|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/109 |
10.1.2025 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Allinjament tal-ekonomija ċirkolari u l-bijoekonomija fil-livell tal-UE u dak nazzjonali
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(C/2025/109)
Relatur:
Cillian LOHAN|
Konsulenta |
Agnieszka SZNYK (għar-relatur) |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
18.1.2024 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
2.10.2024 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
23.10.2024 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
591 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
192/2/3 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Jeħtieġ li tiġi żgurata koerenza mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-impenji meħuda fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli, l-ekonomija ċirkolari u l-miri usa’ dwar il-klima u l-bijodiversità. Bijoekonomija robusta tikkomplementa l-progress li sar fl-ekonomija ċirkolari u tippermetti tkabbir kompetittiv fi ħdan il-limiti planetarji, dment li jkun konsistenti mas-sostenibbiltà. |
|
1.2. |
Għandha tiġi sfruttata l-opportunità li għandha l-UE biex tkun fuq quddiem fil-livell dinji f’dan ir-rigward permezz ta’ strateġija tal-bijoekonomija li tkun ambizzjuża ħafna u koerenti. Għandhom jiġu offruti kemm jista’ jkun impjiegi sostenibbli u mħallsa tajjeb, inkluż f’reġjuni rurali u remoti. It-teknoloġija eżistenti tista’ tintuża biex jinġiebu prodotti u servizzi meħtieġa urġentement fis-suq biex jassistu l-innovazzjoni, u li jkunu appoġġjati minn pakkett leġiżlattiv b’saħħtu u interkonness dwar iċ-ċirkolarità. |
|
1.3. |
L-UE teħtieġ definizzjoni definita b’mod ċar tal-bijoekonomija sabiex tenfasizza b’mod espliċitu r-rabta tagħha mal-ekonomija ċirkolari u l-potenzjal tagħha bħala għodda għat-twettiq tal-iżvilupp sostenibbli. |
2. Kummenti ġenerali
|
2.1. |
Il-bijoekonomija għandha tiġi żviluppata fid-dawl tal-awtonomija strateġika, u jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-kompetittività kif definit preċedentement mill-KESE (1). B’mod speċifiku, il-kompetittività għandha tiżgura li n-negozji, ir-riċerka u l-innovazzjoni jiġu appoġġjati biex jinżammu l-istandards għoljin tal-UE, u li standards u ambizzjonijiet aktar baxxi barra mill-UE ma jintużawx bħala ġustifikazzjoni għat-tnaqqis tal-livell, bir-riżultat li jitbaxxew l-istandards fl-UE. |
|
2.2. |
Is-suċċess tal-inizjattivi tal-ekonomija ċirkolari biex jittrasformaw il-mudelli ta’ negozju u jissarrfu f’benefiċċji għall-konsumaturi għandu jintuża bħala mudell għal kif isir progress fl-integrazzjoni tal-bijoekonomija. Għandhom jiġu applikati t-tagħlimiet misluta, u għandha ssir enfasi akbar fuq l-aspetti soċjali ta’ mudell ekonomiku ġdid. |
|
2.3. |
Se jkun essenzjali li jinħoloq appoġġ finanzjarju għall-mexxejja innovattivi fis-settur tan-negozju biex jiġi żgurat li l-adottanti prekoċi ma jiġux penalizzati, b’mod partikolari fil-kuntest tal-iżgurar tal-kompetittività tal-UE. |
|
2.4. |
Il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari u n-network b’saħħtu tagħha, b’mod partikolari l-Grupp ta’ Koordinazzjoni tagħha, għandhom jintużaw biex jinkiseb tagħlim bejn il-pari u għall-kondiviżjoni tal-għarfien. Iċ-Ċentru ta’ Għarfien tal-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari jista’ jintuża biex jiġbor informazzjoni u għarfien espert dwar il-bijoekonomija (2) u jagħmilhom aċċessibbli. |
|
2.5. |
Abbażi tal-ħidma ta’ suċċess tal-Ambaxxaturi Żgħażagħ tal-Bijoekonomija tal-UE, nissuġġerixxu li tiġi stabbilita pjattaforma jew network parteċipattiv permanenti biex jirrappreżenta l-vuċi taż-żgħażagħ fi ħdan il-bijoekonomija, u biex iż-żgħażagħ jiġu inklużi bħala partijiet ikkonċernati fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. |
|
2.6. |
Il-bijoekonomija għandha tkun konsistenti mal-prinċipji taċ-ċirkolarità, speċjalment mal-prinċipju ta’ użu kaskata. Id-disinn ċirkolari applikat għall-prodotti tal-bijoekonomija u l-innovazzjoni għandu jitħeġġeġ, l-iskart għandu jiġi eliminat jew minimizzat u rkuprat, l-input tal-enerġija għandu jkun ċirkolari, u l-objettiv għandu jkun li naħdmu b’ċikli naturali. |
|
2.7. |
Il-bijoekonomija hija għażla strateġika li teħtieġ investiment, edukazzjoni u adattament. Faċilità b’saħħitha ta’ tagħlim bejn il-pari għandha tippermetti lil dawk involuti fil-bijoekonomija jitgħallmu minn xulxin u jiżviluppaw mudell ta’ tagħlim iterattiv, b’finanzjament li jkun faċilment aċċessibbli. Din l-edukazzjoni għandha tiġi inkluża wkoll fil-kurrikului għaż-żgħażagħ fl-iskejjel u fit-taħriġ vokazzjonali. |
|
2.8. |
Abbażi tar-riċerka u l-investiment preċedenti, għandu jkun disponibbli finanzjament speċifiku għar-riċerka u l-innovazzjoni biex jiġu massimizzati l-opportunitajiet tal-bijoekonomija. Dan se jgħin biex tiġi identifikata simbjożi industrijali u jiġu enfasizzati l-opportunitajiet għall-benefiċċji soċjali li jkunu fi ħdan il-limiti planetarji. |
|
2.9. |
Ċerti attivitajiet tal-użu tal-art li jinvolvu materjali bijoloġiċi jużaw sustanzi niġġiesa, prattiki li jiddegradaw il-ħamrija u attivitajiet li jirriżultaw f’aktar skart. Dawn l-attivitajiet tal-użu tal-art mhumiex awtomatikament parti mill-bijoekonomija fil-kuntest tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijoekonomija. |
|
2.10. |
L-inizjattiva BIOEAST tista’ tintuża bħala mudell għall-kooperazzjoni fis-settur. L-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, inklużi ħafna pajjiżi kandidati, għandhom rwol importanti fl-irkupru tal-bijomassa. |
3. Il-koerenza tal-politiki inklużi l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli
|
3.1. |
Huwa essenzjali li l-inizjattivi ta’ politika, bħall-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijoekonomija, ikunu koerenti ma’ politiki oħra relatati mal-Patt Ekoloġiku, il-Ftehim ta’ Pariġi , l-ekonomija ċirkolari u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. Inizjattivi rilevanti oħra jinkludu l-Qafas ta’ Ċertifikazzjoni għall-Assorbiment tal-Karbonju, il-Liġi tal-UE dwar ir-Restawr tan-Natura u l-ftehim proviżorju dwar l-imballaġġ, l-imballaġġ tal-plastik b’bażi bijoloġika u l-fajls relatati mal-ikel. Jista’ jiġi żviluppat Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Bijoekonomija flimkien mal-Att dwar l-Ekonomija Ċirkolari u l-Att dwar il-Bijoteknoloġija ppjanati. Dan jista’ jiżgura li bijoekonomija tal-UE tikkontribwixxi b’mod attiv biex jintlaħqu l-miri tal-klima u tal-bijodiversità. |
|
3.2. |
Huwa importanti li jinkiseb qbil dwar definizzjoni li tiċċara li l-bijoekonomija hija għodda biex jinkiseb żvilupp sostenibbli. F’dan ir-rigward, id-definizzjoni trid torbot il-bijoekonomija mal-aspetti ambjentali, soċjali u ekonomiċi bħala prijoritajiet konġunti u ugwali, waqt li fl-istess ħin tibqa’ konsistenti mad-definizzjonijiet użati mill-G20 (3) u n-Nazzjonijiet Uniti. Dan jista’ jiżgura strateġiji konsistenti fl-Istati Membri u r-reġjuni. |
|
3.3. |
Il-bijoekonomija għandha titqies li hija marbuta mal-ekonomija ċirkolari. L-ekonomija ċirkolari tipprovdi approċċ ibbażat fuq is-sistemi għall-ġestjoni sostenibbli tal-flussi tal-materjali li jippromovi l-użu mill-ġdid u r-riċirkolazzjoni tal-materja prima, xprunat mill-ekodisinn. Il-bijoekonomija tinkludi enfasi fuq l-istess prinċipji, iżda hija applikata għall-flussi bijoloġiċi. |
|
3.4. |
Il-bijoekonomija trid tkun konsistenti mal-Patt Blu. Huwa meħtieġ immappjar tal-użu tar-riżorsi biex jiġi kkalkulat il-volum tal-ilma għal kull prodott. Jinħtieġu rabtiet ċari mal-ekodisinn u mal-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi li jirriflettu s-saħħa tal-ekosistemi u tal-bnedmin biex tiġi żgurata l-koerenza tal-politika. |
|
3.5. |
Il-kompetittività għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest ta’ pożizzjonijiet preċedenti tal-KESE li kien hemm qbil dwarhom, u li jenfasizzaw li din m’għandhiex tkun skuża biex l-operat jitwettaq fl-aktar denominatur komuni baxx f’termini ta’ standards ekoloġiċi u soċjali u għandha dejjem tiġi eżaminata fil-kuntest tal-koerenza mal-impenji tagħna għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Dan jiġi enfasizzat b’mod partikolari fil-kuntest tar-rapport reċenti ta’ Draghi (4). |
4. It-teknoloġija u l-użu tal-art
|
4.1. |
It-teknoloġija avvanzata hija element importanti tal-bijoekonomija. Din tinvolvi avvanzi teknoloġiċi u innovazzjonijiet li jiżviluppaw komponenti bbażati fuq il-bijoloġija għall-prodotti biex jissostitwixxu dawk li bħalissa huma bbażati fuq il-fjuwils fossili jew inkella mhumiex sostenibbli. |
|
4.2. |
L-għodod diġitali u teknoloġiċi jixprunaw l-effiċjenza fil-bijoekonomija iżda m’għandhomx isiru l-objettiv. L-objettiv huwa l nimxu lejn ekonomija b’bażi bijoloġika u użu effiċjenti tal-proċessi bijoloġiċi naturali biex tittejjeb is-sostenibbiltà tal-mudell ekonomiku tagħna billi nibnu fuq prinċipji u approċċi ċirkolari. |
|
4.3. |
Il-bijoekonomija għandha l-għan li tikseb tranżizzjoni ġusta, billi tirrispetta l-prattiki tradizzjonali u s-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura. Dan huwa partikolarment importanti fis-settur agroalimentari li jinkludi ħafna eżempji ta’ azjendi agrikoli tal-familja żgħar sa medji li jużaw prattiki riġenerattivi tradizzjonali biex jipproduċu ikel ta’ kwalità għolja u ta’ valur għoli mingħajr ma jirrikjedu teknoloġija avvanzata jew diġitalizzazzjoni. Dan l-element m’għandux jintilef fl-isforz għal użu akbar ta’ teknoloġija avvanzata. Għandhom jiġu appoġġjati soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għall-ikel u l-ambjent. |
|
4.4. |
Il-biedja urbana, flimkien mal-kondiviżjoni tad-data appoġġjata teknoloġikament, tista’ tqassar il-ktajjen tal-provvista, u r-rabta maċ-ċentri tal-ikel ċirkolari tista’ tindirizza l-ħela tal-ikel, billi torbot iċ-ċirkolarità mal-bijoekonomija. Dawn l-opportunitajiet għandhom jitfasslu f’kollaborazzjoni mal-komunitajiet urbani. |
|
4.5. |
L-użu ta’ sistemi naturali biex jinħolqu bjar tal-karbonju jista’ jittejjeb u jitħeġġeġ. Foresta bijodiversa ġestita taħt forestrija ta’ kopertura kontinwa, kif huwa tipiku f’ħafna Stati Membri tal-UE, għandha diversi benefiċċji għall-elementi differenti tas-sostenibbiltà. Ħafna azjendi agrikoli diġà huma ġestiti b’tali mod li n-natura tissekwestra l-karbonju, pereżempju bl-użu ta’ prattiki riġenerattivi li jżidu l-ħżin tal-karbonju fil-ħamrija, u l-ħolqien u l-preservazzjoni ta’ ħabitats tar-ringieli ta’ sġajriet bħala konfini tal-għelieqi. Dawn il-prattiki jipprovdu mezz biex jintlaħqu l-miri tal-klima u tas-sostenibbiltà u jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti u ppremjati fil-qafas ta’ strateġija tal-bijoekonomija. Il-vijabbiltà kummerċjali tat-teknoloġija mekkanika tal-assorbiment tal-karbonju għadha dubjuża, avolja hija teknikament vijabbli. |
5. Element soċjali
|
5.1. |
Il-bijoekonomija għandha dimensjoni soċjali addizzjonali, meta jitqiesu l-persuni involuti fin-negozji assoċjati u l-benefiċċji għall-komunitajiet. |
|
5.2. |
F’termini ta’ strateġija rurali u l-iżvilupp u l-appoġġ ta’ żoni rurali u remoti, il-bijoekonomija toffri opportunitajiet biex jinħolqu impjiegi sostenibbli li jkunu mħallsa tajjeb, opportunitajiet, taħriġ u benefiċċji soċjali jekk tiġi żviluppata bir-reqqa u b’mod li jkun koerenti maċ-ċirkolarità u s-sostenibbiltà. |
|
5.3. |
Ir-rapport tad-Djalogu Strateġiku dwar il-futur tal-agrikoltura fl-UE (5) joffri opportunità biex jiġu integrati prinċipji ċirkolari, permezz tal-bijoekonomija, fil-ħolqien ta’ sistema tal-ikel reżiljenti fl-UE. L-appoġġ u l-finanzjament lil hinn mill-Politika Agrikola Komuni (PAK) għandhom jiġu identifikati biex jiġu massimizzati l-opportunitajiet u biex jiġi żgurat appoġġ komprensiv għall-bdiewa li jixtiequ jagħmlu t-tranżizzjoni. |
|
5.4. |
L-Istrateġija dwar il-Bijoekonomija hija opportunità biex jiġu stabbiliti l-pedamenti ta’ viżjoni għal Ewropa rurali, billi jitqies il-benesseri ta’ dawk li jgħixu fiż-żoni rurali u tingħata prijorità lill-prinċipji komplementari taċ-ċirkolarità li jippromovu ktajjen tal-provvista iqsar, it-tiswija u l-użu mill-ġdid. Għandha tiddeskrivi miżuri ta’ appoġġ biex tissaħħaħ il-pożizzjoni taż-żgħażagħ biex iġibu bidla trasformattiva fit-tiswir tal-futur tal-bijoekonomija. |
|
5.5. |
Il-benefiċċji usa’ għas-soċjetà jinkludu saħħa u benesseri akbar fil-livell tal-komunitajiet, frankar baġitarju assoċjat b’rabta mal-għoti tal-kura tas-saħħa, u riġenerazzjoni rurali. Tinħtieġ riċerka biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-prattiki tal-bijoekonomija tkun ekwa u ġusta, u biex jiġu enfasizzati l-opportunitajiet mentri nkunu realistiċi dwar l-isfidi. |
Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2024.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Oliver RÖPKE
(1) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Niżguraw il-futur tagħna — Il-mira klimatika Ewropea għall-2040 u l-perkors għan-newtralità klimatika sal-2050 aħna u nibnu soċjetà sostenibbli, prospera u ġusta (COM(2024) 63 final) (ĠU C, C/2024/4667, 9.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4667/oj); Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “Lesti għall-mira ta’ 55 %”: Nilħqu l-mira klimatika tal-UE għall-2030 fi triqitna lejn in-newtralità klimatika [COM(2021) 550 final] ( ĠU C 275, 18.7.2022, p.101).
(2) https://circulareconomy.europa.eu/platform/en.
(3) G20 High-Level Principles on Bioeconomy (Prinċipji ta’ Livell Għoli tal-G20 dwar il-Bijoekonomija, mhux disponibbli bil-Malti): https://www.g20.org/en/news/g20-reaches-consensus-and-establishes-high-level-principles-on-bioeconomy.
(4) https://commission.europa.eu/document/download/97e481fd-2dc3-412d-be4c-f152a8232961_en?filename=The%20future%20of%20European%20competitiveness%20_%20A%20competitiveness%20strategy%20for%20Europe.pdf.
(5) https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/priorities-2019-2024/european-green-deal/agriculture-and-green-deal/strategic-dialogue-future-eu-agriculture_mt.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/109/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)