Brussell, 23.4.2026

COM(2026) 158 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-funzjonament tal-arranġamenti ta’ spezzjoni għar-riżorsi proprji tradizzjonali (2022–2024) skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/768 tat-30 ta’ April 2021 li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea




























































Sommarju Eżekuttiv

Kull tliet snin, il-Kummissjoni tagħmel rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tħaddim tal-arranġamenti ta’ spezzjoni għar-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT). Dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar l-attivitajiet ta’ spezzjoni mwettqa bejn l-2022 u l-2024.

Bejn l-2022 u l-2024, il-Kummissjoni kompliet timplimenta l-miżuri tagħha kontra tessuti u żraben sottovalutati b’mod frodulenti mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina importati kemm fir-Renju Unit kif ukoll fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni nediet proċedimenti ta’ ksur kontra r-Renju Unit fl-2018, u fl-2022 il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet favur il-Kummissjoni (C-213/19). Abbażi ta’ dan il-każ storiku, il-Kummissjoni fl-aħħar mill-aħħar ġabet kważi EUR 3 biljun ta’ RPT addizzjonali u imgħax għall-baġit tal-UE fl-2023. Bħala riżultat tal-kjarifiki legali mill-Qorti u l-azzjoni ta’ infurzar mill-Kummissjoni, l-Istati Membri tejbu b’mod konsiderevoli l-istrateġiji ta’ kontroll tagħhom f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni issa qed tikkonkludi każijiet pendenti ta’ sottovalutazzjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri kkonċernati, u dan jinvolvi d-determinazzjoni tal-ammonti finali tat-telf u tal-imgħax relatati mar-RPT.

B’rabta mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE fl-1 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni tkompli tiżgura l-ħlas tal-ammonti pendenti tal-RPT dovuti mir-Renju Unit f’konformità mal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

Bejn l-2022 u l-2024, il-Kummissjoni żiedet ukoll il-miżuri ad hoc immirati tagħha biex tipproteġi l-baġit tal-UE billi tibni fuq is-sejbiet tal-ispezzjoni, pereżempju, b’awditi dokumentarji tal-importazzjonijiet ta’ pannelli u ċelloli solari ddikjarati li joriġinaw mill-Malażja u mit-Tajwan fl-Istati Membri kollha. B’riżultat ta’ dan, sal-31 ta’ Diċembru 2024, l-Istati Membri għamlu EUR 376,8 miljun ta’ RPT addizzjonali relatati ma’ dawn l-oġġetti disponibbli għall-baġit tal-UE.

Barra minn hekk, l-attivitajiet ta’ spezzjoni annwali ppjanati kienu jinkludu suġġetti bħal: (i) il-ġestjoni tal-kont A u tal-kont B; (ii) il-kummerċ elettroniku; (iii) il-proċedura tal-użu aħħari; u (iv) id-dazji anti-dumping u kumpensatorji.

Fl-aħħar nett, ir-rapport ikopri attivitajiet regolari oħra mwettqa biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE: (i) il-miżuri ta’ segwitu li jindirizzaw is-sejbiet preliminari tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri; (ii) l-eżami ta’ intitolamenti irrekuperabbli li jkunu tħassru mill-Istati Membri; (iii) is-segwitu fir-rigward tal-ammonti disponibbli fuq bażi volontarja; (iv) it-trattament tal-iżbalji tal-Istati Membri; (v) il-ġestjoni tal-bażi tad-data relatata mal-frodi u mal-irregolaritajiet; u (vi) l-assistenza pprovduta lill-pajjiżi kandidati.



1.    INTRODUZZJONI

Mill-2022 sal-2024, ir-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT) 1 li jammontaw għal aktar minn EUR 68 biljun (netti) saru disponibbli għall-baġit tal-UE, b’medja annwali ta’ madwar EUR 22,7 biljun.

L-ispezzjonijiet tal-RPT huma bbażati fuq ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/768 tat-30 ta’ April 2021 2 .

Kull tliet snin, il-Kummissjoni tagħmel rapport 3 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tħaddim tal-arranġamenti ta’ spezzjoni għar-RPT.

Dan ir-rapport jiddeskrivi u janalizza t-tħaddim tas-sistema ta’ spezzjoni għar-RPT fil-perjodu mill-2022 sal-2024 4 . Jiddeskrivi wkoll l-ispezzjonijiet tal-RPT imwettqa mill-Kummissjoni matul dan il-perjodu u jkopri attivitajiet oħra li l-objettiv tagħhom huwa li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE, inklużi:

-spezzjonijiet fuq il-post u awditi dokumentarji mmirati mwettqa mill-Kummissjoni fl-Istati Membri u s-segwitu għal dawk l-ispezzjonijiet;

-segwitu għas-sejbiet preliminari tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri;

-eżami tal-intitolamenti irrekuperabbli mħassra mill-Istati Membri;

-it-trattament tal-iżbalji tal-Istati Membri li wasslu għat-telf tar-RPT;

-il-ġestjoni tal-bażi tad-data għar-rappurtar tal-Istati Membri dwar il-frodi u l-irregolaritajiet b’impatt fuq ir-RPT (OWNRES);

-assistenza lill-pajjiżi kandidati tal-UE (il-Kapitolu 33);

-kontributi għall-emendar tar-Regolament dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni 5 .

L-attivitajiet elenkati hawn fuq jitwettqu minn tim żgħir ta’ 18-il membru tal-persunal, li jiżgura li r-RPT jinġabru fil-ħin u li l-Istati Membri japplikaw id-dispożizzjonijiet legali b’mod korrett. It-tim jipprovdi wkoll gwida lill-awtoritajiet nazzjonali: (i) matul iż-żjarat ta’ spezzjoni; (ii) matul il-laqgħat biannwali tal-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji (KKRP); jew (iii) fuq bażi ad hoc.

2.    SPEZZJONIJIET TAL-RPT: QAFAS U METODOLOĠIJA

2.1.    Il-qafas regolatorju u operazzjonali għar-RPT

Il-ġbir tar-RPT huwa ddelegat lill-Istati Membri skont il-liġi tal-UE. Huma għandhom iqiegħdu d-dazji doganali — li huma stess stabbilixxew u ġabru — għad-dispożizzjoni 6 tal-baġit tal-UE. Matul il-perjodu ta’ rapportar, l-Istati Membri komplew japplikaw rata fissa ta’ 25 % fir-rigward tal-ammonti kollha tar-RPT stabbiliti 7 bħala kumpens għall-kostijiet tal-ġbir, irrispettivament mill-kostijiet effettivament imġarrba. Dan ifisser li l-Kummissjoni tirċievi biss 75 % tad-dazji doganali miġbura, filwaqt li l-Istati Membri jżommu 25 % bħala kostijiet tal-ġbir. L-Istati Membri huma meħtieġa wkoll iwettqu kontrolli doganali u jirrapportaw is-sejbiet ta’ dawn il-kontrolli lill-Kummissjoni.

Madankollu, il-Kummissjoni żżomm setgħat ta’ spezzjoni konsiderevoli fir-rigward tal-RPT. F’dan il-kuntest, l-ispezzjonijiet fuq il-post huma għodda importanti biex tiġi ssorveljata s-sistema ta’ ġbir tar-RPT, li tippermetti lill-Kummissjoni twettaq diversi tipi ta’ kontrolli 8 fuq il-kontijiet, il-proċeduri u d-dokumenti doganali tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni hija meħtieġa wkoll twieġeb kemm għal: (i) l-osservazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Awdituri fir-rapport annwali tagħha, (ii) ir-rapporti speċjali jew is-sejbiet preliminari; u (iii) l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Parlament Ewropew matul il-proċedura ta’ kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit.

L-attivitajiet ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni għandhom tliet objettivi ewlenin, li huma stabbiliti fit-tliet punti ta’ hawn taħt.

-L-ewwel objettiv huwa li jinżammu kundizzjonijiet ekwi bejn l-Istati Membri, irrispettivament minn fejn il-merkanzija tiġi żdoganata mid-dwana fl-UE biex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

-It-tieni objettiv huwa li jiġi żgurat li d-dazji doganali jiġu stabbiliti u rkuprati fil-ħin. Il-Kummissjoni trid tiġi żgurata li l-Istati Membri qed jikkonformaw mar-responsabbiltajiet tagħhom għall-ġbir u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-RPT korrispondenti. Il-Kummissjoni teżamina l-miżuri meħuda mill-Istati Membri dwar l-irkupru tal-RPT, inkluża n-notifika f’waqtha tad-dejn doganali u l-proċeduri ta’ infurzar meħtieġa.

-It-tielet objettiv huwa li l-awtorità baġitarja (il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea) tiġi infurmata u, b’riżultat ta’ dan, li tinkiseb konferma tat-twettiq ta’ dmirijietha. Abbażi tas-sejbiet tal-ispezzjoni, il-Kummissjoni tivvaluta l-effettività u d-diliġenza tal-Istati Membri fl-istabbiliment u l-ġbir tad-dazji doganali u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-RPT korrispondenti. Il-Kummissjoni titlob li jittieħdu miżuri biex jiġi rrimedjat kwalunkwe nuqqas, sabiex, fl-aħħar mill-aħħar, tkun tista’ tippreżenta rapport lill-awtorità baġitarja.

L-ispezzjonijiet jgħinu wkoll biex jiżguraw il-funzjonament effettiv tal-Unjoni Doganali, il-protezzjoni tal-produtturi tal-UE u l-applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-UE. Dawn jgħinu wkoll biex jiġu eliminati l-lakuni li jagħmluha possibbli għall-frodaturi li jabbużaw mis-sistema jew jevadu l-ħlas tad-dazji applikabbli.

Is-sejbiet tal-ispezzjoni jipprovdu kontribut importanti għall-politika tad-dħul tad-Direttorat Ġenerali għall-Baġit dwar il-qafas regolatorju għar-riżorsi proprji attwali u futuri possibbli. Dawn is-sejbiet huma kondiviżi wkoll ma’ servizzi oħra tal-Kummissjoni (pereżempju, id-DĠ Taxud 9 , id-DĠ Kummerċ 10 , u l-OLAF 11 ) biex jgħinuhom jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati fil-livell ta’ politika.

Id-Deċiżjoni attwali dwar ir-Riżorsi Proprji 12 u r-Regolament (UE, Euratom) 2021/768 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni ilhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021. Barra minn hekk, l-iżvilupp kontinwu ta’ miżuri ta’ faċilitazzjoni u simplifikazzjoni tal-kummerċ jeħtieġ adattament regolari tal-kontrolli tal-RPT imwettqa mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri.

2.2.    Objettivi u metodoloġija tal-ispezzjonijiet fuq il-post u mill-bogħod fir-rigward tal-RPT

L-għan ġenerali tal-ispezzjonijiet tar-RPT huwa biex tinkiseb assigurazzjoni li l-proċeduri tal-Istati Membri jimxu mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u li l-interessi finanzjarji tal-UE huma protetti kif xieraq u b’mod omoġenju kull fejn tiġi żdoganata l-merkanzija. Kull sena, l-ispezzjonijiet jiffukaw fuq suġġetti doganali u kontabilistiċi speċifiċi. Dan jgħin biex jiġu armonizzati u mtejba l-proċeduri fis-seħħ fl-Istati Membri bl-għan li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-UE b’mod konsistenti.

L-ispezzjonijiet fuq il-post tal-Kummissjoni huma ppjanati bħala parti minn programm annwali ta’ spezzjoni, li huwa bbażat fuq analiżi tar-riskju u fih is-suġġetti li għandhom jiġu vverifikati fl-Istati Membri. Dawn l-ispezzjonijiet jitwettqu f’konformità ma’ proċeduri standardizzati u jinvolvu l-użu ta’ għodod tal-awditjar imfassla apposta żviluppati mid-DĠ Baġit biex tiżdied il-komparabbiltà tar-riżultati tal-ispezzjonijiet.

Is-suġġetti ta’ spezzjoni huma ddeterminati abbażi ta’ suġġerimenti mill-Istati Membri jew mis-servizzi tal-Kummissjoni (eż. id-DĠ Baġit, id-DĠ Taxud, l-OLAF). Il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-Kummissjoni tkompli fl-istadju tal-iżvilupp tal-għodod tal-awditjar u permezz ta’ arranġament li bih servizzi oħra tal-Kummissjoni jingħaqdu mad-DĠ Baġit matul iż-żjarat ta’ spezzjoni. Barra minn hekk, id-DĠ Taxud, l-OLAF, u s-Servizz Legali jiġu kkonsultati b’mod sistematiku u jipprovdu kummenti qabel ma r-rapporti ta’ spezzjoni jiġu ppreżentati lill-Kumitat Konsultattiv dwar ir-RPT. Dan l-approċċ jiżgura konsistenza fis-servizzi kollha tal-Kummissjoni u trattament ugwali tal-Istati Membri kollha.

Mill-2020, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet ad hoc addizzjonali u awditi dokumentarji, kif meħtieġ, f’oqsma fejn jiġu identifikati riskji speċifiċi. Dawn l-awditi dokumentarji mmirati jitwettqu l-aktar mill-bogħod (eż. pannelli solari, strateġija ta’ kontroll għal oġġetti relatati mal-COVID-19 soġġetti għal eżenzjoni mid-dazju).

3.    SPEZZJONIJIET TAL-RPT IMWETTQA MILL-KUMMISSJONI FIL-PERJODU 2022–2024

Fil-perjodu 2022–2024, il-Kummissjoni wettqet 56 spezzjoni tar-RPT skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE, Euratom) 2021/768, li wasslu għal 161 sejba. It-tabella 1 tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet ta’ spezzjoni għal kull Stat Membru matul dak il-perjodu.

Mill-161 sejba li saru, mill-inqas 103 (64 %) kellhom impatt finanzjarju dirett (jiġifieri l-Istati Membri kellhom jagħmlu disponibbli RPT addizzjonali) u 21 (13 %) kellhom impatt regolatorju.

L-ispezzjonijiet iffukaw fuq kwistjonijiet ta’ kontabbiltà u doganali.

Tabella 1. Ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet ta’ spezzjoni 2022-2024

SM

Kontijiet A u B

ADD/CVD 13

Kummerċ elettroniku

Użu finali

2022

2023

2024

2022

2024

2022

2023

AT

x

x

BE

x

x

x

x

BG

x

x

x

HR

x

CY

x

CZ

x

x

DK

x

EE

x

FI

x

x

FR

x

x

DE

x

x

x

EL

x

x

x

HU

x

x

x

IE

x

x

x

IT

x

x

LV

x

LT

x

LU

x

MT

x

x

NL

x

x

x

x

PL

x

PT

x

x

RO

x

x

SK

x

SI

x

ES

x

x

SE

x

x

x

UK

x

x

Total

1

2

13

9

8

6

17

3.1.    Kwistjonijiet ta’ kontabilità

Fl-2022–2024, il-kontrolli fuq l-affidabbiltà tal-kontijiet A u B 14 u d-dikjarazzjonijiet relatati twettqu fl-Istati Membri kollha u fir-Renju Unit. Il-konklużjoni kienet li l-proċeduri għat-tfassil ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet ġeneralment kienu konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE u żguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Is-sejbiet ikkomunikati mill-Kummissjoni wara dawn l-ispezzjonijiet jikkonċernaw, fost affarijiet oħra: (i) l-istabbiliment u n-notifika tardivi tad-djun doganali; (ii) in-nuqqas li l-ammonti jsiru disponibbli għall-baġit tal-UE jew in-nuqqas li dan isir fil-ħin; (iii) nuqqasijiet fl-infurzar tad-djun doganali; (iv) entrati żbaljati fiż-żewġ kontijiet jew tneħħijiet minnhom; (v) nuqqasijiet fil-proċeduri ta’ tħassir; (vi) inkonsistenzi bejn iż-żewġ kontijiet; u (vii) tneħħijiet tard mill-kont B.

Il-ġestjoni tal-kont A u l-kont B ġiet spezzjonata fl-Istati Membri kollha bħala t-tieni suġġett ta’ spezzjoni flimkien mas-suġġett doganali ewlieni. L-ispezzjonijiet imwettqa fil-perjodu 2022–2024 ikkonfermaw li l-biċċa l-kbira tal-iżbalji fil-kont A u fil-kont B kienu ta’ darba, filwaqt li l-iżbalji sistematiċi kienu eċċezzjonali. L-Istati Membri kkonċernati aċċettaw il-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw mis-sejbiet magħmula mill-Kummissjoni.

Is-sitwazzjoni ġenerali tjiebet bejn l-2022 u l-2024 meta mqabbla mal-perjodu ta’ rapportar preċedenti minħabba l-kunsiderazzjoni mogħtija mill-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni għal dawn is-suġġetti u għal aktar titjib fis-sistemi elettroniċi tal-kontabbiltà użati mill-Istati Membri li jnaqqsu r-riskju ta’ żbalji li jirriżultaw mill-awtoritajiet nazzjonali li jikkoreġu d-data manwalment. Madankollu, jeħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jagħmlu kull sforz biex jiżguraw ġestjoni diliġenti tal-kontijiet A u B u biex jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa, sabiex id-dikjarazzjonijiet ikunu kompluti, ċari u trasparenti.

Fl-2022, il-kont B ġie vverifikat permezz ta’ awditi dokumentarji ddedikati fl-Istati Membri kollha. Matul dawn l-awditi, il-Kummissjoni mmirat każijiet miftuħa tal-kont B, u appoġġat b’mod effettiv lill-Istati Membri fit-tindif immirat tal-kontijiet B tagħhom.

Barra minn hekk, fl-2022-2024, l-Istati Membri ħadu miżuri addizzjonali fost l-oħrajn billi: (i) evalwaw ir-responsabbiltà finanzjarja tagħhom stess; (ii) għamlu l-ammonti disponibbli fuq bażi volontarja, fejn xieraq; u (iii) ikkomunikawhom lill-Kummissjoni bl-użu tal-Anness għall-kont A.

Bħala konklużjoni, għalkemm ġew identifikati xi nuqqasijiet fl-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni, il-funzjonament ġenerali tas-sistemi tal-kontijiet A u B tjieb permezz tal-ħidma ta’ spezzjoni tal-RPT tal-Kummissjoni, li rriżulta fi protezzjoni aħjar tal-interess finanzjarju tal-UE.

3.2.    Kwistjonijiet doganali 2022–2024

Is-suġġetti doganali magħżula għall-ispezzjonijiet jinbidlu minn sena għal sena, b’kunsiderazzjoni speċjali għall-kwistjonijiet assoċjati mal-ogħla riskju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.

Matul il-perjodu ta’ tliet snin taħt skrutinju, l-ispezzjonijiet iffukaw fuq is-suġġetti li ġejjin:

-l-istrateġija ta’ kontroll għad-dazji anti-dumping u kumpensatorji (2022 u 2024);

-l-istrateġija ta’ kontroll għall-kummerċ elettroniku u l-kunsinni ta’ valur baxx (2022);

-l-istrateġija ta’ kontroll għall-użu aħħari (2023).

Fl-2022 u l-2024, l-istrateġija ta’ kontroll għad-dazji anti-dumping u kumpensatorji (ADD/CVD) ġiet spezzjonata fi 17-il Stat Membru 15 . Is-sistemi ta’ kontroll ġew ivvalutati mill-Kummissjoni bħala parzjalment jew ġeneralment sodisfaċenti. In-nuqqasijiet ewlenin kienu relatati ma’: (i) in-nuqqas ta’ implimentazzjoni jew l-implimentazzjoni tard tal-profili tar-riskju; (ii) verifiki mhux konsistenti; (iii) l-istabbiliment tard ta’ dazji anti-dumping definittivi u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tard ta’ dazji anti-dumping definittivi (inkluża l-kontabbiltà ta’ ADD/CVD proviżorji li jsiru definittivi); (iv) in-nuqqas ta’ stabbiliment jew l-istabbiliment tard ta’ ADD/CVD wara l-wasla ta’ informazzjoni mill-OLAF; u (v) l-applikazzjoni ta’ rati żbaljati ta’ ADD/CVD.

Fl-2022, il-Kummissjoni spezzjonat l-istrateġija ta’ kontroll għall-kummerċ elettroniku u l-kunsinni ta’ valur baxx f’sitt Stati Membri. Is-sistemi ta’ kontroll ġew ivvalutati bħala parzjalment jew ġeneralment sodisfaċenti. In-nuqqasijiet ewlenin kienu relatati mal-istrateġija ta’ ġestjoni u kontroll tar-riskju għall-kummerċ elettroniku u l-kunsinni ta’ valur baxx.

Fl-2023, il-Kummissjoni spezzjonat l-istrateġija ta’ kontroll għall-proċedura tal-użu aħħari fi 17-il Stat Membru. Is-sistemi ta’ kontroll ġew ivvalutati bħala parzjalment jew ġeneralment sodisfaċenti. In-nuqqasijiet identifikati kienu jinkludu: (i) struzzjonijiet nazzjonali skaduti; (ii) monitoraġġ insuffiċjenti tal-awtorizzazzjonijiet; (iii) elementi neqsin fl-awtorizzazzjonijiet; (iv) awtorizzazzjonijiet mogħtija għal perjodi twal; (v) in-nuqqas li jiġu kkomunikati l-kontijiet tar-rilaxx jew in-nuqqas li dan isir fil-ħin; (vi) kontrolli insuffiċjenti fuq id-dikjarazzjonijiet; (vii) rappreżentanti indiretti li jippreżentaw dikjarazzjonijiet; u (viii) sistemi ta’ dikjarazzjoni li ma jivverifikawx jekk il-kodiċijiet TARIC iddikjarati kinux jikkorrispondu mal-kodiċijiet TARIC inklużi fl-awtorizzazzjoni.

Fl-2022, il-Kummissjoni wettqet sitt awditi dokumentarji dwar l-istrateġija ta’ kontroll għal oġġetti relatati mal-COVID-19 soġġetti għal eżenzjoni mid-dazju. Fl-14 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni talbet li d-data tiġi pprovduta mill-Istati Membri kkonċernati. Ġew identifikati xi każijiet minuri ta’ responsabbiltà finanzjarja, u l-Istati Membri kkonċernati aċċettaw il-konsegwenzi finanzjarji fejn applikabbli.

3.3.    Importazzjonijiet sottovalutati ta’ tessuti u żraben

Fit-8 ta’ Marzu 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) iddeċidiet favur il-Kummissjoni fil-kawża ta’ ksur imressqa kontra r-Renju Unit rigward tessuti u żraben sottovalutati (C-213/19). Dan il-każ storiku fl-aħħar mill-aħħar witta t-triq għal pagamenti addizzjonali mir-Renju Unit għall-baġit tal-UE ta’ kważi EUR 3 biljun f’RPT u imgħax. Hija ċċarat ukoll b’mod aktar ġenerali r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fil-ġlieda effettiva kontra dan it-tip ta’ frodi, filwaqt li approvat il-miżuri rakkomandati mill-Kummissjoni mill-2011.

Bħala riżultat tal-kjarifiki legali mill-Qorti u l-azzjoni ta’ infurzar mill-Kummissjoni, l-Istati Membri tejbu b’mod konsiderevoli l-istrateġiji ta’ kontroll tagħhom f’dan il-qasam. Diversi Stati Membri rrieżaminaw l-istruttura organizzazzjonali tagħhom dwar il-ġestjoni tar-riskju doganali, filwaqt li ħolqu timijiet ġodda u impjegaw persunal iddedikat għall-kontroll doganali.

Fir-rigward tar-responsabbiltà finanzjarja fil-kuntest ta’ din il-frodi speċifika ta’ sottovalutazzjoni, il-Kummissjoni u diversi Stati Membri kkonkludew b’mod konġunt dawn il-każijiet bl-ammonti finali dovuti li tħallsu. Għall-bqija tal-Istati Membri, dan il-proċess ta’ determinazzjoni tal-ammonti li għandhom jitħallsu se jiġi konkluż dalwaqt.

3.4.    Pannelli solari

Fl-2018 u l-2019, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet tal-RPT f’10 Stati Membri biex tivvaluta l-istrateġiji ta’ kontroll tagħhom fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ moduli solari u komponenti ewlenin iddikjarati bħala li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Malażja u mit-Tajwan u soġġetti għal miżuri ta’ difiża tal-kummerċ (dazji anti-dumping u kumpensatorji).

Minħabba nuqqas rikorrenti identifikat fi tlieta minn dawn l-ispezzjonijiet immirati (nuqqas li kien relatat mal-interpretazzjoni żbaljata tat-terminu kkonsenjat minn skont ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/184 u 2016/185 tal-11 ta’ Frar 2016), id-DĠ Baġit estenda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontrolli tiegħu għall-Istati Membri kollha li jimportaw l-istess merkanzija fil-perjodu mit-30 ta’ Mejju 2015 sat-3 ta’ Settembru 2018 16 . Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Ġunju 2021, id-DĠ Baġit informa lill-21 Stat Membru 17 dwar it-telf potenzjali tal-RPT li jirriżulta mill-interpretazzjoni żbaljata msemmija għall-importazzjonijiet ta’ pannelli u ċelloli solari ddikjarati li joriġinaw mill-Malażja u mit-Tajwan.

Sal-31 ta’ Diċembru 2024, għal 12-il Stat Membru, is-segwitu għal dan in-nuqqas tqies magħluq jew minħabba li ma ntilfet l-ebda RPT jew minħabba li l-ammont prinċipali flimkien mal-imgħax tħallas lill-baġit tal-UE, li jammonta għal EUR 376.8 miljun. Is-segwitu għall-investigazzjoni ta’ dan in-nuqqas għadu għaddej għal 12-il Stat Membru u għar-Renju Unit.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kompliet tiċċara t-tifsira u l-ambitu tat-terminu kkunsinnat minn, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni setgħet tagħmel dan bis-saħħa ta’: (i) l-attivitajiet ta’ spezzjoni tagħha; (ii) il-kuntatti mal-Istati Membri; u (iii) diversi preżentazzjonijiet lill-Istati Membri. Dan għen biex jinkisbu kundizzjonijiet ekwi għall-Istati Membri u tingħata spinta lil-livell ta’ protezzjoni għall-kumpaniji bbażati fl-UE kontra importazzjonijiet iddikjarati b’mod żbaljat li jevadu l-miżuri ta’ difiża kummerċjali tal-Kummissjoni.

4.    SEGWITU GĦALL-ISPEZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

4.1.    Aspetti regolatorji

L-Istati Membri huma mitluba jieħdu miżuri kull meta jinstabu difetti jew lakuni fir-regolamenti nazzjonali jew fid-dispożizzjonijiet amministrattivi matul l-ispezzjonijiet, sabiex: (i) jallinjaw dawn ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet mar-rekwiżiti tal-UE; u (ii) jarmonizzaw l-istabbiliment u l-ġbir tar-RPT fis-27 Stat Membru kollha. Dan l-allinjament regolatorju huwa kisba ewlenija tal-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni. Is-sejbiet huma wkoll indikatur ewlieni tad-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri fl-applikazzjoni tar-regolamenti doganali u tar-riżorsi proprji, u jinfurmaw l-isforz kontinwu tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-qafas regolatorju. Pereżempju, ir-rispons mis-sejbiet tal-ispezzjonijiet tqies fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2022/615 tal-5 ta’ April 2022 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 (ara l-punt 5.4 hawn taħt).

4.2.    L-eżitu tat-tilwim

L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali u l-proċeduri f’xi Stati Membri mhux dejjem huma konformi mar-rekwiżiti tal-Kummissjoni. Meta tilwima ma tkunx tista’ tiġi solvuta, il-Kummissjoni tniedi proċedura ta’ ksur 18 .

Fil-perjodu 2022–2024, il-Kummissjoni fetħet 3 u għalqet 7 proċedura ta’ ksur wara li l-konformità ġiet żgurata mill-Istati Membri kkonċernati. Hija għalqet il-proċedura ta’ ksur kontra r-Renju Unit (C-213/19) wara s-sentenza tal-2022 tal-QĠUE u l-ħlas mir-Renju Unit tal-ammonti kollha dovuti fl-2023. 4 każijiet ta’ ksur biss kienu għadhom għaddejjin f’Diċembru 2024 (u 2 minnhom ingħalqu fl-2025).

L-ewwel kawża li tikkonċerna l-arrikkiment indebitu, jiġifieri l-kawża C-494/22 P imressqa miċ-Ċekja, ġiet deċiża favur il-Kummissjoni fl-2024. Fid-deċiżjoni tagħha, il-QĠUE indikat ir-responsabbiltà awtonoma tal-Istati Membri fir-rigward tal-RPT u l-obbligu tagħhom li jaġixxu b’mod proattiv biex jipproteġu bis-sħiħ l-interessi finanzjarji tal-UE.

4.3.    Aspetti finanzjarji

Wara l-attivitajiet ta’ kontroll tagħhom, il-Kummissjoni tqis li l-każijiet mill-perjodu 2022–2024 ingħalqu, u l-ammonti finali ta’ intitolamenti addizzjonali li jammontaw għal aktar minn EUR 4 biljun 19 (f’RPT u imgħax relatat) ġew iddeterminati u mħallsa. Dawn l-ammonti tħallsu lill-Kummissjoni prinċipalment fir-rigward tas-sottovalutazzjoni tal-prodotti tat-tessuti, taż-żraben u tal-pannelli solari. Dawn huma relatati mas-sejbiet stabbiliti fir-rapporti ta’ spezzjoni, attivitajiet oħra ta’ spezzjoni, ir-rapporti finali tal-OLAF, u mas-segwitu għas-sejbiet tal-Qorti tal-Awdituri.

5.    MIŻURI BIEX JITTEJJEB L-IRKUPRU TAR-RPT

Barra mill-ispezzjonijiet fuq il-post fl-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha bosta mezzi oħra li jippermettulha li tissorvelja l-irkupru tar-RPT.

5.1.    L-eżami ta’ intitolamenti irrekuperabbli li jkunu ġew imħassra

L-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri kollha biex jagħmlu r-RPT disponibbli, ħlief meta l-irkupru jkun impossibbli skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 609/2014:

-raġunijiet ta’ force majeure;

-għal raġunijiet oħra li ma jistgħux jiġu attribwiti lilhom; jew

-minħabba d-differiment tal-entrata fil-kontijiet jew tan-notifika tad-dejn doganali sabiex ma tiġix ippreġudikata investigazzjoni kriminali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

F’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE, l-Istati Membri jridu jirrapportaw lill-Kummissjoni ammonti irrekuperabbli ta’ RPT li jaqbżu l-EUR 100 000 (f’rapporti ta’ tħassir) li għalihom iqisu lilhom infushom mhux responsabbli. Sussegwentement, il-Kummissjoni tagħti l-kummenti tagħha fuq kull rapport. L-iskop tal-eżami mill-Kummissjoni tar-rapporti ta’ tħassir huwa li jiġi vvalutat il-grad ta’ diliġenza muri mill-Istati Membri fit-twettiq tar-responsabbiltà awtonoma tagħhom li jistabbilixxu u jirkupraw mill-operaturi ekonomiċi d-dazji doganali li jirrappreżentaw ir-RPT.

Għal ammonti taħt il-livell limitu ta’ rapportar, il-Kummissjoni tivvaluta b’mod regolari kampjuni ta’ każijiet matul l-ispezzjonijiet tagħha fuq il-post.

Biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-evalwazzjoni tar-responsabbiltà finanzjarja potenzjali tagħhom għal ammonti tal-RPT irrekuperabbli, il-Kummissjoni ħarġet dokument ta’ ħidma — il-Kompendju, li jistabbilixxi l-kriterji użati għall-valutazzjoni tar-rapporti ta’ tħassir. Il-Kompendju ġie kkomunikat lill-Istati Membri kollha għall-ewwel darba matul il-laqgħa tal-KKRP fis-6 ta’ Diċembru 2012. L-aħħar verżjoni riveduta tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2024, li tirrifletti l-bidliet fil-leġiżlazzjoni tal-UE u l-ġurisprudenza rilevanti dwar ir-RPT, ġiet ikkomunikata lill-Istati Membri kollha fil-lingwi uffiċjali tagħhom fil-laqgħa tal-KKRP dwar ir-RPT f’Diċembru 2024. Din il-verżjoni l-ġdida tinkludi l-interpretazzjonijiet rilevanti kollha tal-liġi rilevanti tal-UE f’konformità mal-ġurisprudenza reċenti tal-QĠUE u l-emendi introdotti mir-Regolament dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni, kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2022/615.

Għal kull każ ta’ tħassir rilevanti ’l fuq mil-limitu speċifikat, l-Istati Membri jridu jfasslu rapport strutturat u jibagħtuh lill-Kummissjoni bl-użu ta’ bażi tad-data multilingwi msejħa WOMIS (Write-Off Management and Information System - Sistema ta’ Ġestjoni u Informazzjoni dwar it-Tħassir). Il-bażi tad-data WOMIS, li tiġi aġġornata regolarment, tippermetti l-ġestjoni effiċjenti u sigura tar-rapporti tal-Istati Membri.

Is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni (id-DĠ Baġit, id-DĠ Taxud, l-OLAF, u s-Servizz Legali) jivvalutaw ir-rapport ta’ tħassir u jipprovdu kummenti lill-Istat Membru. Dawn il-kummenti jikkonċernaw il-ġustifikazzjoni li l-Istat Membru jista’ jipprevedi li r-RPT li jikkorrispondu għad-dazji doganali irrekuperabbli ma jsirux disponibbli għall-Kummissjoni.

Matul il-perjodu 2022–2024, total ta’ 88 rapport ġdid ta’ tħassir ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni (fil-forma ta’ komunikazzjonijiet inizjali) dwar ammont totali ta’ EUR 215,5 miljun. Fl-istess perjodu ta’ 3 snin, il-Kummissjoni vvalutat total ta’ 422 rapport ta’ tħassir (inklużi rapporti ġodda). Fil-każ ta’ 227 minn dawn l-422 rapport (li jikkonċernaw EUR 309,7 miljun), il-Kummissjoni qieset li l-ammonti tal-RPT kienu irrekuperabbli għal raġunijiet attribwibbli lill-Istat Membru kkonċernat. Fil-każ ta’ 42 rapporti (li jikkonċernaw EUR 50,6 miljun), il-Kummissjoni qablet li t-telf tal-RPT ma setax jiġi attribwit lill-Istat Membru. Fir-rigward ta’ 148 rapport (li jikkonċernaw EUR 178,9 miljun), il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali biex tlesti l-valutazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni qieset il-5 rapporti li jifdal (li jikkonċernaw EUR 1,7 miljun) irrappurtati b’mod skorrett bħala tħassir.

5.2.    Trattament ta’ żbalji fl-istabbiliment tad-djun doganali li jwasslu għal telf tar-RPT

Il-Kummissjoni ssegwi l-iżbalji amministrattivi identifikati mwettqa mill-Istati Membri għad-detriment tal-interessi finanzjarji tal-UE (inklużi: (i) każijiet identifikati matul spezzjonijiet fuq il-post, (ii) deċiżjonijiet nazzjonali ta’ ripagament jew remissjoni minħabba żbalji amministrattivi, (iii) ammonti irrekuperabbli mħassra miċħuda taħt l-EUR 100 000). Fil-prinċipju, il-Kummissjoni toħroġ ordnijiet ta’ rkupru biex tikkoreġi l-iżbalji misjuba fl-Istati Membri li jħallsu l-ammonti dovuti. Fil-perjodu 2022–2024, l-attivitajiet ta’ kontroll tar-RPT wasslu għall-ġbir ta’ EUR 260 miljun fir-rigward tal-ordnijiet ta’ rkupru għar-RPT, u EUR 209 miljun f’imgħax tardiv, minbarra l-ammonti miġbura għal tessuti u żraben sottovalutati (il-punt 3.3) u pannelli solari (il-punt 3.4).

5.3.    Il-bażi ta’ data OWNRES

Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2021/768 20 , l-Istati Membri jridu jibagħtu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar każijiet ta’ frodi u irregolaritajiet li jinvolvu intitolamenti ta’ aktar minn EUR 10 000. Din l-informazzjoni tiġi rrapportata permezz tal-bażi ta’ data OWNRES, li hija ġestita u mantnuta mill-Kummissjoni.

OWNRES tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ tal-irkupru tal-fondi u għat-tħejjija tal-ispezzjonijiet fuq il-post u l-analiżijiet tal-awditjar mhux fuq il-post tagħha. Tintuża wkoll mill-OLAF għal diversi analiżijiet u għall-monitoraġġ tas-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet finanzjarji tiegħu li jirriżultaw mill-investigazzjonijiet tal-OLAF stess. Id-data rrapportata fl-OWNRES hija vvalutata fid-dettall fir-rapporti annwali mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea — Il-ġlieda kontra l-frodi (PIF) u fir-rapport annwali dwar il-Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali (CUP).

Sa tmiem l-2024, il-bażi tad-data OWNRES kien fiha 137 871 21 każ ta’ frodi jew irregolarità (jew “miftuħa” jew “magħluqa”) meta mqabbla ma’ 121 199 każ fil-bidu tal-2022. Din hija żieda ta’ madwar 13,8 %, jew 16 672 każ ġdid irrapportati matul il-perjodu ta’ tliet snin 2022–2024.

Bħala parti mil-laqgħat tal-ACOR li saru darbtejn fis-sena matul il-perjodu 2022–2024, il-Kummissjoni ppreżentat miżuri biex ittejjeb is-sigurtà tal-applikazzjoni OWNRES, u ħejjiet lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-awtentikazzjoni b’żewġ fatturi. Barra minn hekk, fl-2022 u fl-2023 il-Kummissjoni kompliet ittejjeb l-OWNRES billi: (i) żiedet oqsma ġodda; (ii) stabbiliet tfakkiriet biex l-informazzjoni fir-rapporti eżistenti tinżamm aġġornata; (iii) ittejjeb il-kwalità u l-livell ta’ dettall tar-rapportar; u (iv) irfinat ir-riżultati tat-tfittxijiet immexxija mill-partijiet ikkonċernati kollha fuq il-bażi tad-data. Fl-2023 u l-2024, il-Kummissjoni pprovdiet gwida addizzjonali dwar it-titjib tal-kwalità tar-rapportar.

5.4.    Emenda għar-Regolament dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni

Ir-Regolament (UE, Euratom) 609/2014 (ir-Regolament dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni — MAR) huwa l-pedament tal-qafas legali għall-ġestjoni tar-riżorsi proprji, filwaqt li jiżgura l-ħlas f’waqtu mill-Istati Membri tal-ammonti dovuti lill-baġit tal-UE.

Biex tkompli ttejjeb dan il-qafas, fl-2021 il-Kummissjoni pproponiet emenda komprensiva għal dak ir-Regolament. Il-proposta siltet mill-feedback mix-xogħol ta’ spezzjoni tar-RPT u indirizzat it-tħassib proċedurali tal-Istati Membri, filwaqt li ssalvagwardjat il-protezzjoni tal-interess finanzjarju tal-UE u żgurat qafas ta’ dħul ġust u bbilanċjat.

Wara skambji estensivi mal-Istati Membri, ir-Regolament (UE, Euratom) 2022/615 li jemenda l-MAR daħal fis-seħħ f’Mejju 2022. L-emendi kienu jinkludu: (i) it-twessigħ tal-limitu massimu fuq l-imgħax ta’ inadempjenza; u (ii) l-introduzzjoni ta’ “perjodu ta’ grazzja”, li skontu l-akkumulazzjoni tal-imgħax ta’ inadempjenza titwaqqaf għal ħames snin meta l-ammont dovut ikun ġie stabbilit, imdaħħal fil-ħin fil-kont separat u miżmum b’mod korrett fil-kont separat (l-Artikolu 12(1)). Barra minn hekk, l-Istati Membri issa huma meħlusa mill-obbligu li jagħmlu l-ammonti disponibbli meta d-dħul tardiv fil-kont separat ma kellu l-ebda influwenza fuq l-irrekuperabbiltà tal-ammont (l-Artikolu 13(2)). Barra minn hekk, l-emenda fformalizzat il-proċedura biex isiru pagamenti taħt riżerva (l-Artikolu 13a) u l-proċedura ta’ rieżami (l-Artikolu 13b).

5.5 L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE)

Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni u l-UPPE kkollaboraw mill-qrib f’sensiela ta’ skambji tekniċi biex jipprovdu kjarifiki għall-Istati Membri kemm dwar: (i) id-differiment tan-notifika tad-djun doganali sabiex ma jiġux ippreġudikati investigazzjonijiet kriminali mill-UPPE; u (ii) ir-responsabbiltà finanzjarja għan-nuqqas ta’ rkupru. Dawn il-kjarifiki ġew ikkomunikati lill-Istati Membri matul il-laqgħa tal-KKRP f’Diċembru 2024. Barra minn hekk, bil-ħsieb li tinforma lill-Istati Membri dwar l-obbligi tagħhom lejn l-UPPE, il-Kummissjoni stiednet lill-UPPE biex jipparteċipa fil-laqgħat tal-KKRP f’Diċembru 2023 (meta l-UPPE ta preżentazzjoni tal-kompiti tiegħu lill-membri tal-KKRP) u f’Lulju 2024.

6.    KONKLUŻJONI

Ir-riżultati għall-perjodu mill-2022 sal-2024 juru li l-ispezzjonijiet tal-RPT mill-Kummissjoni — u l-miżuri sistematiċi ta’ segwitu li jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati — għadhom mezzi indispensabbli u effiċjenti ta’: (i) żgurar tal-irkupru tal-RPT; (ii) titjib tal-qafas regolatorju għar-riżorsi proprji; u (iii) għoti ta’ riassigurazzjoni li l-interessi finanzjarji tal-UE huma protetti b’mod adegwat. Dan l-impatt pożittiv ġenerali ġie kkonfermat ukoll mill-proċedura annwali ta’ kwittanza, mingħajr ma nħarġu rakkomandazzjonijiet ġodda għall-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-RPT matul l-2022-2024.

L-ispezzjonijiet jibqgħu għodda ewlenija biex tiġi armonizzata u tiżdied il-konformità mar-regoli rilevanti tal-UE. L-impatt finanzjarju tagħhom huwa sinifikanti, kif muri mill-ammont nett finali disponibbli għall-baġit tal-UE (inklużi r-riżervi mneħħija) ta’ aktar minn EUR 4 biljun fl-2022–2024. L-ispezzjonijiet jipprovdu inċentiv sinifikanti għall-Istati Membri biex jagħmlu l-ammonti sħaħ tal-RPT disponibbli għall-baġit tal-UE fil-ħin. Barra minn hekk, l-ispezzjonijiet jgħinu biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tar-regoli doganali u kontabilistiċi u b’hekk jgħinu biex jiġu protetti aktar l-interessi finanzjarji tal-UE billi jipprovdu mekkaniżmu b’saħħtu għall-ġlieda kontra d-distorsjonijiet dannużi tal-kompetizzjoni fis-suq uniku u l-prevenzjoni tagħhom.

Ix-xejriet attwali fil-kummerċ internazzjonali, b’mod partikolari l-kummerċ elettroniku, jirrappreżentaw sfidi ġodda għall-futur. Dawn l-isfidi se jirrikjedu għodod xierqa ġodda u kollaborazzjoni saħansitra aktar mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, sabiex jiġu kkoordinati l-kontrolli doganali bbażati fuq ir-riskju u jiġi żgurat il-ġbir effettiv tad-dazji doganali.

Għal dak l-għan, f’Mejju 2023 il-Kummissjoni pproponiet riforma ambizzjuża tal-Unjoni Doganali li l-objettiv tagħha huwa li ssaħħaħ u timmodernizza l-mekkaniżmi attwalment fis-seħħ.

(1)

Id-dazji doganali fuq prodotti importati minn pajjiżi mhux tal-UE, flimkien mal-imposti fuq iz-zokkor.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/768 tat-30 ta’ April 2021 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 608/2014, ĠU L 165, 11.5.2021, p. 1.

(3)

 Skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2021/768.

(4)

 Ir-rapport jiffoka fuq il-kontrolli mwettqa mill-istituzzjonijiet tal-UE (il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri). Ma jkoprix il-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri, li r-riżultati dettaljati tagħhom huma stabbiliti fir-rapport annwali mfassal skont l-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(5)

 Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas-26 ta’ Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (Tfassil mill-ġdid) ĠU L 168, 7.6.2014, p. 39. Dan ir-regolament huwa magħruf bħala r-“Regolament dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni”.

(6)

 It-termini “tagħmel disponibbli”, tfisser li l-Istati Membri jagħmlu pagamenti lill-baġit tal-UE.

(7)

Matul is-snin, dan il-perċentwal inbidel minn 10 % għall-ammonti li saru disponibbli qabel it-28 ta’ Frar 2001, għal 25 % għall-ammonti li saru disponibbli bejn l-1 ta’ Marzu 2001 u t-28 ta’ Frar 2014, u għal 20 % għall-ammonti li saru disponibbli bejn l-1 ta’ Marzu 2014 u t-28 ta’ Frar 2021. Għal ammonti li saru disponibbli wara l-1 ta’ Marzu 2021, il-perċentwal applikabbli huwa 25 %.

(8)

 Kontrolli fuq il-proċeduri: kontrolli fuq id-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar is-sistema ta’ ġbir tal-RPT. Kontrolli tad-dokumenti: analiżi tad-dikjarazzjonijiet tal-kontabbiltà u t-tipi kollha ta’ dokumenti u fajls tal-kontabbiltà mill-Istati Membri, inklużi r-rapporti tal-Istati Membri dwar l-intitolamenti irrekuperabbli. Spezzjonijiet fuq il-post, awditi dokumentarji: kontrolli dwar il-konformità tas-sistemi nazzjonali u d-dokumenti sottostanti mal-leġiżlazzjoni tal-UE, kemm mill-perspettiva kontabilistika kif ukoll minn dik doganali. Dawn l-ispezzjonijiet isiru jew b’mod konġunt mal-Istati Membri kkonċernati.

(9)

Id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali

(10)

Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ u għas-Sigurtà Ekonomika

(11)

L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi

(12)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom, ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1

(13)

Strateġija ta’ kontroll għad-dazji anti-dumping u kumpensatorji (ADD/CVD)

(14)

L-Istati Membri jdaħħlu r-RPT f’wieħed minn żewġ kontijiet:

- il-kont normali (A) għall-ammonti stabbiliti rkuprati jew garantiti (dawn l-ammonti jitħallsu fil-baġit tal-UE);

- il-kont separat (B) għall-ammonti stabbiliti li ma ġewx irkuprati, jew l-ammonti garantiti li ġew ikkontestati. RPT li jikkorrispondu għal dazji doganali irrekuperabbli għandhom jiġu rtirati mill-kont separat wara perjodu speċifikat. Dawn l-ammonti tal-RPT iridu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fl-istess ħin (jitħallsu) sakemm ma jkunux jistgħu jiġu rkuprati għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu attribwiti lill-Istat Membru (ara wkoll il-punt 5.1 hawn taħt).

(15)

   L-istrateġija ta’ kontroll għad-dazji anti-dumping u kumpensatorji ġiet spezzjonata wkoll fi tmien Stati Membri fl-2021.

(16)

Il-validità tal-miżuri ta’ difiża tal-kummerċ.

(17)

Inklużi seba’ Stati Membri li qabel kienu soġġetti għal kontrolli speċifiċi. Tliet Stati Membri kienu diġà ġew soġġetti għal spezzjoni mmirata tar-RPT dwar dan is-suġġett, filwaqt li erba’ Stati Membri ma kellhom l-ebda importazzjoni bħal din ta’ moduli u ċelloli solari matul il-perjodu taħt skrutinju.

(18)

Skont l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(19)

Dan in-numru jinkludi l-ammonti indikati fit-taqsimiet 3.3, 3.4 u 5.2 ta’ dan ir-rapport.

(20)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 608/2014 tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/768 fil-31 ta’ Diċembru 2020

(21)

   Din iċ-ċifra tinkludi każijiet irrappurtati mir-Renju Unit f’konformità mal-Artikolu 136(2)(c) u (f) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.