|
7.1.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 3/42 |
DIRETTIVA TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/13
tal-31 ta' Ottubru 2014
li temenda l-Anness III tad-Direttiva 2014/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-firxa tar-rata tal-fluss għall-arloġġi tal-ilma
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għat-tqegħid fis-suq ta' strumenti tal-kejl (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 47(b) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva 2014/32/UE tistabbilixxi r-rekwiżiti li jridu jissodisfaw ċerti strumenti tal-kejl bl-għan li jitqiegħdu fis-suq u/jew jintużaw għal kompiti tal-kejl speċifiċi preskritti mill-Istati Membri. |
|
(2) |
L-ewwel wieħed mir-rekwiżiti speċifiċi għall-arloġġi tal-ilma (ir-Rekwiżit 1) inkluż fl-Anness III tad-Direttiva 2014/32/UE jirreferi għall-kundizzjoni operattiva stipulata għall-firxa tar-rata tal-fluss Q3/Q1 ≥ 10. |
|
(3) |
Fil-31 ta' Ottubru 2011 daħal fis-seħħ aġġornament tal-istandard EN 14154 li inkluda l-firxa tar-rata tal-fluss Q3/Q1 ≥ 40. L-istandard EN 14154 rivedut jirrifletti l-istandard internazzjonali. Huwa aktar esiġenti f'dak li jirrigwarda l-firxa tar-rata tal-fluss meta mqabbel mar-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fl-Anness III tad- Direttiva 2014/32/UE u jirriżulta f'kejl aktar preċiż. |
|
(4) |
Qabel l-introduzzjoni tal-firxa tar-rata tal-fluss Q3/Q1 ≥ 10 permezz tad-Direttiva 2004/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) dwar l-istrumenti tal-kejl, l-istandard OIML internazzjonali li diġà kien jinkludi rekwiżit għall-firxa tar-rata tal-fluss ta' Q3/Q1 ≥ 40, ġie applikat fl-Istati Membri kollha. B'riżultat tad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 50(2) tad-Direttiva 2014/32/UE, il-biċċa l-kbira tal-arloġġi tal-ilma li bħalissa huma mqiegħda fis-suq diġà jikkonformaw mar-rekwiżit ta' Q3/Q1 ≥ 40. |
|
(5) |
L-arloġġi tal-ilma bil-firxa tar-rata tal-fluss Q3/Q1 ≥ 10 jistgħu jkunu ferm orħos minn dawk li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-istandard EN 14154 (Q3/Q1 ≥ 40). Il-punt 10 tal-Anness III tad-Direttiva 2014/32/UE jagħti setgħa diskrezzjonali lill-utilità jew lill-persuna nnominata legalment biex tinstalla l-arloġġ tal-ilma biex tiddetermina, inter alia, liema livell ta' firxa tar-rata tal-fluss ikun xieraq għall-kejl eżatt tal-konsum li hu previst jew li jista' jiġi previst (3). Għaldaqstant, l-arloġġi tal-ilma li ma jikkonformawx mal-istandard EN 14154 għall-firxa tar-rata tal-fluss iżda jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2014/32/UE, jistgħu jiġu installati. Madankollu, dan jista' jżid il-possibbiltà ta' żbalji fil-kontijiet tal-klijenti, li jirriżultaw minn kejl inqas preċiż tal-arloġġ. |
|
(6) |
Il-firxa tar-rata tal-fluss ta' Q3/Q1 ≥ 40 tirrappreżenta l-aktar livell avvanzat inkorporat fl-istandard u fil-prattika attwali tal-manifattura internazzjonali, kif ukoll il-kwalità minima disponibbli bħalissa fis-suq tal-Unjoni. Din tipprevedi kejl aktar preċiż u b'hekk tiżgura livell ogħla ta' protezzjoni tal-konsumaturi. Billi l-firxa tar-rata tal-fluss ta' Q3/Q1 ≥ 40 għal ħafna snin kienet u għadha l-livell minimu installat mis-suq, il-konformità ma tinvolvix spejjeż addizzjonali għall-utenti. |
|
(7) |
Id-Direttiva 2014/32/UE għandha tiġi emendata skont dan, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Fl-Anness III tad-Direttiva 2014/32/UE, il-punt 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:
|
“1. |
Il-firxa tar-rata tal-fluss tal-ilma.
Il-valuri għall-firxa tar-rata tal-fluss għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
Artikolu 2
1. Sa mhux aktar tard mid-19 ta' April 2016, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.
Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-20 ta' April 2016.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussell, il-31 ta' Ottubru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 96, 29.3.2014, p. 149.
(2) tad-Direttiva 2004/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar l-istrumenti tal-kejl (ĠU L 135, 30.4.2004, p. 1).
(3) Ara l-punt 10 tal-Anness III tad-Direttiva 2014/32/UE.