31992R3068



Official Journal L 308 , 24/10/1992 P. 0041 - 0045
Finnish special edition: Chapter 11 Volume 20 P. 0034
Swedish special edition: Chapter 11 Volume 20 P. 0034


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3068/92

tat-23 ta' Ottubru 1992

li jimponi dazju definittiv anti-dumping fuq l-importazzjoni ta' potassium chloride li joriġina fil-Belarus, fir-Russja jew l-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2423/88 tal-11 ta' Lulju 1988 fuq il-protezzjoni kontra importazzjoni dumped jew issussidjata minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara li kkonsultat mal-Kumitat tal-Pariri kif stipulat f'dak ir-Regolament,

Billi:

A. DISPOSIZZJONIJIET PROVVIŻORJI

(1) Bir-Regolament (KEE) Nru 1031/92 [2], il-Kummissjoni imponiet disposizzjonijiet provviżorji ta' dazju anti-dumping fuq l-importazzjoni fil-Komunità ta' potassium chloride li joriġina fil-Belarus, fir-Russja jew l-Ukrajna. Bir-Regolament (KEE) Nru 2442/92 [3] il-Kunsill estenda dan id-dazju għal perjodu li ma jeċċedix ix-xahrejn.

B. PROĊEDURA SUSSEGWENTI

(2) Wara l-imposizzjoni ta' disposizzjonijiet provviżorji ta' dazju anti-dumping, l-esportaturi tal-Belorussja, tar-Russja u ta' l-Ukrajna, il-produtturi tal-Komunità u ċerti importaturi talbu u ngħataw smigħ mill-Kummissjoni. Huma ssottomettew ukoll kummenti bil-kitba.

(3) Il-kummenti orali u bil-kitba tal-partijiet ġew ikkunsidrati, u l-Kummissjoni bidlet il-konklużjonijiet tagħha skond dan fejn kien meħtieġ.

(4) Din l-investigazzjoni ma ġietx konkluża fi żmien il-perjodu speċifikat fl-Artikolu 7(9)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 2423/88 minħabba l-komplessità tal-proċedura, b'mod partikolari l-iċekkjar iddettaljat tal-ħafna figuri u l-argumenti li tressqu.

Ċ. PRODOTT, PRODOTT SIMILI

(5) Il-prodott li hu l-mira tal-proċediment hu l-potassium chloride jew il-potash muriate (imsemmi "potash"), u li normalment jintuża bħala fertilizzant fl-agrikoltura. L-informazzjoni miġbura waqt l-investigazzjoni turi illi l-potash hu disponibbli) f'żewġ gradi: (trab) standard jew (granulat). Kif spjegat fil-premessi 8 sa 10 tar-Regolament (KEE) Nru 1031/92, il-kontenut tal-potassa (kif espress bħala perċentwali tal-piż tal-prodott xott rappreżentat minn K2O) taż-żewġ gradi jvarja. Kull grad għandu tliet speċifiċi differenti: kontenut K2O ta' 40 % jew anqas, kontenut K2O ta' bejn 40 u 62 %, u kontenut K2O ta' iżjed minn 62 %. It-tliet speċifiċi jikkorrispondu għall-kodiċijiet NM 31042010, 31042050 u 31042090.

(6) Għall-għanijiet tal-konklużjonijiet preliminari, l-ispeċifikazzjoni "aktar minn 62 %" ġiet skartata, għar-raġunijiet mogħtija fil-premessa 10 tar-Regolamenti (KEE) Nru 1031/92.

Wara li semgħet il-kummenti li saru wara l-pubblikazzjoni tar-Regolamenti (KEE) Nru 1031/92, il-Kummissjoni ddeċidiet li tieħu l-ispeċifikazzjoni "aktar minn 62 %" in konsiderazzjoni għar-riżultanzi finali, billi ħareġ mill-informazzjoni miġbura illi għalkemm din l-ispeċifikazzjoni kienet l-aktar waħda użata fil-farmaċewtika u fl-industrija, il-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi tagħha kienu fil-parti l-kbira identiċi għall-ispeċifikazzjonijiet b'kontenut aktar baxx ta' potassa, u għaldaqstant setgħet tintuża minflokhom. Il-Kummissjoni għaldaqstant ikkunsidrat il-gradi u speċifikazzjonijiet differenti ta' potash bħala li jifformaw l-istess prodott.

Madankollu, għandu jiġi rrilevat illi, l-ispeċifikazzjoni bil-kontenut l-aktar ogħli ta' potassa, ma teżistix preżentement fil-forma granulata, milli jidher minħabba raġunijiet tekniċi jew ekonomiċi. Illi għaldaqstant mhux meħtieġ illi ssir distinzjoni bejn il-gradi standard u granulati fil-każ ta' potash b'kontenut K2O ta' aktar minn 62 %. Il-Kunsill jikkonferma dawn is-sejbiet.

D. DUMPING

(a) Valur normali

(7) Billi l-Belarus, ir-Russja u l-Ukrajna għadhom jitqiesu bħala pajjiżi illi l-ekonomiji tagħhom mhumiex fis-suq, il-valur normali kellu jiġi kkalkolat skond l-Artikolu 2(5) tar-Regolament (KEE) Nru 2423/88. L-għażla tal-Kanada t-tieni l-akbar produttur, ma kinitx ikkritikata mill-ebda waħda mill-partijiet, u għaldaqstant ġie stabbilit valur normali a bażi tal-pezzijiet domestiċi Kanadiżi fil-każ ta' potash granulat u fuq prezzijiet Kanadiżi u Amerikani għal potash standard, billi l-bejgħ mill-Kanada ta' dan il-prodott kien baxx biex jikkostitwixxi bażi relattiva għall-importazzjoni fil-Komunità mill-ex Unjoni Sovjetika.

(8) Billi l-ispejjeż tal-produzzjoni mill-minjieri tad-ditta li għenet fl-investigazzjoni kienu akbar mill-prezzijiet tas-suq Kanadiż u Amerikan, il-produtturi tal-Komunità talbu sabiex il-valur normali jiġi stmat a bażi ta' l-ispejjeż tal-produzzjoni ta' dik id-ditta. Madankollu, matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni vverifikat illi l-prezzijiet tas-suq Kanadiż u Amerikan għamluha possibbli biex produtturi oħra jagħmlu profitti f'operazzjonijiet normali tal-kummerċ. Irriżulta iżda illi d-ditta kienet qiegħda tinkorri spejjeż temporanji u eċċezzjonali miħabba s-sitwazzjoni speċjali taż-żona tal-Kanada fejn kienet tinsab il-minjiera, u minħabba illi l-minjiera kienet bdiet topera ftit taż-żmien qabel. Biex iżżid dawn l-ispejjeż ma' dawk ta' l-esportazzjoni minn dik li kienet l-Unjoni Sovjetika kien ikun inġust u kuntrarju għall-Artikolu 2 (5) (a) tar-Regolament (KEE) Nru 2423/88.

L-istabbilizzazzjoni ta' valur normali a bażi ta' livelli ta' prezzijiet fuq is-swieq kompetittivi Kanadiżi u Amerikani għaldaqstant hu approċċ raġjonevoli u xieraq. Il-Kunsill jikkonferma dak li rriżulta lill-Kummissjoni u dak li rriżulta fil-premessi 13 sa 16 tar-Regolament (KEE) Nru 1031/92.

(b) Prezz ta' l-esportazzjoni

(9) Il-prezzijiet ta' l-esportazzjoni tal-potash esportat mill-produtturi ta' dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika kienu determinat fil-manjiera deskritta fil-premessi 17 sa 20 tar-Regolament (KEE) Nru 1031/92, u skond it-termini ta' l-Artikolu 2(8)(b) tar-Regolament (KEE) Nru 2423/88.

(ċ) Paragun

(10) Il-valur normali u l-prezzijiet ta' l-esportazzjoni kienu mqabbla minn meta nħarġu mill-minjiera, operazzjoni waħda waħda.

(11) Ċerti importaturi ssikkaw għal aġġustament in konnessjoni ma' tnaqqis ta' l-ispejjeż dwar it-trasport bil-baħar, billi argumentaw illi huma użaw bastimenti li kienu irħas (meta mqabbla ma' kumpanniji oħra) milli kien il-każ mill-ex Unjoni Sovjetika għat-trasport bejn il-portijiet ta' dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika u l-Komunità.. L-ispejjeż magħżula mill-Kummissjoni kienu dawk attwalment imħallsa mill-esportatur prinċipali Il-Kummissjoni kkalkolat l-ispejjeż tat-trasport bil-baħar fuq dik il-bażi, u kisbet figura aktar baxxa minn dik stabbilita fir-Regolament (KEE) Nru 1031/92.

(12) In konnessjoni ma' l-ispejjeż tat-trasport bejn il-minjieri u l-portijiet ta' l-ex Unjoni Sovjetika, li kienu ġew ikkalkolati a bażi ta' minjieri u portijiet Kanadiżi kif deskritti fil-premess 20 tar-Regolament (KEE) Nru 1031/92, importatur qal illi għandu jittieħed kont tal-fatt illi waħda mit-tliet siti ta' produzzjoni (il-minjiera Belaruskali) kienet tinsab eqreb lejn port. Dan ġie kkunsidrat, u xejn ma nstab fir-rekord ta' l-istħarriġ jew fir-risposti ta' l-importaturi jew esportaturi li jindika li kien possibbli li jidditermina l-għajn tal-potash impurtat fil-Komunità mill-ex Unjoni Sovjetika, u għaldaqstant il-porzjoni illi kienet tiġi mill-eqreb minjiera. Il-Kummissjoni għaldaqstant iġġudikat illi jkun raġjonevoli u xieraq illi wieħed jassumi illi kull sit ikkontribwixxa porzjon ugwali ta' esportazzjoni ta' potash fil-Komunità. L-ispiża għat-trasport tal-potash bejn l-impjanti u l-portijiet fl-ex Unjoni Sovjetika kienet għaldaqstant iddeterminata a bażi ta' spejjeż tat-trasport Kanadiżi, filwaqt li ttieħdu in konsiderazzjoni d-distanzi bejn kull waħda mis-siti tal-produzzjoni fl-ex Unjoni Sovjetika u l-portijiet.

(13) L-esportaturi u xi importaturi qalu illi kien hemm differenza fil-grad fit-trattamenti anti-caking li suppost kienu neċessarji għal ċerti utenti finali li kienet tiġġustifika aġġustament 'l isfel tal-prezzijiet tal-potash mill-ex Unjoni Sovjetika. Fid-dawl tal-fatt illi l-karatteristiċi kimiċi tal-potash mill-Kanada, l-ex Unjoni Sovjetika u l-Komunità huma strettament identiċi, il-Kummissjoni kellha twarrab l-argument li jikkonċerna l-kwalità. In rigward għall-argument li jikkonċerna t-trattament anti-caking, il-Kummissjoni ma sabet l-ebda differenza fil-proċessi tal-manifattura, u l-investigazzjoni ma wriet l-ebda prova illi l-potash li joriġina mill-pajjiżi ta' l-ex Unjoni Sovjetika kien jeħtieġ xi tratament speċjali meta mqabbel ma' potash illi jkun ġej minn pajjiżi oħra biex jagħmluh tajjeb għall-użu. L-ebda aġġustament għaldaqstant ma nstab ġustifikat.

(14) Il-Kummissjoni, madankollu, osservat illi l-potash mill-ex Unjoni Sovjetika mhux dejjem kien jikkorrispondi ma' potash mill-Komunità u l-Kanada f'termini ta' daqs tal-kristall. L-esportaturi u numru ta' importaturi qalu ukoll illi l-esportazzjoni u t-trasport bil-baħar mill-ex Unjoni Sovjetika kienu anqas affidabbli, waqt illi dawn il-konsiderazzjonijiet ma jbiddlux il-karatteristiċi tal-prodott, il-Kummissjoni ħasbet illi aġġustament ta' 2 % raġonevoli fid-dawl ta' kif iħarsu l-konsumaturi lejn id-dehra tal-potash mill-ex Unjoni Sovjetika. Il-Kunsill jikkonferma dawn is-sejbiet.

E. MARĠINI TA' DUMPING

(15) L-eżami finali tal-fatti wera illi l-potash mir-Russja, il-Belarus u l-Ukrajna kien iddumpjat. Il-marġini ta' dumping hi ugwali għad-differenza bejn il-valur normali u l-prezz ta' l-esportazzjoni. In vista ta' kif l-esportaturi pparteċipaw fl-investigazzjoni u kif kienu organizzati u l-fatt illi kienu rrappreżentati minn organizzjoni statali waħda, marġini unika ta' dumping ġiet ikkalkolata għalihom kollha. Il-medja tal-marġini peżata ddumpjata hekk ikkalkolat kienet ta' 24 % tat-total tal-valur cif ta' l-esportazzjoni in kwistjoni. Il-Kunsill ikkonferma dawn is-sejbiet.

F. DANNI

(16) Il-Kummissjoni wriet illi fil-konklużjonijiet preliminari tagħha illi danni sostanzjali ġew ikkawżati lill-produtturi tal-Komunità (premessi 24 sa 33 tar-Regolament (KEE) Nru 1031/92). L-ebda argument ġdid ma tressaq in dan ir-rigward. Il-Kunsill jikkonferma illi l-produtturi tal-Komunità sofrew danni konsiderevoli.

G. GĦAQDA KAWŻALI BEJN ID-DUMPING U D-DANNI

(17) Fil-premessi 34 sa 37 tar-Regolament (KEE) Nru 1031/92, il-Kummissjoni wriet illi ż-żieda fil-volum ta' esportazzjoni ta' potash aktar irħis mill-pajjiżi ta' l-ex Unjoni Sovjetika kkoinċida ma telf dejjem jiżdied għall-industrija tal-Komunità. Il-partijiet kollha kkonċernati qablu illi s-suq fil-potash kien wieħed trasparenti u estremament sensittiv għal tibdil fil-prezzijiet. Għaldaqstant kien evidenti illi l-importazzjoni ta' potash mill-ex Unjoni Sovjetika bi prezzijiet taħt dawk imħallsa mill-industrija tal-Komunità kkawża lil dik l-industrija danni serji.

In rigward għal konsiderazzjonijiet oħra, il-possibbiltà ta' esportazzjoni minn għejun oħra li teffettwa l-industrija tal-Komunità ma setgħetx tiġi injorata. Madankollu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-effetti potenzali ta' tali importazzjoni u d-danni kkawżati mill-importazzjoni li hija s-suġġett ta' din il-proċediment,. Ir-raġuni għal dan kienet l-ammont relattivament żgħir fil-volum ta' importazzjoni minn għejjun oħra u n-nuqqas ta' provi illi kien hemm bejgħ taħt il-prezz tas-suq. Il-Kummissjoni kienet ukoll konxja illi d-domanda għall-potash kienet naqset fl-aħħar snin. L-effetti ta' din il-konsiderazzjoni, madankollu, kienu żganċjati mid-danni kkawżati minn importazzjonijiet mill-ex Unjoni Sovjetika. Fil-fatt id-danni huma indikati l-aktar minn telf aktar aċċentwat. L-investigazzjoni tal-Kummissjoni, madankollu, ma sabitx provi illi jippruvaw jew li setgħu jipprovaw illi l-prattiċi tal-management tal-produtturi tal-Komunità setgħu kkontribwew għad-danni subiti.

(18) Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel u għar-raġunijiet miġjuba fil-premessi 34 sa 37 tar-Regolament (KEE) Nru 1031/92, il-Kunsill jikkonferma illi l-importazzjoni li hi l-oġġett ta' dumping ta' potash mill-Belarus, mir-Russja u mill-Ukrajna, meħuda in isolament, ikkawżat danni serji lill-produtturi tal-Komunità.

H. DAZJU

(19) Il-Kummissjoni kkalkolat il-livell ta' dazju meħtieġ biex tneħħi d-danni skond il-metodu msemmi fil-premessa 38 tar-Regolament (KEE) Nru 1031/92. Ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni għal dan il-metodu u l-Kunsill ikkonferma li d-dazju definittiv għandu jkun ugwali għall-marġini tad-dumping.

In rigward il-forma tad-dazju, il-Kummissjoni inoltre tikkonsidra illi l-marġini ta' manoverabbiltà disponibbli għall-esportaturi f'pajjiżi li għad m'għandhomx ekonomija tas-suq, u l-effett fuq is-suq intier tal-potash ta' ukoll l-iċken twaqqigħ taħt il-prezz tas-suq, ifisser illi la rata fissa jew dazju ad valorem ma jkun ċert illi jneħħi d-danni kkawżati mid-dumping. Billi l-ebda argumenti ġodda ma ġew avvanzati fuq din il-kwistjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet illi dazju anti-dumping għandu jiġi adottat fil-forma ta' prezz minimu.

(20) Billi l-valur tal-prodotti hu essenzalment relatat mal-kontenut K2O tagħhom, il-prezz minimu għandu jiġi definittivament ikkalkulat għall-gradi standard u granulati ta' kull waħda mit-tliet speċifikazzjonijiet skond il-metodu preskritt fil-premessa 40 tar-Regolament (KEE) Nru 1031/92. Il-Kunsill jikkonferma dawn is-sejbiet.

I. INTERESS TAL-KOMUNITÀ

(21) Il-partijiet ma ppreżentawx aktar fatti jew argumenti li jikkonċernaw l-interess tal-Komunità lill-Kummissjoni. Il-Kunsill jikkonferma l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li jkunu jinsabu fil-premessi 41 sa 48 tar-Regolament (KEE) Nru 1031/92, illi huwa fl-interess tal-Komunità illi titneħħa l-ħsara ikkawżata mid-dumping osservat ta' oġġetti esportati mill-Belarus, mir-Russja u mill-Ukrajna, u b'hekk tnaqqas id-deklin tal-produzzjoni Komunitarja mingħajr ma tinnega lill-esportaturi kkonċernati aċċess għas-suq Komunitarju.

J. L-IMPRIZA

(22) L-esportaturi Belorussi, Russi u Ukranjani offrew illi jipproponu prezz ta' ftehim. Madankollu, l-offerta kkonċernat ftehim fil-prinċipju u ma kinitx ibbażata fuq xi prezz speċifiku. Il-Kummissjoni kkonsidrat dan il-ftehim sempliċi bħala inaċċettabbli fil-prinċipju, u informat lill-esportaturi kkonċernati bid-deċiżjoni tagħha u bir-raġunijiet għaliex ħasbet hekk.

K. IL-ĠBIR TA' DAZJU PROVVIŻORJU

(23) In vista tal-kobor tal-marġini anti-dumping stabbilita u l-grad ta' danni kkawżati lill-industrija tal-Komunità, il-Kunsill jiġġudika illi huwa meħtieġ illi jiġbor l-ammonti assigurati permezz ta' dazju provvisorja anti-dumping sal-livell ta' dazju definittiv, bil-bilanċ jiġi rrilaxxjat,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Dazju definittiv anti-dumping b'dan qiegħed jiġi impost fuq l-importazzjoni ta' potassium chloride (KCl) li taqa' fil-kodiċijiet tan-NM 31042010, 31042050 u 31042090, li toriġina fil-Belarus, fir-Russja u fl-Ukrajna.

Id-dazju għandu jkun ugwali għad-differenza bejn il-prezzijiet minimi murija hawn isfel u l-prezz nett, il-prezz ħieles-mal-fruntiera-tal-Komunità qabel ir-rilaxx mid-dwana:

- potassium chloride b'kontenut K2O ta' 40 % jew anqas:

- il-grad standard: ECU 57,95 kull tunnellata metrika ta' KCl (Kodiċi Taric 31042010*10),

- grad granulat: ECU 65,76 kull tunnellata metrika ta' KCl (Kodiċi Taric 31042010*20);

- potassium chloride b' kontenut K2O ta' aktar minn 40 % iżda anqas minn jew ugwali għal 62 %:

- grad standard: ECU 86,93 kull tunnellata metrika ta' KCl (Kodiċi Taric 31042050*10),

- grad granulat: ECU 98,65 kull tunnellata metrika ta' KCl (Kodiċi Taric 31042050*20);

- potassium chloride b' kontenut K2O ta' aktar minn 62 %: ECU 133,87 kull tunnellata metrika ta' KCl.

2. Id-disposizzjonijiet in vigore in rigward ta' dazji doganali għandhom jgħoddu.

Artikolu 2

L-ammonti assigurati mid-dazji provvisorji anti-dumping skond ir-Regolament (KEE) Nru 1031/92 għandhom jinġabru definittivament sal-livelli li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-dazji definittivi imposti fl-Artikolu 1(1).

Il-bilanċ ta' l-assigurazzjoni miġbura għandu jiġi rrilaxxjat.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-publikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-23 ta' Ottubru 1992.

F'isem il-Kunsill

Il-President

J. Cope

[1] ĠU L 209, tat-2.2.1988, pġ. 1.

[2] ĠU L 110, tat-28.4.1992, pġ. 5.

[3] ĠU L 243, tal-25.8.1992, pġ. 1.

--------------------------------------------------