197/22”) hija, fl-Artikolu 1(30) tagħha huwa, ifformulata kif ġej:
“Skont ir-Regolament [2022/1854], b’effett mill‑1 ta’ Diċembru 2022 u sat‑30 ta’ Ġunju 2023, għandu jiġi applikat limitu fuq id-dħul tas-suq miksub mill-produtturi tal-elettriku, permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens f’direzzjoni waħda, għal dak li jikkonċerna l-elettriku mitmugħ lin-netwerk:
a) l-impjanti li jużaw sorsi rinnovabbli li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15a tad-[Digriet Liġi Nru 4/2022];
[...]”
III. Il‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
16. Secab hija kumpannija kooperattiva li topera fis-settur tal-produzzjoni tal-elettriku li tmexxi impjanti li jużaw l-idroenerġija tal-ilma mix-xmajjar. Sa fejn din il-kumpannija taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15a tad-Digriet Liġi Nru 4/2022 (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni kontenzjuża”), hija ġiet suġġetta għall-miżura li tistabbilixxi limitu massimu għad-dħul prevista f’din id-dispożizzjoni. Wara li rċeviet diversi kontijiet min-naħa ta’ GSE, l-imsemmija kumpannija adixxiet lit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardija), li hija l-qorti tar-rinviju, b’azzjoni intiża għall-annullament, b’mod partikolari, tal-kont maħruġ lilha minn GSE, fit‑18 ta’ Ottubru u l‑15 ta’ Novembru 2022, skont l-imsemmija dispożizzjoni. Insostenn tal-azzjoni tagħha, Secab issostni li d-dispożizzjoni kontenzjuża tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.
17. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjoni kontenzjuża, inizjalment prevista għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Frar 2022 u l‑31 ta’ Diċembru 2022, ġiet estiża bid-Digriet Liġi Nru 115/2022 tad-9 ta’ Awwissu 2022, kif emendat bil-Liġi Nru 142 tal-21 ta’ Settembru 2022, sat‑30 ta’ Ġunju 2023; li r-Regolament 2022/1854 daħal fis-seħħ biss fit‑8 ta’ Ottubru 2022; li dan tal-aħħar kien jipprovdi limitu ogħla fuq id-dħul u kamp ta’ applikazzjoni iktar wiesa’ minn dawk tad-dispożizzjoni kontenzjuża, u li l-paragrafi 30 sa 38 tal-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 197/22 daħħlu fis-seħħ, għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Diċembru 2022 sat‑30 ta’ Ġunju 2023, l-Artikoli 6 sa 8 ta’ dan ir-regolament, u eskludew madankollu l-impjanti li jużaw is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li kienu jaqgħu diġà taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, għalkemm ippreċediet ir-Regolament 2022/1854, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi, essenzjalment, id-dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li timplimenta dan ir-regolament għal dak li jirrigwarda l-enerġija ġġenerata minn sorsi rinnovabbli previsti abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni.
18. Din il-qorti żżid li d-dispożizzjoni kontenzjuża, l-istess bħar-Regolament 2022/1854, ġiet adottata bil-għan li tillimita temporanjament id-dħul eċċezzjonali li jiġi mis-suq li jagħmlu l-produtturi tal-enerġija li jġorru spejjeż indipendenti mill-evoluzzjoni tal-prezz tal-gass naturali peress li huma ma jużawhomx għall-produzzjoni, billi tapplika limitu fuq dan id-dħul eċċezzjonali u tqassam l-ammonti korrispondenti lill-klijenti finali. Madankollu, l-imsemmija qorti tesprimi dubji dwar il-modalitajiet konkreti stabbiliti mil-leġiżlatur Taljan biex jiffissa dan il-limitu.
19. L-ewwel, għal dak li jikkonċerna l-ammont tal-limitu fuq id-dħul previst mid-dispożizzjoni kontenzjuża, l-istess qorti tikkunsidra li, anki jekk il-prezz ta’ riferiment imsemmi fil-paragrafu 3 a) ta’ din id-dispożizzjoni huwa wisq ’il bogħod minn dak iffissat mill-Unjoni (8), huwa jkun ġust jekk ikun jikkorrispondi għall-medja aritmetika tal-prezzijiet f’kull żona tas-suq, irreġistrata bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l‑31 ta’ Diċembru 2020, u kkalkolata mill-ġdid skont l-inflazzjoni. Madankollu, hija tistaqsi jekk, fid-dawl tal-premessa 28 tar‑Regolament 2022/1854, kellux isir riferiment minflok għaż-żmien li matulu d-domanda kienet fl-ogħla livell qabel il-gwerra tal-Ukraina. Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li l-medja adottata mil-Leġiżlatur Taljan kienet tieħu inkunsiderazzjoni s-sena 2020, dak iż-żmien affettwata minn nuqqas ta’ funzjonament minħabba l-epidemija tal-COVID‑19 u li matulha l-prezz nazzjonali uniku laħaq livell storikament baxx. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju turi dubji fir-rigward tal-fatt jekk il-limitu previst mid-dispożizzjoni kontenzjuża huwiex proporzjonat u raġonevoli, u dan peress li dan tal-aħħar ma jiggarantixxix lill-produtturi li jżommu 10 % mid-dħul ogħla minn dan il-limitu, ħaġa li wara kollox hija mitluba mill-premessa 39 tar-Regolament 2022/1854.
20. It-tieni, din il-qorti tistaqsi dwar il-kapaċità tad-dispożizzjoni kontenzjuża li tipproteġi l-investimenti magħmula fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u t-twettiq ta’ tali investimenti fil-futur (9). L-imsemmija qorti tirreferi, barra minn hekk, għall-premessi 28 u 29 tar-Regolament 2022/1854, li jgħidu li, waqt l-iffissar tal-limitu, jeħtieġ li jitħalla “marġni raġonevoli” meta mqabbel mal-prezz li l-investituri setgħu jippretendu, sabiex dan il-limitu ma jkollux impatt fuq l-evalwazzjoni inizjali tal-profittabbiltà tal-investimenti, ħaġa li ma tteħditx inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur Taljan. Fil-fatt, id-dispożizzjoni kontenzjuża ma tillimitax ruħha biex tillimita l-kapaċità finanzjarja tal-impriżi li jipproduċu l-enerġija minn sorsi rinnovabbli biex jirrealizzaw l-investimenti tagħhom, iżda tnaqqar mill-fiduċja tal-investituri fit-tkabbir ta’ dan is-settur, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet minn daqshekk in-neċessità li “tippromwovi, fuq medda twila ta’ żmien, investimenti f’installazzjonijiet ġodda” (10).
21. Fl-aħħar nett, it-tielet, l-istess qorti tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni kontenzjuża mar-Regolament 2022/1854, b’mod partikolari, għal dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ eventwali differenza fit-trattament tal-produtturi li jużaw sorsi oħra ta’ enerġija u li ma humiex suġġetti għall-istess limitu, element li jista’ jagħti lok għal diskriminazzjoni fir-rigward ta’ ċerti produtturi, bħalma hija Secab, u jwasslu, konsegwentement, għal nuqqas ta’ funzjonament tas-suq (11).
22. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale Amministrativo Regionale per la Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 5(4) tad-Direttiva [2019/944], il-premessi 3 u 12 tad-Direttiva [2018/2001], il-premessi 27, 28, 29, 39 u kif ukoll l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament [2022/1854], jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tidentifika limitu fuq id-dħul tas-suq miksub mill-bejgħ ta’ elettriku bil-modalitajiet previsti mill-Artikolu 15a tad-Digriet Liġi Nru 4 tas-27 ta’ Jannar 2022 [...] li ma jiggarantixxix lill-produtturi ż-żamma ta’ 10 % mid-dħul ’il fuq mill-istess limitu?
2) L-Artikolu 5(4) tad-Direttiva [2019/944], il-premessi 2, 3 u 12 tad-Direttiva [2018/2001], [kif ukoll] il-premessi 27, 28, 29, 39, l-Artikolu 6(1), [u] l-Artikolu 8(2)(b) u (c) tar-Regolament 2022/1854, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tidentifika limitu fuq id-dħul tas-suq miksub mill-bejgħ ta’ elettriku bil-modalitajiet previsti mill-Artikolu 15 tad-Digriet Liġi Nru 4 tas-27 ta’ Jannar 2022 li ma tippreżervax u ma tinċentivax l-investimenti fis-settur tal-enerġija rinnovabbli?
3) Il-premessa 3 tad-Direttiva 2018/2001, il-premessi 27 u 41, l-Artikolu 7(1)(h)(i) u (j), [kif ukoll] l-Artikolu 8(1)(a) u (d) u (2) tar-Regolament 2022/1854 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tidentifika limitu fuq id-dħul tas-suq miksub mill-bejgħ ta’ elettriku bil-modalitajiet previsti mill-Artikolu 15 tad-Digriet Liġi [Nru 4/2022] li ma tipprevedi ebda limitu speċifiku għad-dħul miksub mill-bejgħ ta’ elettriku prodott minn faħam iebes u lanqas ma tipprevedi regolamentazzjoni ddifferenzjata b’rabta mid-diversi sorsi ta’ produzzjoni?”
23. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn Secab, GSE, il-Gvern Taljan, Belġjan u Grieg, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Secab, l-ARERA, GSE, Associazione Italia Solare ETS, Assoidroelettrica, Elettricità Futura - Unione delle imprese elettriche italiane, il-Gvern Taljan u Grieg kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw ukoll l-osservazzjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li nżammet fis‑6 ta’ Novembru 2024.
IV. Analiżi
A. Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
24. Qabel ma nipproċedi bl-analiżi tat-tieni domanda preliminari, li fuqha l-Qorti tal-Ġustizzja talbet li jkunu ffokati dawn il-konklużjonijiet, jeħtieġ li jiġu deċiżi l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma minn GSE u mill-Gvern Taljan.
25. Fil-fatt, GSE u l-Gvern Taljan isostnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba li r-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma ġewx osservati, meħud inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni tar-rinviju ma fihiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod utli għad-domanda magħmula. Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar preċiż, it-tieni domanda preliminari, dawn il-partijiet isostnu li l-qorti tar-rinviju tillimita ruħha biex tirriproduċi l-argumenti mressqa minn Secab fir-rikors tagħha quddiem dik il-qorti u ma tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja ebda element utli sabiex turi li l-limitu tad-dħul previst fuq livell nazzjonali suppost skoraġġixxa l-investimenti fis-settur tal-enerġiji rinnovabbli.
26. Għalkemm huwa veru li l-qorti tar-rinviju tirriproduċi fil-parti l-kbira l-argument ta’ Secab, jidhirli madankollu li dan il-fatt ma huwiex, minnu nnifsu, suffiċjenti biex jiġi konkluż li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli. Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta fil-fatt li hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (12). Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza u li r-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar dawn id-domandi huwa possibbli biss meta jkun jidher li l-interpretazzjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (13).
27. Issa, f’dan il-każ, dan ma huwiex il-każ. L-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju għandha relazzjoni diretta mas-suġġett tal-kawża prinċipali, peress li l-problema mqajma minn din it-tilwima ma hijiex ipotetika imma reali. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji biex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula.
B. Dwar it‑tieni domanda preliminari
28. Jeħtieġ li jiġi rrilevat, b’mod preliminari, li t-tieni domanda preliminari, kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, tidher li hija bbażata fuq il-premessa li d-dispożizzjoni kontenzjuża la tippreserva u lanqas ma tinċentiva l-investimenti fis-settur tal-enerġiji rinnovabbli. Issa, għandu jiġi kkonstatat, kif ġie espost fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma fiha ebda analiżi f’dan ir-rigward.
29. Għaldaqstant, jidhirli li, sabiex tingħata risposta utli għall-qorti tar-rinviju, jeħtieġ li t-tieni domanda preliminari tiġi rriformulata u jiġi kkunsidrat li permezz tagħha, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2019/944, il-premessi 2, 3 u 12 tad-Direttiva 2018/2001 kif ukoll il-premessi 27, 28, 29, 39, l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8(2)(b) u (c) tar-Regolament 2022/1854 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi limitu fuq id-dħul miksub mis-suq, billi tistabbilixxi dan il-limitu permezz tal-medja aritmetika tal-prezzijiet ikkonstatati fiż-żona tas-suq korrispondenti matul l-aħħar għaxar snin, ikkalkolati mill-ġdid skont l-inflazzjoni.
1. Dwar il‑kompatibbiltà tad‑dispożizzjoni kontenzjuża mad‑Direttiva 2018/2001
30. Għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2018/2001, jeħtieġ li jiġi osservat, mill-ewwel, li permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi biss l-interpretazzjoni tal-premessi 2, 3 u 12 ta’ din id-direttiva, mingħajr ma tidentifika ebda dispożizzjoni partikolari oħra tal-imsemmija direttiva li hija tali li tikkonkretizza dawn il-premessi u li, f’dan il-każ, tkun rilevanti għall-iskopijiet tal-kawża prinċipali jew li suppost inkisret.
31. Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li għalkemm jikkostitwixxu elementi importanti ta’ interpretazzjoni li huma ta’ natura li jiċċaraw ir-rieda tal-awtur ta’ att tal-Unjoni, il-preamboli ta’ tali att ma għandhomx valur legali vinkolanti (14). Konsegwentement, dawn ma jistgħux jiġu invokati b’mod iżolat, la biex iservu ta’ bażi għad-drittijiet jew obbligi fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet ekwivalenti jew komplementari fil-korp tad-direttiva u lanqas sabiex issir deroga mid-dispożizzjonijiet innifishom tal-att ikkonċernat jew sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati f’sens manifestament kuntrarju għall-formulazzjoni tagħhom (15).
32. Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jiġi rrilevat, għall-iskop ta’ kompletezza, li ma jirriżulta minn ebda mill-premessi 2, 3 u 12 tad-Direttiva 2018/2001 li dawn setgħu jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni f’din il-kawża. Fil-fatt, minn dawn il-premessi jista’ jiġi dedott biss li l-promozzjoni tal-użu tal-enerġija ġġenerata minn sorsi rinnovabbli tikkostitwixxi għan tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni u li l-Istati Membri kellhom jieħdu l-miżuri biex jiffaċilitaw l-investimenti fil-proġetti fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli (16).
33. Minn dan isegwi li l-premessi 2, 3 u 12 tad-Direttiva 2018/2001 imsemmija fit-tieni domanda preliminari ma jistgħux jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik tal-kawża prinċipali.
2. Fuq il‑kompatibbiltà tad‑dispożizzjoni kontenzjuża mad‑Direttiva 2019/944
34. Għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2019/944, jeħtieġ li jitfakkar, b’mod preliminari, li l-Artikolu 5 tagħha huwa intiż li jiggarantixxi kompetizzjoni effettiva għall-benefiċċju tal-konsumaturi filwaqt li jiżgura l-protezzjoni tal-klijenti residenzjali vulnerabbli u foqra f’termini ta’ enerġija.
35. B’mod iktar preċiż, il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li l-fornituri huma liberi li jistabbilixxu l-prezz li bih jipprovdu l-elettriku lill-klijenti u li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw kompetizzjoni effettiva bejn il-fornituri. L-imsemmi artikolu jirrikonoxxi, madankollu, li jista’ jirriżulta neċessarju, f’ċerti ċirkustanzi, li jkun hemm deroga minn dan il-prinċipju ġenerali. Il-paragrafu 3 tal-istess artikolu jipprevedi għaldaqstant li l-Istati Membri jistgħu jirrikorru għal interventi pubbliċi fuq l-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku lill-klijenti residenzjali vulnerabbli jew f’sitwazzjoni ta’ faqar f’termini ta’ enerġija, b’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 5. Dan il-paragrafu 4, imsemmi speċifikament fit-tieni domanda preliminari, jipprevedi sensiela ta’ kriterji ġenerali li l-interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku jkollhom jissodisfaw (17).
36. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan l-Artikolu 5 jikkonċerna l-interventi tal-Istati Membri fis-suq tal-elettriku lill-konsumaturi u jirrigwarda l-prezz tal-bejgħ tal-elettriku lill-konsumaturi finali mill-fornituri tal-elettriku. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni ma għandhiex x’taqsam ma’ intervent bħalma huwa dak previst fid-dispożizzjoni kontenzjuża, li jikkonċerna, min-naħa tiegħu, l-iffissar ta’ limitu fuq id-dħul miksub mill-produtturi tal-elettriku fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa, li huwa speċifikament irregolat mir-Regolament 2022/1854 (18).
37. Għandu jiġi rrilevat, barra minn hekk, li, għalkemm ma huwiex eskluż li l-iffissar ta’ tali limitu jkollu effett indirett fuq il-prezzijiet tal-bejgħ lill-konsumaturi finali, l-informazzjoni limitata pprovduta fid-deċiżjoni ta’ rinviju f’dan ir-rigward ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi mxebbha ma’ intervent tal-Istat fl-iffissar tal-prezz tal-provvista tal-elettriku lill-klijenti, li huwa, skont l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2019/944, fil-prinċipju, ipprojbit (19).
38. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-Regolament 2022/1854 għandu għanijiet ta’ interess ġenerali li huma simili għal dawk imfittxija mill-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2019/944 u, b’mod iktar speċifiku, għal dak tal-protezzjoni tal-konsumaturi, billi jwessa’ b’mod partikolari l-possibbiltajiet ta’ intervent li l-Istati Membri għandhom sabiex jappoġġjaw lill-konsumaturi li jkunu milqutin mill-kriżi tal-enerġija (20).
39. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2019/944 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
3. Fuq il‑kompatibbiltà tad‑dispożizzjoni kontenzjuża mar‑Regolament 2022/1854
40. Għal dak li jirrigwarda r-Regolament 2022/1854, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat, mill-ewwel, li dan ir-regolament jikkostitwixxi intervent urġenti biex jindirizza ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, li permezz tiegħu l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq joħloq qafas armonizzat għat-tqassim mill-ġdid tas-surplus tad-dħul sabiex ineħħi t-tħassib li jirrigwarda d-distorsjonijiet bejn il-produtturi li jistgħu jipperikolaw is-suq tal-enerġija (21).
41. Għaldaqstant, filwaqt li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2022/1854 jipprevedi li d-dħul mis-suq miksub mill-produtturi tal-elettriku li jkun iġġenerat mis-sorsi msemmija fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament huwa limitat għal massimu ta’ EUR 180 għal kull MWh ta’ elettriku ġġenerat, l-Artikolu 8(1)(a) tal-imsemmi regolament jawtorizza lill-Istati Membri sabiex iżommu jew jintroduċu miżuri li jillimitaw iktar dan id-dħul.
42. Jeħtieġ li jiġi kkonstatat, barra minn hekk, li, għalkemm ebda dispożizzjoni tar-Regolament 2022/1854 ma fiha indikazzjonijiet preċiżi fuq il-mod li bih il-limitu finalment iffissat mill-Istati Membri għandu jiġi kkalkolat, fil-każ fejn Stat Membru jagħżel li jiffissa limitu iktar baxx minn dak stabbilit mir-Regolament 2022/1854, dan il-limitu jkun meħtieġ li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament. B’hekk, huwa biss jekk jiġi kkonstatat li l-limitu ddefinit minn Stat Membru huwa tali li jikser il-kriterji stabbiliti skont din id-dispożizzjoni li dan il-limitu jkun jista’ jiġi kkunsidrat bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.
43. Wara li saru dawn il-kjarifiki, jeħtieġ li jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment dwar il-kwistjoni tal-iffissar tal-livell tal-prezz li fuqu japplika l-limitu fuq id-dħul, fejn din il-qorti tikkunsidra li d-dispożizzjoni kontenzjuża ma hijiex addattata biex tipproteġi u tinċentiva l-investimenti magħmulin fis-settur tal-enerġija rinnovabbli u li l-limitu fuq id-dħul miksub mis-suq ma huwiex proporzjonat u raġonevoli (22).
44. Jeħtieġ li jiġi nnotat, fl-ewwel lok, kif tfakkar fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li s-sempliċi fatt li l-ammont tal-limitu adottat mill-Gvern Taljan ikun iktar baxx minn dak stabbilit mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2022/1854 ma huwiex minnu nnifsu ta’ natura li jwassal għall-inkompatibbiltà tad-dispożizzjoni kontenzjuża ma’ dan ir-regolament. Fil-fatt, mill-formulazzjoni stess tal-imsemmi regolament, u, b’mod iktar preċiż, mill-Artikolu 8(1) tiegħu, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom, minn naħa, il-fakultà li jadottaw limitu iktar baxx mil-limitu massimu ta’ EUR 180 previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni u li huma għandhom, min-naħa l-oħra, ċertu marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilhom jiffissaw l-ammont ta’ dan il-limitu filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tas-suq nazzjonali tagħhom (23). Barra minn hekk, il-fatt li hemm differenza kbira bejn dan il-limitu u l-ammont stabbilit mir-Regolament 2022/1854, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, ma jistax ikun suffiċjenti, waħdu, biex iwassal għal konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà ma’ dan ir-regolament (24).
45. Fir-rigward tal-premessi 27, 28, 29 u 39 tar-Regolament 2022/1854 imsemmija mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda tagħha, dawn lanqas ma jistgħu jinqraw bħala li jimponu fuq l-Istati Membri metodoloġija preċiża fir-rigward tal-kalkolu tal-limitu. Għalkemm dawn il-premessi jistgħu, fil-fatt, jipprovdu indikazzjonijiet utli biex jiddefinixxu l-modalitajiet għall-iffissar tal-limitu inkwistjoni kif ukoll il-mod biex jiġu evitati l-eventwali effetti negattivi fuq l-investimenti, dawn ma jistgħux, minn daqshekk, jitqiesu bħala li jistabbilixxu regoli vinkolanti differenti jew li jmorru lil ’hinn mill-obbligi li għandhom l-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il quddiem ta’ dan ir-regolament (25).
46. Għal dak li jikkonċerna, b’mod iktar preċiż, id-dubji espressi minn din il-qorti fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-metodoloġija segwita mill-Gvern Taljan biex jiffissa l-ammont tal-limitu fid-dawl tal-premessi 28 u 29 tar-Regolament 2022/1854, jeħtieġ li jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi prinċipalment biex jispjegaw l-għażla tal-ammont tal-limitu ta’ EUR 180 għal kull MWh magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament kif ukoll biex jipprovdu indikazzjonijiet għall-Istati Membri fil-kuntest tal-kalkolu tal-limitu nazzjonali mingħajr, madankollu, ma jimponu xi modalità konkreta biex jiġi implimentat tali limitu (26), peress li l-uniku obbligu f’dan ir-rigward huwa l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament (27).
47. Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kriterji barra dawk tal-ammont stricto sensu tal-limitu u tal-modalitajiet tal-kalkolu tiegħu li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ dan il-limitu, huwa utli li jitfakkar li l-Artikolu 8(2)(b) u (c) tar-Regolament 2022/1854 jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li dan ikun iffissat f’livell li ma jipperikolax is-sinjali ta’ investiment u li jiżgura li l-ispejjeż tal-investiment u dawk operattivi jkunu koperti filwaqt li jippermetti lill-investituri li jagħmlu marġni raġonevoli meta mqabbel mal-prezz li huma setgħu jippretendu.
48. Jeħtieġ li jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-eżami tal-kompatibbiltà tal-livell tal-limitu magħżul mill-Gvern Taljan fid-dawl tal-parametri ċċitati iktar ’il fuq huwa bbażat fuq evalwazzjoni fattwali li tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tas-suq nazzjonali, liema evalwazzjoni taqa’, finalment, taħt il-kompetenza esklużiva tal-qorti tar-rinviju, peress li din għandha, barra minn hekk, id-data fattwali neċessarja f’dan ir-rigward (28). Madankollu, għalkemm huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa l-eventwali impatt negattiv li d-dispożizzjoni kontenzjuża jista’ jkollha fuq l-investimenti u, b’mod partikolari, il-kwistjoni ta’ jekk il-prezz ta’ riferiment ġiex iffissat f’livell li jmur lil ’hinn minn dawn l-aspettattivi u kienx jaqbeż il-limiti ta’ dak li seta’ jitqies bħala neċessarju u proporzjonat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tipprovdilha indikazzjonijiet f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, il-kriterji segwenti huma, fil-fehma tiegħi, rilevanti fil-kuntest tal-analiżi li l-qorti tar-rinviju ser tkun mitluba twettaq.
49. Jeħtieġ li jitfakkar, fl-ewwel lok, li bħala intervent ta’ emerġenza marbut mas-sitwazzjoni partikolari tas-suq li seħħet wara l-gwerra ta’ aggressjoni mmexxija mir-Russja kontra l-Ukraina, il-kamp ta’ applikazzjoni temporanja tad-dispożizzjoni kontenzjuża huwa limitat għal perijodu qasir ta’ żmien (29). Jeħtieġ li jiġi nnotat, f’dan ir-rigward, li l-miżuri previsti mir-Regolament 2022/1854 ma humiex, bħala tali, interventi permanenti fis-suq, imma jikkostitwixxu interventi ta’ darba intiżi li jindirizzaw ċirkustanzi eċċezzjonali.
50. Issa, id-dewmien ta’ miżura kif ukoll in-natura straordinarja tagħha huma kriterji li jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-eżami tan-neċessità u tal-proporzjonalità ta’ miżura partikolari sabiex tiġi evalwata l-portata tal-effetti tagħha (30), b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, jiġu eżaminati l-effetti fuq l-investimenti eżistenti fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, li huma, min-natura tagħhom, investimenti fit-tul. Dan japplika iktar, barra minn hekk, meta l-eżami jirrigwarda l-impatt tad-dispożizzjoni kontenzjuża fuq l-investimenti futuri li, fid-dawl tan-natura temporanja limitata tal-limitu inkwistjoni, x’aktarx ma jkunux suġġetti għal dan il-limitu, peress li ċ-ċiklu ta’ produzzjoni tal-parti l-kbira tal-impjanti jibda biss wara li tiskadi s-sistema inkwistjoni (31).
51. Jeħtieġ li jiġi rilevat, fit-tieni lok, li mill-formulazzjoni stess tar-Regolament 2022/1854 jirriżulta li l-limitu fuq id-dħul miksub mis-suq għandu jiġi ffissat b’mod li jkopri s-surplus tad-dħul, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni dak id-dħul li l-investituri ma setgħux jantiċipaw fil-mument tad-deċiżjoni ta’ investiment. Madankollu, mid-definizzjoni stess, tali profitti eċċezzjonali ma jistgħux jikkorrispondu għad-dħul li l-kumpanniji kkonċernati setgħu jippretendu kieku ċ-ċirkustanzi imprevedibbli fis-swieq tal-enerġija ma kinux seħħew (32).
52. Jeħtieġ li jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, invokat minn Secab, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li operatur ekonomiku jista’ jinvokah kontra kull intervent min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi maħsub sabiex jirrimedja xi falliment tas-suq, b’mod partikolari meta dan l-intervent jieħu l-forma ta’ intervent ta’ emerġenza wara avveniment mingħajr preċedent u għaldaqstant imprevedibbli. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-possibbiltà li persuna tinvoka dan il-prinċipju hija miftuħa għal kull operatur ekonomiku li fir-rigward tiegħu xi awtorità nazzjonali tkun tat lok għal xi aspettattivi fondati (33). Madankollu, meta operatur ekonomiku prudenti u avżat ikollu l-possibbiltà li jadotta miżura tali li taffettwa l-interessi tiegħu, huwa ma jkunx jista’ jinvoka l-benefiċċju ta’ tali prinċipju meta din il-miżura tiġi adottata. Minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li l-operaturi ekonomiċi ma humiex iġġustifikati li jibbażaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti, li tista’ tiġi mibdula fil-kuntest tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali.
53. Issa, f’dan il-każ, ebda aspettattivi ma setgħu jinħolqu lill-kumpanniji kkonċernati, bħala riżultat tal-aġir tal-awtoritajiet nazzjonali, fir-rigward tal-ksib ta’ tali dħul eċċezzjonali ladarba dawn l-awtoritajiet kienu intervjenew immedjatament biex jieħdu l-miżuri ta’ emerġenza sabiex jilqgħu għaż-żieda imprevedibbli tal-prezzijiet tal-gass. Fil-fatt, operatur ekonomiku prudenti u avżat għandu jistenna tali intervent fid-dawl tas-sitwazzjoni straordinarja u tal-impatt kbir tagħha mhux biss fuq is-suq tal-enerġija imma wkoll fuq l-ekonomija b’mod iktar ġenerali. Bl-istess mod, seta’, wisq inqas, ikun hemm, aspettattivi bbażati fuq ir-realizzazzjoni ta’ profitti li jirriżultaw minn sitwazzjoni straordinarja, li tali operatur ma setax jippretendi fil-mument li ġiet adottata d-deċiżjoni għall-investiment (34).
54. Jeħtieġ li jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-użu mill-Gvern Taljan ta’ kriterju oġġettiv ibbażat fuq il-kundizzjonijiet li kienu prevalenti fis-suq qabel il-kriżi tal-enerġija, bħalma hija l-medja aritmetika tal-prezzijiet matul l-għaxar snin ta’ qabel il-kriżi tal-enerġija, sabiex jistabbilixxi l-limitu, huwa, fil-fehma tiegħi, ta’ natura li jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament 2022/1854 fir-rigward tal‑aspettattivi tal-investituri fil-mument tal-investiment tagħhom, b’mod li jippermetti li jiġi ggarantit li l-limitu inkwistjoni jiġi ffissat f’livell ta’ prezz li l-investituri setgħu raġonevolment jantiċipaw (35).
55. Jeħtieġ li jiġi enfasizzat, it-tielet, li minn kliem ir-Regolament 2022/1854 stess jirriżulta li fost l-elementi li jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex jiġu evalwati l-effetti fuq l-investimenti tad-dispożizzjoni kontenzjuża, hemm l-istruttura ta’ spejjeż tal-impjanti kkonċernati u, b’mod partikolari, l-ispiża llivellata tal-enerġija (levelised cost of energy) (36) għat-teknoloġija inkwistjoni (37). Issa, jidhirli li l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu b’sorsi rinnovabbli u li jissemmew mid-dispożizzjoni kontenzjuża huma kkaratterizzati bi predominanza ta’ spejjeż fissi, peress li l-ispejjeż varjabbli huma iktar baxxi. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat ukoll mill-qorti tar-rinviju, dawn l-impjanti għandhom spejjeż li huma indipendenti mill-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-gass peress li ma jużawhx (bħala materja prima) għall-produzzjoni tal-enerġija. Mingħajr ħsara għall-verifika li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel, jidher li l-istruttura tal-ispejjeż tal-produtturi tal-enerġija rinnovabbli, bħalma hemm fil-każ ta’ Secab, baqgħet fil-parti l-kbira tagħha ma nbidlitx, minkejja ż-żieda imprevedibbli fil-prezzijiet tal-kombustibbli fossili u, b’mod partikolari, tal-gass, peress li din iż-żieda ma għandha ebda impatt fuq l-ispejjeż għall-ġenerazzjoni tal-enerġija ta’ dawn l-operaturi (38).
56. Għandu jiġi nnotat, ir-raba’, li l-mekkaniżmu ta’ ffissar ta’ limitu previst mid-dispożizzjoni kontenzjuża għandu, fir-realtà, “għan doppju”, peress li jippermetti, minn naħa, mhux biss l-iffissar ta’ limitu f’każ ta’ żieda eċċessiva fil-prezzijiet tas-suq, imma joħloq ukoll obbligu legali biex jiġu kkumpensati l-produtturi kkonċernati f’każ ta’ tnaqqis eċċessiv tal-prezzijiet tas-suq u, b’mod partikolari, meta l-prezzijiet bl-ingrossa jitbaxxew taħt il-prezz medju indikat (39). Madankollu, jekk dan il-prezz (ta’ riferiment) jiġi stabbilit f’livell li jippermetti lill-kumpanniji kkonċernati jkopru l-ispejjeż tagħhom u li jagħmlu “marġni raġonevoli” meta mqabbel mal-prezz li l-investituri setgħu jippretendu, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, dan il-mekkaniżmu jkun tali li jippreserva l-investimenti fl-enerġiji rinnovabbli.
57. Nirrileva, fit-tielet u l-aħħar lok, li l-miżuri introdotti mir-Regolament 2022/1854 ma humiex intiżi biss sabiex jippreservaw l-istruttura u l-funzjonament tas-swieq tal-enerġija fl-Unjoni, imma wkoll, b’mod iktar ġenerali, sabiex itaffu l-effetti negattivi li l-kriżi tal-enerġija kellha fuq l-ekonomija tal-Istati Membri u ċ-ċittadini Ewropej. Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar preċiż, il-protezzjoni tal-konsumaturi, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Artikolu 10 tar-Regolament 2022/1854 jipprevedi espressament li s-surplus tad-dħul li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-limitu jista’ jintuża sabiex jiffinanzja l-miżuri ta’ appoġġ lill-klijenti finali sabiex jittaffa l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-elettriku fuq dawn il-klijenti (40).
58. Għalkemm l-aspett marbut mal-protezzjoni tal-konsumaturi ma ssemmiex mill-qorti tar-rinviju, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, bħala intervent ta’ emerġenza maħsub sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interess pubbliku, ir-Regolament 2022/1854 joħloq bilanċ bejn, minn naħa, l-interessi tal-produtturi tal-enerġija, inkluż il-protezzjoni tal-investimenti tagħhom fl-enerġija rinnovabbli u, min-naħa l-oħra, dawk tal-konsumaturi. Għaldaqstant, il-mekkaniżmu għall-ġbir u t-tqassim mill-ġdid tas-surplus tad-dħul huwa ġġustifikat bil-bżonn li jintlaħaq bilanċ bejn dawn il-produtturi u, b’mod partikolari, dawk li bbenefikaw b’mod mhux mistenni miż-żieda imprevedibbli tal-prezzijiet tal-enerġija u l-konsumaturi tal-elettriku li ġew partikolarment affettwati miż-żieda fil-prezzijiet tal-elettriku wara l-kriżi tal-enerġija (41).
59. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari, kif irriformulata, fis-sens li l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2019/944, il-premessi 2, 3 u 12 tad-Direttiva 2018/2001, kif ukoll il-premessi 27, 28, 29, 39 u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2022/1854 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-limitu fuq id-dħul miksub mis-suq jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-medja aritmetika tal-prezzijiet ikkonstatati fiż-żona tas-suq korrispondenti matul l-aħħar għaxar snin, ikkalkolati mill-ġdid skont l-inflazzjoni, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2)(b) u (c) tar‑Regolament 2022/1854 ikunu ssodisfatti.
V. Konklużjoni
60. Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda preliminari magħmula mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardija, l-Italja) bil-mod kif ġej:
L-Artikolu 5(4) tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE, il-premessi 2, 3 u 12 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, kif ukoll il-premessi 27, 28, 29, 39 u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas‑6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li,
ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-limitu fuq id-dħul miksub mis-suq għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-medja aritmetika tal-prezzijiet ikkonstatati fiż-żona tas-suq korrispondenti matul l-aħħar għaxar snin, ikkalkolati mill-ġdid skont l-inflazzjoni, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2)(b) u (c) tar-Regolament 2022/1854 ikunu ssodisfatti.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125).
3 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2018, L 328, p. 82; rettifika fil-ĠU 2021, L 224, p. 42).
4 Regolament tal-Kunsill tas‑6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija (ĠU 2022, L 261, p. 1).
5 Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 73, tat‑28 ta’ Marzu 2022.
6 GURI Nru 185, tad‑9 ta’ Awwissu 2022.
7 Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 303, tad‑29 ta’ Diċembru 2022.
8 B’mod iktar preċiż, il-prezz ta’ riferiment iddefinit mid-dispożizzjoni kontenzjuża huwa ta’ EUR 56 sa 58 għal kull MWh skont iż-żona kontinentali kkonċernata, ta’ EUR 61 għal kull MWh għal Sardenia u ta’ EUR 75 għal kull MWh għal Sicilia, filwaqt li dak iffissat fl-Artikolu 6 tar-Regolament 2022/1854 huwa ta’ EUR 180 għal kull MWh.
9 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat‑8 ta’ Marzu 2022 (COM(2022) 108 finali), intitolata “REPowerEU: Azzjoni Ewropea konġunta għal enerġija iktar affordabbli, sigura u sostenibbli”, u l-premessa 2 tad-Direttiva 2018/2001, li jenfasizzaw l-importanza li jiġu ssostitwiti s-sorsi ta’ enerġija fossili u li jiġi mħeġġeġ l-użu ta’ sorsi rinnovabbli.
10 Il-qorti tar-rinviju ssemmi, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft (C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 103), u tad‑29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium (C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 110).
11 Peress li din il-problema tikkonċerna biss it-tielet domanda preliminari, li ma hijiex is-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet b’parametri speċifiċi, dan l-aspett tal-kawża prinċipali mhux ser jiġi deskritt ulterjorment.
12 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115, punti 55 u 56, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
13 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2024, INSS (Leave ta’ omm ta’ familja b’ġenitur wieħed) (C‑673/22, EU:C:2024:407, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).
14 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, Remia Com Impex (C‑10/23, EU:C:2024:259, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).
15 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, LEA (C‑10/22, EU:C:2024:254, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).
16 L-istess japplika, fil-fehma tiegħi, għal dak li jikkonċerna l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat‑8 ta’ Marzu 2022 (COM(2022) 108 finali), invokata mill-qorti tar-rinviju, li hija limitata sabiex tiddikjara b’mod ġenerali l-importanza tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni intiża li tissostitwixxi s-sorsi ta’ enerġija fossili b’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li l-użu tagħhom għandu jiġi mħeġġeġ.
17 B’mod iktar preċiż, dawn l-interventi għandhom ifittxu għan ta’ interess ekonomiku ġenerali, ikunu proporzjonati għalih, ikunu ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji u verifikabbli; jiggarantixxu lill-impriżi tal-elettriku tal-Unjoni aċċess ugwali għall-klijenti; ikunu limitati fiż-żmien u proporzjonati għal dak li jikkonċerna lill-benefiċjarji tagħhom, u ma jinvolvux spejjeż addizzjonali għall-atturi tas-suq b’mod diskriminatorju.
18 Għalkemm ma huwiex eskluż li ċerti operaturi, fid-dawl tal-integrazzjoni vertikali tagħhom, ikunu preżenti kemm fis-suq upstream tal-produzzjoni tal-elettriku kif ukoll dak downstream tad-distribuzzjoni, il-produtturi u l-fornituri tal-elettriku joperaw, fil-prinċipju, f’livelli differenti tas-suq.
19 Barra minn hekk, ir-raġuni li għaliha din id-dispożizzjoni tipprekludi d-dispożizzjoni kontenzjuża ma toħroġx b’mod ċar mid-deċiżjoni ta’ rinviju.
20 Għaldaqstant, filwaqt li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2019/944 huwa limitat għal kategorija ristretta ta’ konsumaturi, jiġifieri dawk biss ikkunsidrati bħala vulnerabbli, ir-Regolament 2022/1854 jippermetti madankollu li tiġi estiża temporanjament il-firxa ta’ miżuri disponibbli għall-Istati Membri biex jappoġġjaw il-kategoriji supplimentari ta’ konsumaturi. Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 48 ta’ dan ir-regolament.
21 Għall-kuntrarju tad-Direttivi 2018/2001 u 2019/944, li l-għan tagħhom huwa l-funzjonament globali tas-suq tal-enerġija u l-promozzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u li ġew adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 194 TFUE dwar il-politika tal-enerġija tal-Unjoni, ir-Regolament 2022/1854, min-naħa tiegħu, ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 122 TFUE u huwa intiż li jindirizza d-diffikultajiet serji ta’ provvista.
22 Għalkemm il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji fir-rigward tal-modalitajiet konkreti ddeterminati mil-leġiżlatur Taljan biex jistabbilixxi dan il-limitu, għandu jiġi kkonstatat, kif ukoll ġie rrilevat fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li ebda elementi ppreżentati fid-deċiżjoni ta’ rinviju ma jidhru li jindikaw li d-dispożizzjoni kontenzjuża ser tkun, b’mod konkret, tali li tikkomprometti l-investimenti fis-settur tal-enerġija rinnovabbli.
23 Din il-fakultà ġiet implimentata minn talinqas 17-il Stat Membru kif jirriżulta mir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rieżami tal-interventi ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija f’konformità mar-Regolament [2022/1854] tal-5 ta’ Ġunju 2023 (COM(2023) 302 finali).
24 Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni tar-Regolament 2022/1854 ma teżiġi li tali differenza tkun iġġustifikata.
25 Barra minn hekk, kif ġie mfakkar fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fl-assenza ta’ valur legali vinkolanti, premessa ma tistax tiġi invokata b’mod iżolat biex isservi ta’ bażi għal drittijiet jew obbligi fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet ekwivalenti jew komplementari fil-korp tar-regolament ikkonċernat.
26 L-istess japplika għal dak li jikkonċerna l-premessa 27 tar-Regolament 2022/1854, li hija limitata biex tgħid li l-livell li fih il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq jiġi stabbilit ma għandux jipperikola l-kapaċità tal-produtturi kkonċernati li jirkupraw l-investiment u l-kostijiet operatorji tagħhom u għandu jipproteġi u jinċentiva l-investimenti futuri bil-kapaċità meħtieġa għal sistema tal-elettriku dekarbonizzata u affidabbli. Madankollu, dan ma huwiex differenti mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2(b) u (c) ta’ dan ir-regolament. Għal dak li jirrigwarda l-premessa 39 tal-imsemmi regolament, ukoll imsemmija mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda tagħha, din tirreferi biss għall-possibbiltà tal-Istati Membri li jiffissaw il-limitu fuq id-dħul miksub mis-suq b’mod li jippermettu lill-produtturi tal-elettriku li jżommu 10 % mis-surplus tad-dħul lil ’hinn mil-limitu fuq id-dħul miksub mis-suq. Din il-premessa hija eventwalment rilevanti għall-iskopijiet tal-ewwel domanda preliminari imma ma hijiex rilevanti għat-tieni domanda preliminari li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet b’parametri speċifiċi.
27 F’dan il-każ, il-fatt li ċerti aspetti tad-dispożizzjoni kontenzjuża u, b’mod partikolari, il-metodoloġija segwita mill-Gvern Taljan għall-iffissar tal-limitu tidher li ma ssegwix il-modalitajiet imsemmija fil-premessa 28 tar-Regolament 2022/1854 jew ma tirriproduċihomx kompletament, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, ma jwassalx, fih innifsu, għall-konstatazzjoni dwar l-inkompatibbiltà tad-dispożizzjoni kontenzjuża ma’ dan ir-regolament.
28 Ma huwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar sensiela ta’ elementi fattwali li ma jinsabux fid-deċiżjoni ta’ rinviju li tressqu minn Secab u l-partijiet intervenuti l-oħra insostenn tal-konklużjonijiet tagħha, bħalma huma l-kunsiderazzjonijiet relatati mat-trattament fiskali u mal-kundizzjonijiet għad-deprezzament tal-investimenti mwettqa fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-istess japplika, għal dak li jikkonċerna, parametri oħra tas-settur tal-idroenerġija li, skont Secab, affettwaw lil dan is-settur, bħalma huwa t-tnaqqis fil-produzzjoni dovuta għal kundizzjonijiet meteoroloġiċi sfavorevoli kif ukoll iż-żieda fit-tariffi għall-produzzjoni tal-idroenerġija.
29 Ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
30 Jeħtieġ li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-applikazzjoni, ta’ natura temporanja, tad-dispożizzjoni kontenzjuża ma ġietx imtawla lil ’hinn mit-terminu previst fl-Artikolu 22 tar-Regolament 2022/1854, jiġifieri t‑30 ta’ Ġunju 2023.
31 Konsegwentement, huwa diffiċli li jiġi kkonċepit, minn naħa, minn perspettiva fit-tul, kif l-investimenti fl-impjanti ġodda jistgħu jkunu mhedda mid-dispożizzjoni kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, kif din tal-aħħar tnaqqar mill-fiduċja tal-investituri fit-tkabbir tal-enerġija rinnovabbli.
32 Is-sempliċi fatt, barra minn hekk, li ċerti investimenti fis-settur tal-enerġija rinnovabbli twettqu qabel l-introduzzjoni tal-limitu fuq id-dħul miksub mis-suq ma jfissirx evidentement li dawn l-investimenti jkunu ipso facto pperikolati bl-iffissar ta’ tali limitu.
33 Ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑1 ta’ Marzu 2022, Milis Energy et (C‑306/19, C‑512/19, C‑595/19 u C‑608/20 sa C‑611/20, EU:C:2022:164, punt 44, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
34 Dan huwa minnu speċjalment għal dak li jikkonċerna lill-produtturi tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, bħal Secab, li, kif ġie espost fil-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandhom spejjeż marġinali ħafna inqas minn dawk ta’ produtturi oħra tal-elettriku u li d-dħul li kellhom minn meta bdiet il-gwerra fl-Ukraina huwa ħafna ogħla minn dak li stennew fil-mument li investew. Ara wkoll, f’dan is-sens, il-premessi 24 u 25 tar-Regolament 2022/1854.
35 Fil-fatt, bla ħsara għall-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, jidher li l-metodoloġija użata mill-Gvern Taljan biex jistabbilixxi l-limitu kkontestat minn Secab tippermetti li tqiegħed lil din il-kumpannija fis-sitwazzjoni li fiha din kienet issib ruħha fl-assenza tal-kriżi tal-enerġija.
36 Din hija evalwazzjoni li tkejjel l-ispiża netta attwali tal-produzzjoni tal-elettriku għal produttur matul it-tul tal-ħajja tal-impjant tal-produzzjoni.
37 Ara l-premessa 29 tar-Regolament 2022/1854.
38 Dan jispjega wkoll l-għażla tal-leġiżlatur Taljan li jittratta b’mod differenti l-impjanti tal-enerġija skont l-użu, jew le, tal-kombustibbli fossili, bħalma huwa l-gass, għall-produzzjoni tal-enerġija, fejn l-impjanti li jużawh ma humiex suġġetti għal-limitu. Din is-soluzzjoni hija konformi ma’ dik adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 33 tar-Regolament 2022/1854, li tgħid li “[l]-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq jenħtieġ li ma japplikax għal teknoloġiji b’kostijiet marġinali għoljin fir-rigward tal-prezz tal-fjuwil tal-input neċessarju għall-produzzjoni tal-elettriku, bħal impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-gass u bil-faħam iebes, billi l-kostijiet operatorji tagħhom ikunu ferm ogħla mil-livell tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq u l-applikazzjoni tiegħu tipperikola l-vijabbiltà ekonomika tagħhom”.
39 Jeħtieġ li jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li s-sistemi li jillimitaw id-dħul ’il fuq minn ċertu livell, imma li jiggarantixxu, bħala korrispettiv, prezz minimu meta l-prezz tas-suq ikun inqas minn ċertu livell huma spiss użati fil-kuntest ta’ sistemi ta’ inċentivi għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli. Għalkemm dawn huma differenti mid-dispożizzjoni kontenzjuża, tali mekkaniżmi huma intiżi li jippreservaw il-profittabbiltà u s-sigurtà tal-investimenti billi jiggarantixxu lill-benefiċjarju tal-inċentiv remunerazzjoni globali kostanti għall-enerġija ġġenerata li tippermetti li tikkumpensa għall-investimenti magħmula għall-kostruzzjoni tal-impjant tal-elettriku, filwaqt li jipproteġu lill-imprenditur mir-riskji tal-prezz tas-suq matul iż-żmien, peress li t-tariffa fissa ggarantita tiżguralu li jirkupra l-ammont investit fil-kostruzzjoni tal-impjant. Ara, f’dan ir-rigward, l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implimentata mill-Gvern Taljan eżaminata fl-ambitu tal-kawża C‑514/23, Tiberis Holding, li fiha qegħdin jiġu ppreżentati l-konklużjonijiet tiegħi fl-istess jum.
40 Jeħtieġ li jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-protezzjoni tal-konsumaturi hija wkoll indirettament marbuta mal-istabbiltà tal-istruttura eżistenti tas-swieq tal-enerġija, fis-sens li l-impossibbiltà eventwali tal-klijenti li jonoraw il-kontijiet tal-elettriku tista’ thedded l-istabbiltà tas-swieq ikkonċernati. It-tqassim mill-ġdid tas-surplus tal-profitti lill-konsumaturi jippermetti għaldaqstant lil dawn tal-aħħar sabiex iħallsu l-kontijiet tagħhom u jikkontribwixxi b’dan il-mod sabiex is-suq jiġi protett mill-kollass, u b’hekk ikunu qegħdin jipproteġu, b’mod iktar ġenerali, il-funzjonament tiegħu.
41 Ara, f’dan ir-rigward, id-deċiżjonijiet magħquda 1 BvR, 460/23 - 1 BvR, 611/23, tat‑28 ta’ Novembru 2024, punti 94 sa 97, 107 u 115 sa 118, li jirrigwardaw il-kostituzzjonalità tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża li tikkonċerna l-intaxxar tas-surplus tal-profitti (maħsuba sabiex trażżan iż-żieda fil-prezzijiet tal-elettriku) (Strompreisbremse), li fihom il-Bundersverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Ġermanja) ċaħdet l-azzjonijiet kostituzzjonali mressqa mill-produtturi tal-enerġija kontra din il-leġiżlazzjoni billi għamlet enfasi, b’mod partikolari, fuq l-għan ta’ interess ġenerali marbut mal-protezzjoni tal-konsumaturi li kien iġġustifika l-intervent tal-Gvern Ġermaniż.