KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
MEDINA
ippreżentati fis-6 ta’ Frar 2025 ( 1 )
Kawża C‑610/23 [Al Nasiria] ( i )
FO
vs
Ypourgos Metanastefsis kai Asylou
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mid-Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis (il-Qorti Amministrattiva tal-Ewwel Istanza ta’ Thessaloniki, il‑Greċja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Artikolu 46 – Dritt għal rimedju effettiv – Eżami sħiħ u ex nunc tal-appell – Deċiżjoni li jiġi miċħud l-appell mingħajr eżami tal-mertu tal-kawża – Nuqqas tal-applikant milli jidher personalment waqt l-eżami tal-appell tiegħu quddiem il-korp responsabbli mis-smigħ”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Din il-kawża tikkonċerna d-dritt għal rimedju effettiv għal applikanti għal protezzjoni internazzjonali stabbilit fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32/UE ( 2 ) kontra deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni tagħhom. B’mod iktar partikolari, hija tqajjem il-kwistjoni dwar jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-preżunzjoni li applikant li ma jidhirx personalment quddiem il-qorti jew it-tribunal li qegħdin jeżaminaw l-appell tiegħu, ikun ippreżenta l-appell b’mod mhux xieraq, li twassal għaċ-ċaħda tal-appell bħala manifestament infondat mingħajr eżami tal-mertu tal-kawża. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
|
2. |
Il-Kapitolu V tad-Direttiva 2013/32, bl-isem “Proċeduri tal‑Appelli” jikkonsisti f’artikolu wieħed, jiġifieri l-Artikolu 46. Dan l-artikolu, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv”, jipprovdi kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:
[…] 3. Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE ( 3 ), ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza. 4. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu limiti ta’ żmien raġonevoli u regoli meħtieġa oħra għall-applikant sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv skont il-paragrafu 1. Il-limiti ta’ żmien ma għandhomx jagħmlu tali eżerċizzju impossibbli jew eċċessivament diffiċli. […] 11. L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu fil-liġi nazzjonali l-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jiġi assunt li l-applikant impliċitament irrinunzja jew abbanduna r-rimedju tiegħu skont il-paragrafu 1, flimkien mar-regoli dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita.” |
B. Id-dritt nazzjonali
1. Il-Liġi Nru 4375/2016
|
3. |
L-Artikolu 4(1) tan-Nomos 4375/2016, Organosi kai leitourgia Ypiresias Asylou, Archis Prosfygon, Ypiresias Ypodochis kai Taftopoiisis, systasi Genikis Grammateias Ypodochis, prosarmogi tis Ellinikis Nomothesias pros tis diatakseis tis Odigias 2013/32/ΕΕ tou Evropaikou Koinovouliou kai tou Symbouliou ‘schetika me tis koines diadikasies gia ti chorigisi kai anaklisi tou kathestotos diethnous prostasias (anadiatyposi)’ (EE 2013 L 180), diatakseis gia tin ergasia dikaiouchon diethnous prostasias kai alles diatakseis (il-Liġi Nru 4375/2016 dwar l-organizzazzjoni u l-ġestjoni ta’ Servizz tal-Ażil, Awtorità għar-Refuġjati u Servizz tal-Akkoljenza u ta’ Identifikazzjoni, li tistabbilixxi Segretarjat Ġenerali għall-akkoljenza u tarmonizza l-leġiżlazzjoni Griega mad-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva 2013/32] dispożizzjonijiet li jirregolaw ix-xogħol tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u dispożizzjonijiet oħrajn (FEK A’ 51/3.4.2016), kif emendata permezz tan-Nomos 4399/2016 (Liġi Nru 4399/2016) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 4375/2016”), jistabbilixxi l-Kumitati tal-Appelli Indipendenti. Dawk il-Kumitati għandhom is-sede tagħhom f’Ateni u għandhom ġurisdizzjoni territorjali fil-Greċja ( 4 ). Huma għandhom il-kompetenza biex jisimgħu appelli ppreżentati minn applikanti għal protezzjoni internazzjonali, sabiex jirrevedu, fid-dritt u fil-fatt, deċiżjonijiet tal-Ypiresia Asylou (Is-Servizz tal-Ażil, il-Greċja) li jiċħdu l-applikazzjoni tagħhom fl-ewwel istanza. In-numru u s-sede ta’ dawk il-kumitati jiġu stabbiliti minn deċiżjoni ministerjali. |
2. Il-Liġi Nru 4636/2019
|
4. |
Id-Direttivi 2011/95 u 2013/32 kienu trasposti fl-ordinament ġuridiku Grieg permezz tan-Nomos 4636/2019, Peri Diethnous Prostasias kai alles diatakseis (il-Liġi Nru 4636/2019 dwar il-protezzjoni internazzjonali u dispożizzjonijiet oħrajn, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 4636/2019”) (FEK A’ 169/1.11.2019), applikabbli fiż-żmien tal-kawża prinċipali. |
|
5. |
Skont l-Artikolu 92(1)(a) tal-Liġi Nru 4636/2019, applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu d-dritt li jippreżenta appell amministrattiv ( 5 ) quddiem l-Independent Appeals Committees (il-Kumitati tal-Appelli Indipendenti) minn deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-ewwel istanza bħala infondata. |
|
6. |
Barra minn dan, l-Artikolu 97(2) tal-Liġi Nru 4636/2019 jipprovdi li, waqt il-proċedura quddiem il-Kumitati tal-Appelli Indipendenti, l-applikant għandu jkun preżenti personalment. L-uniċi każijiet li fihom l-applikant ma huwiex meħtieġ li jidher personalment huma elenkati fl-Artikolu 78(3). Dawn huma każijiet fejn l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jirrisjedi f’ċentru ta’ akkoljenza jew ċentru ospitanti jew kien suġġett għal restrizzjoni fuq il-moviment jew għall-obbligu li jirrisjedi f’post partikolari. F’dawn il-każijiet, l-applikant jista’ jkun irrappreżentat minn avukat jew jista’ jibgħat ċertifikat iffirmat mill-kontrollur tal-faċilità ospitanti jew ta’ akkomodazzjoni. Jekk l-applikant għal protezzjoni internazzjonali ma jidhirx personalment minkejja li jkun ġie debitament imħarrek, jew ma jibgħatx iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 78(3) tal-Liġi Nru 4636/2019, jiġi preżunt li l-applikant ippreżenta l-appell sempliċement sabiex itawwal jew iwaqqaf l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni preċedenti jew imminenti li tkeċċih jew tneħħih b’xi mod ieħor. F’dan il-każ, l-appell tiegħu jiġi miċħud bħala manifestament infondat. |
III. It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi għal deċiżjoni preliminari
|
7. |
Fit-28 ta’ Frar 2019, FO, ċittadin ta’ pajjiż terz, ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lill-Perifereiako Grafeio Asylou Samou (l-Uffiċċju Reġjonali tal-Ażil, Samos, il-Greċja), għar-raġuni li ħajtu kienet fil-perikolu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. |
|
8. |
Wara li kien ġie stabbilit li huwa kien il-vittma ta’ vjolenza fiżika serja, FO deher quddiem il-Perifereiako Grafeio Asylou Thessalonikis (l-Uffiċċju Reġjonali tal-Ażil, Thessaloniki, il-Greċja), fl-24 ta’ Frar 2020. Huwa ddikjara li kien suġġett għal deċiżjoni tribali li kienet tordna li għandha tintemm ħajtu u pproduċa dokument sabiex isostni l-pretensjoni tiegħu. |
|
9. |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2020, l-uffiċċju reġjonali tal-ażil ċaħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ FO għar-raġuni li l-pretensjonijiet tiegħu kienu tqiesu li ma humiex affidabbli. Id-dokument prodott ma kienx ammess bħala evidenza minħabba l-karattru ambigwu tad-dikjarazzjonijiet magħmula fih u l-impossibbiltà tal-verifika tal-awtentiċità tiegħu. |
|
10. |
Fis-27 ta’ Awwissu 2021, FO ressaq appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Kumitat tal-Appelli Indipendenti responsabbli. F’dak iż-żmien, huwa kien informat li d-data stabbilita għall-eżami tal-appell tiegħu kienet il-11 ta’ Ottubru 2021. Huwa kien informat ukoll li, anki jekk ma jiġix imħarrek għas-seduta, kien obbligat li jidher personalment fid-data tal-eżami tal-appell tiegħu, sakemm ma kienx legalment jirrisjedi f’Ċentru ta’ Akkoljenza u ta’ Identifikazzjoni jew kien suġġett għal restrizzjoni fuq il-moviment jew ir-residenza f’post ’il barra mir-reġjun ta’ Attica (il-Greċja). |
|
11. |
FO ma deherx personalment quddiem dak il-Kumitat tal-Appelli Indipendenti fid-data tas-seduta. Għalhekk, wara li vverifika li l-applikant ma kienx qiegħed jirrisjedi f’ċentru ta’ akkoljenza u ta’ identifikazzjoni, u ma kienx suġġett għal restrizzjoni fuq il-moviment u li ma kien hemm l-ebda raġuni ta’ force majeure, dak il-kumitat ċaħad l-appell bħala manifestament infondat, fuq il-bażi tal-Artikolu 97(2) tal-Liġi Nru 4636/2019, mingħajr eżami tal-mertu tal-każ. B’żieda ma’ dan, skont l-Artikolu 22(4) tal-Liġi Nru 3907/2011 ( 6 ), impona miżura ta’ ritorn mingħajr tluq volontarju mill-pajjiż. |
|
12. |
FO ppreżenta rikors għal annullament quddiem id-Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis (il-Qorti Amministrattiva tal-Ewwel Istanza ta’ Thessaloniki, il-Greċja), li hija l-qorti tar-rinviju kontra din id-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appelli Indipendenti responsabbli, billi sostna li l-appell tiegħu ġie miċħud illegalment fuq il-bażi waħdanija li huwa kien assenti mis-seduta u mingħajr ma twettaq eżami suffiċjenti tal-mertu tal-appell, anki jekk huwa ma setax jattendi għas-seduta minħabba diffikultajiet finanzjarji li żammewh milli jivvjaġġa minn Thessaloniki, fejn jirrisjedi, għal Ateni (il-Greċja). |
|
13. |
Il-qorti tar-rinviju tinnota, bħala punt preliminari, li l-għan tal-istabbiliment tal-Kumitati tal-Appelli Indipendenti kien li jiġi ggarantit id-dritt għal rimedju effettiv kif previst fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
14. |
Sabiex tipprovdi għall-garanziji proċedurali meħtieġa, il-maġġoranza ta’ dawn il-kumitati, deskritti fil-Memorandum ta’ Spjega tal-Liġi 4399/2016 bħala “korpi semi-ġudizzjarji”, huma komposti mill-imħallfin tal-qrati amministrattivi ordinarji. Il-membri ta’ dawn il-kumitati jgawdu minn indipendenza personali u funzjonali fit-twettiq ta’ dmirijiethom. |
|
15. |
B’mod addizzjonali, il-prinċipju tal-imparzjalità huwa ggarantit, minħabba li dawn il-kumitati għandhom status ta’ terz fir-rigward tal-partijiet involuti u ma jirrappreżentawx lill-amministrazzjoni. |
|
16. |
Barra minn dan, id-deċiżjonijiet mogħtija minn dawn il-kumitati dwar appelli amministrattivi, sussegwenti għal eżami rigoruż tal-liġi u l-mertu u fuq il-bażi ta’ motivazzjoni komprensiva, speċifika u preċiża, huma vinkolanti fuq il-partijiet, minħabba li huma jistgħu jkunu mibdula biss permezz tal-kontenzjuż, jiġifieri permezz ta’ rikors għall-annullament quddiem qorti amministrattiva. |
|
17. |
Fid-dawl ta’ dan, filwaqt li l-Kumitati tal-Appelli Indipendenti ma humiex qrati jew tribunali fis-sens tas-Syntagma (il-Kostituzzjoni tal-Greċja), huma madankollu kumitati li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji fis-sens tal-Artikolu 89(2) tas-Syntagma (il-Kostituzzjoni tal-Greċja). |
|
18. |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li d-Direttiva 2013/32 ma fihiex xi regoli speċifiċi dwar id-dehra ta’ applikanti quddiem il-korp li jeżamina r-rimedju effettiv imsemmi fl-Artikolu 46 ta’ dik id-direttiva jew il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ tali obbligu proċedurali. Jista’ għalhekk jiġi konkluż li l-obbligu stabbilit bil-liġi li parti tidher personalment u d-dispożizzjoni għaċ-ċaħda tal-appell bħala manifestament infondat fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu huma koperti mill-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, mingħajr preġudizzju, madankollu, għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. |
|
19. |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-proċedura inkwistjoni għandhiex tkun ipparagunata mal-proċeduri quddiem awtoritajiet amministrattivi li jisimgħu appelli amministrattivi, jew mal-proċedura applikabbli għal appell fuq il-mertu jew għal rikors għal annullament quddiem qorti amministrattiva. F’dawn il-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji oħrajn, il-preżenza tal-parti waqt is-seduta ma hijiex vinkolanti u avukat jista’ jirrappreżenta lill-applikant. |
|
20. |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-qorti tar-rinviju tinnota li jista’ jkun sostnut li l-Artikolu 97(2) tal-Liġi Nru 4636/2019 huwa ġġustifikat għar-raġuni ta’ żvolġiment ordnat u opportun tal-proċedura għall-eżami ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. Ir-rekwiżit previst fl-artikolu jiżgura li applikanti għal protezzjoni internazzjonali jżommu interess fir-riżultat tal-appell tagħhom u għadhom preżenti fit-territorju Grieg. |
|
21. |
Min-naħa l-oħra, jista’ jkun sostnut ukoll li din id-dispożizzjoni tagħmel l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Fl-ewwel lok, hija timponi piż sproporzjonat fuq applikanti għal protezzjoni internazzjonali, minħabba li huma meħtieġa (sakemm ma jaqgħux f’waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 78(3) tal-Liġi Nru 4636/2019) li jivvjaġġaw lejn is-sede tal-Kumitati tal-Appelli Indipendenti f’Ateni sempliċement sabiex jirreġistraw il-preżenza tagħhom u mhux sabiex jinstemgħu. Avukat jew persuna awtorizzata oħra ma jistgħux jirrappreżentaw lill-applikanti għal dawn il-finijiet. It-tieni, hija tipprovdi li, bħala konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan ir-rekwiżit proċedurali, hemm preżunzjoni ta’ preżentata mhux xierqa tal-appell u, għalhekk, li dan għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat. |
|
22. |
Il-qorti tar-rinviju tosserva ulterjorment li d-Direttiva 2013/32 tipprovdi li nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi ta’ komunikazzjoni jista’ jwassal għall-preżunzjoni li l-applikazzjoni ġiet irtirata, iżda mhux li ġiet miċħuda bħala infondata. Tali ċaħda tippreżumi eżami preċedenti tat-talba. Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni bħala manifestament infondata għandha konsegwenzi serji, jiġifieri n-nuqqas ta’ għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju u l-impożizzjoni ta’ projbizzjoni fuq dħul. |
|
23. |
Fl-aħħar, il-bażi fattwali tal-preżunzjoni fl-Artikolu 97(2) tal-Liġi Nru 4636/2019 ma tidhirx li tikkorrispondi mal-esperjenza jew mal-loġika komuni. Tabilħaqq, li parti tonqos milli tidher personalment quddiem il-Kumitat tal-Appelli Indipendenti responsabbli tista’ tiġri minħabba raġunijiet li ma humiex marbuta ma’ intenzjoni li tiġi mwaqqfa jew imtawwla l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ espulsjoni jew ta’ tneħħija tal-applikant preċedenti jew imminenti. Il-qorti tar-rinviju tinnota li d-deċiżjonijiet tal-kumitati rilevanti ma jittieħdux fl-istess ġurnata u li, konsegwentement, id-dehra tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali quddiemhom fil-ġurnata tas-seduta ma tiffaċilitax l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ritorn fil-każ li l-appell jiġi miċħud. |
|
24. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis (il-Qorti Amministrattiva tal-Ewwel Istanza ta’ Thessaloniki, il-Greċja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
25. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Grieg u mill-Kummissjoni Ewropea. |
IV. Evalwazzjoni
A. Osservazzjonijiet preliminari dwar il-kategorizzazzjoni ta’ Kumitati tal-Appelli Indipendenti bħala “qorti” jew “tribunal”
|
26. |
Id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju jikkonċernaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 li tipprovdi għal proċedura ta’ appell minn deċiżjonijiet tal-awtorità determinanti ( 8 ). |
|
27. |
L-Artikolu 46(1)(a) jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal kontra, b’mod partikolari, deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali. |
|
28. |
Il-premessa 50 tad-Direttiva 2013/32 tipprovdi li huwa prinċipju bażiku tal-liġi tal-Unjoni li inter alia, id-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jkunu suġġetti għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal. |
|
29. |
Minn dan isegwi li d-dritt għal rimedju effettiv previst fl-Artikolu 46 għandu jkun eżerċitat quddiem “qorti jew tribunal”. |
|
30. |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-każ fil-kawża prinċipali tistabbilixxi l-Kumitati tal-Appelli Indipendenti, li għandhom il-ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ appelli ippreżentati minn applikanti għal protezzjoni internazzjonali, sabiex jistħarrġu, fuq punti ta’ dritt u fuq il-mertu, deċiżjonijiet li jiċħdu l-applikazzjonijiet tagħhom fl-ewwel istanza ( 9 ). |
|
31. |
Qabel ma jiġu eżaminati elementi speċifiċi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fid-dawl tal-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, inqis importanti li jiġi aċċertat jekk il-Kumitati tal-Appelli Indipendenti jistgħux jitqiesu bħala “qorti jew tribunal” fis-sens ta’ paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu b’mod li jiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv ( 10 ). |
|
32. |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk korp huwiex “qorti jew tribunal” għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ rimedju effettiv kontra deċiżjoni meħuda fuq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat l-istess kriterji bħal dawk żviluppati fil-kuntest tad-determinazzjoni dwar jekk korp li jagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari huwiex “qorti jew tribunal” għall-finijiet tal-Artikolu 267 TFUE ( 11 ). |
|
33. |
Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, li hija kwistjoni rregolata unikament mid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi, bħal, inter alia, jekk il-korp ġiex stabbilit b’liġi, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni mill-korp tar-regoli tad-dritt kif ukoll l-indipendenza tiegħu ( 12 ). |
|
34. |
B’mod iktar partikolari, fis-sentenza D. u A., il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk l-(Irish) Refugee Appeals Tribunal (it-Tribunal tal-Appelli tar-Refuġjati (l-Irlanda)) issodisfax il-kriterji indikati iktar ’il fuq u kkonstatat li s-sistema legali nazzjonali inkwistjoni f’dik il-kawża pprovdiet għal rimedju effettiv għall-applikanti għall-ażil. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatt li d-deċiżjonijiet tat-Tribunal tal-Appelli tar-Refuġjati setgħu jkunu appellati quddiem il-High Court (il-Qorti Superjuri, l-Irlanda) ( 13 ). |
|
35. |
F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tispjega, fit-tul, il-garanziji proċedurali previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-Kumitati tal-Appelli Indipendenti, jiġifieri l-Liġi Nru 4375/2016. Il-qorti tar-rinviju tqis li dawn il-kumitati jissodisfaw il-kriterji kollha indikati fil-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet sabiex jitqiesu bħala “qorti jew tribunal”. |
|
36. |
Ma hemm xejn fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jqajjem dubji dwar is-sodisfazzjon ta’ dawn il-kriterji. |
|
37. |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kriterju tal-indipendenza, il-qorti tar-rinviju tispjega li l-preambolu tal-Liġi Nru 4375/2016 jikkwalifika lill-Kumitati tal-Appelli Indipendenti bħala korpi “semi-ġudizzjarji”, komposti primarjament minn imħallfin u li l-membri tagħhom igawdu mill-indipendenza personali u funzjonali ( 14 ). Tiddikjara wkoll li d-deċiżjonijiet ta’ dawn il-kumitati huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-qrati amministrattivi ordinarji. Il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li, filwaqt li l-Kumitati tal-Appelli Indipendenti ma humiex qrati jew tribunali fis-sens tas-Syntagma (il-Kostituzzjoni, il-Greċja), huma madankollu kumitati li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji fis-sens tal-Artikolu 89(2) tas-Syntagma (il-Kostituzzjoni, il-Greċja) ( 15 ). |
|
38. |
Fid-dawl ta’ dan, ma hemm xejn li jista’ jqajjem dubju dwar il-kwalifika tal-Kumitati tal-Appelli Indipendenti bħala “qrati jew tribunali” għall-finijiet tal-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32. |
B. Fuq id-domandi preliminari
|
39. |
Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, li huma xierqa li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali tal-obbligu proċedurali li jidher personalment quddiem korp li qiegħed jeżamina l-appell tiegħu minn deċiżjoni meħuda fuq l-applikazzjoni tiegħu, tistabbilixxi preżunzjoni ta’ preżentata mhux xierqa tal-appell u li l-appell għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat, mingħajr eżami tal-mertu tal-kawża. |
|
40. |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-każ tal-kawża prinċipali tistabbilixxi obbligu fuq l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jidhru personalment quddiem il-korp li qiegħed jeżamina l-appell tagħhom, jiġifieri l-Kumitati tal-Appelli Indipendenti. Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li l-obbligu li parti tidher personalment quddiem dawk il-kumitati ma jfissirx li dan tal-aħħar ser jieħu konjizzjoni tal-applikant. |
|
41. |
Din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi għal ċerti eċċezzjonijiet għall-obbligu li parti tidher personalment, jiġifieri meta l-applikant jirrisjedi f’xi ċentru ta’ akkoljenza jew ċentru ospitanti jew meta huwa kien suġġett għal restrizzjoni fuq il-moviment. F’dawn il-każijiet, l-obbligu li parti tidher personalment jiġi sostitwit mill-obbligu li jkun irrappreżentat minn avukat jew li jibgħat iċ-ċertifikat previst f’din il-leġiżlazzjoni. Barra minn dan, l-obbligu li parti tidher personalment jiġi sospiż fil-każ ta’ force majeure bħal marda serja jew invalidità fiżika serja jew ċirkustanzi impossibbli oħrajn ( 16 ). Ħlief għal dawn iċ-ċirkustanzi, jekk l-applikant ma josservax l-obbligu li jidher personalment, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi għal preżunzjoni ta’ preżentata mhux xierqa tal-appell sempliċement sabiex tittawwal jew titwaqqaf l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni preċedenti jew imminenti ta’ tkeċċija jew ta’ tneħħija tal-applikant. Il-konsegwenza ta’ din il-preżunzjoni hija li l-appell jiġi miċħud bħala manifestament infondat mingħajr eżami tal-mertu tiegħu. |
|
42. |
Skont it-titolu tiegħu, l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 jikkonċerna d-dritt għal rimedju effettiv għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali. L-Artikolu 46(1) tad-Direttiva jiggarantixxi dan id-dritt għall-applikanti fil-kontestazzjoni ta’ deċiżjonijiet li jittieħdu dwar l-applikazzjoni tagħhom, inkluż deċiżjoni li tqis applikazzjoni bħala infondata. |
|
43. |
L-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-portata tad-dritt għal rimedju effettiv billi jispeċifika li l-Istati Membri marbuta minn din id-direttiva għandhom jiżguraw li l-qorti jew it-tribunal li d-deċiżjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija kkontestata quddiemhom, iwettqu “eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż, fejn applikabbli, eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]”, tal-inqas fil-proċedura tal-appell quddiem qorti jew tribunal tal-ewwel istanza ( 17 ). |
|
44. |
Għandu jitfakkar ukoll li huwa evidenti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-karatteristiċi tar-rimedju previst fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 għandhom jiġu ddeterminati b’mod konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. L-Artikolu 47 tal-Karta huwa suffiċjenti fih innifsu u ma għandux jiġi ppreċiżat ulterjorment minn dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali sabiex jagħti lill-individwi dritt invokabbli bħala tali. L-istess għandu jkun għall-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 18 ). |
|
45. |
Madankollu, l-Artikolu 46(4) tad-Direttiva 2013/32 iħalli f’idejn l-Istati Membri l-irwol għall-provvista ta’ regoli neċessarji sabiex l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt għal rimedju effettiv tagħhom ( 19 ). |
|
46. |
Huwa tajjeb li jiġi nnotat li l-Artikolu 46 ma jipprevedi l-ebda obbligu fuq l-applikanti sabiex jidhru personalment quddiem il-qorti jew tribunal li jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-appell tagħhom. Dik li jagħti l-Artikolu 46(4) hija d-diskrezzjoni fuq l-Istati Membri sabiex jistabbilixxu r-regoli neċessarji għall-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju effettiv lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li jistgħu jinkludu dan l-obbligu proċedurali. |
|
47. |
Filwaqt li l-Kummissjoni u l-Gvern Grieg jaqblu dwar din id-dikjarazzjoni, huma għandhom fehmiet differenti dwar jekk l-Artikolu 46 jippermettix lill-Istati Membri sabiex jipprovdu għall-konsegwenzi speċifiċi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-każ ta’ ksur tal-obbligu li parti tidher personalment, jiġifieri l-preżunzjoni ta’ preżentata mhux xierqa tal-appell u ċ-ċaħda tal-appell bħala manifestament infondat, mingħajr eżami tal-mertu tal-appell. |
|
48. |
Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li tali konsegwenzi huma kontra l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li ċ-ċaħda ta’ appell bħala manifestament infondat mingħajr eżami tal-appell fir-rigward tal-mertu tiegħu tmur kontra l-Artikoli 13 u 18 tad-Direttiva 2011/95. Hija ssostni li jsegwi minn dawn id-dispożizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ refuġjat jew l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja lill-applikant, meta huwa jikkwalifika għal dan l-istatus skont din id-direttiva. Huma ma għandhomx id-diskrezzjoni li jirrifjutaw dan l-istatus għar-raġuni li l-applikant ma deherx personalment fil-ġurnata tal-eżami tal-appell tiegħu. |
|
49. |
B’kuntrast, il-Gvern Grieg isostni, essenzjalment, li l-preżunzjoni prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ preżentata mhux xierqa tal-appell, bil-konsegwenza li jkollu jiġi miċħud bħala manifestament infondat fil-każ ta’ nuqqas ta’ parti milli tidher personalment, hija bbażata fuq l-Artikolu 46(11) tad-Direttiva 2013/32. Dan il-gvern isostni li jsegwi mid-dispożizzjoni tal-aħħar li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu mhux biss il-kundizzjonijiet li skonthom jista’ jkun preżunt li applikant impliċitament irtira jew abbanduna r-rimedju tiegħu, iżda wkoll ir-regoli dwar il-proċedura li għandhom ikunu segwiti f’dawn il-każijiet. |
|
50. |
Sabiex nevalwa dawn il-pożizzjonijiet, jiena l-ewwel ser neżamina jekk l-Istati Membri jistgħux jipprovdu għal preżunzjoni ta’ preżentata mhux xierqa tal-appell qabel ma neżamina l-preżunzjoni stabbilita fil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. |
1. Il-possibbiltà tal-Istati Membri li jipprovdu għal preżunzjoni ta’ preżentata mhux xierqa tal-appell
|
51. |
Fl-ewwel lok, mill-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-qorti jew it-tribunal aditi bl-appell għandhom l-obbligu li jwettqu eżami sħiħ u ex nunc meħtieġ minn din id-dispożizzjoni kemm fuq fatti kif ukoll fuq punti tad-dritt, tal-inqas fil-proċedura tal-appell quddiem qorti jew tribunal tal-ewwel istanza ( 20 ). |
|
52. |
Madankollu, l-Artikolu 46(3) għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 46(4) u mal-Artikolu 46(11). |
|
53. |
Kif iddikjarat iktar ’il fuq ( 21 ), mill-Artikolu 46(4) jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli għall-eżerċizzju tar-rimedju, li jistgħu jinkludu obbligu li persuna tidher personalment. Il-possibbiltà ta’ Stat Membru li jipprovdi għal termini jew għal regoli neċessarji oħrajn għall-applikant sabiex jeżerċita r-rimedju tiegħu teħtieġ il-possibbiltà li jiġu pprovduti l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn it-termini jew regoli oħrajn. |
|
54. |
Fit-tieni lok, l-Artikolu 46(11) tad-Direttiva 2013/32 jippermetti lill-Istati Membri li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li skonthom jista’ jiġi preżunt li applikant “impliċitament irrinunzja jew abbanduna r-rimedju tiegħu […] flimkien mar-regoli dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita”. |
|
55. |
Għall-fini ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, huwa importanti, mill-bidu, li tiġi kkjarifikata r-rilevanza tal-Artikolu 28(1) u tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2013/32. L-Artikolu 28(1) jipprevedi għal proċedura li għandha tiġi segwita fil-każ ta’ irtirar jew ta’ abbandun impliċitu tal-applikazzjoni. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità determinanti tieħu deċiżjoni li twaqqaf l-eżami jew, sakemm l-awtorità determinanti tqis li l-applikazzjoni tkun infondata abbażi ta’ eżami xieraq tal-mertu tagħha, li tirrifjuta l-applikazzjoni. L-Artikolu 32(1) jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jqisu li applikazzjoni tkun infondata biss jekk l-awtorità determinanti tkun stabbilixxiet li l-applikant ma jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95. |
|
56. |
L-Artikolu 32(2) jipprovdi li, fil-każijiet ta’ applikazzjonijiet infondati li fihom tapplika kwalunkwe waħda miċ-ċirkustanzi elenkati fl-Artikolu 31(8) (inkluż meta l-applikant jagħmel applikazzjoni sempliċement sabiex itawwal jew iwaqqaf l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni preċedenti jew imminenti li kienet tirriżulta fit-tneħħija tiegħu) ( 22 ), l-Istati Membri jistgħu wkoll iqisu li applikazzjoni tkun manifestament infondata, fejn ikun iddefinit bħala tali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. |
|
57. |
Madankollu, kif osservat, essenzjalment, mill-Gvern Grieg u mill-Kummissjoni, l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2013/32 jikkonċernaw il-proċeduri għall-eżami tal-applikazzjoni mill-awtorità determinanti tal-ewwel istanza. L-Artikolu 46 jikkonċerna l-proċedura tal-appell quddiem qorti jew tribunal kontra deċiżjoni tal-awtorità determinanti. Dawn iż-żewġ proċeduri huma distinti. |
|
58. |
Għalhekk, ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2013/32 fir-rigward ta’ applikazzjonijiet manifestament infondati u l-preżunzjonijiet li għandhom ikunu stabbiliti quddiem l-awtorità determinanti ma jikkonċernawx proċeduri ġudizzjarji. Dan jista’ jkun ikkonfermat ukoll mill-assenza ta’ kwalunkwe riferiment fl-Artikolu 46 sal-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 32. Fil-proċedura quddiem qorti jew tribunal aditi b’appell, l-Artikolu 46(11) jippermetti lill-Istati Membri li jipprovdu għal preżunzjoni li applikant impliċitament irtira jew abbanduna r-rimedju tiegħu, il-kundizzjonijiet għal dawn il-preżunzjonijiet, kif ukoll ir-regoli tal-proċedura li għandhom jiġu segwiti. |
|
59. |
Billi l-kjarifika saret, il-kwistjoni sussegwenti hija jekk Stat Membru jistax jistabbilixxi preżunzjoni ta’ preżentata mhux xierqa tal-appell sempliċement sabiex tittawwal jew titwaqqaf l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni preċedenti għat-tneħħija. Filwaqt li huwa minnu li l-Artikolu 46(11) ma jindikax speċifikament tali preżunzjoni, ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jipprovdu għal preżunzjonijiet li jsegwu għanijiet simili bi preżunzjoni ta’ rtirar jew ta’ abbandun impliċitu tar-rimedju. Kif osservat, essenzjalment, mill-Gvern Grieg, preżunzjoni ta’ preżentata mhux xierqa tal-appell hija intiża sabiex tiżgura li applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ikunu ttrattati bil-ħeffa u li tipproteġi l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja, sabiex tkun tista’ tikkonċentra fuq dawk l-applikanti li għandhom interess ġenwin fir-riżultat tal-appell tagħhom. Il-progress mexxej u effikaċi tal-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u l-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet huma fl-interessi kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għal tali protezzjoni ( 23 ). |
|
60. |
Għalhekk, fejn huwa pprovdut b’dan il-mod mil-liġi nazzjonali, il-portata ta’ preżunzjoni ta’ rtirar jew ta’ abbandun impliċitu tista’ tinkludi preżunzjoni ta’ preżentata mhux xierqa tal-appell. Skont l-Artikolu 46(11), l-Istati Membri jistgħu sussegwentement jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għal din il-preżunzjoni sabiex tkun stabbilita u r-regoli fuq il-proċedura li għandha tiġi segwita. |
|
61. |
F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni dwar il-kwistjoni, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi r-regoli proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet tal-individwi, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, sakemm, madankollu, dawn ir-regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet interni paragunabbli (il-prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (il-prinċipju ta’ effettività) ( 24 ). |
|
62. |
Barra minn dan, skont il-ġurisprudenza indikata fil-punt 44 iktar ’il fuq, il-kundizzjonijiet li skonthom tali preżunzjoni tista’ tiġi stabbilita u r-regoli dwar il-proċedura li għandhom jiġu segwiti għandhom ikunu ddeterminati b’mod li huwa konsistenti mal-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
63. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena ser neżamina l-preżunzjoni prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. |
2. Il-preżunzjoni stabbilita fil-leġiżlazzjoni nazzjonali fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività u tal-Artikolu 47 tal-Karta
|
64. |
F’din il-kawża, il-kundizzjoni neċessarja u suffiċjenti sabiex tiġi dedotta l-preżunzjoni ta’ preżentata mhux xierqa tal-appell hija n-nuqqas tal-applikant milli jidher personalment quddiem il-Kumitat tal-Appelli Indipendenti responsabbli ( 25 ). Il-proċedura li għandha tiġi segwita f’dan il-każ hija ċ-ċaħda tal-appell bħala manifestament infondat, mingħajr eżami tal-mertu tal-kawża u l-impożizzjoni ta’ miżura ta’ ritorn mingħajr tluq volontarju. |
|
65. |
Mill-osservazzjonijiet preċedenti jsegwi li l-kundizzjonijiet għal preżunzjoni ta’ preżentata mhux xierqa tal-appell u r-regoli dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita jaqgħu fil-portata tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, suġġett għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività u għall-osservanza tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 26 ). |
|
66. |
Fir-rigward, l-ewwel, tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-prinċipju jeħtieġ ugwaljanza fit-trattament tat-talbiet ibbażati fuq ksur ta’ dritt nazzjonali u ta’ talbiet simili bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni ( 27 ). |
|
67. |
Huwa għalhekk xieraq, minn naħa, li jiġu identifikati l-proċeduri jew l-azzjonijiet paragunabbli u, min-naħa l-oħra, li jiġi ddeterminat jekk l-azzjonijiet ibbażati fuq id-dritt nazzjonali humiex ittrattati b’mod iktar favorevoli mill-azzjonijiet paragunabbli li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ( 28 ). |
|
68. |
Fir-rigward tal-paragun tal-azzjonijiet, hija l-qorti nazzjonali, li għandha għarfien dirett tar-regoli proċedurali ddettaljati applikabbli, li għandha tikkonferma jekk l-azzjonijiet ikkonċernati humiex simili fir-rigward tal-għan, tal-kawża tal-azzjoni u tal-karatteristiċi essenzjali tagħhom ( 29 ). |
|
69. |
Fir-rigward tat-trattament simili tal-azzjonijiet, għandu jitfakkar li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk regola proċedurali nazzjonali li tirregola azzjonijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni hijiex inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet simili ta’ natura interna għandu jiġi analizzat mill-qorti nazzjonali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-irwol tar-regoli kkonċernati fil-proċedura fl-intier tagħha, kif ukoll l-iżvolġiment tal-imsemmija proċedura u tal-partikolaritajiet ta’ dawn ir-regoli quddiem il-varji istanzi nazzjonali ( 30 ). |
|
70. |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-proċedura quddiem il-Kumitati tal-Appelli Indipendenti għandhiex tkun ipparagunata mal-proċedura quddiem korpi amministrattivi li jeżaminaw l-appelli amministrattivi jew mar-regoli proċedurali li jirregolaw appell fil-mertu jew għal talba għall-annullament quddiem qorti amministrattiva. Il-qorti tar-rinviju tinnota li, f’dawn l-azzjonijiet jew l-appelli l-oħrajn, il-preżenza fiżika tal-applikant ma hijiex obbligatorja u r-rappreżentazzjoni minn avukat hija possibbli. |
|
71. |
Il-Gvern Grieg isostni li l-appell quddiem il-Kumitati tal-Appelli Indipendenti huwa speċifiku għal applikanti għal protezzjoni internazzjonali u li l-proċeduri inkwistjoni ma jistgħux ikunu pparagunati ma’ proċeduri oħrajn quddiem awtoritajiet amministrattivi jew ġurisdizzjonijiet oħrajn. Dan il-gvern josserva wkoll li l-għan tar-rekwiżit li parti tidher personalment ma huwiex l-istess bħar-regoli li jipprovdu għar-rappreżentazzjoni minn avukat tal-applikant. L-għan tar-rekwiżit li parti tidher personalment jikkonsisti fil-prova tal-preżenza fiżika ta’ applikanti fit-territorju nazzjonali. |
|
72. |
Għalkemm hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-paragunabbiltà u l-ġestjoni simili tal-azzjonijiet, jista’ jiġi nnotat li l-appell quddiem il-Kumitati tal-Appelli Indipendenti jista’ jiġi ppreżentat biss fis-sede ta’ dawk il-kumitati, li jinsabu f’Ateni. L-osservanza tal-obbligu proċedurali li parti tidher personalment tista’ tiġi ssodisfatta biss permezz ta’ dehra quddiem dawn tal-aħħar. Mingħajr preġudizzju għall-verifika mill-qorti nazzjonali, jidher li dan l-obbligu ta’ applikant li jidher esklużivament quddiem qorti waħda jew tribunal wieħed fil-belt kapitali tal-pajjiż ma japplikax fi proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji oħrajn. L-ispeċifiċità tal-appelli tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali invokata mill-Gvern Grieg ma tidhirx li tispjega r-raġuni għalfejn ir-rekwiżit li parti tidher personalment jista’ jkun issodisfat biss quddiem qorti waħda jew tribunal wieħed fil-belt kapitali tal-pajjiż. Il-qorti nazzjonali tista’ għalhekk tevalwa wkoll minn din il-perspettiva jekk l-azzjonijiet humiex paragunabbli sabiex tikkonkludi jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza jkunx osservat. |
|
73. |
It-tieni, fir-rigward tal-kwistjoni jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali tosservax il-kundizzjoni inerenti fil-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli għandu jiġi analizzat permezz ta’ riferiment għar-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, ikkunsidrati globalment, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. F’dan il-kuntest, huwa neċessarju, inter alia, li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fejn huwa rilevanti, il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura ( 31 ). |
|
74. |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Grieg huwa ċar li r-raġunijiet għall-preżenza fiżika obbligatorja tal-applikant huma marbuta, fl-ewwel lok, maċ-ċertezza li l-applikanti li jippreżentaw l-appell għandhom interess ġenwin fl-appell u għadhom fit-territorju nazzjonali meta jinstema’ l-appell. Il-Gvern Grieg isostni, iktar partikolarment, li l-għan huwa li jiġi evitat ix-“xiri tal-ażil” mill-applikanti. Fit-tieni lok, dawn ir-raġunijiet jirrigwardaw, b’mod iktar ġenerali, l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, sabiex jiġi żgurat li l-appelli ppreżentati b’mod ħażin ma jsirux ostakolu għall-ġestjoni effettiva ta’ appelli ġenwini. |
|
75. |
Mill-osservazzjonijiet preċedenti jsegwi li huwa leġittimu għal Stat Membru li jfittex li jiżgura li applikanti għandhom interess ġenwin fl-appell ( 32 ). |
|
76. |
Madankollu, ir-regola nazzjonali li hija s-suġġett tat-tilwima tipprovdi għal preżunzjoni ta’ preżentata mhux xierqa tal-appell li għandha tiġi dedotta fuq il-bażi ta’ sempliċi nuqqas ta’ osservanza tar-regola li parti tidher personalment quddiem il-qorti jew it-tribunal aditi b’appell, mingħajr ma jiġi żgurat li l-applikanti jkollhom possibbiltà ġenwina li josservaw dan ir-rekwiżit. |
|
77. |
Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li l-Kumitati tal-Appelli Indipendenti huma bbażati fil-belt kapitali tal-pajjiż, Ateni. Applikant li ma jirrisjedix f’Ateni (u sakemm ma tapplikax waħda mill-eċċezzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti) għandu jivvjaġġa lejn is-sede ta’ dawn il-kumitati permezz tal-mezzi finanzjarji tiegħu, sempliċement sabiex jidher personalment u mhux sabiex jinstema’. Ma hemm l-ebda indikazzjoni fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-mezzi materjali sabiex wieħed jivvjaġġa huma pprovduti lill-applikanti jew li l-ispejjeż rilevanti tal-ivvjaġġar huma koperti. Madankollu, għal applikant għal protezzjoni internazzjonali, l-ispiża tal-ivvjaġġar mill-post residenzjali tiegħu għall-belt kapitali ( 33 ) u l-ispiża tal-akkomodazzjoni f’Ateni jistgħu jkunu sinjifikattivi. Barra minn dan, salv għall-eċċezzjonijiet stabbiliti fid-dritt nazzjonali ( 34 ) u sakemm ma hemmx sitwazzjoni ta’ force majeure ( 35 ), il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedix għal metodi alternattivi li jippermettu lill-applikanti li jipprovaw li huma jinstabu fit-territorju Grieg u li għad għandhom interess fl-appell tagħhom. |
|
78. |
Skont dawn il-kundizzjonijiet, applikant li jonqos milli jidher personalment quddiem il-Kumitat tal-Appelli Indipendenti minħabba problemi finanzjarji jġarrab il-konsegwenzi serji tal-preżunzjoni ta’ preżentata mhux xierqa tal-appell, minkejja li r-raġunijiet għan-nuqqas tiegħu milli jidher personalment ma jkunux relatati mal-eżerċizzju ħażin tar-rimedju. |
|
79. |
Barra minn dan, applikanti li jaqgħu fl-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 78(3) tal-Liġi Nru 4636/2019 jkunu jistgħu jipprovaw il-preżenza tagħhom b’mezzi alternattivi. |
|
80. |
Il-Gvern Grieg jispjega li l-applikanti li jaqgħu f’dawn l-eċċezzjonijiet ma għandhomx obbligu li jidhru personalment u li dan l-obbligu huwa ssostitwit mill-obbligu li jintbagħat iċ-ċertifikat previst fil-leġiżlazzjoni. Madankollu, fil-fehma tiegħi dan ma jispjegax b’mod suffiċjenti għalfejn l-applikanti li huma obbligati li jidhru personalment ma jistgħux jagħmlu użu minn mezzi alternattivi sabiex jipprovaw il-preżenza tagħhom fuq it-territorju Grieg u l-ġenwinità tal-appell tagħhom. |
|
81. |
L-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 78(3) tal-Liġi Nru 4636/2019 juru li hemm modi oħrajn għal applikant li jipprova l-preżenza tiegħu fil-pajjiż, bħal pereżempju jidher quddiem awtorità uffiċjali (bħall-għassa tal-pulizija jew awtorità jew ġurisdizzjoni oħra fil-viċin) fil-post fejn huwa jirrisjedi. |
|
82. |
Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika ulterjorment li l-obbligu li parti tidher personalment ma huwiex mezz xieraq sabiex jiġi żgurat li l-applikant ma huwiex japplika sempliċement sabiex itawwal jew iwaqqaf l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni preċedenti jew imminenti li tista’ tirriżulta fit-tneħħija tiegħu. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjonijiet tal-Kumitati tal-Appelli Indipendenti ma humiex adottati fl-istess ġurnata u li l-preżenza fiżika tal-applikant ma tiffaċilitax l-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ ritorn fil-każ li l-applikazzjoni tiġi miċħuda. |
|
83. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, preżunzjoni ta’ preżentata mhux xierqa tal-appell minn applikant li naqas milli jidher personalment, mingħajr ma jiġi pprovdut mezz alternattiv sabiex tiġi pprovata l-preżenza tal-applikant fit-territorju u mingħajr ma jiġu pprovduti l-mezzi materjali sabiex jippermettu osservanza tar-rekwiżit ta’ preżenza fiżika, tidher li tirrendi l-eżerċizzju tar-rimedju eċċessivament diffiċli. |
|
84. |
Ir-regola proċedurali inkwistjoni ma tidhirx, għalhekk, li hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività. |
|
85. |
Barra minn dan, l-istabbiliment ta’ preżunzjoni ta’ preżentata mhux xierqa tal-appell u ċ-ċaħda tiegħu bħala manifestament infondat, jista’ jippreġudika d-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikolu 47 tal-Karta. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni huwa kkostitwit minn diversi elementi, b’mod partikolari d-dritt ta’ aċċess għal qorti jew għal tribunal ( 36 ). |
|
86. |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, drittijiet fundamentali, bħad-dritt ta’ aċċess għal qorti, ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti u jistgħu jinkludu restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li r-restrizzjonijiet jikkorrispondu effettivament mal-għanijiet ta’ interess ġenerali li l-miżura inkwistjoni tfittex li tilħaq u li ma jeħtiġux, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija, interferenza sproporzjonata u intollerabbli li tippreġudika s-sustanza nnifisha tad-drittijiet iggarantiti ( 37 ). |
|
87. |
F’din il-kawża, kif diġà ddikjarat ( 38 ), l-iskop tal-preżunzjoni stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali huwa li jiġi żgurat li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali huma preżenti fit-territorju, li huma għandhom interess ġenwin fl-appell u, b’mod iktar ġenerali, li tiġi protetta l-effiċjenza u l-ħeffa tal-proċedura ġudizzjarja għall-applikanti ta’ protezzjoni internazzjonali kollha. |
|
88. |
Madankollu, fid-dawl tal-proċedura ikkunsidrata globalment u taċ-ċirkustanzi kollha żviluppati iktar ’il fuq ( 39 ), l-istabbiliment ta’ preżunzjoni ta’ preżentata mhux xierqa ta’ appell fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu tal-applikant li jidher personalment, jidher sproporzjonat fir-rigward tal-għanijiet imfittxija. Fil-fatt, l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li ma jirrisjedux fil-belt kapitali tal-pajjiż ma humiex ipprovduti bil-mezzi materjali li jippermettulhom li jivvjaġġaw lejn is-sede tal-Kumitati tal-Appelli Indipendenti, li tinsab fil-belt kapitali, sabiex josservaw ir-rekwiżit ta’ preżenza fiżika. Barra minn dan, sakemm ma jaqgħux f’xi waħda mill-eċċezzjonijiet restrittivament stabbiliti fid-dritt nazzjonali, l-applikanti ma għandhom l-ebda mezz alternattiv sabiex jipprovaw il-preżenza tagħhom fit-territorju u l-ġenwinità tal-appell tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istabbiliment ta’ preżunzjoni ta’ preżentata mhux xierqa tal-appell għar-raġuni ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li parti tidher personalment jaffettwa b’mod sproporzjonat lil dawk l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jinsabu f’sitwazzjoni finanzjarja prekarja jew li jesperjenzaw diffikultajiet oħrajn relatati mad-dehra personali ( 40 ). |
|
89. |
Għalhekk, id-dritt ta’ aċċess għal qorti jew għal tribunal u d-dritt għal rimedju effettiv għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jidhru li huma ostakolati b’mod sproporzjonat. |
|
90. |
Fid-dawl ta’ dan, jiena tal-fehma li l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività u l-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza minn applikant għal protezzjoni internazzjonali tal-obbligu proċedurali li jidher personalment quddiem korp li qiegħed jeżamina l-appell tiegħu minn deċiżjoni meħuda fuq l-applikazzjoni tiegħu, tistabbilixxi preżunzjoni ta’ preżentata mhux xierqa tal-appell u l-appell jiġi miċħud bħala manifestament infondat, mingħajr eżami tal-mertu tal-kawża, sa fejn hija ma tipprevedix għal mezzi alternattivi sabiex tiġi pprovata l-preżenza tal-applikant fit-territorju. |
V. Konklużjoni
|
91. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mid-Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis (il-Qorti Amministrattiva tal-Ewwel Istanza ta’ Thessaloniki, il-Greċja) kif ġej: L-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza minn applikant għal protezzjoni internazzjonali ta’ obbligu proċedurali sabiex jidher personalment quddiem il-korp li qiegħed jeżamina l-appell tiegħu minn deċiżjoni meħuda fuq l-applikazzjoni tiegħu, tistabbilixxi preżunzjoni ta’ preżentata mhux xierqa tal-appell u li l-appell għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat, mingħajr eżami tal-mertu tal-kawża, sa fejn hija ma tipprevedix għal mezzi alternattivi sabiex tiġi pprovata l-preżenza tal-applikant fit-territorju. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
( 2 ) Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).
( 3 ) Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).
( 4 ) Mill-Artikolu 4(2) tal-Liġi 4375/2016 isegwi li deċiżjoni ministerjali tista’ tistabbilixxi Kumitati tal-Appelli Indipendenti f’reġjuni oħra tal-Greċja u tiddetermina l-ġurisdizzjoni territorjali tagħhom. Madankollu, ma hemmx informazzjoni fil-proċess nazzjonali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jindika li tali deċiżjoni ġiet adottata.
( 5 ) Bil-Grieg ‘endikofanis prosfygi’ (ενδικοφανής προσφυγή).
( 6 ) Nomos 3907/2011, Idrysi Ypiresias Asylou kai Ypiresias Protis Ypodochis, prosarmogi tis ellinikis nomothesias pros tis diatakseis tis Odigias 2008/115/EK schetika me tous koinous kanones kai diadikasies sta krati-meli gia tin epistrophi ton paranomos diamenonton ypikoon triton choron kai loipes diatakseis (il-Liġi Nru 3907/2011 li tistabbilixxi Servizz ta’ Ażil u tal-Ewwel Akkoljenza, li tarmonizza l-leġiżlazzjoni Griega mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115/KE dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (FEK A’ 7/26.1.2011) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 3907/2011”).
( 7 ) Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment ( ĠU 2008, L 348, p. 98 )
( 8 ) L-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2013/32 jiddefinixxi l-“awtorità determinanti” bħala kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, u kompetenti sabiex jieħu fl-ewwel istanza deċiżjonijiet f’tali każijiet.
( 9 ) Ara l-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 10 ) Tabilħaqq, jekk il-korp inkwistjoni ma setax ikun ikkwalifikat bħala “qorti jew tribunal” għall-finijiet tal-Artikolu 46(1), ma jkun hemm l-ebda neċessità sabiex jiġu eżaminati l-aspetti speċifiċi tar-rimedju stabbilit fid-dritt nazzjonali.
( 11 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, D. u A. (C‑175/11, EU:C:2013:45, punt 83). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-predeċessur tal-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, jiġifieri l-Artikolu 39(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (ĠU 2006, L 175M, p. 168). Din id-dispożizzjoni rregolat id-dritt għal rimedju effettiv quddiem “qorti jew tribunal”. L-ewwel sentenza tal-premessa 27 tad-Direttiva 2005/85 iddikjarat li d-deċiżjonijiet meħuda, inter alia, fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-ażil għandhom ikunu suġġetti għal rimedju effettiv quddiem “qorti jew tribunal fis-sens ta’ l-[Artikolu 267 TFUE]” (enfasi miżjuda).
( 12 ) Sentenza tas-7 ta’ Mejju 2024, NADA et (C‑115/22, EU:C:2024:384, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 13 ) Sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, D. u A. (C‑175/11, EU:C:2013:45, punt 103).
( 14 ) Ninnota li wara l-emenda tal-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 4375/2016, preżentement il-membri kollha tal-Kumitati tal-Appelli Indipendenti huma mħallfin.
( 15 ) Ara, is-sentenza tas-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja) (plenarja) Nru 1580/2021, EL:COS:2021:1008A1580.20ED312, punt 14.
( 16 ) F’dan il-każ, l-obbligu li parti tidher personalment jiġi sospiż sakemm tibqa’ s-sitwazzjoni rilevanti. Id-dispożizzjoni rilevanti, jiġifieri t-tieni paragrafu tal-Artikolu 78(3) tal-Liġi Nru 4636/2019, hija inkluża fis-sottomissjonijiet tal-Gvern Grieg.
( 17 ) Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2024, Ministerstvo vnitra České republiky, Odbor azylové a migrační politiky (C‑406/22, EU:C:2024:841, punt 85).
( 18 ) Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2024, Ministerstvo vnitra České republiky, Odbor azylové a migrační politiky (C‑406/22, EU:C:2024:841, punt 86).
( 19 ) Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2020, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Ċaħda ta’ talba sussegwenti – Terminu għall-preżentata ta’ rikors) (C‑651/19, EU:C:2020:681, punt 33).
( 20 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Sacko (C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 44).
( 21 ) Punti 45 u 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 22 ) Ara l-Artikolu 31(8)(g) tad-Direttiva 2013/32.
( 23 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2020, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Ċaħda ta’ talba sussegwenti – Terminu għall-preżentata ta’ rikors) (C‑651/19, EU:C:2020:681, punti 54 u 55).
( 24 ) Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2020, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Ċaħda ta’ talba sussegwenti – Terminu għall-preżentata ta’ rikors) (C‑651/19, EU:C:2020:681, punt 34).
( 25 ) Sakemm ma tapplikax waħda mill-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 78(3) tal-Liġi Nru 4636/2019.
( 26 ) Ara l-punti 60 sa 62 iktar ’il fuq.
( 27 ) Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2020, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Ċaħda ta’ talba sussegwenti – Terminu għall-preżentata ta’ rikors) (C‑651/19, EU:C:2020:681, punt 36).
( 28 ) Ibid., punt 37.
( 29 ) Ibid., punt 38.
( 30 ) Ibid., punt 39.
( 31 ) Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2020, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Ċaħda ta’ talba sussegwenti – Terminu għall-preżentata ta’ rikors) (C‑651/19, EU:C:2020:681, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 32 ) Ara l-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 33 ) Id-distanza tista’ tkun kunsiderevoli; fil-każ tal-applikant fil-kawża prinċipali, li jirrisjedi f’Thessaloniki, id-distanza biex jivvjaġġa lejn Ateni hija ta’ madwar 500 km.
( 34 ) Punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 35 ) L-obbligu li parti tidher personalment jiġi sospiż sakemm tippersisti s-sitwazzjoni ta’ force majeure.
( 36 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Sacko (C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 32).
( 37 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Sacko (C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 38).
( 38 ) Ara, il-punt 74 u 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 39 ) Punti 76 sa 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 40 ) Sa fejn dawn id-diffikultajiet ma jammontawx għal sitwazzjoni ta’ force majeure, li l-applikant għandu jipprova.