14.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 329/22


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1477/2007

tat-13 ta’ Diċembru 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 622/2003 li jistabbilixxi l-miżuri sabiex jiġu implimentati l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 2320/2002 tas-16 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002, il-Kummissjoni mitluba tadotta miżuri biex jiġu implimentati l-istandards bażiċi komuni tas-sigurtà fl-avjazzjoni fil-Komunità kollha. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2003 ta’ l-4 ta’ April 2003 li jistabbilixxi l-miżuri sabiex jiġu implimentati l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni (2) kien l-ewwel att li jistabbilixxi miżuri bħal dawn.

(2)

Il-miżuri pprovduti bir-Regolament (KE) Nru 622/2003 dwar ir-restrizzjoni ta’ likwidi ttrasportati minn passiġġieri li jaslu fuq titjiriet minn pajjiżi terzi u li jittrasferixxu f’ajruporti Komunitarji huma soġġetti għal reviżjoni fid-dawl ta’ żviluppi tekniċi, implikazzjonijiet operattivi fl-ajruporti u l-impatt fuq il-passiġġieri.

(3)

Minn reviżjoni bħal din deher li restrizzjonijiet fuq likwidi ttrasportati minn passiġġieri li jaslu fuq titjiriet minn pajjiżi terzi u li jittrasferixxu f’ajruporti Komunitarji joħolqu diffikultajiet operattivi f’dawn l-ajruporti u jikkaġunaw inkonvenjenza għall-passiġġieri kkonċernati.

(4)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni vverifikat ċerti standards tas-sigurtà f’ajruport f’pajjiż terz u sabet li kienu sodisfaċenti, u li dak il-pajjiż għandu mgħoddi b’riżultati tajbin f’dak li jirrigwarda l-kooperazzjoni mal-Komunità u l-Istati Membri tagħha. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni ddeċidiet tieħu passi biex ittaffi l-problemi identifikati hawn fuq, fil-każ ta’ passiġġieri li jġorru likwidi miksuba minn dak l-ajruport.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 622/2003 għandu jiġi emendat skond dan.

(6)

Il-miżuri f’dan ir-Regolament mhumiex inklużi fost dawk li, f’konformità ma’ l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002, għandhom ikunu sigrieti u mhux ippubblikati.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sigurtà ta’ l-Avjazzjoni Ċivili,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 622/2003 huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament m’għandux japplika fir-rigward tan-natura kunfidenzjali ta’ dan l-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 13 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Jacques BARROT

Viċi President


(1)   ĠU L 355, 30.12.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 849/2004 (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 1).

(2)   ĠU L 89, 5.4.2003, p. 9. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 915/2007 (ĠU L 200, 1.8.2007, p. 3).


ANNESS

L-Hemża 3 għandha tinbidel b’li ġej:

“Hemża 3

Ir-Repubblika ta’ Singapor

L-Ajruport ta’ Changi”