|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/120 |
10.1.2025 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri
(COM(2024) 599 final – 2024/0599 (NLE)) (mhux disponibbli bil-Malti)
(C/2025/120)
Relatur:
Giovanni MARCANTONIO|
Konsulenta |
Ester DINI |
|
Proċedura leġiżlattiva |
|
|
Konsultazzjoni |
15.7.2024 |
|
Bażi legali |
Artikolu 148 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea |
COM(2024) 599 final – 2024/0599 (NLE) |
|
Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) rilevanti |
SDG 1 – Ebda Faqar SDG 5 – Ugwaljanza bejn il-ġeneri SDG 8 – Xogħol diċenti u tkabbir ekonomiku SDG 10 – Tnaqqis fl-Inugwaljanzi |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
3.10.2024 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
23.10.2024 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
591 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
239/0/3 |
1. RAKKOMANDAZZJONIJIET
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE):
|
1.1. |
jilqa’ l-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, bl-għan li tiġi promossa ekonomija kompetittiva u sostenibbli. Jinsab kuntent ħafna li dawn il-linji gwida ġew aġġornati biex jinkludu aktar elementi, f’konformità mal-ħtiġijiet il-ġodda tas-suq tax-xogħol; |
|
1.2. |
jenfasizza l-ħtieġa li jsir sforz lejn konverġenza ’l fuq u li jissaħħaħ ir-rwol tas-Semestru Ewropew fl-appoġġ ta’ reazzjonijiet effettivi u kkoordinati tal-politika ekonomika. F’dan il-kuntest, jittama li l-indikaturi li juża s-Semestru Ewropew biex janalizza s-sitwazzjoni soċjali ta’ kull Stat Membru jkollhom l-istess livell ta’ importanza bħall-indikaturi makroekonomiċi, u jitlob li jsir monitoraġġ biex jiġi żgurat li l-effetti tal-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika ma jipperikolawx l-implimentazzjoni tal-linji gwida tal-Istati Membri dwar l-impjiegi, u l-kisba tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-miri tal-2030; |
|
1.3. |
jenfasizza, fid-dawl tal-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, il-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol tal-imsieħba soċjali (permezz tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv) u, fejn rilevanti, il-ħtieġa li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu involuti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi u l-politiki tal-impjiegi; |
|
1.4. |
jirrimarka li huwa ta’ importanza kbira li tiġi appoġġjata u miżjuda l-provvista tax-xogħol u li jittejjeb l-aċċess għall-impjiegi u x-xogħol ta’ kwalità, parzjalment minħabba d-diffikultajiet dejjem akbar li qed jiffaċċjaw in-negozji biex isibu l-persunal li jeħtieġu. Trid titrawwem parteċipazzjoni akbar fl-impjiegi, speċjalment fost iż-żgħażagħ, in-nisa u l-persuni akbar fl-età; għandhom jiġu promossi miżuri li jappoġġjaw l-impjiegi, inkluż l-impjieg indipendenti; u jridu jsiru sforzi biex jittejbu l-perkorsi legali għall-migrazzjoni tal-ħaddiema; |
|
1.5. |
jappoġġja t-talba tal-Kummissjoni biex l-Istati Membri jsaħħu l-politiki ta’ inklużjoni mmirati lejn il-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs għall-aċċess għax-xogħol u l-iżvilupp tal-karriera. Tali opportunitajiet huma strumentali fit-trawwim ta’ parteċipazzjoni akbar u swieq tax-xogħol aktar inklużivi, kif ukoll tkabbir sostenibbli u ekwu, bil-ħsieb li jiġu integrati dawk il-gruppi li huma l-aktar vulnerabbli u f’riskju ta’ esklużjoni; |
|
1.6. |
jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-ħiliet fid-dawl tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali u l-ħtieġa li jiġi rikonoxxut u żgurat id-dritt ta’ tagħlim tul il-ħajja u aċċess effettiv għal edukazzjoni u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità għolja; jenfasizza l-importanza tal-ħiliet bażiċi, li huma essenzjali għall-integrazzjoni vokazzjonali; |
|
1.7. |
jenfasizza l-ħtieġa urġenti, waqt li jiġu rispettati l-prattiki nazzjonali u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali, li jiġu żgurati pagi ġusti u deċenti, f’konformità mal-produttività u l-kompetittività, billi jiġu promossi n-negozjar kollettiv, l-involviment effettiv tal-imsieħba soċjali u l-adozzjoni ta’ għodod effettivi għall-ġbir tad-data, kif ukoll il-kejl u l-monitoraġġ tal-livelli u d-dinamika tal-pagi fil-livell nazzjonali; |
|
1.8. |
jittama li l-Istati Membri jappoġġjaw u jimmonitorjaw l-introduzzjoni u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali (IA) fl-ambjenti tax-xogħol, inkluża l-ġestjoni algoritmika, sabiex jiġi promoss l-użu etiku u soċjalment sostenibbli tagħha, waqt li jistabbilixxu għodod xierqa biex jiġi vvalutat l-impatt fuq l-impjiegi u l-organizzazzjoni tax-xogħol, u l-impatti possibbli f’termini ta’ opportunitajiet u riskji potenzjali. Minħabba l-iskala straordinarja ta’ din l-innovazzjoni, hija mixtieqa koordinazzjoni akbar tal-istrateġiji nazzjonali, li tibda bil-ġbir flimkien tal-esperjenza u l-evalwazzjonijiet, u l-involviment sħiħ tal-imsieħba soċjali; |
|
1.9. |
jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri jimmodernizzaw l-istrumenti tal-protezzjoni soċjali (fid-dawl ta’ bidliet kbar fis-soċjetà, bħall-bidliet demografiċi u l-faqar li qed jikber) u jadattaw għal forom ġodda ta’ impjieg, inkluż billi jiġi żgurat li l-ħaddiema kollha jkunu koperti mill-protezzjoni soċjali, billi jitfasslu sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji b’mod aktar effettiv u billi jiġu mmonitorjati l-impatti ridistributtivi tal-politiki; |
|
1.10. |
f’dan il-kuntest, jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu u jsaħħu politiki li għandhom l-għan li jappoġġjaw akkomodazzjoni affordabbli, disponibbli u adegwata, kif ukoll miżuri biex tiġi pprevenuta u titnaqqas il-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar, inkluż permezz tal-istrumenti li huma disponibbli permezz tal-fondi tal-UE; |
|
1.11. |
jappella lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-kwalità tas-swieq tax-xogħol billi jsaħħu l-effettività tal-politiki għall-ġlieda kontra x-xogħol irregolari u jippromovu xogħol ta’ kwalità, inklużi s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u jipprevjenu t-tixrid ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol informali u prekarji. |
2. NOTI TA’ SPJEGAZZJONI
Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjonijiet 1.1 u 1.2
|
2.1. |
Bil-Pakkett tar-Rebbiegħa tas-Semestru Ewropew 2024, il-Kummissjoni Ewropea tipprovdi gwida strateġika lill-Istati Membri biex jippromovu l-bini ta’ ekonomija robusta u valida għall-futur li tkun kapaċi tiżgura l-kompetittività, ir-reżiljenza u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità. Fl-2024, il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri jistabbilixxu prijoritajiet komuni għall-politiki nazzjonali dwar l-impjiegi u dawk soċjali, bl-għan li jsiru aktar ġusti u aktar inklużivi bħala parti mill-konverġenza soċjali u ekonomika ’l fuq u t-tisħiħ tar-rwol meħud mis-Semestru Ewropew matul l-aħħar ħames snin fl-appoġġ ta’ reazzjonijiet effettivi u kkoordinati tal-politika ekonomika. |
|
2.2. |
Il-linji gwida għall-2023 ġew aġġornati biex jinkludu azzjonijiet li jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet u ta’ ħaddiema u jtejbu l-ħiliet bażiċi u diġitali. Dawn ikopru wkoll teknoloġiji ġodda, l-intelliġenza artifiċjali u l-ġestjoni algoritmika u l-impatt tagħhom fuq id-dinja tax-xogħol. Barra minn hekk, il-linji gwida jirreferu għal inizjattivi ta’ politika reċenti f’oqsma ta’ rilevanza partikolari, bħal xogħol ibbażat fuq pjattaforma, l-ekonomija soċjali u akkomodazzjoni affordabbli. |
|
2.3. |
Fl-istess waqt, il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika jistabbilixxi linji gwida u deċiżjonijiet tal-politika fiskali mmirati lejn it-tisħiħ tas-sostenibbiltà tad-dejn tal-Istati Membri u l-promozzjoni tat-tkabbir inklużiv u sostenibbli tal-Istati kollha, permezz ta’ politiki fiskali prudenti, waqt li jiġi żgurat li t-tkabbir fin-nefqa netta jkun konsistenti mar-rekwiżiti ta’ aġġustament stabbiliti fil-qafas ta’ governanza l-ġdid. F’dan il-kuntest, huwa importanti li jiġi mmonitorjat u żgurat li l-effetti tal-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika ma jipperikolawx l-implimentazzjoni tal-linji gwida tal-Istati Membri dwar l-impjiegi, jew il-kisba tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-miri tal-2030; |
Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.3 (Linja Gwida 8)
|
2.4. |
Id-djalogu soċjali għandu rwol essenzjali fit-tfassil tal-politiki ekonomiċi, tax-xogħol u dawk soċjali mmirati lejn il-promozzjoni ta’ konverġenza ’l fuq fl-istandards tal-għajxien u l-kundizzjonijiet tax-xogħol bejn u fi ħdan l-Istati Membri, kif ukoll fir-rispons effettiv għall-isfidi tax-xogħol li qed tiffaċċja l-Ewropa (1). B’referenza għal Opinjonijiet preċedenti (2), il-KESE jenfasizza li r-rwol speċifiku tal-imsieħba soċjali għandu jiġi rikonoxxut u rispettat bis-sħiħ fl-istrutturi u l-proċessi tad-djalogu soċjali, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali. F’kuntesti fejn dan ir-rwol għadu jidher dgħajjef, jeħtieġ li jiġi promoss qafas regolatorju u istituzzjonali sabiex jissaħħaħ id-djalogu soċjali u tiżdied il-kopertura tan-negozjar kollettiv, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar pagi minimi adegwati. |
Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.4 (Linja Gwida 5)
|
2.5. |
Għalkemm is-suq tax-xogħol kellu prestazzjoni tajba fl-2023, in-nuqqas dejjem jikber ta’ ħaddiema u ħiliet qed ixekkel it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività, u jirriskja li jnaqqas ir-ritmu tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Fit-tieni trimestru tal-2023, ir-rata ta’ postijiet tax-xogħol battala kienet ta’ 2,7 %, li hija ogħla mill-medja ta’ 1,7 % għall-perjodu 2013-19 (3). Għalhekk trid tiġi żviluppata parteċipazzjoni usa’ u aktar mifruxa taċ-ċittadini Ewropej fl-impjiegi, l-ewwel nett miż-żgħażagħ. L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom li jippromovu b’mod aktar effettiv mhux biss l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inklużivi, ta’ kwalità għolja u aġġornati għall-ħtiġijiet tad-dinja tax-xogħol, kif ukoll li jsaħħu l-attivitajiet ta’ mentoraġġ, gwida u konsulenza mwettqa mis-servizzi pubbliċi u privati tal-impjiegi, iżda wkoll għodod ta’ kwalità aħjar għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ fl-impjieg, bħall-apprendistati u t-traineeships. Huma għandhom jimpenjaw ruħhom li jinkoraġġixxu l-impjieg indipendenti u x-xogħol intellettwali u professjonali – li f’dawn l-aħħar snin naqsu b’mod sinifikanti, speċjalment fost iż-żgħażagħ. |
|
2.6. |
Il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol, fl-UE u barra minnha, hija opportunità biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet mhux issodisfati f’termini ta’ xogħol u ħiliet. L-Istati Membri huma mitluba jiffukaw aktar fuq it-tisħiħ tal-għodod għall-ġestjoni tal-migrazzjoni minn pajjiżi mhux tal-UE (billi jippromovu kanali legali ta’ dħul fl-UE), itejbu l-monitoraġġ u t-tbassir tal-ħtiġijiet tal-impjiegi, itejbu l-proċeduri għar-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba f’pajjiżi mhux tal-UE u jrendu aktar effettivi l-għodod ta’ prevenzjoni dwar l-isfruttament u x-xogħol illegali, li ta’ spiss jaffettwaw lill-ħaddiema minn pajjiżi terzi. Fl-istess waqt, għandhom jimpenjaw ruħhom li jiżguraw li l-ħaddiema barranin jiġu inklużi b’mod aktar effettiv fis-suq tax-xogħol Ewropew. In-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki formali u l-ostakli lingwistiċi jibqgħu fost l-ostakli ewlenin għall-integrazzjoni sħiħa tal-forza tax-xogħol (4). |
Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.5 (Linji Gwida 6 u 8)
|
2.7. |
Minkejja t-tkabbir fl-impjiegi f’dawn l-aħħar snin, l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol għadhom mifruxa u huma riflessi kemm fil-livelli tal-impjieg kif ukoll fid-differenzi fil-pagi u fil-pensjonijiet. Xi setturi u impjiegi għadhom qed jiġu affettwati minn kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena u pagi baxxi, u aktar nisa għandhom it-tendenza li jaħdmu part-time, inkluż f’xogħol part-time involontarju. L-inugwaljanzi bbażati fuq il-ġeneru jeħtieġ li jiġu indirizzati permezz tal-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fil-Pagi, fost miżuri oħra, bħal inċentivi tat-taxxa, biex titrawwem iż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Huwa importanti li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jtejbu d-disponibbiltà ta’ servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal u ta’ kura fit-tul ta’ kwalità tajba u affordabbli, kif ukoll miżuri li jappoġġjaw il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u distribuzzjoni ġusta tar-responsabbiltajiet ta’ kura bejn l-irġiel u n-nisa. |
|
2.8. |
Għandu jsir ukoll sforz akbar biex jiġi promoss l-impjieg ta’ persuni b’diżabilità. Minkejja t-titjib reċenti, fl-2022 id-distakk fl-impjiegi bejn persuni b’diżabilità u dawk mingħajr diżabilità fl-UE kien ta’ 21,4 punti perċentwali, waqt li r-rata tal-qgħad ta’ persuni b’diżabilità kienet kważi d-doppju ta’ dik ta’ dawk mingħajr diżabilità (5). F’konformità mal-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030 (6), huma meħtieġa aktar sforzi biex tiġi żgurata l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol, permezz ta’ politiki attivi dwar l-impjieg, jiġi żviluppat il-potenzjal tal-intrapriżi soċjali li jistgħu jaqdu rwol importanti fis-suq tax-xogħol tal-UE u jiġu indirizzati l-isterjotipi, sabiex jiġi żgurat li l-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jaċċessaw opportunitajiet ta’ xogħol li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom. |
Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.6 (Linja Gwida 6)
|
2.9. |
Fid-dawl tat-trasformazzjonijiet ekonomiċi u soċjali ewlenin li rriżultaw mit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, popolazzjoni li qed tixjieħ u t-trasformazzjoni tax-xejriet tax-xogħol, huma meħtieġa b’mod urġenti miżuri biex jiġi promoss l-iżvilupp tal-individwi, il-ħiliet u l-impjegabbiltà tagħhom, billi jissaħħu l-ħiliet u l-kompetenzi bażiċi u tul il-ħajja. Il-parteċipazzjoni tal-adulti fl-attivitajiet ta’ taħriġ għadha problema fl-Ewropa, li tammonta għal 37,4 % biss, li hija ħafna inqas mill-mira ta’ 60 % li għandha tintlaħaq sal-2030, kif stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (7). Il-kwalità tal-offerta ta’ taħriġ trid tissaħħaħ, f’termini ta’ kontenut, metodoloġiji u għodod, biex tkun reattiva għar-rekwiżiti f’termini ta’ ħiliet li l-kumpaniji jeħtieġu u l-impjegabbiltà tal-ħaddiema u biex titrawwem parteċipazzjoni akbar, inkluż permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda. Għandhom jiġu promossi wkoll għodod biex tinħoloq rabta aktar mill-qrib bejn it-taħriġ u l-progressjoni tal-karriera, u biex tiġi appoġġjata l-analiżi tal-ħiliet individwali u l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u r-rikonoxximent tal-mikrokredenzjali, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-kontijiet individwali tal-apprendiment. Barra minn hekk, ir-rwol tas-servizzi tal-impjiegi, kemm pubbliċi kif ukoll privati, għandu jissaħħaħ aktar permezz ta’ riżorsi adegwati. Kif ġie espress f’Opinjonijiet preċedenti, id-dritt għat-tagħlim tul il-ħajja u l-aċċess effettiv għal edukazzjoni u taħriġ tul il-ħajja ta’ kwalità tajba jridu jiġu rikonoxxuti u żgurati (8), inkluż permezz tal-evalwazzjoni ta’ għodod ġodda, bħal liv imħallas għat-taħriġ. |
|
2.10. |
B’mod partikolari għall-ħaddiema li x’aktarx jintlaqtu l-agħar mit-tranżizzjonijiet li għaddejjin u dawk li l-impjegabbiltà tagħhom hija baxxa, huwa meħtieġ li jissaħħu l-għodod kollha ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid, b’interventi ta’ politika attivi mmirati ta’ natura edukattiva iżda wkoll ta’ konsulenza, relatati ma’ appoġġ attiv għat-tiftix ta’ impjieg. Il-potenzjal offrut mill-applikazzjonijiet tal-IA għall-personalizzazzjoni tal-interventi ta’ politika għandu jiġi sfruttat u jiġu stabbiliti għodod li jippermettu monitoraġġ effettiv u affidabbli tal-impatt tal-miżuri ta’ taħriġ, f’termini ta’ aċċess għall-impjiegi u t-tranżizzjoni tal-karriera. |
|
2.11. |
Huwa partikolarment urġenti li jiġi pprovdut taħriġ diġitali, kemm għall-adulti kif ukoll għaż-żgħażagħ. L-użu tal-applikazzjonijiet tal-IA fuq il-post tax-xogħol se jagħmilha saħansitra aktar kruċjali li jiġu aġġornati l-ħiliet diġitali u teknoloġiċi tal-popolazzjoni. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri aktar deċiżivi biex jindirizzaw din l-isfida, billi jsaħħu l-ħiliet diġitali tal-istudenti tal-iskola u tal-adulti ta’ kull età u jiżviluppaw ekosistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali appoġġjati minn fatturi abilitanti ewlenin, bħall-konnettività b’veloċità għolja għall-iskejjel, it-tagħmir u t-taħriġ tal-għalliema. |
|
2.12. |
Huwa ta’ importanza kbira li tingħata spinta lill-modernizzazzjoni tas-sistemi edukattivi fil-livelli kollha kif ukoll tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) biex jiġi żgurat li dawn jissodisfaw il-ħtiġijiet tan-negozji għall-ħiliet preżenti u futuri, mhux l-inqas fid-dawl tal-impatt li l-applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali se jkollhom. Il-provvista ta’ taħriġ għall-ħiliet materjali, speċjalment fi STEM, kif ukoll għall-ħiliet personali, jeħtieġ li tissaħħaħ sabiex il-ġenerazzjonijiet il-ġodda jitħejjew biex jaħdmu f’kuntest ta’ integrazzjoni dejjem akbar bejn il-bniedem u t-teknoloġija. Fl-istess ħin huwa meħtieġ ukoll li jissaħħu l-ħiliet bażiċi, li huwa l-aħjar mod biex jiġi ggarantit li wieħed isib postu fuq perkors ta’ karriera. Il-qari, il-kitba, it-taħdit u l-għadd huma ħiliet essenzjali għal integrazzjoni vokazzjonali ta’ suċċess, speċjalment għal persuni minn sfondi żvantaġġati. |
Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.7 (Linji Gwida 5 u 6)
|
2.13. |
Minkejja żidiet nominali fil-pagi, il-pagi reali naqsu fi kważi l-Istati Membri kollha bħala riżultat tal-inflazzjoni (9). Il-faqar fost dawk li jaħdmu jibqa’ wkoll tħassib ewlieni. Minbarra l-monitoraġġ u l-mitigazzjoni tal-impatt negattiv tal-inflazzjoni fuq il-kapaċità tal-akkwist tal-ħaddiema, l-effettività tal-istrumenti mfassla biex jiżguraw pagi ġusti u deċenti, li jirrispondu wkoll għall-iżviluppi fil-produttività, trid tissaħħaħ, mhux biss għal dawk li jaqilgħu paga baxxa iżda wkoll għal dawk kollha li jaqilgħu livelli medji ta’ paga, li l-kapaċità tal-akkwist tagħhom ġiet affettwata minn pressjoni inflazzjonarja f’dawn l-aħħar snin. Huwa importanti li l-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva dwar pagi minimi adegwati. |
|
2.14. |
Il-KESE jemmen li l-Istati Membri għandhom jippermettu, jinkoraġġixxu u jippromovu n-negozjar kollettiv f’dan il-qasam, biex b’hekk isaħħu r-rwol tal-imsieħba soċjali u jidentifikaw għodod adatti biex jitkejlu l-livelli ta’ kopertura tan-negozjar kollettiv, li għadha dgħajfa f’ħafna pajjiżi. Għandu jkollhom ukoll għodod effettivi għall-ġbir tad-data biex jimmonitorjaw ix-xejriet tas-salarji u jippromovu t-tkabbir fil-pagi, f’konformità mal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali, il-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi nazzjonali u l-livelli ta’ produttività, il-kompetittività u l-iżviluppi, waqt li jitqiesu d-differenzi settorjali u territorjali. |
Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.8 (Linja Gwida 7)
|
2.15. |
Ix-xogħol huwa wieħed mill-aspetti tas-soċjetà li għaddej mill-akbar trasformazzjoni bħala riżultat tal-introduzzjoni tas-sistemi tal-IA. L-IA tista’ tintuża biex ittejjeb l-organizzazzjoni tal-flussi tax-xogħol, telimina kompiti perikolużi u tedjanti, trawwem l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità, u tgħin lis-suq inaqqas id-distakk fil-provvista tax-xogħol. Dan jista’ jgħin ukoll biex il-politiki tat-taħriġ, dawk ibbażati fuq gwadanji u dawk soċjali jitqabblu aħjar mal-ħtiġijiet tal-ħaddiema u minn perspettiva li titqies li hi msejsa aktar fuq il-mertu. Madankollu, l-iżvilupp tal-IA jqajjem ukoll tħassib dwar l-effetti li jista’ jkollha fuq il-livelli ta’ impjieg u l-ħajja tal-ħaddiema. L-użu dejjem jikber tal-IA fl-appoġġ tat-teħid tad-deċiżjonijiet relatat mal-ħaddiema jista’ jkun ta’ sfida fir-rigward tad-drittijiet, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-introjtu tal-ħaddiema. L-IA tista’ tbiddel il-mod kif ix-xogħol jiġi mmonitorjat u ġestit, u dan jista’ joħloq riskji għall-privatezza u l-awtonomija tal-ħaddiema. Tista’ wkoll tintroduċi jew tipperpetwa l-preġudizzju u d-diskriminazzjoni, waqt li tamplifika l-inugwaljanzi eżistenti. Barra minn hekk, hemm tħassib dwar it-trasparenza u l-ispjegabbiltà tal-algoritmi, kif ukoll l-obbligu ta’ rendikont tagħhom. |
|
2.16. |
Għalhekk, hija prijorità għall-Istati Membri li jkejlu, jimmonitorjaw u jivvalutaw l-impatt tal-IA fuq l-impjiegi u l-organizzazzjoni tax-xogħol, sabiex jippromovu l-użu etikament u soċjalment sostenibbli tagħha, li jtejjeb il-kompetittività tas-sistemi, l-impjieg u l-kwalità tal-impjiegi, mingħajr ma jimmina d-drittijiet tal-ħaddiema jew jagħmel ħsara lill-kundizzjonijiet tax-xogħol. L-IA se tbiddel ukoll b’mod radikali l-organizzazzjoni tax-xogħol. Għalhekk huwa kruċjali li l-imsieħba soċjali jkunu involuti bis-sħiħ (fil-livelli kollha) fil-ġestjoni ta’ dawn il-bidliet u fl-identifikazzjoni ta’ mudelli innovattivi tal-organizzazzjoni tax-xogħol, waqt li jissalvagwardjaw ukoll il-prinċipju ta’ “bniedem fil-kontroll”. Id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv huma kruċjali għall-ġestjoni tal-bidliet li jirriżultaw mill-iżviluppi teknoloġiċi, l-indirizzar ta’ kwistjonijiet potenzjali u t-trawwim tal-adattament tal-ħaddiema, billi jiġu żviluppati risponsi ta’ politika xierqa u f’waqthom. L-iskala storika ta’ din il-bidla li għaddejja bħalissa tfisser li huwa mixtieq li l-istrateġiji nazzjonali jiġu kkoordinati aħjar, billi jibdew bil-ġbir flimkien tal-esperjenzi u l-evalwazzjonijiet. |
Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.9 (Linja Gwida 8)
|
2.17. |
Is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar tal-koeżjoni soċjali u s-sigurtà ekonomika u fil-ġlieda kontra r-riskji ta’ destabbilizzazzjoni makroekonomika; bħala tali, jeħtieġ li jiġu adattati għal rekwiżiti ġodda, u li jitqiesu l-objettivi tas-sostenibbiltà ekonomika u fid-dawl tat-tixjiħ tal-popolazzjoni, il-bidliet fid-dinja tax-xogħol – b’mod partikolari ż-żieda f’forom ġodda ta’ impjieg – u l-miri fiskali previsti fil-pakkett ekonomiku l-ġdid. Il-benesseri korporattiv jista’ jkun ukoll fattur li jgħin biex jiġu appoġġjati u supplimentati s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, li għandhom jintużaw b’mod komplementari aktar milli bħala sostitut għall-benesseri pubbliku. |
|
2.18. |
Huwa importanti li l-Istati Membri jirriformaw is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali f’konformità mal-ħtiġijiet preżenti u futuri, iżidu l-parteċipazzjoni fix-xogħol, jipprovdu protezzjoni soċjali għal forom atipiċi ta’ impjieg, jipprevjenu l-esklużjoni u jsaħħu s-sistemi soċjali u tal-kura tas-saħħa, sabiex jippromovu swieq tax-xogħol inklużivi u tkabbir sostenibbli, u jiżguraw is-sostenibbiltà preżenti u futura tas-sistemi. Minn din il-perspettiva, l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jwettqu valutazzjonijiet sistematiċi tal-impatt distributtiv tad-diversi miżuri ta’ protezzjoni soċjali, sabiex jiġi vvalutat l-impatt speċifiku u globali tagħhom u jiġi appoġġjat it-titjib tal-politika. |
Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.10 (Linja Gwida 8)
|
2.19. |
L-isfidi l-ġodda li ġejjin jinkludu akkomodazzjoni affordabbli. Fl-2022, kważi waħda minn kull għaxar persuni fl-UE għexu f’unità domestika fejn il-kostijiet totali tal-abitazzjoni kienu jirrappreżentaw aktar minn 40 % tal-introjtu disponibbli totali, b’żieda sinifikanti rreġistrata mill-2020 (10). Jeħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu u jsaħħu politiki li għandhom l-għan li jappoġġjaw akkomodazzjoni affordabbli, disponibbli u adegwata, kif ukoll miżuri biex tiġi pprevenuta u titnaqqas il-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar, parzjalment permezz tal-istrumenti magħmula disponibbli mill-fondi tal-UE. |
Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.11 (Linji Gwida 7 u 8)
|
2.20. |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-politiki għall-ġlieda kontra l-impjieg illegali, billi jiġu introdotti miżuri ta’ prevenzjoni u inċentivi għall-impjieg legali, tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar tal-attivitajiet ta’ spezzjoni u kontroll, inkluż permezz ta’ integrazzjoni akbar tal-bażijiet tad-data nazzjonali u l-użu tal-IA, u jiġi pprevenut l-użu irregolari tax-xogħol stazzjonat. Huwa kruċjali li jitrawwem tixrid usa’ tal-kultura tal-legalità, inkluż permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni, li jibdew mill-iskejjel. |
|
2.21. |
L-għadd konsistentement għoli ta’ aċċidenti fuq il-post tax-xogħol ifisser ukoll li l-Istati Membri jridu jagħmlu sforz akbar biex jistabbilixxu miżuri ta’ tnaqqis appoġġjati minn spettorati tax-xogħol adegwati. Il-KESE jappoġġja l-approċċ ta’ “viżjoni żero” għall-imwiet relatati max-xogħol fl-UE (11), u jtenni l-ħtieġa li jsir investiment fil-kultura tal-prevenzjoni fuq il-post tax-xogħol. |
|
2.22. |
It-tixrid dejjem akbar tax-xogħol fuq il-pjattaformi jqajjem tħassib dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-trasparenza fl-użu tal-algoritmi għall-ġestjoni tax-xogħol. Kif diġà enfasizza l-KESE f’Opinjonijiet preċedenti (12), l-akbar tħassib relatat mal-ekonomija tal-pjattaformi jinkludi aċċess aktar limitat għall-protezzjoni soċjali u l-kopertura tas-sigurtà soċjali, ir-riskji għas-saħħa u s-sikurezza, ix-xogħol mhux sikur, il-ħinijiet tax-xogħol frammentati u l-livelli inadegwati ta’ introjtu u d-diffikultajiet fl-iżgurar tar-rikonoxximent tad-drittijiet kollettivi. Għalhekk huwa meħtieġ li l-Istati Membri jaħdmu biex jimplimentaw id-Direttiva dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-pjattaformi. |
Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2024.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Oliver RÖPKE
(1) Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-Unjoni Ewropea, COM(2023) 38 final.
(2) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-Unjoni Ewropea” (COM(2023) 38 final — 2023/0012 (NLE)) u dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Insaħħu d-djalogu soċjali fl-Unjoni Ewropea: nisfruttaw il-potenzjal kollu tiegħu biex niksbu tranżizzjonijiet ġusti” (COM(2023) 40 final) ( ĠU C 228, 29.6.2023, p. 87).
(3) Joint Employment Report 2024.
(4) Opinjoni Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Mobilità tal-Ħiliet u t-Talenti (COM(2023) 715 final) — Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Riżerva ta’ Talent tal-UE (COM(2023) 716 final – 2023/0404 (COD)) — Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill Ewropa Attiva – opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment għal kulħadd (COM(2023) 719 final) — Commission recommendation on the recognition of qualifications of third-country nationals (mhux disponibbli bil-Malti) (C(2023) 7700 final) (ĠU C, C/2024/4067, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4067/oj).
(5) Joint Employment Report 2024 (Rapport konġunt dwar l-impjieg 2024).
(6) Kummissjoni Ewropea. Pakkett dwar l-Impjiegi għall-Persuni b’Diżabbiltà biex jittejbu l-eżiti tas-suq tax-xogħol għall-persuni b’diżabbiltà .
(7) Joint Employment Report 2024 (Rapport konġunt dwar l-impjieg 2024).
(8) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri” (COM(2023) 599 final — 2023/0173 (NLE)) (ĠU C, C/2023/870, 8.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/870/oj).
(9) Joint Employment Report 2024 (Rapport konġunt dwar l-impjieg 2024).
(10) Joint Employment Report 2024 (Rapport konġunt dwar l-impjieg 2024).
(11) Qafas strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol 2021-2027 Is-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali għal dinja tax-xogħol li qed tinbidel, COM(2021) 323 final.
(12) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għal Ewropa soċjali aktar b’saħħitha: l-isfruttament tal-benefiċċji kollha tad-diġitalizzazzjoni għall-futur tax-xogħol” (COM(2021) 761 final) u l-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi” (COM(2021) 762 final) ( ĠU C 290, 29.7.2022, p. 95) u Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri” [COM(2022) 241 final] ( ĠU C 486, 21.12.2022, p. 161).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/120/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)