|
10.11.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 376/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1658
tas-6 ta’ Novembru 2020
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) fir-rigward tal-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tal-Gvern tar-Repubblika tal-Użbekistan mal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (“il-Ftehim”) ġie ffirmat f’isem l-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 (1) fit-18 ta’ Novembru 2016 fis-sede tan-Nazzjonijiet Uniti f’New York, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. Il-Ftehim daħal fis-seħħ b’mod proviżorju fl-1 ta’ Jannar 2017 f’konformità mal-Artikolu 31(2) tiegħu. |
|
(2) |
Il-Ftehim ġie konkluż fis-17 ta’ Mejju 2019 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 (2). |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 29 tal-Ftehim, il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (il-‘Kunsill tal-Membri’) irid jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-adeżjoni ta’ gvern mal-Ftehim. |
|
(4) |
Il-Gvern tar-Repubblika tal-Użbekistan applika formalment biex jaċċedi għall-Ftehim. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kunsill tal-Membri jiġi mistieden, waqt sessjoni futura tiegħu, jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-adeżjoni tar-Repubblika tal-Użbekistan fir-rigward tal-ishma ta’ parteċipazzjoni fl-IOC u l-limitu ta’ żmien għad-depożitu tal-istrument ta’ adeżjoni. |
|
(5) |
Billi r-Repubblika tal-Użbekistan qed tiżviluppa s-setturi taż-żebbuġ tagħha fir-rigward tal-konsum u għandha l-ħsieb li tiżviluppa l-produzzjoni tagħha, l-adeżjoni tagħha taħt ċerti kondizzjonijiet tista’ ssaħħaħ l-IOC, b’mod partikolari fir-rigward tal-kisba ta’ uniformità fil-liġi nazzjonali u internazzjonali relatata mal-karatteristiċi tal-prodotti taż-żebbuġ, sabiex jiġi evitat kwalunkwe ostaklu għall-kummerċ. |
|
(6) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri, peress li d-deċiżjonijiet li ser jiġu adottati ser ikollhom effetti legali fuq l-Unjoni billi jħallu impatt fuq il-bilanċ deċiżjonali f ħdan il-Kunsill tal-Membri meta d-deċiżjonijiet ma jiġux adottati b’kunsens f’konformità mal-Artikolu 10(4) tal-Ftehim, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ waqt sessjoni futura tiegħu, jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, fir-rigward tal-kondizzjonijiet għall-adeżjoni tal-Gvern tar-Repubblika tal-Użbekistan mal-Ftehim, għandha tkun li tappoġġa l-adeżjoni tal-Gvern tar-Repubblika tal-Użbekistan għall-Ftehim, dment li:
|
(a) |
l-ishma ta’ parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Użbekistan jiġu kkalkulati skont il-formula stabbilita fl-Artikolu 11 tal-Ftehim, u |
|
(b) |
il-limitu ta’ żmien għad-depożitu tal-istrumenti tal-adeżjoni ma jeċċedix sena u nofs wara d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Membri. Jekk id-depożitu tal-istrument jiġi pospost, l-Unjoni, f’deċiżjonijiet sussegwenti li jridu jiġu adottati mill-Kunsill tal-Membri, tista’ tappoġġa l-estensjoni tal-perjodu għad-depożitu tal-istrument. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Novembru 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
M. ROTH
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 293, 28.10.2016, p. 2).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 139, 27.5.2019, p. 1).