European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1913

19.9.2025

REGOLAMENT (UE) 2025/1913 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Settembru 2025

li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1057 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 164, 175, 177 u 322 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Minħabba l-avvenimenti ġeopolitiċi u ekonomiċi maġġuri reċenti li fasslu mill-ġdid xi wħud mill-prijoritajiet politiċi strateġiċi tal-Unjoni, jeħtieġ jiġu previsti possibbiltajiet aktar strutturali li jippermettu lill-Istati Membri jindirizzaw dawk l-isfidi ġeopolitiċi strateġiċi urġenti u jiffokaw mill-ġdid ir-riżorsi tagħhom fuq prijoritajiet emerġenti ġodda.

(2)

L-objettivi ewlenin tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), huma li jappoġġjaw lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jiksbu l-inklużjoni soċjali u l-koeżjoni soċjali, li jiġi attivat is-suq tax-xogħol, u li jiġu mwettqa l-prinċipji u l-miri ewlenin tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Jenħtieġ li r-riprogrammazzjoni tar-riżorsi fl-ambitu tal-FSE+ ma ddgħajjifx l-approċċ soċjali tiegħu, iżda jenħtieġ li jsaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jiġġieled l-inugwaljanza.

(3)

Fl-opinjoni tas-6 ta’ Mejju 2025 dwar il-proposta leġiżlattiva li tifforma l-bażi għal dan ir-Regolament, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri saħqet li l-politika ta’ koeżjoni sikwit tintuża bħala għodda ta’ rispons f’każ ta’ emerġenza, u dan jissogra li jdgħajjef l-għanijiet u l-objettivi primarji fit-tul tagħha. Għaldaqstant, huwa essenzjali li jiġi żgurat li kwalunkwe miżura meħuda fil-kuntest ta’ emerġenzi ma tostakolax l-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni.

(4)

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkomplu juru li huma kapaċi li jirreaġixxu malajr għall-avvenimenti ġeopolitiċi u li huma lesti li jużaw riżorsi finanzjarji suffiċjenti biex isaħħu l-industrija tad-difiża tal-Unjoni. Fl-istess ħin, huwa tal-akbar importanza li nkomplu ninvestu fl-objettivi soċjali tal-Unjoni permezz tal-FSE+ peress li l-koeżjoni soċjali hija pedament tar-reżiljenza demokratika u tas-soċjetà tal-Unjoni, li hija essenzjali għall-għan li jiġi ffaċċjat it-theddid ta’ aggressjoni.

(5)

Il-White Paper Konġunta tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Marzu 2025 dwar il-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030 twitti t-triq għal unjoni Ewropea tad-difiża ta’ veru, anke billi tissuġġerixxi lill-Istati Membri jinvestu ħafna fid-difiża u fiċ-ċibersigurtà, inklużi kapaċitajiet b’użu doppju u t-tħejjija ċivili, u dan jenħtieġ li jitwettaq flimkien mal-infiq soċjali, il-ħolqien tal-impjiegi u l-opportunitajiet ta’ tiġdid tal-ħiliet u titjib tal-ħiliet. F’dak ir-rigward, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2025 intitolata “L-Unjoni tal-Ħiliet” (il-“Komunikazzjoni Unjoni tal-Ħiliet”) tistabbilixxi azzjonijiet biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi fil-ħiliet u l-iskarsezzi fil-ħiliet fl-Unjoni, inkluż permezz tal-Inizjattiva Patt għall-Ħiliet imsaħħa u razzjonalizzata, imsemmija f’dik il-komunikazzjoni, kif ukoll is-sħubijiet fuq skala kbira tagħha, b’mod partikolari s-Sħubija fuq Skala Kbira għall-Ajruspazju u d-Difiża. F’dak il-kuntest, jixraq li jiġu inkorporati inċentivi fil-FSE+ bil-għan li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-ħiliet fl-industrija tad-difiża. Sabiex l-Istati Membri jingħataw aktar flessibbiltà biex jirriallokaw ir-riżorsi għall-iżvilupp tal-ħiliet fl-industrija tad-difiża, l-ammonti allokati għal tali żvilupp jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għal rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika, iżda jenħtieġ li jitqiesu meta jikkontribwixxu għal tali rekwiżiti.

(6)

Il-FSE+ jista’ jintuża biex jiġi appoġġjat l-adattament għall-bidla tal-ħaddiema, l-intrapriżi u l-intraprendituri. F’konformità mal-miżuri ta’ dekarbonizzazzjoni proposti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Frar 2025 intitolata “Il-Patt għal Industrija Nadifa: Pjan direzzjonali konġunt għall-kompetittività u d-dekarbonizzazzjoni” u sabiex jiġi ffaċilitat aktar l-aġġustament industrijali marbut mad-dekarbonizzazzjoni tal-proċessi tal-produzzjoni u tal-prodotti, l-FSE+ jenħtieġ li jiffaċilita l-għoti tal-ħiliet, iż-żamma tal-impjiegi u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità matul il-proċess kollu ta’ dekarbonizzazzjoni, billi jipprovdi flessibbiltà fl-implimentazzjoni ta’ dak il-proċess. Dan jenħtieġ li jitwettaq f’konformità mal-objettiv li n-nies jiġu pprovduti b’mod regolari b’opportunitajiet tul il-ħajja ta’ tiġdid u titjib tal-ħiliet stabbiliti fil-Komunikazzjoni Unjoni tal-Ħiliet, inkluż permezz ta’ Garanzija tal-Ħiliet. Jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni partikolari għall-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi speċifiċi tar-reġjuni u ż-żoni rurali anqas żviluppati, li jenħtieġ li jibbenefikaw mit-tranżizzjoni ekoloġika, u li tiġi żgurata l-integrazzjoni tagħhom fl-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali usa’ tal-Unjoni.

(7)

Fid-dawl tal-importanza tal-kondizzjonijiet abilitanti orizzontali applikabbli għall-objettivi speċifiċi kollha u l-kriterji meħtieġa għall-valutazzjoni tal-issodisfar tagħhom, skont it-tifsira tal-Artikolu 15(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u tal-Anness III tiegħu, għall-użu effettiv u effiċjenti tal-appoġġ ġenerali tal-Unjoni mogħti minn dawk il-Fondi tal-Unjoni u l-ħtieġa li jiġi żgurat l-effett prattiku ta’ dawk il-Fondi tal-Unjoni, l-ammonti li jaqbżu l-ammont ta’ flessibbiltà msemmi fl-Artikolu 86(1), it-tieni subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament, li jikkorrispondu għal objettivi speċifiċi li huma soġġetti għal valutazzjoni negattiva mill-Kummissjoni abbażi tal-applikazzjoni ta’ dawk il-kondizzjonijiet abilitanti orizzontali, jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għal emenda jew trasferiment tal-programm abbażi tal-prijoritajiet il-ġodda u l-l-flessibbiltà previsti f’dan ir-Regolament. Tali miżura proporzjonata tikkostitwixxi inċentiva meħtieġa, maħsuba biex tiżgura li l-liġi u l-prattika tal-Istati Membri jkomplu jikkonformaw mal-kondizzjonijiet abilitanti orizzontali u li n-nefqa koperta mill-Fondi tal-Unjoni tissodisfa l-objettivi tal-Unjoni. Peress li r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) japplika b’mod orizzontali, l-istess rekwiżit jenħtieġ li japplika għall-ammonti li jikkorrispondu għall-impenji sospiżi mill-miżuri adottati abbażi ta’ dak ir-Regolament. L-ammonti fl-ammont ta’ flessibbiltà msemmija fl-Artikolu 86(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/1060 u li jikkorrispondu għall-objettivi speċifiċi soġġetti għal valutazzjoni negattiva mill-Kummissjoni abbażi tal-applikazzjoni tal-kondizzjonijiet abilitanti orizzontali jistgħu jkunu soġġetti għal emenda jew trasferiment tal-programm abbażi ta’ prijoritajiet ġodda, dment li tali prijoritajiet ġodda jikkonformaw mal-objettivi segwiti mill-kondizzjonijiet abilitanti orizzontali.

(8)

Il-FSE+ jipprevedi appoġġ għal investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP), li ġiet stabbilita bir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). STEP għandha l-għan li ssaħħaħ it-tmexxija teknoloġika tal-Unjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet fl-Unjoni. Sabiex jiġu provduti aktar inċentivi għal investimenti mill-FSE+ f’dawk l-oqsma kritiċi, jenħtieġ li tiġi estiża l-possibbiltà li l-Istati Membri jirċievu prefinanzjament akbar għall-emendi relatati tal-programmi. Il-prijoritajiet li jappoġġaw l-investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP taħt talba għal emenda tal-programm li ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2025 għandhom jirċievu l-prefinanzjament eċċezzjonali ta’ darba applikabbli fil-mument tal-preżentazzjoni ta’ dik it-talba.

(9)

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jwettqu riprogrammazzjoni sinifikattiva u ġusta, mingħajr ma jiddevjaw mill-objettivi ewlenin tal-FSE+, u jiffukaw ir-riżorsi fuq il-prijoritajiet strateġiċi tal-Unjoni msemmija f’dan ir-Regolament, mingħajr ma jikkawżaw aktar dewmien fl-implimentazzjoni ta’ programmi, jixraq li jiġu previsti aktar flessibbiltà. Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu jservi bħala opportunità biex jiġu indirizzati l-aspetti soċjali emerġenti tal-isfidi strateġiċi u l-prijoritajiet ġodda mingħajr preġudizzju għall-atti legali oħra tal-Unjoni jew għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss. L-Istati Membri jenħtieġ li jibbenefikaw minn żmien addizzjonali biex ilestu l-valutazzjoni tagħhom tal-eżitu tar-rieżami ta’ nofs it-terminu u l-preżentazzjoni tagħhom tat-talbiet għall-emendi relatati tal-programmi.

(10)

Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna qed ikollha impatt sproporzjonatament qawwi fuq ir-reġjuni tal-livell NUTS 2 li jmissu mar-Russja, mal-Belarussja jew mal-Ukrajna, li qed jirriżulta f’telf ta’ impjiegi, tnaqqis fl-attività ekonomika u l-esklużjoni soċjali. Sabiex tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni u tittaffa l-pressjoni fuq il-baġits nazzjonali kif ukoll biex tiddaħħal il-likwidità meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ investimenti ewlenin, jenħtieġ li jitħallas prefinanzjament addizzjonali ta’ darba għall-programmi mill-FSE+. Minħabba l-impatt negattiv tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, jenħtieġ li l-perċentwal ta’ prefinanzjament jiżdied aktar għal ċerti programmi li jkopru reġjun wieħed jew aktar tal-livell NUTS 2 li jmissu mar-Russja, il-Belarussja jew l-Ukrajna. Sabiex tiġi mħeġġa riprogrammazzjoni lejn prijoritajiet ewlenin fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu, il-prefinanzjament addizzjonali ta’ darba jenħtieġ li jkun disponibbli biss meta jintlaħaq ċertu livell limitu għar-riallokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji għal prijoritajiet kruċjali speċifiċi.

(11)

Barra minn hekk, biex jitqies iż-żmien meħtieġ biex l-investimenti jiġu ffukati mill-ġdid u biex ikun jista’ jsir l-aħjar użu tar-riżorsi disponibbli, l-iskadenzi għall-eliġibbiltà tan-nefqa u r-regoli tad-diżimpenn kif ukoll skadenzi oħra relatati mar-rekwiżiti fir-rigward tal-qafas ta’ prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja, ir-rappurtar u l-evalwazzjoni jenħtieġ li jiġu aġġustati għal programmi li jwettqu riallokazzjoni tar-riżorsi għal prijoritajiet strateġiċi.

(12)

Jenħtieġ li jkun possibbli li tiġi applikata rata ta’ kofinanzjament ogħla għall-prijoritajiet fi programmi li jkopru reġjun wieħed jew aktar tal-livell NUTS 2 li jmissu mar-Russja, il-Belarussja jew l-Ukrajna, minħabba l-impatt negattiv tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq dawk ir-reġjuni tal-livell NUTS 2.

(13)

L-iżvilupp tal-ħiliet u t-taħriġ tat-talent żagħżugħ kif ukoll tal-intraprendituri huma essenzjali għall-ħolqien tal-impjiegi, u l-istituzzjonijiet li jaħdmu fuq il-ħolqien u l-adozzjoni tal-ħiliet, b’mod partikolari l-istituti tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, jenħtieġ li jikkooperaw mill-qrib biex jallinjaw mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. F’dak il-kuntest, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jallokaw ukoll ir-riżorsi biex jattiraw it-talent żagħżugħ u l-intraprendituri, b’mod partikolari għar-reġjuni rurali u dawk anqas żviluppati, permezz ta’ inċentivi u taħriġ immirat.

(14)

Meta jemendaw il-programmi, l-Istati Membri jenħtieġ li jinkludu, fir-rigward tal-prijoritajiet iddedikati, u bil-parteċipazzjoni mill-qrib u sinifikattiva tas-sħab soċjali, obbligi fuq il-benefiċjarji li jirrispettaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg skont il-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali, il-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-ftehimiet kollettivi applikabbli.

(15)

Sabiex tappoġġja lill-Istati Membri fir-riprogrammazzjoni rapida u korretta tagħhom, il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprovdi kjarifiki tekniċi u appoġġ f’waqthom u ċari lil awtoritajiet ta’ ġestjoni, inkluż permezz ta’ sistema strutturata, billi twieġeb il-mistoqsijiet tekniċi, legali u proċedurali, b’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri introdotti b’dan ir-Regolament.

(16)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu indirizzati l-aspetti soċjali tal-isfidi strateġiċi, li l-investimenti jiġu ffukati mill-ġdid fuq prijoritajiet kritiċi ġodda u li jiġi ssimplifikat u aċċellerat it-twettiq tal-politika, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(17)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2021/1057 jiġi emendat kif xieraq.

(18)

Minħabba l-ħtieġa urġenti li jkunu jistgħu jsiru investimenti kruċjali fil-ħiliet fl-industrija tad-difiża kif ukoll fl-adattament għall-bidla marbuta mad-dekarbonizzazzjoni fil-kuntest ta’ sfidi ġeopolitiċi strateġiċi urġenti, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2021/1057

Ir-Regolament (UE) 2021/1057 huwa emendat kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 5a

Dispożizzjonijiet speċifiċi marbuta mar-rieżami ta’ nofs it-terminu u l-flessibbiltà relatata tal-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża

1.   Fl-2026, il-Kummissjoni għandha tħallas 1,5 % tal-appoġġ totali mill-FSE+ bħala prefinanzjament addizzjonali ta’ darba, skont id-deċiżjoni li tapprova l-emenda tal-programm. Dak il-perċentwal ta’ prefinanzjament addizzjonali ta’ darba fl-2026 għandu jiżdied għal 9,5 % għal programmi li jkopru reġjun tal-livell NUTS 2 wieħed jew aktar li jmissu mar-Russja, il-Belarussja jew l-Ukrajna, dment li l-programm ma jkoprix it-territorju kollu tal-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, meta, fi Stat Membru, ir-reġjuni tal-livell NUTS 2 li jmissu mar-Russja, il-Belarussja jew l-Ukrajna jiġu inklużi biss fi programmi li jkopru t-territorju kollu tal-Istat Membru kkonċernat, il-perċentwal miżjud għandu japplika wkoll għal taliprogrammi.

2.   Il-prefinanzjament addizzjonali ta’ darba msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu japplika biss meta r-riallokazzjonijiet ta’ mill-anqas 10 % tar-riżorsi finanzjarji tal-programm għal prijorità ddedikata waħda jew aktar stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 12a, 12c jew 12d ikunu ġew approvati fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu, dment li t-talba għall-emenda tal-programm tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2025 (il-‘livell limitu tal-10 %’).

Ir-riallokazzjonijiet li ġejjin fl-istess programm għandhom jingħaddu wkoll mal-livell limitu ta’ 10 %:

(a)

riallokazzjonijiet mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jew mill-Fond ta’ Koeżjoni għal prijorità ddedikata waħda jew aktar stabbiliti għall-objettivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3(1), il-punti (a)(vi) u (vii), il-punti (b)(v), (ix), (xi) u (xii), il-punt (c)(iii), il-punt (d)(vii), u l-punti (e)(iii) u (iv), tar-Regolament (UE) 2021/1058 fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu;

(b)

riallokazzjonijiet mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) għall-prijoritajiet iddedikati stabbiliti biex jappoġġjaw investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) stabbilit mir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), jew għall-promozzjoni tal-aċċess għall-akkomodazzjoni affordabbli skont ir-Regolament (UE) 2021/1056 fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu;

(c)

riallokazzjonijiet mill-FEŻR jew il-Fond ta’ Koeżjoni għall-prijoritajiet iddedikati għall-objettivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a)(vi) u (b)(ix) tar-Regolament (UE) 2021/1058 jew mill-FSE+ għall-prijoritajiet iddedikati stabbiliti skont l-Artikolu 12a ta’ dan ir-Regolament jew mill-JTF għall-prijoritajiet iddedikati stabbiliti biex jappoġġaw investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP approvati f’emendi tal-programm qabel ir-rieżami ta’ nofs it-terminu;

(d)

riallokazzjonijiet mill-FEŻR jew mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-prijoritajiet stabbiliti għall-objettiv speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b)(v), tar-Regolament (UE) 2021/1058 approvat fl-emendi tal-programm mill-1 ta’ Jannar 2025.

3.   Ir-riżorsi li ġejjin ma għandhomx jitqiesu għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont li jikkorrispondi għal-livell limitu tal-10 %:

(a)

riżorsi mill-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2021/1056;

(b)

il-finanzjament addizzjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi imsemmi fl-Artikolu 110(1), il-punt (e), tar-Regolament(UE) 2021/1060;

(c)

ir-riżorsi riallokati għal prijorità ddedikata waħda jew aktar stabbiliti biex jappoġġaw ir-rispons għad-diżastri naturali skont l-Artikolu 12b ta’ dan ir-Regolament, jew fl-ambitu tal-objettiv speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(1), il-punt (b)(x), tar-Regolament (UE) 2021/1058.

4.   Il-prefinanzjament addizzjonali ta’ darba li huwa dovut lill-Istat Membru u li jirriżulta minn emendi tal-programm skont ir-riallokazzjoni tal-prioritajiet dedikati msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jingħadd bħala pagamenti li saru fl-2025 għall-fini tal-kalkolu tal-ammonti li għandhom jiġu diżimpenjati skont l-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) 2021/1060, dment li t-talba għall-emenda tal-programm tiġi ppreżentata lill-Kumissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2025.

5.   B’deroga mill-Artikolu 63(2) u l-Artikolu 105(2) tar-Regolament (UE) 2021/1060, id-data finali għall-eliġibbiltà tan-nefqa u d-diżimpenn għandha tkun il-31 ta’ Diċembru 2030 meta l-emendi tal-programm li jirriallokaw mill-anqas 10 % tar-riżorsi finanzjarji tal-programm għal prijorità ddedikata waħda jew aktar imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jkunu ġew approvati.

6.   Meta Stat Membru jkollu programm wieħed biss li jkopri t-territorju kollu tiegħu u dak il-programm ikun iffinanzjat mill-FEŻR, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-FSE+ u l-JTF, id-deroga msemmija fil-paragrafu 5 għandha tapplika meta mill-inqas 7 % tar-riżorsi finanzjarji tal-programm jiġu riallokati għal prijorità ddedikata waħda jew aktar imsemmija fil-paragrafu 2.

7.   Fir-rigward tal-programmi msemmija fil-paragrafi 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu, meta r-Regolament (UE) 2021/1060 jistabbilixxi d-data finali għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-qafas ta’ prestazzjoni, tal-ġestjoni finanzjarja, tar-rappurtar u tal-evalwazzjoni, dik id-data għandha titqies li tirreferi għall-istess data fis-sena ta’ wara. Barra minn hekk, b’deroga mill-Artikolu 2, il-punt (29), tar-Regolament (UE) 2021/1060, għal tali programmi, is-sena kontabilistika finali għandha titqies li tirreferi għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2030 sat-30 ta’ Ġunju 2031.

8.   B’deroga mill-Artikolu 112(3) tar-Regolament (UE) 2021/1060, ir-rata massima ta’ kofinanzjament għall-prijoritajiet fi programmi li jkopru reġjun wieħed jew aktar tal-livell NUTS 2 li jmissu mar-Russja, il-Belarussja jew l-Ukrajna għandha tiżdied b’10 punti perċentwali ogħla mir-rata ta’ kofinanzjament applikabbli, mingħajr ma jinqabeż il-100 %. Ir-rata ogħla ta’ kofinanzjament ma għandhiex tapplika għal programmi li jkopru t-territorju kollu tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm dawk ir-reġjuni tal-livell 2 tan-NUTS ma jkunux inklużi biss fi programmi li jkopru t-territorju kollu tal-Istat Membru kkonċernat.

Id-deroga prevista fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandha tapplika biss meta r-riallokazzjonijiet ta’ mill-anqas 10 % tar-riżorsi finanzjarji tal-programm għal prijorità ddedikata waħda jew aktar imsemmijafil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jkunu ġew approvati, dment li t-talba għall-emenda tal-programm tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2025.

9.   Minbarra l-valutazzjoni għal kull programm dwar l-eżitu tar-rieżami ta’ nofs it-terminu li għandu jiġi ppreżentat skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/1060, l-Istati Membri jistgħu, sal-31 ta’ Diċembru 2025, jippreżentaw mill-ġdid valutazzjoni komplementari kif ukoll talbiet relatati għal emendi tal-programm lill-Kummissjoni, filwaqt li jqisu l-possibbiltà ta’ prijoritajiet iddedikati stabbiliti skont l-Artikolu 12a, 12c jew 12d ta’ dan ir-Regolament. Għandhom japplikaw l-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/1060

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).”;"

(2)

l-Artikolu 12a huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jużaw l-FSE+ biex jipprovdu appoġġ għall-objettivi STEP imsemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/795, skont l-objettivi speċifiċi rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament, inkluż billi jappoġġjaw l-iżvilupp tal-ħiliet f’teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, fost l-oħrajn dawk ibbażati fuq programmi ta’ tagħlim maħluqa mill-Akkademji Ewropej tal-Ħiliet, kif ukoll it-taħriġ taż-żgħażagħ u l-għoti tal-ħiliet, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema fis-settur tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti.”

;

(b)

fil-paragrafu 2, l-ewwel sottoparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Minbarra l-prefinanzjament għall-programm previst fl-Artikolu 90(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/1060, fejn il-Kummissjoni tapprova emenda ta’ programm li tinkludi prijorità waħda jew aktar iddedikati għall-operazzjonijiet appoġġati mill-FSE+ li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/795, il-Kummissjoni għandha tħallas prefinanzjament eċċezzjonali ta’ 20 % abbażi tal-allokazzjoni għal dawk il-prijoritajiet, dment li t-talba għall-emenda tal-programm tiġi ippreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2025. Meta tali prijoritajiet iddedikati jkunu ġew inklużi f’talba għal emenda tal-programm ippreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2025, il-Kummissjoni għandha tħallas prefinanzjament eċċezzjonali ta’ darba ta’ 30 % tal-allokazzjoni għal dawk il-prijoritajiet skont id-deċiżjoni li tapprova l-emenda tal-programm. Tali prefinanzjament eċċezzjonali għandu jitħallas fi żmien 60 jum mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-emenda tal-programm.”

;

(3)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 12c

Appoġġ għall-iżvilupp tal-ħiliet fit-tħejjija ċivili, fl-industrija tad-difiża inkluż għal kapaċitajiet b’użu doppju, u fiċ-ċibersigurtà

1.   L-Istati Membri jistgħu jużaw l-FSE + biex jipprovdu appoġġ għall-iżvilupp tal-ħiliet fit-tħejjija ċivili, fl-industrija tad-difiża inkluż għal kapaċitajiet b’użu doppju, u fiċ-ċibersigurtà fl-ambitu ta’ prijoritajiet iddedikati, filwaqt li jipprijoritizzaw il-ħiliet relatati mal-kapaċitajiet b’użu doppju u t-tħejjija ċivili. Meta jagħżlu l-operazzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2021/1060, l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, lis-servizzi tal-impjiegi pubbliċi u lill-ekonomija soċjali. Tali prijoritajiet iddedikati jistgħu jappoġġjaw kwalunkwe wieħed mill-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 4(1), il-punti (a) sa (g), ta’ dan ir-Regolament.

2.   Ir-riżorsi allokati għall-prijoritajiet iddedikati msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux jitqies bħala bażi għall-kalkolu tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika previsti fl-Artikolu 7.

3.   Minbarra l-prefinanzjament annwali tal-programm previst fl-Artikolu 90(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Kummissjoni għandha tħallas 20 % tal-allokazzjoni għall-prijoritajiet iddedikati msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu skont id-deċiżjoni li tapprova l-emenda tal-programm bħala prefinanzjament eċċezzjonali ta’ darba, dment li t-talba għall-emenda tal-programm tkun ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2025.

Tali prefinanzjament eċċezzjonali ta’ darba għandu jitħallas fi żmien 60 jum mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-emenda tal-programm skont l-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2021/1060.

4.   L-ammont imħallas bħala prefinanzjament eċċezzjonali ta’ darba għandu, skont l-Artikolu 90(5) tar-Regolament (UE) 2021/1060, jiġi kklerjat mill-kontijiet tal-Kummissjoni sa mhux aktar tard mis-sena kontabilistika finali.

Kwalunkwe mgħax iġġenerat minn tali prefinanzjament eċċezzjonali ta’ darba għandu, skont l-Artikolu 90(6) tar-Regolament (UE) 2021/1060, jintuża għall-programm ikkonċernat bl-istess mod bħall-FSE+ u jiġi inkluż fil-kontijiet għas-sena kontabilistika finali.

Skont l-Artikolu 97(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060, tali prefinanzjament eċċezzjonali ta’ darba ma għandux jiġi sospiż.

Il-prefinanzjament li għandu jitqies għall-fini tal-kalkolu tal-ammonti li għandhom jiġu diżimpenjati għandu, skont l-Artikolu 105(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060, jinkludi kwalunkwe prefinanzjament eċċezzjonali ta’ darba mħallas.

5.   B’deroga mill-Artikolu 112(3) tar-Regolament (UE) 2021/1060, ir-rata massima ta’ kofinanzjament għall-prijoritajiet iddedikati msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tiżdied b’10 punti perċentwali aktar mir-rata ta’ kofinanzjament applikabbli, mingħajr ma jinqabeż il-100 %.

6.   B’deroga mill-Artikolu 49(3) tar-Regolament (UE) 2021/1060, għall-operazzjonijiet appoġġati fl-ambitu tal-prijorità ddedikata msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat ma għandux ikun meħtieġ jagħmel id-data marbuta ma’ dawk l-operazzjonijiet disponibbli għall-pubbliku meta tali divulgazzjoni ma tkunx permessa għal raġunijiet ta’ sigurtà jew ordni pubbliku skont l-Artikolu 69(5) tar-Regolament (UE) 2021/1060. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni qabel ma jagħżlu l-operazzjoni kkonċernata għall-appoġġ. Dan is-subparagrafu huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-Kummissjoni u tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li jaċċessaw l-informazzjoni meħtieġa biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-verifiki u l-awditi u d-dmir tal-Parlament Ewropew li jeżerċita kontroll politiku skont l-Artikolu 14 tat-TUE u jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni skont l-Artikolu 319 tat-TFUE.

Il-benefiċjarji ma għandhomx ikunu soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 50(1), il-punti (c), (d) u (e), tar-Regolament (UE) 2021/1060 għall-operazzjonijiet appoġġati fl-ambitu tal-prijorità ddedikata msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, fejn il-wiri pubbliku tal-informazzjoni dwar l-appoġġ jew l-organizzazzjoni ta’ avveniment jew attività ta’ komunikazzjoni mhux meħtieġ għal raġunijiet ta’ sigurtà jew ordni pubbliku skont l-Artikolu 69(5) tar-Regolament (UE) 2021/1060.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew mill-inqas darba fis-sena tal-għadd ta’ operazzjonijiet li huma soġġetti għad-deroga prevista fit-tieni subparagrafu, kif ukoll il-kost totali tagħhom, b’mod aggregat, b’kunsiderazzjoni xierqa għar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità.

Artikolu 12d

Appoġġ għall-adattament marbut mad-dekarbonizzazzjoni

1.   L-Istati Membri jistgħu jużaw l-FSE+ biex jipprovdu appoġġ immirat għat-taħriġ bl-għan tal-għoti tal-ħiliet, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid bil-ħsieb tal-adattament tal-ħaddiema, tal-intrapriżi u tal-intraprendituri għall-bidla li jikkontribwixxi għad-dekarbonizzazzjoni tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni fl-ambitu ta’ prijoritajiet iddedikati, bl-għan li jinżammu l-kompetittività, is-sostenibbiltà u l-innovazzjoni matul it-tranżizzjoni ekoloġika. Meta jagħżlu l-operazzjonijiet, skont l-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2021/1060, l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, lis-servizzi tal-impjiegi pubbliċi u lill-ekonomija soċjali. Il-prijoritajiet iddedikati jistgħu jappoġġaw kwalunkwe wieħed mill-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 4(1), il-punti (a) sa (g), ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri jistgħu jappoġġjaw il-promozzjoni tal-kollaborazzjoni bejn organizzazzjonijiet differenti, bħall-istituzzjonijiet edukattivi, biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-ħiliet fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta talba motivata għal emenda tal-programm f’konformità mal-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060. Meta Stat Membru diġà jkollu programmi li jinkludu prijorità waħda jew aktar li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru għandu jippreżenta talba lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-prijoritajiet ikkonċernati bħala prijoritajiet iddedikati għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Minbarra l-prefinanzjament annwali tal-programm previst fl-Artikolu 90(1) u 90(2) tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Kummissjoni għandha tħallas 20 % tal-allokazzjoni għall-prijoritajiet iddedikati msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu skont id-deċiżjoni li tapprova l-emenda tal-programm bħala prefinanzjament eċċezzjonali ta’ darba, dment li t-talba għall-emenda tal-programm tkun ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2025.

Tali prefinanzjament eċċezzjonali ta’ darba għandu jitħallas fi żmien 60 jum mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-emenda tal-programm skont l-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2021/1060.

5.   L-ammont imħallas bħala prefinanzjament eċċezzjonali ta’ darba għandu, skont l-Artikolu 90(5) tar-Regolament (UE) 2021/1060, jiġi kklerjat mill-kontijiet tal-Kummissjoni sa mhux aktar tard mis-sena kontabilistika finali.

Kwalunkwe mgħax iġġenerat minn tali prefinanzjament eċċezzjonali ta’ darba għandu, skont l-Artikolu 90(6) tar-Regolament (UE) 2021/1060, jintuża għall-programm ikkonċernat bl-istess mod bħall-FSE+ u jiġi inkluż fil-kontijiet għas-sena kontabilistika finali.

Skont l-Artikolu 97(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060, tali prefinanzjament eċċezzjonali ta’ darba ma għandux jiġi sospiż.

Il-prefinanzjament li għandu jitqies għall-fini tal-kalkolu tal-ammonti li għandhom jiġu diżimpenjati għandu, skont l-Artikolu105(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060, jinkludi kwalunkwe prefinanzjament eċċezzjonali ta’ darba mħallas.

6.   B’deroga mill-Artikolu 112 tar-Regolament (UE) 2021/1060, ir-rata massima ta’ kofinanzjament għall-prijoritajiet iddedikati msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tiżdied b’10 punti perċentwali aktar mir-rata ta’ kofinanzjament applikabbli, mingħajr ma jinqabeż il-100 %.”.

Artikolu 2

Limitazzjoni għal emendi tal-programm u għal trasferiment

L-ammonti li jikkorrispondu għall-impenji sospiżi mill-miżuri adottati fil-kuntest tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 u l-ammonti li jaqbżu l-ammont ta’ flessibbiltà li jikkorrispondi għall-objettivi speċifiċi soġġetti għal valutazzjoni negattiva mill-Kummissjoni abbażi tal-applikazzjoni ta’ kondizzjonijiet abilitanti orizzontali skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2021/1060 ma għandhomx ikunu soġġetti għal emenda tal-programm jew trasferiment skont dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Settembru 2025.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

L. AAGAARD


(1)   ĠU C, C/2025/3197, 2.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3197/oj.

(2)   ĠU C, C/2025/3474, 16.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3474/oj.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Settembru 2025 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2025.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1057/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1060/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2092/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).


 

Saret dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ dan ir-Regolament, li tinstab fil-ĠU C, C/2025/5167, 19.9.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5167/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1913/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)