|
26.8.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 323/101 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/942
(COM(2021) 805 final/2 — 2021/0423 (COD))
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-suq intern tal-gassijiet rinnovabbli u naturali u tal-idroġenu
(COM(2021) 804 final — 2021/0424 (COD))
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli komuni għas-swieq interni tal-gassijiet rinnovabbli u naturali u tal-idroġenu
(COM(2021) 803 final — 2021/0425 (COD))
(2022/C 323/17)
|
Relatur: |
Udo HEMMERLING |
|
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 17.2.2022 u 7.3.2022 Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 23.2.2022 u 3.3.2022 |
|
Bażi legali |
Artikoli 114(4), 194(4) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni |
|
Adottata fis-sezzjoni |
2.5.2022 |
|
Adottata fil-plenarja |
19.5.2022 |
|
Sessjoni Plenarja Nru |
569 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
184/2/2 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna u s-sanzjonijiet sussegwenti kontra r-Russja u l-Belarussja, l-UE qed tadatta b’mod rapidu l-politika tagħha dwar l-enerġija, speċjalment fir-rigward tal-gass naturali. Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-Komunikazzjoni “REPowerEU” dwar l-indipendenza mill-fjuwils fossili Russi sal-2030, bl-ewwel passi kbar diġà ppjanati għall-2022. B’mod ġenerali, il-KESE jappoġġja dan l-approċċ diffiċli u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tfassal proposta aġġornata għal dan il-pakkett dwar is-suq tal-gass sabiex tirrifletti s-sitwazzjoni l-ġdida. |
|
1.2. |
Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li taċċellera t-tranżizzjoni lejn gassijiet rinnovabbli, li hija meħtieġa b’mod urġenti minħabba t-tibdil kontinwu fil-klima. L-użu tagħhom għandu jkun iffukat fuq setturi li huma diffiċli biex jiġu dekarbonizzati jew meta l-ebda soluzzjoni teknoloġika alternattiva ma tkun diġà disponibbli, bħall-elettrifikazzjoni diretta tas-setturi tal-użi finali. |
|
1.3. |
Il-proposta tiddefinixxi s-sistema tal-gass u tal-idroġenu bħala żewġ sistemi separati. Ir-regoli stabbiliti fil-pakkett dwar il-gass ifissru li r-rekwiżiti huma differenti ħafna. Il-KESE jemmen li rekwiżiti differenti u restrittivi imposti fuq iż-żewġ sistemi huma sproporzjonati. Regolamentazzjoni komuni għandha tippermetti li jiġu realizzati s-sinerġiji potenzjali fl-iżvilupp, l-operat u l-manutenzjoni konġunti taż-żewġ sistemi. |
|
1.4. |
Il-KESE jemmen li l-gassijiet rinnovabbli għandhom ikunu kompletament kummerċjabbli fis-suq komuni. Għalhekk, għandha tiġi introdotta mill-bidu nett sistema uniformi madwar l-UE kollha għall-kwalità tal-gass u l-istandards ta’ sostenibbiltà. |
|
1.5. |
Il-KESE jenfasizza r-rwol speċjali tal-bijometan fl-iżvilupp ta’ provvista akbar ta’ gass rinnovabbli, għall-ekonomija ċirkolari u għall-valur miżjud reġjonali. Dan ikun ta’ benefiċċju wkoll għall-agrikoltura sostenibbli, billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. |
|
1.6. |
L-emissjonijiet tal-metan fossili huma aktar minn dawk rapportati. Il-KESE huwa konxju sew li l-parti l-kbira tat-tnixxija tal-metan isseħħ barra mill-UE u, għal din ir-raġuni, fir-regolament għandha tiddaħħal l-implimentazzjoni ta’ standard għar-rendiment tal-emissjonijiet tal-metan b’rabta mal-gass importat fl-UE. |
2. Ħarsa ġenerali lejn il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea
|
2.1. |
It-tliet proposti tal-Kummissjoni Ewropea ppreżentati f’Diċembru 2021 huma parti mill-approċċ “Lesti għall-mira ta’ 55 %” biex jitħaffef it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2030 u jsir progress lejn in-newtralità klimatika sal-2050. L-għan huwa li r-regoli tas-suq tal-gass tal-UE jiġu adattati għat-tranżizzjoni lejn gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u li dawn ir-regoli jiġu estiżi biex ikopru suq tal-idroġenu tal-UE. |
|
2.2. |
L-aħħar darba li l-qafas regolatorju għal suq komuni tal-gass ġie adattat b’mod sostanzjali kien fl-2009. S’issa, l-enfasi ewlenija kienet fuq kwistjonijiet regolatorji relatati mal-effiċjenza, il-kummerċ, in-networks, il-kompetizzjoni u l-informazzjoni għall-konsumatur. Dan issa qed jiġi estiż b’mod radikali biex jinkludi regoli li jirregolaw it-tranżizzjoni lejn enerġiji rinnovabbli. |
|
2.3. |
Tingħata preferenza lil gassijiet rinnovabbli, b’emissjonijiet negattivi, żero u/jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fis-suq. |
|
2.4. |
Se jiġu stabbiliti suq intern u network għall-idroġenu żviluppati f’konformità mar-regoli għas-suq tal-gass tal-UE. Madankollu, il-Kummissjoni tipproponi li n-network tal-gass eżistenti u n-network futur tal-idroġenu ma jistgħux jitmexxew minn operatur wieħed. Din il-proposta se tapplika anke jekk operatur eżistenti tan-network tal-gass jiżviluppa wkoll network tal-idroġenu (l-hekk imsejħa separazzjoni orizzontali). |
|
2.5. |
Barra minn hekk, għall-ewwel darba qed jiġi ppreżentat regolament dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-gass. Dan se jbiddel l-għan tal-istrateġija tal-UE dwar il-metan li timmonitorja u tnaqqas l-emissjonijiet tal-metan tas-settur tal-enerġija f’regoli speċifiċi. |
3. Ħtieġa għal aġġornament wara l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna
|
3.1. |
L-invażjoni Russa tal-Ukrajna qed tikkawża sogħba kbira lill-poplu tal-Ukrajna. Ir-reżistenza ċivili u militari tagħhom trid tiġi appoġġjata. B’konsegwenza tas-sanzjonijiet kontra l-Federazzjoni Russa u l-Belarussja, il-politika tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi riveduta, speċjalment fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-gass naturali mir-Russja. |
|
3.2. |
F’Marzu 2022, il-Kummissjoni Ewropea ddeskriviet pjan ġdid biex l-UE ssir indipendenti mill-fjuwils fossili Russi sal-2030, imsejjaħ “REPowerEU”. Se jkun ta’ sfida kbira għall-ekonomija u s-soċjetà Ewropea li d-domanda għall-gass Russu titnaqqas b’żewġ terzi sal-aħħar ta’ din is-sena. Il-Komunikazzjoni tindirizza ħafna prijoritajiet ġodda dwar is-sigurtà tal-enerġija, il-ħżin tal-gass, il-prezzijiet tal-enerġija u l-bijometan li huma relatati mal-pakkett tas-suq tal-gass ta’ Diċembru 2021. Għandu jiġi diskuss strument obbligatorju biex jiżdied l-użu tal-gass rinnovabbli inkluż il-bijometan. |
|
3.3. |
Għal politika koerenti dwar is-suq tal-gass, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tfassal proposta aġġornata għal dan il-pakkett dwar is-suq tal-gass. Din għandha tinkludi proposta biex jitħaffu l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għall-infrastruttura tal-gass u tal-idroġenu. |
4. Kummenti ġenerali
|
4.1. |
Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li taċċellera t-tranżizzjoni lejn gassijiet rinnovabbli, li hija meħtieġa b’mod urġenti minħabba t-tibdil kontinwu fil-klima. Is-settur tal-gass irid jagħti kontribut kbir għad-dekarbonizzazzjoni u l-akkoppjament tas-setturi skont il-Patt Ekoloġiku. Il-gassijiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju huma meħtieġa wkoll għal din it-tranżizzjoni, b’rekwiżiti għoljin ta’ sostenibbiltà li jeħtieġ li jiġu ssodisfati. L-użu tagħhom għandu jkun iffukat fuq setturi li huma diffiċli biex jiġu dekarbonizzati jew meta l-ebda soluzzjoni teknoloġika alternattiva ma tkun diġà disponibbli, bħall-elettrifikazzjoni diretta tas-setturi tal-użi finali. |
|
4.2. |
Il-KESE huwa konxju tal-impenn tan-newtralità klimatika li l-UE stabbilixxiet fil-Liġi dwar il-Klima. Abbażi ta’ dan l-impenn, il-politiki tal-UE għandhom iqisu l-vantaġġi speċjali tas-sistemi tal-elettriku u tas-sistemi tal-gass. Il-grilji tal-elettriku jistgħu jittrasportaw enerġija solari u eolika rinnovabbli b’telf baxx mit-trasformazzjoni. Il-grilji tal-gass jistgħu jużaw faċilitajiet kbar ta’ ħżin u jipprovdu trasport fuq distanzi twal. Fir-rigward tal-akkwist tal-gass, għandha tingħata preferenza lil gassijiet rinnovabbli u, sa ċertu punt, gassijiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fis-suq. B’mod partikolari, l-idroġenu għandu jkun il-fokus f’setturi li huma diffiċli biex jiġu dekarbonizzati, bħall-azzar, is-siment, iċ-ċeramika jew it-trasport fuq distanzi twal. |
|
4.3. |
Minħabba li s-CO2 jibqa’ fl-atmosfera għal żmien twil, trid tiġi żgurata l-mira vinkolanti għan-newtralità klimatika sal-2050 minquxa fil-Liġi tal-UE dwar il-Klima. Ser ikollhom jittieħdu miżuri addizzjonali jekk din il-mira ma tintlaħaqx fis-snin li ġejjin, speċjalment jekk jirriżulta li l-emissjonijiet tal-metan mis-settur tal-enerġija għandhom impatt ogħla fuq il-klima milli stmat bħalissa. |
|
4.4. |
Networks tal-gass u tal-ħżin effiċjenti – u, fil-futur, networks u ħżin tal-idroġenu – huma meħtieġa, peress li huma element importanti ta’ provvista tal-enerġija sikura u affordabbli. Dawn għandhom jiġu żviluppati b’mod li jikkomplementaw is-sistema tal-elettriku. B’dan il-mod is-settur tal-gass u tal-idroġenu jista’ jgħin biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi. |
|
4.5. |
L-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn gassijiet rinnovabbli tista’ tgħin biex tiddiversifika l-provvista tal-gass fl-Unjoni Ewropea. Il-prezzijiet tal-karbonju għall-fjuwils fossili se jinfurzaw il-bidla għall-gassijiet rinnovabbli. |
|
4.6. |
Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea huma mfassla biex jiffaċilitaw u jespandu l-aċċess għas-suq għal gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, inkluż l-idroġenu, fis-suq komuni. Il-KESE huwa tal-fehma li dan l-approċċ huwa utli, iżda għandu dubju dwar kemm dan huwa biżżejjed biex jgħin lill-gassijiet rinnovabbli jikkonsolidaw fis-suq. Għalhekk, il-KESE jipproponi wkoll li tiġi kkunsidrata l-prijorità legali espliċita għall-injezzjoni ta’ gassijiet rinnovabbli fil-grilji. Regoli simili dwar prijorità ta’ injezzjoni (feed-in) jeżistu f’xi Stati Membri għas-settur tal-elettriku u jistgħu jservu bħala mudell għat-tranżizzjoni. |
|
4.7. |
Il-KESE jemmen li l-infrastruttura tal-gass eżistenti trid tintuża u tiġi żviluppata aktar kif meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika. Il-Kumitat jappoġġja l-enfasi speċjali fuq l-istabbiliment ta’ suq u network tal-idroġenu. F’dan ir-rigward, il-KESE jqajjem dubju dwar il-ħtieġa ta’ separazzjoni stretta tan-networks tal-gass naturali u tal-idroġenu f’konformità mal-liġi tal-kompetizzjoni. |
|
4.8. |
Il-proposta tiddefinixxi żewġ sistemi separati: sistema tal-gass, li għandha taqleb mill-gass fossili għall-gass rinnovabbli, u sistema tal-idroġenu. Ir-regoli stabbiliti fil-pakkett dwar il-gass ifissru li r-rekwiżiti applikabbli għaż-żewġ sistemi huma differenti ħafna. Dan jista’ jimblokka sinerġiji tekniċi u ekonomiċi bejn iż-żewġ sistemi. Il-KESE jqajjem dubju dwar jekk ir-rekwiżiti differenti u restrittivi imposti fuq iż-żewġ sistemi humiex meħtieġa u proporzjonati. Regolamentazzjoni komuni għandha tippermetti li jiġu realizzati s-sinerġiji potenzjali fl-iżvilupp, l-operat u l-manutenzjoni konġunti taż-żewġ sistemi. L-opportunitajiet biex jiġu konnessi sezzjonijiet separati tal-grilja lokali għandhom ikunu possibbli u eżegwibbli. |
|
4.9. |
Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għandhom l-għan li jippermettu żvilupp rapidu tas-suq għall-hekk imsejjaħ idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, kif ukoll għal idroġenu rinnovabbli ġenwin. Dan l-approċċ wiesa’ huwa maħsub biex tinkiseb espansjoni rapida u kompetittiva tal-idroġenu fis-suq. Fil-fehma tal-KESE, għandu jiġi żgurat li l-idroġenu rinnovabbli ġenwin jibqa’ jingħata prijorità fuq l-idroġenu prodott bl-użu tal-fjuwils fossili. |
|
4.10. |
L-elettroliżi u r-riformar bl-istim huma l-aktar proċessi kimiċi magħrufa u stabbiliti għall-produzzjoni tal-idroġenu. Il-piroliżi u l-proċessi bijoloġiċi (fermentazzjoni) – kif ukoll CO2 bijoġeniku mill-ipproċessar tal-bijogass jistgħu jintużaw ukoll. Skont il-proċess, sorsi tal-enerġija jew materja prima differenti jistgħu jintużaw għall-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli, bħall-elettriku rinnovabbli, il-gass rinnovabbli jew saħansitra l-bijomassa sostenibbli. Il-ħolqien ta’ ekonomija tal-idroġenu huwa għalhekk mistenni li jirriżulta f’taħlita ta’ teknoloġiji u daqsijiet ta’ installazzjoni. L-estrazzjoni tal-idroġenu mill-ispazju hija għażla oħra li għandha tiġi rikonoxxuta. |
|
4.11. |
Fil-prinċipju, il-KESE jirrakkomanda disinn ta’ suq miftuħ għall-iżvilupp ta’ ekonomija tal-idroġenu, b’kunsiderazzjoni speċifika għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Dan se jfisser li l-gass rinnovabbli jew l-idroġenu jistgħu jiġu prodotti lokalment minn elettriku rinnovabbli mhux kollegat mal-grilja, residwi bijoġeniċi u skart jew materjali riċiklati. Dan jeħtieġ aċċess ugwali għan-networks u s-swieq. Barra minn hekk, għandha tingħata attenzjoni speċjali lil operaturi iżgħar u parteċipanti ġodda fis-suq (inklużi l-komunitajiet tal-enerġija) li jipproduċu gassijiet rinnovabbli, pereżempju, il-bijometan. Parteċipanti żgħar u ġodda fis-suq tal-gass jeħtieġu appoġġ speċjali minħabba li jridu jagħmlu investimenti għoljin bi profittabbiltà relattivament baxxa. Tal-inqas dawn l-operaturi għandu jkollhom aċċess garantit għan-networks ta’ distribuzzjoni. |
|
4.12. |
Il-KESE jenfasizza r-rwol speċjali tal-bijometan fl-iżvilupp ta’ provvista akbar ta’ gass rinnovabbli. F’Marzu 2022, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet mira ġdida ta’ 35 biljun metru kubu ta’ bijometan sal-2030. Għad hemm ħafna sorsi mhux użati ta’ bijomassa li mhumiex f’kompetizzjoni mal-produzzjoni sostenibbli tal-ikel u mal-għanijiet tal-protezzjoni tan-natura. L-użu ta’ prodotti sekondarji u residwi mill-agrikoltura għall-bijometan se jappoġġja lis-settur fit-tnaqqis tal-emissjonijiet klimatiċi. Dan se jipprovdi wkoll fertilizzanti addizzjonali għall-bdiewa bħala pass ulterjuri lejn l-ekonomija ċirkolari u l-valur miżjud reġjonali. |
|
4.13. |
Diġà ġew stabbiliti standards għoljin ta’ sikurezza għall-gass u l-idroġenu biex jiġu protetti l-impjegati u l-ambjent. B’użu akbar tal-idroġenu fil-futur, ir-rwol tal-miżuri preventivi se jsir saħansitra aktar importanti. |
5. Kummenti speċifiċi
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli komuni għas-swieq interni tal-gassijiet rinnovabbli u naturali u tal-idroġenu
|
5.1. |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva jipprovdi definizzjoni ġdida għal “idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju”. Id-definizzjonijiet għal “gass b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju” u “fjuwils b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju” huma bbażati fuq dawk tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Irid jintlaħaq limitu ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ 70 %. Id-definizzjoni ta’ “idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju” għandha tiġi eżaminata mill-ġdid biex jiġi verifikat jekk din hux qed timblokka l-bidla għall-gassijiet rinnovabbli. Minn naħa, l-hekk imsejjaħ idroġenu blu (jiġifieri idroġenu prodott mill-gass naturali bil-qbid tal-karbonju) jidher li huwa meħtieġ sabiex tinkiseb malajr produzzjoni sinifikanti tal-idroġenu. Min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li tiġi żviluppata produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli “ġenwin” m’għandhiex tiġi mfixkla jew imdewma billi jiġi ffavorit l-idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. It-tnejn għandhom jiġu żgurati fid-Direttiva. Konsegwentement, għandha tingħata prijorità lill-gassijiet rinnovabbli. |
|
5.2. |
L-Artikolu 8 tad-Direttiva jipprevedi ċ-ċertifikazzjoni ta’ gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. F’konformità mad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, dan se jsir bl-użu tas-sistema ta’ bilanċ tal-massa diġà stabbilita għall-fjuwils rinnovabbli fis-settur tat-trasport. L-industrija tal-gass hija tal-fehma li sistemi differenti ta’ verifika nazzjonali se joħolqu ostakli għall-kummerċ transfruntier tal-gassijiet rinnovabbli. Il-KESE jemmen li ċ-ċertifikazzjoni minn tarf sa tarf (end-to-end certification) tal-gassijiet rinnovabbli hija meħtieġa, u għalhekk jissuġġerixxi li mill-bidu nett tiġi introdotta sistema uniformi fl-UE kollha għall-kwalità tal-gass u l-istandards tas-sostenibbiltà. Din għandha tinkludi l-Garanziji tal-Oriġini aġġornati li jinkludu wkoll informazzjoni dwar il-gassijiet serra u kriterji ta’ sostenibbiltà. Dan se jtejjeb il-likwidità tas-suq tal-gass waqt il-fażi tad-dekarbonizzazzjoni. |
|
5.3. |
L-Artikoli 13 u 14 tad-Direttiva għall-ewwel darba jistabbilixxu regoli għal “klijenti attivi” (prosumaturi) u komunitajiet tal-enerġija. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-pożizzjoni tiegħu ġiet adottata mill-Kummissjoni (1). Din tipprovdi lill-klijenti b’portafoll diversifikat tal-provvista tal-gass u b’aktar kompetizzjoni fis-suq tal-gass. Barra minn hekk, il-prosumaturi u l-komunitajiet tal-enerġija jistimulaw l-iżvilupp reġjonali jew rurali u jixprunaw id-diġitalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija. |
|
5.4. |
L-Artikolu 27 tad-Direttiva jistabbilixxi li l-kuntratti għall-provvista tal-gass fossili jridu jintemmu sal-2049 jew ma għandhomx jibqgħu għaddejjin wara dik is-sena. Il-KESE jiddubita jekk l-iffissar ta’ data ta’ tmiem fil-liġi huwiex idea tajba għal ċerti kuntratti ta’ provvista tas-settur privat peress li dan jista’ jmur kontra l-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq tal-provvista u d-domanda. Min-naħa l-oħra, biex tkun koerenti mal-mira vinkolanti tan-newtralità klimatika stabbilita fil-Liġi tal-UE dwar il-Klima u minħabba l-persistenza twila ta’ gassijiet serra fl-atmosfera, l-2049 tkun tard wisq. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tbiddilx id-data tat-tmiem tal-kuntratti, id-data tat-tmiem għandha tkun madwar għaxar snin qabel sabiex inkunu nistgħu nilħqu l-impenji ambjentali tagħna u speċjalment fid-dawl tal-inizjattiva REPowerEU, filwaqt li tingħata prijorità lit-tranżizzjoni meħtieġa lejn l-enerġija rinnovabbli. |
|
5.5. |
Id-Direttiva (l-Artikolu 62 et seq.) tipprevedi wkoll is-separazzjoni tal-produtturi, il-kummerċjanti, l-operaturi tan-networks u l-operaturi tal-ħżin tan-networks tal-idroġenu, f’konformità mar-regolamenti dwar in-networks tal-gass. Il-KESE jappoġġja dan l-approċċ kompetittiv iżda jirrimarka li dan jista’ jxekkel inizjattivi urġenti biex jinbnew networks tal-idroġenu. Id-Direttiva tipprevedi regoli eċċezzjonali li għandhom japplikaw sa tmiem l-2030; għalhekk għandha tiġi vvalutata estensjoni ulterjuri. Ir-rekwiżit ta’ separazzjoni legali bejn l-operaturi tan-networks tal-gass u l-operaturi tan-networks tal-idroġenu jagħmilha aktar diffiċli biex tiġi kkonvertita u tinbena l-infrastruttura meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi. Mod kif is-settur tal-gass jiġi dekarbonizzat huwa li l-infrastruttura tal-gass eżistenti tiġi adattata u kkonvertita għat-trasportazzjoni tal-idroġenu pur. Għalhekk, il-KESE huwa tal-fehma li jkun tajjeb li jiġu diskussi l-eċċezzjonijiet għar-regoli dwar is-separazzjoni tan-network tal-idroġenu. Bħal fil-każ tar-regolamenti dwar in-networks tal-gass, ir-regolamenti dwar in-networks tal-idroġenu għandhom jagħmlu wkoll distinzjoni bejn il-livelli tan-networks tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni u għandhom jistabbilixxu rekwiżiti speċifiċi ta’ separazzjoni. |
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-suq intern tal-gassijiet rinnovabbli u naturali u tal-idroġenu (riformulazzjoni)
|
5.6. |
L-Artikolu 4 tar-Regolament rivedut dwar il-Gass fih regola li tistabbilixxi li Stat Membru jista’ jippermetti trasferimenti finanzjarji bejn servizzi regolati għall-gass u l-idroġenu. Il-KESE jappoġġja dan l-approċċ. |
|
5.7. |
Ir-Regolament (l-Artikolu 6 et seq.) jipprevedi aċċess mhux diskriminatorju għas-suq għan-networks tal-idroġenu u għall-faċilitajiet tal-ħżin f’konformità mar-regolamenti dwar in-networks tal-gass. Il-KESE jappoġġja dan l-approċċ. |
|
5.8. |
L-Artikolu 16 tar-Regolament jipprevedi skontijiet tariffarji tan-network għall-gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Il-KESE jappoġġja dan. |
|
5.9. |
L-Artikolu 20 tar-Regolament jistabbilixxi li kontenut ta’ idroġenu sa 5 % irid jiġi aċċettat fit-trażmissjoni tal-gass bejn l-Istati Membri. Il-KESE jemmen li għandu jiġi eżaminat mill-ġdid jekk huwiex possibbli li l-kontenut imħallat jaqbeż il-5 %, filwaqt li jiġi żgurat li n-network jaħdem mingħajr xkiel mil-lat tekniku. Dan jiffaċilita t-tkabbir tas-suq tal-gassijiet rinnovabbli permezz tat-taħlit. |
|
5.10. |
Ir-Regolament (l-Artikolu 39 et seq.) jipprevedi l-istabbiliment gradwali ta’ Network Ewropew tal-Operaturi tan-Network għall-Idroġenu (ENNOH). Minħabba sinerġiji potenzjali bejn il-gass u l-idroġenu, dan għandu jiġi organizzat f’kollaborazzjoni mill-qrib man-Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Gass (ENTSOG) eżistenti. Il-KESE jenfasizza r-rwol importanti ta’ dan in-network biex jinħoloq suq intern tal-UE għall-idroġenu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi żgurat li n-network ikun miftuħ għal atturi ġodda. L-interessi kompetittivi speċjali tal-SMEs għandhom jiġu rispettati. |
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija
|
5.11. |
Fuq livell globali, l-UE hija responsabbli għal 5 % tal-emissjonijiet tal-metan biss (2). Il-biċċa l-kbira tal-emissjonijiet tal-metan mill-importazzjonijiet tal-gass naturali joriġinaw barra mill-UE. Approċċ internazzjonali li jinkludi l-importazzjonijiet tal-enerġija jibqa’ essenzjali biex jiġu miġġielda l-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija. |
|
5.12. |
Il-KESE jemmen li qafas tal-UE biex jiġu limitati jew jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija huwa idea tajba. Għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li r-rekwiżiti ta’ monitoraġġ għas-settur tal-gass ikunu fattibbli, pereżempju meta titkejjel, tiġi rrappurtata u vverifikata d-data dwar l-emissjonijiet. Dan għandu jinkludi l-istabbiliment ta’ skadenzi adatti għall-ispezzjonijiet għall-faċilitajiet billi ssir distinzjoni bejn il-kundizzjoni teknika u l-età tagħhom. Għandhom jitqiesu l-inizjattivi eżistenti tal-industrija biex jitnaqqsu l-emissjonijiet (Sħubija dwar il-Metan taż-Żejt u mill-Gass (OGMP)), kif ukoll il-ħtieġa li tingħata spinta lill-kooperazzjoni internazzjonali taħt inizjattivi bħall-Wegħda Globali b’rabta mal-Metan u l-Koalizzjoni għall-Klima u għall-Arja Nadifa. |
|
5.13. |
Parti kbira tad-data dwar l-emissjonijiet tal-metan fossili bħalissa mhijiex rapportata kollha. Il-KESE jilqa’ l-proposti dwar il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika, b’mod partikolari meta jiġu applikati għall-prevenzjoni ta’ tnixxijiet tul il-pipelines tal-gass. Inizjattivi bħall-Osservatorju Internazzjonali tal-Emissjonijiet tal-Metan (IMEO), kif ukoll l-użu ta’ teknoloġiji satellitari biex jiġu identifikati tali tnixxijiet, għandhom jiġu ssemplifikati u prijoritizzati. Il-prattiki ta’ ivventjar u ivvampjar mhux ġustifikati għandhom jiġu pprojbiti fl-UE. L-eżenzjonijiet għal din ir-regola għandhom ikunu limitati għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u relatati mas-sikurezza. Fir-rigward tal-bijometan, diversi Stati Membri tal-UE diġà implimentaw miżuri tekniċi u regolatorji ta’ monitoraġġ u evitar. Dan jista’ jgħin fil-valutazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan matul l-isfruttament fossili. |
|
5.14. |
Il-KESE huwa konxju sew li l-biċċa l-kbira tar-rilokazzjoni tal-metan isseħħ barra mill-UE u għal din ir-raġuni, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ standard għar-rendiment tal-emissjonijiet tal-metan b’rabta mal-gass importat fl-UE, huma meħtieġa. Tali standard ta’ importazzjoni għandu jistabbilixxi punt ta’ riferiment għal emissjonijiet upstream aċċettabbli. Dan l-istandard għandu diġà jiġi żviluppat fil-qafas ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, għandha tiġi kkunsidrata l-inklużjoni tal-emissjonijiet tal-metan upstream fis-sistema tal-ipprezzar tas-CO2. |
|
5.15. |
Il-proposta dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan tiffoka fuq is-settur tal-enerġija. Il-KESE jtenni r-rilevanza tal-emissjonijiet tal-metan mill-agrikoltura. Kif imsemmi fl-istrateġija tal-Kummissjoni dwar il-metan, il-bdiewa għandhom jiġu appoġġjati fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan. Dan jista’ jikkonsisti fl-inklużjoni ta’ mandat fil-Politika Agrikola Komuni biex jiġu offruti miżuri li jippremjaw it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan mill-bdiewa. |
Brussell, id-19 ta’ Mejju 2022.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Opinjoni TEN/761 – Prezzijiet tal-enerġija (ĠU C 275, 18.7.2022, p. 80).
(2) Ara l-Opinjoni TEN/725 – Strateġija dwar il-Metan (ĠU C 220, 9.6.2021, p. 47).