Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1000/PESK tal- 11 ta’ Diċembru 2006 dwar l-implimentazzjoni ta' l-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK bil-ħsieb ta' kontribut ta' l-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid destabbilizzanti ta’ armi żgħar u armamenti ħfief fl-Amerika Latina u l-Karibew
Official Journal L 367 , 22/12/2006 P. 0077 - 0079
Official Journal L 200 , 01/08/2007 P. 0529 - 0531
20061211 Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1000/PESK tal- 11 ta’ Diċembru 2006 dwar l-implimentazzjoni ta' l-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK bil-ħsieb ta' kontribut ta' l-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid destabbilizzanti ta’ armi żgħar u armamenti ħfief fl-Amerika Latina u l-Karibew IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK [1] tat- 12 ta’ Lulju 2002 dwar il-kontribut ta’ l-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid destabbilizzanti ta’ armi żgħar u armamenti ħfief, u b’mod partikolari l-Artikoli 6 u 7 tagħha, flimkien mat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 23(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, Billi: (1) Id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/200/PESK [2] u 2003/543/PESK [3] ikkontribwixxew għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid mhux ikkontrollat ta’ armi żgħar u armamenti ħfief, li ħolqu theddida għall-paċi u s-sigurtà u naqqsu l-prospetti għal żvilupp sostenibbli, inter alia fl-Amerika Latina u l-Karibew, permezz taċ-Ċentru Reġjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Paċi, id-Diżarm u l-Iżvilupp fl-Amerika Latina u fil-Karibew (UN-LiREC) f'Lima, li jopera f'isem id-Dipartiment għall-Affarijiet tad-Diżarm (DAD) tan-Nazzjonijiet Uniti. (2) Mill-2001, il-kontribut finanzjarju ta' l-Unjoni Ewropea kien effettiv fl-iżgurar ta' korsijiet ta' taħriġ għall-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi u l-Membri tal-Parlament fir-reġjun u l-konsulenti tagħhom rigward il-leġislazzjoni relatata ma' l-armi tan-nar, l-iżvilupp ta' databases, kif ukoll f'attivitajiet relatati mal-qerda ta' l-armamenti u l-ġestjoni tal-ħażniet. Sabiex jikkompletaw dawn l-attivitajiet, l-UN-LiREC u d-DAD appellaw għal assistenza ulterjuri u finali mill-Unjoni Ewropea. (3) Għaldaqstant l-Unjoni Ewropea bi ħsiebha tikkompleta l-assistenza finanzjarja tagħha għall-attivitajiet tal-UN-LiREC. Dan għandu jkun l-aħħar kontribut ta' l-Unjoni Ewropea għal dawn l-attivitajiet, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 1. L-Unjoni Ewropea għandha tikkompleta l-kontribuzzjoni tagħha lill-UN-LiREC għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid destabbilizzanti ta’ armi żgħar u armamenti ħfief fl-Amerika Latina u l-Karibew. 2. Għall-għanijiet ta' paragrafu 1, l-Unjoni Ewropea għandha tassisti lill-UN-LiREC: a) fl-appoġġar ta' l-appartenenza nazzjonali ta' attivitajiet relatati mal-Programm ta’ Azzjoni ta' l-2001 tan-Nazzjonijiet Uniti li Jimpedixxi, Jikkumbatti, u Jeqred in-Negozju Illeċitu f’Armi Żgħar u Armamenti Ħfief fl-Aspetti Kollha tiegħu. b) fir-rabta ta' dawn l-attivitajiet ma' inizjattivi simili meħuda mill-Istati Membri; u ċ) fl-iżvilupp ta' tagħmir ta' taħriġ għall-aħjar prattika għal reġjuni oħra fid-dinja, bħall-Afrika u x-Xlokk ta’ l-Ewropa. Deskrizzjoni dettaljata ta' l-attivitajiet tinsab fl-Anness. 3. Għandha tiġi żgurata viżibbiltà adegwata tal-kontribut ta' l-Unjoni Ewropea għall-attivitajiet imsemmija fl-Anness, inkluż b'miżuri xierqa meħuda mill-UN-LiREC skond il-modalitajiet stabbiliti b'din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 1. L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun ta' EUR 700000. 2. Għall-fini ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mad-DAD, li f'ismu qed jopera l-UN-LiREC, dwar il-kondizzjonijiet għall-użu tal-kontribuzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea, li ser tieħu l-forma ta' għotja. Il-ftehim ta' finanzjament għandu jipprovdi li l-UN-LiREC/DAD iwasslu rappurtar xieraq u jiżguraw viżibbiltà tal-kontribut finanzjarju ta' l-Unjoni Ewropea lill-proġett, xieraq għad-daqs tiegħu. 3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implimentazzjoni korretta tal-kontribuzzjoni finanzjarja ta' l-UE. Għal dan il-għan il-Kummissjoni għandha tiġi fdata bil-kompitu li tikkontrolla u tivvaluta l-aspetti finanzjarji ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. 4. L-amministrazzjoni ta' l-ispiża ffinanzjata mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea prevista fil-paragrafu 1 għandha tkun soġġetta għall-proċeduri u r-regoli tal-Komunità li japplikaw għall-kwistjonijiet tal-baġit, bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m’għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità. Din l-amministrazzjoni għandha titmexxa skond id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Kwadru Finanzjarju u Amministrattiv bejn il-Komunità Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti tad- 29 ta' April 2003. Artikolu 3 1. Il-Presidenza, assistita mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill/Rappreżentant Għoli għall-PESK, għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar dan. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata bis-sħiħ f'dawn il-ħidmiet u b'mod partikolari għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' l-aspetti finanzjarji tagħhom. 2. Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapporti regolari lill-korpi rilevanti tal-Kunsill skond l-Artikolu 2(2). Din l-informazzjoni ser tkun ibbażata partikolarment fuq rapporti regolari li għandhom jiġu provduti mill-UN-LiREC/DAD taħt ir-relazzjoni kuntrattwali tagħha mal-Kummisjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 2(2). Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha. Hija għandha tiskadi tnax-il xahar wara li jkun ġie konkluż il-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 2(2). Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Magħmul fi Brussell, 11 ta’ Diċembru 2006. Għall-Kunsill Il-President E. Tuomioja [1] ĠU L 191, 19.7.2002, p. 1. [2] ĠU L 72, 14.3.2001, p. 1. [3] ĠU L 185, 24.7.2003, p. 59. -------------------------------------------------- 20061211 ANNESS Taħriġ ta' min iħarreġ u proġett ta' database, fażi tlieta It-tielet u l-aħħar fażi tal-proġett UN-LiREC tikkonsisti f'żewġ settijiet ewlenin ta' attivitajiet. L-ewwel jinkludi l-kontinwazzjoni ta' l-attivitajiet fis-seħħ, waqt li t-tieni sett ta' attivitajiet jikkonsisti fl-applikazzjoni tax-xogħol żviluppat mill-UN-LiREC għal attivitajiet relatati mibdija fl-Ewropa b'appoġġ għall-Politika ta' l-UE fl-Ewropa tax-Xlokk u reġjuni oħra tad-dinja bħall-Afrika. L-ewwel sett ta' Attivitajiet 1. Taħriġ ta' min iħarreġ 1.1 Appoġġ għal korsijiet ta' taħriġ nazzjonali dwar it-tekniki ta' investigazzjoni permezz ta' l-uffiċjali ta' l-infurzar tal-liġi mħarrġa minn qabel mill-UN-LiREC; 1.2. Appoġġ għall-iżvilupp taċ-Ċentru Reġjonali ta' Taħriġ għas-Sigurtà Pubblika maħluq mill-Brażil li jimmira biex jikkoordina attivitajiet futuri tal-korsijiet ta' taħriġ reġjonali; u 1.3 It-twettiq ta' korsijiet ta' taħriġ avvanzati dwar l-intelliġence u kooperazzjoni internazzjonali 2. Databases relatati ma' l-Armi tan-nar 2.1 Żviluppi ulterjuri tad-databases tas-Sistema Amministrattiva ta' l-Armi Żgħar u Armamenti Ħfief (SALSA); u 2.2 Integrazzjoni tas-SALSA f'databases oħra ta' l-awtoritajiet reġjonali ta' l-infurzar tal-liġi. 3. Inizjattiva għal Skambju Parlamentari 3.1 Kontinwazzjoni ta' korsijiet ta' taħriġ għall-Membri tal-Parlament reġjonali; u 3.2 Appoġġ tekniku għar-riforma tal-leġislazzjoni ta' l-armi tan-nar. 4. Qerda ta' l-Armamenti u Ġestjoni tal-Ħażniet 4.1 Kontinwazzjoni tal-ħidma għall-appoġġ tal-qerda ta' l-armamenti u l-ġestjoni tal-ħażniet; u 4.2 Appoġġ għal programmi ta' qerda nazzjonali. It-tieni sett ta' attivitajiet Rabta ta' l-attivitajiet Latino Amerikani u tal-Karibew ma' attivitajiet relatati ma' l-Ewropa u t-trasferiment ta' tagħrif u lezzjonijiet meħuda biex jiġu żgurati s-sinerġiji bejn l-Amerika Latina u l-Karibew u reġjuni oħra tad-dinja: 1. Valutazzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea dwar l-armi tan-nar u l-promozzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-UE dwar il-Kontroll ta' l-Esportazzjoni ta' l-Armi biex jiġu identifikati l-lezzjonijiet meħuda għat-titjib tal-leġislazzjoni Latino Amerikana u tal-Karibew: kooperazzjoni proposta mal-Parlament Ewropew. 2. Espansjoni u adattament tas-sistema tad-database tas-SALSA biex tinkludi skambju ta' informazzjoni ma' Stati Membri sabiex ikunu ffaċilitati l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ reġjuni: kooperazzjoni proposta ma' entitajiet oħra li jaħdmu fuq il-kwistjoni ta' l-ittraffikar ta' armi tan-nar illeċiti, bħal entitajiet nazzjonali ta' l-infurzar tal-liġi u l-EUROPOL. 3. Adattament tal-materjali tal-korsijiet ta' taħriġ żviluppati mill-UN-LiREC għall-ħtiġijiet u l-opportunitajiet ta' pajjiżi f'reġjuni oħra tad-dinja sabiex isaħħu l-lezzjonijiet meħuda. 4. Valutazzjoni ta' l-istatus ta' l-implimentazzjoni u l-identifikazzjoni ta' opportunitajiet għal sinerġiji fir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvernijiet mill-Amerika Latina u l-Karibew u mill-Ewropa rigward il-kwistjoni ta' l-armi tan-nar waqt il-Laqgħat tas-Summit f'Rio de Janeiro, Madrid u l-Messiku, li notevolment jidentifikaw Dikjarazzjonijiet tas-Summit relatati ma' attivitajiet imsemmija hawn fuq. L-attivitajiet ser jilħqu l-ogħla punt bl-implimentazzjoni ta' Post ta' Kmand Konġunt (PKK) — ċentru ta' operazzjonijiet tul ir-reġjun kollu taċ-Ċentru Reġjonali ta' Taħriġ għas-Sigurtà Pubblika fil-Brasilia, il-Brażil — biex jikkoordina taħriġ relatat ma' l-armi tan-nar u attivitajiet oħra mal-ħidma ta' xi 3000 uffiċjal f'33 pajjiż. Sat-tmiem ta' l-2007, il-pakkett sħiħ tal-korsijiet ta' taħriġ ser jiġi trasferit mill-UN-LiREC għaċ-Ċentru Reġjonali u pajjiżi individwali oħra biex jiffaċilità l-appartenenza nazzjonali. Iċ-Ċentru Reġjonali ser iservi wkoll bħala ċentru prinċipali biex jorbot dan in-network ta' entitajiet ta' l-infurzar tal-liġi ma' diversi reġjuni oħra. --------------------------------------------------