|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2685 |
11.10.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2685
tas-26 ta’ Settembru 2024
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati, f’isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali għat-Trattat dwar il-Liġi tad-Disinni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 114 u 118, flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4), tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
L-isforzi biex jiġu armonizzati fil-livell internazzjonali ċerti aspetti proċedurali rigward l-applikazzjonijiet ta’ disinni industrijali ilhom għaddejjin taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) mill-2005. |
|
(2) |
Fl-2022, l-Assemblea Ġenerali tad-WIPO ddeċidiet li tlaqqa’ Konferenza Diplomatika biex jiġi konkluż u adottat Trattat dwar il-Liġi tad-Disinni (“il-Konferenza Diplomatika”) li għandha ssir sal-2024. |
|
(3) |
Il-Konferenza Diplomatika hija skedata li ssir bejn il-11 u t-22 ta’ Novembru 2024. |
|
(4) |
L-objettiv tat-Trattat dwar il-Liġi tad-Disinni huwa li jarmonizza ċerti proċeduri u formalitajiet tal-applikazzjonijiet ta’ disinni industrijali għall-benefiċċju tal-industriji kreattivi u tad-disinjaturi industrijali billi jiffaċilita r-reġistrazzjoni internazzjonali tad-disinni u jagħmilha aktar prevedibbli. |
|
(5) |
L-Unjoni għandha tipparteċipa fin-negozjati dwar it-Trattat dwar il-Liġi tad-Disinni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tiftaħ negozjati, f’isem l-Unjoni, fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali għat-Trattat dwar il-Liġi tad-Disinni.
2. In-negozjati għandhom jitmexxew abbażi tad-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill li jinsabu fl-addendum ta’ din id-Deċiżjoni. Dawk id-direttivi jistgħu jiġu riveduti u żviluppati aktar, kif adatt, skont l-evoluzzjoni tan-negozjati.
Artikolu 2
1. In-negozjati għandhom jitmexxew f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Proprjetà Intellettwali, li huwa b’dan maħtur bħala l-kumitat speċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 218(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
2. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lura regolarment lill-kumitat speċjali msemmi fil-paragrafu 1 dwar il-passi meħuda skont din id-Deċiżjoni u tikkonsultah fuq bażi regolari.
3. Kull meta tintalab mill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lura lill-Kunsill dwar it-tmexxija u l-eżitu tan-negozjati, inkluż bil-miktub.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Settembru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
LÓGA M.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2685/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)