32000D0597



Official Journal L 253 , 07/10/2000 P. 0042 - 0046


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tad-29 ta' Settembru 2000

dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej

(2000/597/KE, Euratom)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u partikolarment l-Artikolu 269 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistrabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, u partikolarment l-Artikolu 173 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Wara li kkunsidra l-Fehma tal-Qorti ta' l-Awdituri [3];

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [4],

Billi:

(1) Il-Kunsill Ewropew li ltaqa' f'Berlin fl-24 u l-25 ta' Marzu 1999 ikkonkluda, fost oħrajn, li s-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunità għandhom ikunu ekwi, trasparenti, effettivi skond l-ispiża, sempliċi u bbażati fuq kriterji li jesprimu l-aħjar abbiltà ta' kull Stat Membru biex jikkontribwixxi.

(2) Is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet għandha tassigura riżorsi adegwati għall-Iżvilupp ordnat tal-politiki tal-Komunitajiet, suġġetti għall-bżonn ta' dixxiplina ta' l-ibbudgetjar strett.

(3) Huwa xieraq li l-aħjar data ta' kwalità li għandha tintuża għall-iskopijiet tal-budget ta' l-Unjoni Ewropea u r-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet. L-applikazzjoni tas-sistema Ewropea tal-kontijiet ekonomiċi integrati (minn hawn 'il quddiem msemmija bħala "ESA 95')" skond ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 [5] għandhom tejbu l-kwalità tal-kejl tad-data tal-kontijiet nazzjonali.

(4) Huwa xieraq li jintużaw il-konċetti statistiċi l-iktar reċenti għall-iskopijiet tar-riżorsi tagħhom u biex kif imiss ikun definit il-Prodott Gross Nazzjonali (GNP) bħala li huwa ugwali għal dawn l-iskopijiet għad-dħul nazzjonali gross (GNI) kif ipprovdut mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni ta' l-ESA 95 skond ir-Regolament (KE) Nru 2223/96.

(5) Barra minn dan, huwa xieraq, jekk il-modifikazzjonijiet lill-ESA 95 jirriżultaw f'bidliet sinifikanti fil-GNI kif ipprovdut mill-Kummissjoni skond ir-Regolament (KE) Nru 2223/96, li l-Kunsill jiddeċiedi jekk dawn il-modifikazzjonijiet japplikawx għall-iskop ta' riżorsi tagħhom.

(6) Skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/728/KE, Euratom tal-31 ta' Ottubru 1994 dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej [6], il-livell massimu tar-riżorsi tagħhom għall-1999 kien stabbilit ugwali għal 1,27 % tal-GNP tal-Komunitajiet tal-prezzijiet tas-suq u livell fuq kollox ta' 1,335 % tal-GNP tal-Komunitajiet kien stabbilit għal voti għall-impenji.

(7) Huwa xieraq li jkunu adottati dawn il-livelli espressi bħala persentaġġ tal-GNP biex jinżamm bla mibdul l-ammont ta' riżorsi finanzjarji mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Komunitajiet billi tkun stabbilita formula għad-determinazzjoni ta' livelli ġodda, fir-rigward tal-GNP kif definit għall-iskopijiet preżenti, li għandhom ikunu applikati wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.

(8) Huwa xieraq li l-istess metodu jintuża fil-futur fl-okkażjoni ta' bidliet fl-ESA 95 li jistgħu jkollhom effetti fuq il-livel tal-GNP.

(9) Biex iktar ikompli l-proċess li jkun hemm konċessjoni għall-abbiltà ta' kull Stat Membru li jikkontribwixxi għas-sistema tar-riżorsi tagħhom u li tikkorreġi l-aspetti rigressivi tas-sistema kurrenti ta' lanqas Istati Membri sinjuri, il-Kunsill Ewropew li ltaqa' f'Berlin fl-24 u l-25 ta' Marzu 1999 ikkonkluda li r-regoli ta' iffinanzjar ta' l-Unjoni għandhom jiġu emendati kif ġej:

- ir-rata massima tas-sejħa tar-riżors tal-VAT għandha titnaqqas minn 1 % għal 0,75 % fl-2002 u l-2003 u għal 0,50 % minn l-2004 ‘il quddiem,

- il-bażi tat-taxxa tal-valur miżjud ta' l-Istati Membri għandha tkompli tkun ristretta għal 50 % tal-GNP tagħhom.

(10) Il-Kunsill Ewropew ta' l-24 u l-25 ta' Marzu 1999 ikkonkluda li huwa xieraq li jkun adattat l-ammont miżmum mill-Istati Membri biex ikopri l-ispejjeż relatati mal-kollezzjoni fir-rigward ta' l-hekk imsejħa riżorsi tagħhom tradizzjonali mħallsa lill-budget ta' l-Unjoni Ewropea.

(11) L-iżbilanċi tal-budget għandhom ikunu korretti b'tali mod li ma jaffettwax ir-riżorsi tagħhom disponibbli għall-politika tal-Komunità u għahom ikunu riżolti, sa fejn hu possibbli, permezz ta' politika ta' nefqa.

(12) Il-Kunsill Ewropew ta' l-24 u l-25 ta' Marzu 1999 ikkonkluda li l-mod għall-kalkolu tal-korrezzjoni tal-iżbilanċi tal-budget favur ir-Renju Unit kif definit [7] fid-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom, m'għandux jinkludi il-qligħ mhux mistenni li jirriżulta minn bidliet fis-sistemi finanzjarji u minn tkabbir futur. Hekk, fiż-żmien tat-tkabbir, aġġustament għandu jnaqqas "l-Ispiża Allokata totali" b'ammont ekwivalenti għan-nefqa tal-pre-adeżjoni annwali fil-pajjiż li jkunu se jidħlu, b'hekk ikun assigurat li n-nefqa li ma tkunx imnaqssa tibqa' hekk.

(13) Għal raġunijiet ta' kjarezza, id-deskrizzjoni tal-kalkolu tal-korrezzjoni rigward żbilanċi tal-budget mogħtija lir-Renju Unit kienet issimplifikata. Din is-simplifikazzjoni ma kellha ebda impatt fuq id-determinazzjoni ta' l-ammont ta' din il-korrezzjoni mogħti lir-Renju Unit.

(14) Il-Kunsill Ewropew ta' l-24 u l-25 ta' Marzu 1999 ikkonkluda li l-iffinanzjar tal-korrezzjoni ta' l-iżbilanċi tal-budget favur ir-Renju Unit għandu jkun immodifikat biex jippermetti lill-Awstrija, il-Ġermanja, l-Olanda u l-Isvezja biex jaraw riduzzjoni fis-sehem ta' l-iffinanzjar tagħhom ta' 25 % tas-sehem normali.

(15) Ir-riserva monetarja, minn hawn "l quddiem msejħa bħala" ir-riserva monetarja tal-EAGGF', ir-riserva għall-iffinanzjar tal-Fond Garantit tas-Self u r-riserva għall-għajnuna ta' emerġenza f'pajjiżi li m'humiex membri huma koperti minn dispożizzjonijiet speċifiċi.

(16) Il-Kummissjoni għandha tidħol biex twettaq, qabel l-1 ta' Jannar 2006, reviżjoni ġenerali ta' l-operazzjoni tas-sistema tar-riżorsi tagħhom, akkumpanjat, jekk ikun hemm bżonn, minn proposti xierqa, fid-dawl tal-fatturi kollha rilevanti inklużi l-effetti tat-tkabbir fuq l-iffinanzjar tal-budget ta' l-Unjoni Ewropea, il-possibbiltà ta' modifika ta' l-istruttura tar-riżorsi tagħhom bil-ħolqien ta' riżorsi tagħhom awtonomi u l-korrezzjoni ta' l-iżbilanċi tal-budget mogħtija lir-Renju Unit kif ukoll l-għoti lill-Awstrija, il-Ġermanja, l-Olanda u l-Isvezja tar-riduzzjoni fl-iffinanzjar ta' l-iżbilanċi tal-budget favur ir-Renju Unit.

(17) Għandhom ikunu stabbiliti dispożizzjonijiet biex ikopru l-bidla mis-sistema introdotta bid-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom għal dik li toħroġ minn din id-Deċiżjoni.

(18) Il-Kunsill Ewropew ta' l-24 u l-25 Marzu 1999 ikkonkluda li din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2002,

STABILIXXA DAWN ID-DISPOSIZZJONIJIET, LI HUWA JIRRAKKOMANDA GĦALL-ADOZZJONI TA' L-ISTATI MEMBRI:

Artikolu 1

Il-Komunitajiet għandhom ikunu allokati riżorsi tagħhom skond ir-regoli stipulati fl-Artikoli li ġejjin biex jassiguraw, skond l-Artikolu 269 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ bħala "t-Trattat tal-KE") u l-Artikolu 173 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità ta' l-Enerġija Atomika Ewropea minn hawn ‘l hemm imsejjaħ bħala "it-Trattat Euratom"), l-iffinanzjar tal-budget ta' l-Unjoni Ewropea.

Il-bilanċ ta' l-Unjoni Ewropea għandu, mingħajr preġudizzju għal dħul ieħor, ikun iffinanzjat kollu mir-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet.

Artikolu 2

1. Dħul minn dawn li ġejjin għandu jikkostitwixxi riżorsi tagħhom mdaħħla fil-budget ta' l-Unjoni Ewropea:

(a) imposti, premiums, ammonti addizzjonali u kompensatorji, ammonti jew fatturi addizzjonali u dazji oħra stabbiliti jew li se jkunu stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet rigward kummerċ ma' pajjiżi li m'humiex membri fl-ambitu tal-politika agrikola komuni, u wkoll kontribuzzjonijiet u dazji oħra pprovdut għalihom fl-ambitu ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq taz-zokkor;

(b) Tariffi Doganali Komuni u dazji oħra stabbiliti jew li se jkunu stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet rigward kummerċ ma' pajjiżi li mhumiex membri u dazji doganali dwar prodotti ġejjin taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Faħam u l-Azzar Ewropea;

(ċ) l-applikazzjoni ta' rata uniformi valida għall-Istati Membri kollha biex tarmonizza il-bażijiet ta' l-assessjar tal-VAT skond ir-regoli tal-Komunità. Il-bażi ta' l-assessjar li għandha titqies għal dan l-iskop m'għandhiex taqbeż il-50 % tal-GNP għal kull Stat Membru, kif definit fil-paragrafu 7;

(d) l-applikazzjoni ta' rata - li għandha tkun stabbilita bis-saħħa tal-proċedura tal-budget fid-dawl tat-total tad-dħul l-ieħor kollu - għas-somma tal-GNP ta' l-Istati Membri kollha.

2. Dħul derivat minn kwalunkwe spejjeż introdotti fl-ambitu ta' politika komuni, skond it-Trattat tal-KE jew tat-Trattat ta' l-Euratom, iżda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 269 tat-Trattat tal-KE jew fl-Artikolu 173 tat-Trattat ta l-Euratom trid tkun segwita, għandu ukoll jikkostitwixxi riżorsi tagħhom mdaħħla fil-budget ta' l-Unjoni Ewropea.

3. L-Istati Membri għandhom iżommu, permezz ta' spejjeż ta' ġbir, 25 % ta' l-ammonti li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1(a) u (b), li għandu jkun stabbilit wara l-31 ta' Diċembru 2000.

4. Ir-rata uniformi li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1(ċ) għandha tikkorrispondi mar-rata li tirriżulta mid-differenzi bejn:

(a) ir-rata massima tas-sejħa tar-riżorsa tal-VAT, li hija ffissata għal:

0,75 % fl-2002 u fl-2003,

0,50 % mill-2004 ‘il quddiem,

u

(b) rata ("rata ffriżata") ekwivalenti għall-proporzjon bejn l-ammont tal-kompensazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 4 u s-somma tal-bażijiet ta' l-assessjar tal-VAT (stabbiliti skond il-paragrafu (1) (ċ)) ta' l-Istati Membri kollha, waqt li tikkonsidra l-fatt li r-Renju Unit huwa eskluż mill-iffinanzjar tal-korrezzjoni tiegħu u li s-sehem ta' l-Awstrija, il-Ġermanja, l-Olanda u l-Isvezja fl-iffinanzjar tal-korrezzjoni tar-Renju Unit huwa ridott għal kwart tal-valur normali tiegħu.

5. Ir-rata ffissata taħt il-paragrafu 1(d) għandha tapplika għall-GNP ta' kull Stat Membru.

6. Jekk, fil-bidu tas-sena finanzjarja, il-budget ma jkunx ġie adottat, ir-rata tal-Vat uniformi preċedenti u r-rata applikabbli għall-GNP ta' l-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet adottati skond l-Artikolu 8(2) rigward ir-riserva monetarja tal-FAEGG, ir-riserva għall-iffinanzjar tal-Fond ta' Garanzija tas-Self u r-riserva għall-għajnuna ta' emerġenza f'pajjiżi barra l-Komunità, għandhom jibqgħu applikabbli sad-dħul fis-seħħ tar-rati l-ġodda.

7. Għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, GNP għandha tfisser il-GNI għas-sena fi prezzijiet tas-suq kif ipprovdut mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni ta' l-ESA 95 skond ir-Regolament KE Nru 2223/96.

Jekk modifikazzjonijiet għall-ESA 95 jirriżultaw f'tibdil sinifikanti fil-GNI kif ipprovdut mill-Kummissjoni, il-Kunsill, waqt li jaġixxi unanimament dwar proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, għandu jiddeċiedi jekk dawn il-modifikazzjonijiet għandhomx japplikaw għall-iskopijiet ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

1. L-ammont totali tar-riżorsi tagħhom assenjat lill-Komunitajiet biex ikopri voti għal pagamenti m'għandux jaqbeż ċertu persentaġġ tal-GNPs totali ta' l-Istati Membri. Dan il-persentaġġ, espress f'żewġ postijiet deċimali, għandu jkun ikkalkulat mill-Kummissjoni f'Diċembru 2001 fuq il-bażi tal-formula li ġejja:

+++++ TIFF +++++

2. Voti għal impenji mdaħħla fil-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għandhom isegwu progressjoni ordnata li tirriżulta f'ammont totali, li ma jaqbiżx ċertu persentaġġ tal-GNPs totali ta' l-Istati Membri. Dan il-persentaġġ, imfisser f'żewġ postijiet deċimali, għandu jkun ikkalkulat mill-Kummissjoni f'Diċembru 2001fuq il-bażi tal-formula li ġejja:

+++++ TIFF +++++

Proporzjon ordnat bejn voti għal impenji u voti għal pagamenti għandhom jinżammu biex jiggarantixxu l-kompatibiltà tagħhom u biex jippermettu li livelli bis-saħħa tal-paragrafu 1 li jkunu rispettati fis-snin sussegwenti.

3. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-awtorità tal-budget il-livelli l-ġodda għar-riżorsi tagħhom qabel il-31 ta' Diċembru 2001.

4. Il-metodu deskritt fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu segwiti fil-każ ta' modifikazzjonijiet tal-ESA 95 li jirriżultaw f'bidliet fil-livell tal-GNP.

Artikolu 4

Ir-Renju Unit għandu jingħata korrezzjoni rigward l-iżbilanċi tal-budget.

Din il-korrezzjoni għandha tkun stabbilita minn:

(a) kalkolu tad-differenza, fis-sena finanzjarja preċedenti, bejn:

- is-sehem tal-persentaġġ tar-Renju Unit fis-somma tal-bażijiet ta' l-assessjar VAT mhux koperta, u

- is-sehem tal-persentaġġ tar-Renju Unit fin-nefqa totali allokata;

(b) il-multiplikazzjoni tad-differenza hekk miksuba min-nefqa totali allokata;

(ċ) il-multiplikazzjoni tar-riżultat taħt (b) b' 0,66;

(d) it-tnaqqis mir-riżultat taħt (ċ) ta' l-effetti li jinqalgħu għar-Renju Unit mill-bidla għall-VAT mhux koperta u l-pagamenti li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2(1)(d), jiġifieri d-differenza bejn:

- dak li r-Renju Unit kien ikollu jħallas għall-ammonti ffinanzjati bir-riżorsi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2(1)(ċ) u (d), jekk ir-rata uniformi kienet applikata għall-bażijiet tal-VAT mhux koperta, u

- il-pagamenti tar-Renju Unit bis-saħħa ta' l-Artikolu 2(1)(ċ) u (d);

(e) mis-sena 2001 ‘il quddiem, it-tnaqqis mir-riżultat taħt (d) il-qligħ nett tar-Renju Unit li jirriżulta miż-żieda fil-persentaġġ tar-riżorsi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) ritenuti mill-Istati Membri biex ikopru l-ġbir u l-ispejjeż relatati;

(f) il-kalkolu, fiż-żmien ta' kull tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea, ta' aġġustament għar-riżultat taħt (e) biex ikun ridott il-kumpens, b'hekk ikun assigurat li n-nefqa li ma tkunx imnaqqsa qabel it-tkabbir tibqa' hekk wara t-tkabbir. Dan l-aġġustament għandu jsir bit-tnaqqis tan-nefqa allokata totali b'ammont ekwivalenti għan-nefqa ta' qabel id-dħul annwali fil-pajjiżi li jkunu se jidħlu. L-ammonti kollha hekk ikkalkulati għandhom jinġiebu ‘l quddiem għal snin sussegwenti u għandhom ikunu aġġustati annwalment bl-applikazzjoni tad-deflatur tal-GNP euro użat għall-adozzjoni tal-Perspettiva Finanzjarja.

Artikolu 5

1. L-ispiża tal-korrezzjoni għandha titħallas mill-Istati Membri skond l-arranġamenti li ġejjin:

Id-distribuzzjoni tal-ispiża għandha tkun l-ewwel ikkalkulata b'referenza għas-sehem tal-pagamenti ta' kull Stat Membru li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2(1)(d), bir-Renju Unit ikun eskluż; imbagħad tkun aġġustata b'tali mod li tirrestrinġi s-sehem finanzjarju ta' l-Awstrija, l-Ġermanja, l-Olanda u l-Isvezja għal kwart tas-sehem normali tagħhom minn din il-kalkolazzjoni.

2. Il-korrezzjoni għandha tingħata lir-Renju Unit bit-tnaqqis fil-pagamenti tiegħu li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' l-Artikolu 2(1)(ċ) u (d). L-ispiża li titħallas mill-Istati Membri l-oħra għandha tiżdied mal-pagamenti tagħhom li jirriżultaw mill-applikazzjoni għal kull Stat Membru ta' l-Artikolu 2(1)(ċ) u (d).

3. Il-Kummissjoni għandha twettaq il-kalkoli meħtieġa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 4 u ta' dan l-Artikolu.

4. Jekk, fil-bidu tas-sena finanzjarja, il-budget ma' jkunx ġie adottat, il-korrezzjoni mogħtija lir-Renju Unit u l-ispejjeż mħallsa mill-Istati Membri l-oħra kif imdaħħla fil-budget finalment adottat għandhom jibqgħu applikabbli.

Artikolu 6

Id-dħul li hemm referenza għalih fl-Artikolu 2 għandu jintuża bla distinzjoni biex jiffinanzja n-nefqa mdaħħla fil-budget. Id-dħul meħtieġ biex ikopri għal kollox jew f'parti r-riserva monetarja tal-FAEGG, ir-riserva għall-iffinanzjar tal-Fond ta' Garanzija tas-Self u r-riserva għall-għajnuna ta' emerġenza fil-pajjiżi barra l-Komunità, mdaħħlin fil-budget m'għandhomx jintalbu mill-Istati Membri sakemm ir-riservi jkunu implimentati. Dispożizzjonijiet għat-tħaddim ta' dawn ir-riservi għandhom ikunu adottati kif meħtieġ skond l-Artikolu 8(2).

Artikolu 7

Kwalunkwe eċċess fid-dħul tal-Komunitajiet fuq in-nefqa attwali totali matul sena finanzjarja għandu jgħaddi għas-sena finanzjarja li jkun imiss.

Kwalunkwe eċċessi ġġenerati bi trasferiment mill-kapitoli tas-Sezzjoni ta' Garantija FAEGG, jew eċċess mill-Fond ta' Garanzija li jitqanqal minn miżuri esterni, ittrasferit għall-kont tad-dħul fil-budget, għandu jitqies bħala li jikkostitwixxi riżorsi tagħhom.

Artikolu 8

1. Ir-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) għandhom ikunu miġbura mill-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali imposti bil-liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva, li għandhom, fejn xieraq, ikunu adottati biex jissodisfaw il-kondizzjonijiet tar-regoli tal-Komunità.

Il-Kummissjoni għandha teżamina f'intervalli regolari id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkomunikati lilha minn l-Istati Membri, tittrasmetti lill-Istati Membri l-aġġustamenti li tħoss li huma meħtieġa biex tassigura li huma jikkonformaw mar-regoli tal-Komunità u tirrapporta lill-awtorità tal-budget.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-Kummissjoni r-riżorsi pprovdut fl-Artikolu 2(1)(a) sa (d).

2. Mingħajr preġudizzju għall-verifika tal-kontijiet u għall-iċċekkjar li huma skond il-liġi u regolari kif preskritt fl-Artikolu 248 tat-Trattat KE u l-Artikolu 160Ċ tat-Trattat Euratom, tali verifika u ċċekkjar billi huma prinċipalment konċernati ma' l-affidabilità u l-effettività tas-sistemi nazzjonali u l-proċeduri għad-determinazzjoni tal-bażi ta' riżorsi tagħhom li joħorġu mill-VAT u l-GNP u mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti ta' ispezzjoni magħmula bis-saħħa ta' l-Artikolu 279(ċ) tat-Trattat KE u l-Artikolu 183 il-punt (ċ) tat-Trattat Euratom, il-Kunsill għandu, waqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, jadotta id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex japplika din id-Deċiżjoni u biex jagħmel possibbli l-ispezzjoni tal-kollezzjoni, l-għemil disponibbli lill-Kummissjoni u l-pagament tad-dħul li hemm referenza għalih fl-Artikoli 2 u 5.

Artikolu 9

Il-Kummissjoni għandha twettaq, qabel l-1 ta' Jannar 2006, reviżjoni ġenerali tas-sistema tar-riżorsi tagħhom, akkumpanjata, jekk ikun hemm bżonn, minn proposti xierqa, fid-dawl tal-fatturi rilevanti, inklużi l-effetti tat-tkabbir fuq l-iffinanzjar tal-budget, il-possibbiltà li timmodifika l-istruttura tar-riżorsi tagħhom bil-ħolqien ta' riżorsi tagħhom awtonomi ġodda u l-korrezzjoni ta' żbilanċi tal-budget mogħtija lir-Renju Unit kif ukoll l-għoti tar-riduzzjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 5(1) lill-Awstrija, il-Ġermanja, l-Olanda u l-Isvezja.

Artikolu 10

1. L-Istati Membri għandhom ikunu mgħarrfa b'din id-Deċiżjoni mis-segretarju Ġenerali tal-Kunsill u d-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill bla dewmien bit-twettiq tal-proċeduri għall-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni skond il-kondizzjonijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara li tkun irċevuta l-aħħar notifikamsemmija fit-tieni paragrafu. Għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' 1 Jannar 2002 ħlied għall-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 4, li għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' 1 Jannar 2001.

2. (a) Bla ħsara għal (b), id-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom għandha titħassar minn l-1 ta' Jannar 2002. Kull referenza għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' April 1970 dwar il-bdil ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji minn Stati Membri mir-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet [8], għad-deċiżjoni tal-Kunsill 85/257/KEE, Euratom tas-7 ta' Mejju 1985 dwar is-sistema tal-Komunitajiet tar-riżorsi tagħhom [9], għad-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom, jew għad-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

(b) L-Artikoli 2, 4 u 5 tad-Deċiżjoni Nru 88/376/KEE, Euratom u 94/728/KE, Euratom għandhom ikomplu japplikaw għall-kalkolu u l-aġġustament ta' dħul li jinġabar mill-applikazzjoni ta' rata uniformi valida għall-Istati Membri kollha għall-bażi tal-VAT determinata b'mod uniformi u limitata bejn 50 % sa 55 % tal-GNP ta' kull Stat Membru, jiddependi fuq is-sena rilevanti, u għall-kalkolu tal-korrezzjoni ta' l-iżbilanċi tal-budget mogħtija lir-Renju Unit għas-snin 1988 sas-sena 2000.

(ċ) Għall-ammonti li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) li suppost saru disponibbli mill-Istati Membri qabel it-28 ta' Frar 2001 skond ir-regoli tal-Komunità applikabbli, l-Istati Membru għandhom ikomplu jżommu 10 % ta' dawn l-ammonti permezz ta' l-ispejjeż tal-ġbir.

Magħmula fi Brusses, fid-29 ta' Settembru 2000.

F'isem il-Kunsill

Il-President

L. Fabius

[1] ĠU C 274 E, tat-28.9.1999, p. 39.

[2] Opinjoni mogħtija fis-17 ta' 17 Novembru 1999 (ĠU C 189, tas-7.7.2000, p. 79).

[3] ĠU C 310, tat-28.10.1999, p. 1.

[4] ĠU C 368, ta' l-20.12.1999, p. 16.

[5] ĠU L 310, tat-30.11.1996, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 448/98 (ĠU L 58, tas-27.2.1998, p. 1).

[6] ĠU L 293, tat-12.11.1994, p. 9.

[7] ĠU L 185, tal-15.7.1988, p. 24.

[8] ĠU L 94, tat-28.4.1970, p. 19.

[9] ĠU L 128, ta' l-14.5.1985, p. 15. Deċiżjoni mħassra bid-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom.

--------------------------------------------------