2.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 90/7


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/545

tal-31 ta' Marzu 2015

li tawtorizza t-tqegħid fis-suq taż-żejt tal-mikroalga Schizochytrium sp. (ATCC PTA-9695) bħala ingredjent alimentari ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2015) 2082)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-18 ta' Settembru 2013, lill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit, il-kumpanija DSM Nutritional Products talbithom li tqiegħed fis-suq iż-żejt b'livelli għolja ta' DHA (l-aċidu dokosaeżaneojku) tal-mikroalga Schizochytrium sp. bħala ingredjent alimentari ġdid. Il-varjetà tal-mikroalga hija speċifikata bħala l-American Type Culture Collection (ATCC) PTA-9695.

(2)

Fit-2 ta' April 2014, l-entità kompetenti tal-valutazzjoni tal-ikel tar-Renju Unit ħarġet l-ewwel rapport tal-valutazzjoni tagħha. Dak ir-rapport jikkonkludi li l-użu ta' dan iż-żejt tal-alga jissodisfa l-kriterji għal ikel ġdid stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

(3)

Fl-10 ta' April 2014, il-Kummissjoni għaddiet ir-rapport ta' valutazzjoni inizjali lill-Istati Membri l-oħra.

(4)

Matul il-perjodu ta' 60 jum stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 258/97, tqajmu xi oġġezzjonijiet motivati. B'mod partikolari, l-oġġezzjonijiet kellhom x'jaqsmu l-aktar mal-livelli għolja ta' konsum tad-DHA. B'konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97, għandha tittieħed Deċiżjoni li tqis l-oġġezzjonijiet li saru. Għaldaqstant, l-applikant immodifika t-talba f'dak li għandu x'jaqsam mal-ammont massimu ta' DHA fis-supplimenti tal-ikel. B'din il-bidla u bl-spjegazzjonijiet l-oħra li ta l-applikant, ittaffa dan it-tħassib, u l-Istati Membri u l-Kummissjoni ġew issodisfati.

(5)

Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tistabbilixxi rekwiżiti dwar is-supplimenti tal-ikel. Ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi rekwiżiti dwar iż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra mal-ikel. Id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tistabbilixxi rekwiżiti dwar l-oġġetti tal-ikel għal użu ta' nutriment partikolari Id-Direttiva tal-Kummissjoni 96/8/KE (5) tistabbilixxi rekwiżiti dwar ikel maħsub sabiex jintuża f'dieti ta' restrizzjoni tal-enerġija għat-tnaqqis fil-piż. Id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/21/KE (6) tistabbilixxi rekwiżiti għall-ikel dietetiku għal skopijiet mediċi speċjali. Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/125/KE (7) tistabbilixxi rekwiżiti dwar ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar. Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/141/KE (8) tistabbilixxi rekwiżiti għall-formuli tat-trabi u formuli tal-prosegwiment. L-użu taż-żejt mill-mikroalga Schizochytrium sp. (ATCC PTA-9695) għandu jkun awtorizzat mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta' dawk il-leġiżlazzjonijiet.

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iż-żejt tal-mikroalga Schizochytrium sp. (ATCC PTA-9695) kif speċifikat fl-Anness I, jista' jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni bħala ingredjent alimentari ġdid għall-użi definiti u fil-livelli massimi stabbiliti fl-Anness II mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/46/KE, ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006, id-Direttiva 2009/39/KE, id-Direttiva 96/8/KE, id-Direttiva 1999/21/KE, id-Direttiva 2006/141/KE u d-Direttiva 2006/125/KE.

Artikolu 2

Id-deżinjazzjoni taż-żejt tal-mikroalga Schizochytrium sp. (ATCC PTA-9695) awtorizzata b'din id-Deċiżjoni għal fuq it-tikketti tal-oġġetti tal-ikel li jkun fihom dan l-ingredjent, għandha tkun “żejt tal-mikroalga Schizochytrium sp. (ATCC PTA-9695)”.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil DSM Nutritional Products, 6480 Dobbin Road, Columbia, MD 21045, l-Istati Uniti.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra mal-ikel (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 26).

(4)  Id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-oġġetti tal-ikel għal użu ta' nutriment partikolari (ĠU L 124, 20.5.2009, p. 21).

(5)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 96/8/KE tas-26 ta' Frar 1996 dwar ikel maħsub sabiex jintuża f'dieti ta' restrizzjoni tal-enerġija għat-tnaqqis fil-piż (ĠU L 55, 6.3.1996, p. 22).

(6)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/21/KE tal-25 ta' Marzu 1999 dwar l-ikel dijetetiku għal skopijiet mediċi speċjali. ĠU L 91, 7.4.1999, p. 29.

(7)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/125/KE tal-5 ta' Diċembru 2006 dwar ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal żgħar (ĠU L 339, 6.12.2006, p. 16).

(8)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/141/KE tat-22 ta' Diċembru 2006 dwar formuli tat-trabi u formuli ta' prosegwiment u li temenda d-Direttiva 1999/21/KE (ĠU L 401, 30.12.2006, p. 1).


ANNESS I

L-ispeċifikazzjonijiet taż-żejt tal-mikroalga Schizochytrium sp. (American Type Culture Collection (ATCC) PTA-9695)

Test

Speċifikazzjonijiet

Aċidi grassi ħielsa

Mhux aktar minn 0,4 %

Il-valur perossidu (PV)

Mhux iktar minn 5,0 meq/kg ta' żejt

Sustanzi li ma jistgħux jinbidlu f'sapun

Mhux aktar minn 3,5 %

Kontenut ta' DHA

Mhux anqas minn 35 %

Aċidu dokosapentaenojku (DPA) n-6

Mhux aktar minn 6 %

Aċidi grassi trans

Mhux aktar minn 2,0 %


ANNESS II

L-użi awtorizzati taż-żejt tal-mikroalga Schizochytrium sp. (American Type Culture Collection (ATCC) PTA-9695)

Kategorija tal-ikel

Livell massimu tal-użu tad-DHA

Prodotti magħmula mill-ħalib għajr xarbiet magħmula mill-ħalib

200 mg/100 g jew għall-prodotti tal-ġobon 600 mg/100 g

Analogi magħmula mill-ħalib għajr xarbiet

200 mg/100 g jew għall-analogi tal-prodotti tal-ġobon 600 mg/100 g

Xaħam li jiddellek u ħwawar

600 mg/100 g

Ċereali tal-kolazzjon

500 mg/100 g

Supplimenti tal-ikel

250 mg ta' DHA kuljum kif jirrakkomanda l-manifattur għal popolazzjoni normali

450 mg ta' DHA kuljum kif jirrakkomanda l-manifattur għal nisa tqal u li jreddgħu

Ikel maħsub għall-użu f'dieti ristretti mill-enerġija għal tnaqqis fil-piż kif definit fid-Direttiva 96/8/KE

250 mg għal kull sostitut tal-ikel

Ikel ieħor għal użi nutrizzjonali partikolari kif tiddefinixxi d-Direttiva 2009/39/KE ħlief il-formula tal-ikel tat-trabi u ta' prosegwiment

200 mg/100 g

Ikel tad-dieta għal skopijiet mediċi speċjali

Skont ir-rekwiżiti nutrizzjonali partikolari tal-persuni li għalihom il-prodotti huma maħsuba

Prodotti tal-forn, (ħobż u panini), gallettini ħelwin

200 mg/100 g

Bars taċ-ċereali

500 mg/100 g

Xaħam għat-tisjir

360 mg/100 g

Xarbiet mhux alkoħoliċi (inklużi analogi tal-ħalib u xarbiet abbażi tal-ħalib)

80 mg/100 ml

Formula tat-trabi u formula tal-prosegwiment

Użat skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/141/KE

Ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar, inklużi dawk użati skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/125/KE

200 mg/100 g