IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.2.2025
COM(2025) 41 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Implimentazzjoni tal-Inizjattiva Urbana Ewropea fl-2022-2024
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.2.2025
COM(2025) 41 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Implimentazzjoni tal-Inizjattiva Urbana Ewropea fl-2022-2024
Werrej
1. INTRODUZZJONI
2. IMPLIMENTAZZJONI
2.1. Finanzjament għall-innovazzjoni fil-bliet
2.2. Appoġġ għall-kapaċitajiet u għall-għarfien fil-bliet
2.2.1. Tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-bliet
2.2.2. Appoġġ għall-għarfien u għall-politiki fil-bliet
2.3. Governanza u attivitajiet oħra
3. L-EWWEL RIŻULTATI
4. KONKLUŻJONIJIET
1.INTRODUZZJONI
L-Ewropa qiegħda tiffaċċja diversi sfidi, mill-irkupru ekonomiku u l-bini ta’ soċjetajiet inklużivi, sal-indirizzar tat-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali u t-tibdil demografiku, sat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Il-bliet huma postijiet fejn l-isfidi kollha jinġiebu flimkien u fejn jistgħu jiġu ppruvati u ttestjati soluzzjonijiet ġodda b’modi li jagħmlu differenza għan-nies.
Il-politika ta’ koeżjoni għandha dimensjoni urbana b’saħħitha, u l-appoġġ tagħha għall-iżvilupp urban sostenibbli ssaħħaħ għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 biex jgħin lill-bliet jieħdu rwol attiv fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ risponsi ta’ politika għall-isfidi lokali tagħhom. B’riżultat ta’ dan, il-Fondi ta’ Koeżjoni jinvestu aktar minn EUR 100 biljun fil-bliet, u l-bliet huma responsabbli b’mod dirett għat-tfassil u għall-implimentazzjoni ta’ investimenti li jilħqu aktar minn EUR 24 biljun taħt il-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni.
Barra minn hekk, ġiet stabbilita Inizjattiva Urbana Ewropea (EUI, European Urban Initiative) ġdida 1 fi ħdan id-dimensjoni urbana tal-Politika ta’ Koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027. B’baġit ta’ EUR 395 miljun 2 , hija strument li jappoġġa lill-bliet ta’ kull daqs, biex jibnu l-kapaċità u l-għarfien, jappoġġaw l-innovazzjoni u jiżviluppaw soluzzjonijiet trasferibbli u skalabbli għall-isfidi urbani ta’ rilevanza għall-UE. L-attivitajiet huma kkoordinati mal-programm URBACT 3 , u kkumplimentati minnu, u jipprovdu appoġġ għall-ħidma intergovernattiva skont l-Aġenda Urbana tal-UE.
Dan ir-rapport jiddeskrivi l-attivitajiet tal-EUI u r-riżultati tal-implimentazzjoni mill-1 ta’ Settembru 2022 sal-31 ta’ Awwissu 2024.
2.IMPLIMENTAZZJONI
L-implimentazzjoni tal-EUI ġiet fdata lir-Reġjun Hauts-de-France, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea 4 . Ir-Reġjun Hauts-de-France stabbilixxa Segretarjat Permanenti (minn hawn ’il quddiem “Segretarjat tal-EUI”) biex iwettaq l-attivitajiet kollha ta’ kuljum ippreżentati f’dan ir-rapport. Il-ħidma hija mibnija fuq żewġ fergħat, li għandhom l-għan li jipprovdu: (a) l-appoġġ għall-innovazzjoni, u (b) l-appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet u tal-għarfien, il-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali, l-iżvilupp tal-politika u l-komunikazzjoni (Illustrazzjoni 1). 75 % tal-baġit ta’ EUR 395 miljun 5 huwa maħsub għall-fergħa (a), u 25 % għall-fergħa (b).
Illustrazzjoni 1. Loġika ta’ intervent tal-Inizjattiva Urbana Ewropea
2.1. Finanzjament għall-innovazzjoni fil-bliet
L-EUI tappoġġja proġetti ta’ azzjoni innovattiva li għandhom l-għan li jrawmu r-rwol trasformattiv tal-bliet u l-varar ta’ innovazzjonijiet urbani ttestjati bl-evidenza madwar l-UE kollha. Kull proġett jista’ jirċievi kontribuzzjoni massima mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) ta’ EUR 5 miljun b’rata ta’ kofinanzjament ta’ 80 % u għandu durata massima ta’ erba' snin 6 . L-applikanti eliġibbli huma awtoritajiet urbani jew gruppi ta’ awtoritajiet urbani (jiġifieri bliet, bliet żgħar jew subborgi) b’popolazzjoni totali ta’ mill-inqas 50 000 abitant, li jinsabu f’wieħed mill-Istati Membri tal-UE.
Dan il-fluss ta’ ħidma jibni fuq l-inizjattiva pilota tal-Azzjonijiet Innovattivi Urbani 7 li ġiet implimentata matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Minn dak iż-żmien, ġie introdott ħafna titjib, pereżempju: (i) enfasi aktar qawwija fuq l-innovazzjonijiet urbani ta’ rilevanza għall-Politika ta’ Koeżjoni, (ii) kapaċità imtejba ta’ kejl tar-riżultati skont indikaturi definiti minn qabel, (iii) enfasi mtejba fuq il-livell ta’ tħejjija operazzjonali tal-proġetti, il-potenzjal ta’ titjib u r-replikabbiltà tas-soluzzjonijiet ittestjati.
Ġew ippjanati erba’ sejħiet għall-azzjonijiet innovattivi tal-EUI, b’żewġ sejħiet imwettqa, waħda li għadha għaddejja u waħda skedata għall-2026 (Tabella 1). Għall-ewwel tliet sejħiet, l-objettiv huwa li tiġi stimulata l-innovazzjoni f’ċerti oqsma tematiċi li huma importanti għall-politiki tal-UE, filwaqt li r-raba’ sejħa hija ppjanata biex tappoġġa lill-bliet b’inqas esperjenza fl-innovazzjoni.
Tabella 1. Sejħiet għal azzjonijiet innovattivi tal-EUI
|
Sejħa |
Ippubblikata (sena), suġġett(i) |
Applikazzjonijiet |
Proġetti magħżula, kontribuzzjoni totali tal-FEŻR (EUR) |
Rata ta’ suċċess tal-applikazzjonijiet |
|
1 |
2022, suġġett wieħed: Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida |
99 applikazzjoni minn 21 Stat Membru |
14-il proġett minn 12-il Stat Membru, EUR 65,2 miljun |
14 % |
|
2 |
2023, tliet suġġetti: l-Ekoloġizzazzjoni tal-Bliet, it-Turiżmu Sostenibbli, l-Isfruttar tat-Talent fi Bliet li Qegħdin Jiċkienu |
112-il applikazzjoni minn 21 Stat Membru |
22 proġett minn 12-il Stat Membru, EUR 98 miljun |
20 % |
|
3 |
2024, żewġ suġġetti: it-Tranżizzjoni tal-Enerġija, it-Teknoloġija fil-Belt |
Data tal-għeluq tas-sejħa f’Ottubru 2024 |
Baġit ippjanat EUR 90 miljun |
- |
|
4 |
Ippjanata għall-2026 |
- |
- |
- |
Intgħażlu 36 proġett minn 16-il Stat Membru taħt iż-żewġ sejħiet (Illustrazzjoni 2). Biex tittejjeb il-kopertura ġeografika u biex il-bliet jiġu megħjuna jħejju applikazzjonijiet ta’ kwalità tajba, ittieħdu diversi miżuri, eż. l-organizzazzjoni ta’ workshops tal-applikanti fl-Istati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u l-istabbiliment ta’ network ta’ punti ta’ kuntatt urbani nazzjonali li jippromwovu s-sejħiet madwar l-Istati Membri kollha.
Illustrazzjoni 2. Il-postijiet ġeografiċi
tal-proġetti magħżula taħt iż-żewġ sejħiet għal azzjonijiet innovattivi
(sejħa 1: vjola, sejħa 2: aħdar)
Fir-rigward tad-daqs tal-popolazzjoni taċ-ċentri urbani li l-awtoritajiet tagħhom jipparteċipaw fil-proġetti magħżula taħt iż-żewġ sejħiet, aktar minn żewġ terzi huma bliet ta’ daqs żgħir u medju (Illustrazzjoni 3) u, bl-istess mod, aktar minn żewġ terzi huma “bliet skont l-Artikolu 11” 8 .
Illustrazzjoni 3. Is-sehem tal-awtoritajiet urbani għal kull daqs tal-popolazzjoni fil-proġetti ta’ azzjoni innovattiva magħżula
Bħala novità, parti mill-għotja tal-FEŻR għal kull proġett ta’ azzjoni innovattiva hija ddedikata għall-finanzjament ta’ sħubijiet ta’ trasferiment transnazzjonali bejn l-awtoritajiet urbani ewlenin u tliet bliet oħra tal-UE li tnejn minnhom iridu jkunu minn reġjuni inqas żviluppati jew fi tranżizzjoni 9 . Il-metodu jibni fuq il-mekkaniżmu pilota ta’ trasferiment għall-Azzjonijiet Innovattivi Urbani implimentat permezz ta’ URBACT III fl-2021-2022 u għandu l-għan li jittrasferixxi l-esperjenza ta’ soluzzjoni innovattiva ttestjata u jesplora l-possibbiltajiet ta’ replikazzjoni tagħha f’kuntesti urbani oħra. L-għan huwa wkoll li jiġu ispirati l-investimenti taħt il-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni u li jitrawmu l-kapaċitajiet ta’ innovazzjoni tal-bliet lil hinn mill-bliet li jmexxu proġetti ta’ azzjoni innovattiva.
2.2. Appoġġ għall-kapaċitajiet u għall-għarfien fil-bliet
2.2.1. Tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-bliet
Fl-2023 ġew implimentati attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet tal-EUI, u dawn huma implimentati bħala azzjonijiet pilota sa tmiem l-2024 10 . Dawn l-attivitajiet jinkludu tliet tipi ta’ azzjonijiet: skambji bejn belt u oħra, rieżamijiet bejn il-pari u avvenimenti ta’ bini tal-kapaċitajiet. Dawn ifittxu li jtejbu l-kapaċitajiet tal-bliet fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ strateġiji, politiki u prattiki ta’ żvilupp urban sostenibbli b’mod integrat u parteċipattiv. Dawn jiffunzjonaw ukoll b’mod kumplimentari u kkoordinat ma’ URBACT IV 11 .
Skambju bejn belt u oħra 12 huwa attività minn isfel għal fuq u xprunata mid-domanda u hi bbażata fuq sejħa kontinwa. Tlaqqa’ flimkien għal żjara għal żmien qasir lil awtorità urbana applikanti li tkun qiegħda tiffaċċja sfida speċifika, u awtorità urbana oħra minn Stat Membru differenti li jkollha għarfien espert biex tindirizzaha. L-iskambju huwa apprendiment bejn il-pari b’saħħtu.
L-interess tal-awtoritajiet urbani fl-iskambji bejn belt u oħra qiegħed jikber maż-żmien. Sal-31 ta’ Awwissu 2024, waslu 60 applikazzjoni minn bliet li jinsabu fi 22 Stat Membru. Bliet mill-Italja, minn Spanja, mill-Portugall u mill-Finlandja ppreżentaw il-biċċa l-kbira tal-applikazzjonijiet. Għaddejjin 40 skambju 13 jew inkella tlestew, li b’kollox immobilizzaw 88 awtorità urbana (Illustrazzjonijiet 4 u 5). Maġġoranza kbira (88 %) tal-bliet involuti huma bliet żgħar u medji u huma mifruxa kważi b’mod indaqs fir-reġjuni inqas żviluppati, fi tranżizzjoni u aktar żviluppati. Aktar minn 60 % huma “bliet skont l-Artikolu 11”.
Illustrazzjoni 4. L-awtoritajiet urbani involuti fl-iskambji bejn belt u oħra bħala “bliet bi sfida”
Illustrazzjoni 5. L-awtoritajiet urbani involuti fi skambji bejn belt u oħra bħala “pari”
|
|
|
Barra minn hekk, huma appoġġati rieżamijiet bejn il-pari 14 li jinvolvu gruppi ta’ bliet biex jivvalutaw l-istrateġiji integrati tagħhom għall-iżvilupp urban, li jiffurmaw il-bażi għal żvilupp urban sostenibbli 15 . L-għan huwa li jittejbu t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-istrateġija. Kull rieżami bejn il-pari jikkonsisti f’mhux aktar minn erba’ “bliet taħt rieżami”, li jaħdmu ma’ individwi minn mhux aktar minn sitt bliet li jaġixxu bħala “reviżuri bejn il-pari” biex jindirizzaw sfida identifikata 16 . Jiġu implimentati sejħiet annwali mmirati lejn “bliet skont l-Artikolu 11” biex japplikaw bħala “bliet taħt rieżami” u li jistiednu bliet oħra bħala “reviżuri bejn il-pari” minn madwar l-Unjoni Ewropea kollha.
Illustrazzjoni 6. Kopertura ġeografika tar-rieżamijiet bejn il-pari
(bliet taħt rieżami: vjola, bliet reviżuri bejn il-pari:
aħdar)
Sal-31 ta’ Awwissu 2024, ġew implimentati tliet rieżamijiet bejn il-pari ma’ Tessalonika (EL), Coimbra (PT) u Kalisz (PL) li ospitaw avvenimenti fuq il-post. Madwar 150 parteċipant attendew ir-rieżamijiet bejn il-pari u rrappreżentaw 12-il Stat Membru. 54 parteċipant kienu awtoritajiet urbani, li aġixxew jew bħala “bliet taħt rieżami” (10) jew “reviżuri bejn il-pari” (44) (Illustrazzjoni 6). 80 % tal-awtoritajiet urbani involuti kienu bliet żgħar u medji (Illustrazzjoni 7) u madwar nofshom ġew minn reġjuni inqas żviluppati. Il-biċċa l-kbira tal-“bliet taħt rieżami” kienu bliet żgħar u medji u ġew minn reġjuni inqas żviluppati jew fi tranżizzjoni.
Illustrazzjoni 7. Is-sehem tal-awtoritajiet urbani għal kull daqs tal-popolazzjoni
li pparteċipaw fir-rieżamijiet bejn il-pari
L-avvenimenti ta’ bini tal-kapaċitajiet 17 ilaqqgħu flimkien lill-awtoritajiet urbani, lill-awtoritajiet maniġerjali, lill-Kummissjoni u lil atturi ewlenin oħra biex jiskambjaw informazzjoni u juru s-sinerġiji bejn l-għodod u l-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-Aġenda Urbana tal-UE. L-avvenimenti jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ “komunità ta’ prattikanti urbani”. Il-proċess jinvolvi sejħiet annwali mmirati lejn l-awtoritajiet maniġerjali biex jesprimu interess fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti flimkien mar-Reġjun Hauts-de-France.
Sal-31 ta’ Awwissu 2024, ġew organizzati tmien avvenimenti jew sessjonijiet ta’ bini tal-kapaċitajiet f’Turin (IT), f’Timisoara (RO), f’Ljubljana (SI), f’Zadar (HR), f’Tourcoing (FR), f’Budapest (HU), f’Tampere (FI) u fi Brussell (BE). Madwar 500 parteċipant, li minnhom 160 kienu awtoritajiet urbani, attendew dawn l-avvenimenti.
2.2.2. Appoġġ għall-għarfien u għall-politiki fil-bliet
Diversi flussi ta’ ħidma tal-EUI jappoġġaw il-kapaċitajiet tal-iżvilupp tal-għarfien u tal-politika tal-bliet. Ġie stabbilit network ta’ punti ta’ kuntatt urbani madwar l-Istati Membri kollha 18 . Matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport, inħatru 25 punt ta’ kuntatt urban 19 . Il-biċċa l-kbira tal-punti ta’ kuntatt urbani jservu wkoll bħala punti nazzjonali ta’ URBACT, u tiġi żgurata koordinazzjoni jekk iż-żewġ punti ta’ kuntatt differenti ma jkunux jinsabu fl-istess entità.
Ġiet stabbilita pjattaforma ġdida tal-għarfien, imsejħa Portico 20 . Il-pjattaforma għandha l-għan li tikkonsolida l-minjiera ta’ għarfien urban eżistenti u li tindirizza l-frammentazzjoni tas-sorsi tal-għarfien biex tappoġġa lill-prattikanti urbani fil-livelli kollha. Wieħed mill-komponenti tagħha huwa l-Panorama Urbana, li għandha l-għan li tiggwida lill-utenti permezz ta’ inizjattivi, programmi u organizzazzjonijiet urbani tal-UE. Din l-għodda se tinbena progressivament, u l-ewwel edizzjoni tagħha diġà hija disponibbli 21 .
L-ewwel edizzjoni ta’ stħarriġ li jħares ’il quddiem madwar l-UE kollha ġiet implimentata fl-2024. Dan isir kull sentejn biex l-awtoritajiet urbani u l-prattikanti urbani jiġu mistoqsija dwar xejriet ewlenin, sfidi, lakuni fl-għarfien u ħtiġijiet ta’ appoġġ dwar l-iżvilupp urban sostenibbli. Ir-riżultati jinfurmaw lir-Reġjun Hauts-de-France dwar id-dinamika u l-ħtiġijiet emerġenti tal-komunità urbana. Fir-rigward tal-ewwel edizzjoni, waslu 364 rispons minn 25 Stat Membru tal-UE b’aktar minn 70 % tar-risponsi mill-awtoritajiet urbani 22 .
Dalwaqt se tinbeda serje ta’ attivitajiet ta’ kapitalizzazzjoni 23 f’formati ta’ “laboratorji tal-politiki tal-EUI” u prodotti tal-għarfien oħra. L-għan huwa li jiġu appoġġati l-awtoritajiet u l-prattikanti urbani fit-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza u fl-iżgurar tal-kwalità tal-investimenti pubbliċi, b’mod partikolari taħt il-Politika ta’ Koeżjoni. Se jsiru sforzi speċjali biex jintlaħqu bliet żgħar u medji li għad ma għandhomx biżżejjed kapaċitajiet biex jaċċessaw l-esperjenza u l-għarfien eżistenti.
L-Aġenda Urbana tal-UE - il-kooperazzjoni tal-governanza f’diversi livelli stabbilita mill-Patt ta’ Amsterdam fl-2016 24 - hija appoġġata mill-EUI 25 . Ġie mfassal u introdott pakkett ta’ servizzi biex jgħin lis-sħubijiet tematiċi jwettqu l-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom, u tiġi pprovduta assistenza għall-istabbiliment ta’ sħubijiet ġodda. L-EUI tista’ tappoġġa wkoll il-kooperazzjoni intergovernattiva dwar kwistjonijiet urbani 26 , jekk tali appoġġ jintalab minn Stat Membru wieħed jew aktar, u jekk jintlaħaq qbil mal-Kummissjoni.
Saru diversi kampanji ta’ komunikazzjoni dwar sejħiet għal azzjonijiet innovattivi, sejħiet għal attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet, it-tnedija ta’ Portico, u sejħiet għall-membri tas-sħubija tal-Aġenda Urbana tal-UE. Ġie stabbilit is-sit web tal-EUI u nħoloq il-bullettin tal-EUI. Fil-preżent, dan il-bullettin diġà għandu aktar minn 5 000 abbonat.
2.3. Governanza u attivitajiet oħra
Il-governanza tal-EUI 27 ġiet stabbilita biex tiżgura t-tmexxija u l-implimentazzjoni operazzjonali tal-flussi kollha tal-attività b’mod effettiv u inklużiv. Din tipprovdi mekkaniżmu li jippermetti sinerġiji bejn l-attivitajiet u proċess parteċipattiv ta’ gwida strateġika li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u jikkonsisti f’Bord Superviżorju u Grupp ta’ Tmexxija.
Il-Bord Superviżorju jinkludi rappreżentanti mill-Kummissjoni, mir-Reġjun Hauts-de-France u mis-Segretarjat tal-EUI. Huwa jissorvelja l-implimentazzjoni, il-progress li sar lejn l-ilħuq tal-objettivi, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet taħt kull fergħa, il-monitoraġġ tar-riżultati, kif ukoll l-eżekuzzjoni finanzjarja. Dan jiżgura li l-parir strateġiku tal-Grupp ta’ Tmexxija jkun integrat, meta rilevanti, f’attivitajiet operazzjonali.
Il-Grupp ta’ Tmexxija jiffunzjona bħala korp konsultattiv. Huwa infurmat u jagħti pariri dwar l-implimentazzjoni strateġika tal-EUI, b’mod partikolari dwar il-koerenza tal-attivitajiet, u dwar il-prijoritajiet. Il-Grupp ta’ Tmexxija huwa magħmul minn rappreżentanti mill-Kummissjoni, mir-Reġjun Hauts-de-France u mis-Segretarjat tal-EUI, mill-Istati Membri minn kull Triju ta’ Presidenzi tal-UE, mill-awtorità maniġerjali ta’ URBACT u mis-segretarjat, mill-Kumitat tar-Reġjuni u minn żewġ assoċjazzjonijiet tal-bliet Ewropej, jiġifieri l-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u tar-Reġjuni Ewropej u l-Eurocities.
Fil-perjodu kopert minn dan ir-rapport ġew organizzati tliet laqgħat taż-żewġ korpi ta’ governanza. Il-korrelazzjoni u l-konsistenza mal-proċessi ta’ governanza tal-programm URBACT IV u l-Aġenda Urbana tal-UE ġew żgurati permezz ta’ parteċipazzjoni reċiproka u kondiviżjoni tal-informazzjoni.
Fir-rigward tal-eżekuzzjoni finanzjarja tal-EUI, sehem sinifikanti - aktar minn nofs il-baġit ta’ EUR 395 miljun 28 - ġie impenjat għall-attivitajiet. Tlestiet l-ewwel verżjoni tas-sistema ta’ monitoraġġ 29 , u dalwaqt se jitnieda dashboard li juri l-progress.
Ġiet stabbilita kooperazzjoni mill-qrib mal-programm URBACT IV biex jinkisbu koordinazzjoni, sinerġiji u kumplimentarjetajiet ġenerali, b’mod partikolari bejn l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet u tal-għarfien taż-żewġ strumenti 30 . Permezz tal-kooperazzjoni ta’ URBACT, l-EUI kkontribwiet ukoll għall-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti.
3.L-EWWEL RIŻULTATI
L-EUI tfasslet b’mod konġunt mal-atturi ewlenin 31 biex tappoġġa l-istrateġija u t-tfassil tal-politika, l-implimentazzjoni integrata u parteċipattiva u l-innovazzjoni urbana.
Wara l-ewwel sentejn ta’ implimentazzjoni, l-EUI qiegħda tagħti l-ewwel riżultati tagħha. L-inizjattiva qiegħda tipprovdi sett integrat ta’ servizzi li jappoġġaw lill-bliet ta’ kull daqs. L-attivitajiet ġew implimentati b’interazzjonijiet mibnija bejn il-fergħat tal-EUI u b’koordinazzjoni u b’komplementarjetajiet stabbiliti ma’ URBACT IV. Barra minn hekk, l-EUI qiegħda tgħaqqad l-attivitajiet u l-inputs mill-Aġenda Urbana tal-UE u qiegħda tibni sinerġiji ma’ inizjattivi sinifikanti oħra tal-UE.
Fir-rigward tal-oriġini ġeografika tal-444 awtorità urbana appoġġati mill-EUI matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport, żewġ terzi huma minn reġjuni inqas żviluppati u fi tranżizzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-benefiċjarji (73 %) huma bliet żgħar u medji u 70 % huma “ bliet skont l-Artikolu 11”. 25 % tal-bliet appoġġati jipparteċipaw ukoll f’URBACT u jaffermaw rabtiet imsaħħa bejn l-EUI u għodod oħra tal-Politika ta’ Koeżjoni.
Żewġ sejħiet għal azzjonijiet innovattivi mnedija fl-2022 u fl-2023 tlestew u dan irriżulta f’36 proġett madwar 16-il Stat Membru b’kontribuzzjoni tal-FEŻR ta’ aktar minn EUR 163 miljun. Bis-saħħa tas-sħubijiet ta’ trasferiment transnazzjonali tagħhom, network ta’ 85 belt qiegħed iġedded, jikkondividi l-esperjenza u jispira azzjonijiet tal-Politika ta’ Koeżjoni dwar suġġetti tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, l-ekoloġizzazzjoni tal-bliet, it-turiżmu sostenibbli u l-isfruttar tat-talenti fi bliet li qegħdin jiċkienu. Dan in-network dalwaqt se jiġi kkomplementat minn proġetti addizzjonali dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija u t-teknoloġija fil-bliet. Bħala parti mis-sejħiet ġew stimulati sinerġiji mal-Missjonijiet tal-UE, b’mod partikolari mal-Missjoni dwar il-Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti, u inizjattivi ewlenin oħra tal-UE.
Fuenlabrada (ES) qiegħda tesperimenta b’mudell ġdid ta’ akkomodazzjoni bbażat fuq is-solidarjetà interġenerazzjonali u l-prinċipji tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida. Dan jikkontribwixxi għar-rivitalizzazzjoni taċ-ċentru tal-belt li qiegħed jiffaċċja kwalità tal-akkomodazzjoni li marret għall-agħar, rati għoljin ta’ proprjetà vojta kemm għall-ispazji residenzjali kif ukoll għal dawk kummerċjali, u popolazzjoni li qiegħda tixjieħ. Budapest (HU) qiegħda tiffaċċja kriżi tal-akkomodazzjoni kkawżata minn prezzijiet għoljin tal-enerġija u qiegħda tittestja mudell integrat ta’ servizz tal-akkomodazzjoni affordabbli li jinkludi l-prinċipji tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida u li jiżviluppa sett ta’ servizzi mmirati kemm lejn l-istokkijiet pubbliċi kif ukoll dawk privati.
Bologna (IT) qiegħda tikkombina t-teknoloġiji tal-informazzjoni, is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, u x-“xjenzjati ċittadini”
32
biex tistabbilixxi rabta man-natura madwar il-viċinati tagħha biex jinħoloq metodu ta’ “ċelloli ekoloġiċi adattivi” li jindirizza l-fenomenu ta’ gżira ta’ sħana urbana. Bruges (BE) qiegħda tittestja soluzzjonijiet ta’ infrastruttura blu u ekoloġika biex timmitiga r-riskji ta’ għargħar u ta’ nixfa u biex ittejjeb il-kwalità tal-ilma, anke billi tagħmel użu min-network storiku tagħha tal-ilma ta’ taħt l-art.
Stalowa Wola (PL) qiegħda tesperimenta bil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet għat-talenti tal-industrija spazjali billi tiżviluppa speċjalizzazzjoni multidimensjonali għall-belt li tinvolvi laboratorju spazjali, akkademja u raggruppament li jirrappreżentaw spiral kwadruplu. Haskovo (BG) qiegħda tittestja l-ħolqien ta’ MedTechHub innovattiva li timmobilizza s-settur mediku u dak diġitali u tipprovdi servizzi u opportunitajiet edukattivi, b’mod partikolari għal talenti żgħażagħ, kif ukoll tappoġġa t-tranżizzjoni lejn ekonomija lokali sostenibbli.
Copenhagen (DK) qiegħda tmexxi governanza tat-turiżmu xprunata mid-data u ffukata fuq il-komunità għall-komunitajiet u għat-turisti tagħha, billi tiżviluppa applikazzjoni parteċipattiva ta’ ritratti u reġistrazzjonijiet tal-vuċi biex tinvolvi, tiġbor u tanalizza d-data tal-utenti dwar l-esperjenza tagħhom. Coimbra (PT) qiegħda tittestja portal tal-web tat-turiżmu sostenibbli bbażat fuq Mudelli Lingwistiċi Kbar, imsaħħaħ b’data reali dwar id-destinazzjoni u l-itinerarji personalizzati għat-turisti.
Drittijiet tal-awtur: immaġni 1 ©Gettyimages.be/zak00; immaġni 2 ©Gettyimages.be/DrAfter123; immaġni 3 ©Gettyimages.be/guoya; immaġni 4 ©Gettyimages.be/Annika McFarlane.
L-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet jitwettqu b’ambizzjoni speċifika biex jappoġġaw lill-bliet, bl-implimentazzjoni tas-sehem ta’ investiment ta’ aktar minn EUR 24 biljun mill-FEŻR allokat għall-iżvilupp urban sostenibbli 33 . Filwaqt li fil-fażi pilota, il-parteċipanti diġà jikkunsidraw attivitajiet li għandhom impatt 34 . 485 prattikant urban ipparteċipaw f’dawn l-attivitajiet li minnhom kważi 60 % kienu awtoritajiet urbani u żewġ terzi “bliet skont l-Artikolu 11”. L-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet jappoġġaw b’mod partikolari lil bliet iżgħar peress li 76 % tal-bliet li jipparteċipaw f’dawn l-attivitajiet għandhom inqas minn 250 000 abitant (Illustrazzjoni 8).
Illustrazzjoni 8. Sehem (%) tal-awtoritajiet urbani li jipparteċipaw fl-attivitajiet
ta’ bini tal-kapaċitajiet skont id-daqs tal-popolazzjoni tal-bliet.
Bħala parti mill-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet, l-iskambji bejn belt u oħra koprew firxa ta’ suġġetti, eż. l-akkomodazzjoni affordabbli, l-inklużjoni soċjali, il-mobbiltà, l-adattament għat-tibdil fil-klima, it-tranżizzjoni diġitali, ir-riġenerazzjoni urbana, it-turiżmu u l-aċċess għall-finanzjament. Ir-rieżamijiet bejn il-pari tejbu l-kapaċitajiet tal-bliet fl-involviment tal-partijiet ikkonċernati u l-kooperazzjoni transsettorjali, fil-konnessjoni tal-istrateġiji mal-aġendi tal-UE u dawk globali u maż-żoni rurali, kif ukoll bl-appoġġ finanzjarju. L-avvenimenti ta’ bini tal-kapaċitajiet indirizzaw varjetà ta’ suġġetti, eż. it-tfassil integrat tal-istrateġija, iż-żoni urbani funzjonali, l-investimenti territorjali integrati u l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità, it-tranżizzjoni ekoloġika u l-ekosistemi tal-innovazzjoni.
Ġew stabbiliti azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u komplementari ma’ URBACT IV. Il-bliet appoġġati minn URBACT jaġixxu bħala pari fl-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet tal-EUI. URBACT ikkollabora wkoll bħala sieħeb strateġiku fl-istabbiliment tal-pjattaforma ta’ għarfien Portico. Huwa meħtieġ li jiġu promossi konnessjonijiet mill-qrib bejn l-EUI u URBACT biex jiġu żgurati azzjoni koordinata u sinerġiji.
In-network ta’ punti ta’ kuntatt urbani nazzjonali huwa stabbilit u dan jaċċellera d-domanda għas-servizzi tal-EUI madwar l-Istati Membri kollha. Dan iservi bħala katalizzatur għall-attivitajiet kollha tal-EUI u jilħaq lill-komunitajiet urbani, b’mod partikolari lil bliet iżgħar u lill-awtoritajiet maniġerjali. In-network għandu funzjoni trasversali fil-promozzjoni tal-flussi kollha tax-xogħol, u l-ewwel effetti diġà huma viżibbli. Il-komunità tal-media soċjali tiegħu qiegħda tikber malajr bl-organizzazzjoni ta’ aktar minn 400 kampanja tal-media jew li għadhom għaddejjin fl-2024. In-network jirrikjedi appoġġ kontinwu u ddedikat biex jipprovdi b’mod effettiv is-servizzi tiegħu minħabba diversi attivitajiet offruti mill-EUI.
Il-pjattaforma tal-għarfien Portico tipprovdi lill-prattikanti urbani bl-aċċess tant meħtieġ għall-għarfien u għall-informazzjoni dwar l-inizjattivi tal-UE. Din tospita aktar minn 1 600 riżorsa tal-għarfien u tistimula lil komunità ta’ kważi 2 000 prattikant urban. Komponent li jinkludi prattiki urbani promettenti u ta’ suċċess u li joriġina minn proġetti appoġġati mill-Fondi ta’ Koeżjoni madwar l-Unjoni Ewropea kollha dalwaqt se jkun disponibbli wkoll fuq il-pjattaforma. Bil-Panorama Urbana tagħha li qiegħda tiġi żviluppata, Portico għandha l-għan li toħloq gradwalment għodda li tgħaqqad lill-utenti ma’ inizjattivi u atturi Ewropej xierqa skont il-ħtiġijiet tagħhom. Jeħtieġ li jitkomplew l-isforzi biex tiġi estiża l-pjattaforma, u b’mod partikolari l-għodda tagħha Panorama, biex jinżamm il-momentum u biex tiġi żviluppata fil-portal tal-UE għall-għarfien urban.
L-ewwel attivitajiet ta’ kapitalizzazzjoni implimentati fil-format ta’ laboratorji tal-politiki jinsabu għaddejjin, u fil-fażi inizjali, ir-Reġjun Hauts-de-France ingħaqad ma’ URBACT IV, u rnexxielu jorganizza b’mod konġunt serje ta’ “laboratorji tal-bliet” dwar is-suġġetti tat-tranżizzjoni tal-enerġija u s-sistemi tal-ikel lokali. Fir-rigward tal-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali, ir-Reġjun Hauts-de-France bħalissa qiegħed jinvestiga t-tipi ta’ attivitajiet ta’ appoġġ. Minħabba r-rwol importanti tal-bliet fit-twettiq tal-politiki tal-UE u dawk nazzjonali, ir-regolamenti li jirrikonoxxu l-ħtiġijiet differenzjati tat-territorji huma kruċjali għall-iżvilupp urban sostenibbli. Peress li ġiet żviluppata firxa ta’ għodod u metodoloġiji għall-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali minn atturi Ewropej ewlenin f’dan il-qasam 35 , l-għan huwa li wieħed jibni fuq l-għodod eżistenti u li fil-bidu tal-2025 jiġu implimentati attivitajiet li jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-bliet.
L-appoġġ għall-Aġenda Urbana tal-UE qiegħed jagħti r-riżultati bi sħubijiet ġodda li għadhom għaddejjin, u oħrajn fil-futur. Mill-2022, l-EUI appoġġat l-istabbiliment ta’ erba’ sħubijiet tematiċi dwar l-“ekoloġizzazzjoni tal-bliet”, it-“turiżmu sostenibbli”, il-“bliet tal-ugwaljanza” u l-“ikel”. Sa tmiem l-2024 għandhom ikunu fis-seħħ żewġ sħubijiet addizzjonali “belt sensittiva għall-ilma” u “id-dekarbonizzazzjoni tal-bini, programmi integrati ta’ rinnovazzjoni, pjanijiet lokali għat-tisħin u għat-tkessiħ”. L-impatt mistenni tal-appoġġ għall-Aġenda Urbana tal-UE huwa ż-żieda fil-kapaċità tal-atturi kollha involuti biex jaħdmu fl-ambjent ta’ kooperazzjoni tal-governanza f’diversi livelli.
Ġiet stabbilita firxa ta’ attivitajiet ta’ komunikazzjoni. Permezz ta’ diversi pjattaformi tal-media soċjali, l-EUI laħqet aktar minn 28 000 segwaċi. Il-parteċipanti rreġistrati għall-avvenimenti tal-EUI ammontaw għal aktar minn 3 000 parteċipant fil-perjodu kopert minn dan ir-rapport. Saru sforzi sostanzjali fil-promozzjoni tal-ħames edizzjoni tal-Forum dwar il-Bliet f’Turin fl-2023 li fiha tnediet uffiċjalment l-EUI u fit-tħejjijiet għas-sitt Forum dwar il-Bliet li jmiss f’Kraków f’Ġunju 2025.
4.KONKLUŻJONIJIET
L-Ewropa ma tistax tirnexxi fl-objettivi tagħha mingħajr il-bliet tagħha. Il-Kummissjoni Ewropea se tkompli taħdem mal-awtoritajiet urbani biex tipprovdi appoġġ għall-bliet. F’dan il-kuntest, l-EUI qiegħda taġixxi bħala għodda integrata u mekkaniżmu ta’ appoġġ għall-bliet ta’ kull daqs madwar l-UE kollha. Din tappoġġa lill-bliet b’azzjonijiet konkreti bħall-forniment ta’ apprendiment bejn il-pari, għarfien espert u għarfien, u finanzjament għall-innovazzjoni biex jiġu appoġġati l-objettivi tal-Politika ta’ Koeżjoni. F’dan il-kuntest, din tassisti lill-bliet biex jirrispondu għall-ħafna sfidi li jiffaċċjaw.
L-implimentazzjoni tal-EUI se titkompla bl-approċċ xprunat mid-domanda fejn il-ħtiġijiet tal-bliet jibqgħu fuq quddiem fid-dawl ta’ għażliet strateġiċi u operazzjonali u li jfittex li jipprovdi l-aktar appoġġ rilevanti lill-benefiċjarji tiegħu. Tingħata attenzjoni kontinwa biex jiġi żgurat ċirku effettiv ta’ rispons mal-bliet u mal-prattikanti urbani permezz tan-network ta’ punti ta’ kuntatt urbani nazzjonali u interazzjonijiet fi ħdan il-flussi ta’ ħidma tal-inizjattiva.
L-EUI se tkompli tikkoopera mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet u networks ewlenin fil-qasam urban kif ukoll ittejjeb is-sinerġiji ma’ inizjattivi sinifikanti oħra tal-UE. Se jsiru l-akbar sforzi possibbli biex tingħata spinta lill-adozzjoni tal-offerta tas-servizz tagħha mill-bliet ta’ kull daqs madwar l-Istati Membri kollha. Fl-2025, se jinġabar rispons mill-benefiċjarji permezz tal-valutazzjoni ta’ nofs it-terminu. L-EUI hija impenjata li twettaq azzjoni ta’ politika msaħħa u koerenti fl-UE, u dan jinkludi l-kontribut għall-aġenda politika Ewropea li ġejja għall-bliet.
L-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni.
Il-baġit inizjali ta’ EUR 400 miljun (fi prezzijiet tal-2018) tnaqqas għal EUR 395 miljun (fi prezzijiet kurrenti) minħabba r-rieżami tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali fl-2024.
L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/1059 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-istrumenti ta’ finanzjament estern. URBACT jiffinanzja networks ta’ bliet biex jappoġġaw lill-bliet fl-iżvilupp ta’ prattiki integrati.
Abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2021/1058, l-implimentazzjoni tal-EUI ġiet fdata lir-Reġjun Hauts-de-France permezz ta’ ġestjoni indiretta. Is-sejħa għall-espressjonijiet ta’ interess dwar il-ġestjoni indiretta tal-EUI ġiet ippubblikata f’Mejju 2021 u rriżultat fl-għażla tar-Reġjun Hauts-de-France f’Lulju 2021. Il-ftehim bejn il-Kummissjoni u r-Reġjun Hauts-de-France ġie ffirmat f’Awwissu 2022.
Fi prezzijiet kurrenti
Il-bliet skont l-Artikolu 11 huma bliet magħżula mill-Istati Membri biex jimplimentaw żvilupp urban sostenibbli skont ir-Regolament (UE) 2021/1058.
Il-programm ta’ ħidma 2023-2024 tad-deċiżjoni ta’ finanzjament tal-EUI stabbilixxa l-fażi pilota għall-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet.
URBACT IV għandu l-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-2021-2027.
Ir-rata ta’ suċċess għall-applikazzjonijiet kienet ta’ aktar minn 85 %.
Kif definit fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2021/1058.
Bil-metodoloġija u l-għodod ta’ rieżami bejn il-pari tal-JRC u tad-DĠ REGIO bħala bażi.
Li jibnu fuq in-Network għall-Iżvilupp Urban tal-Politika ta’ Koeżjoni fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 li appoġġa l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-bliet u jimplimentaw strateġiji integrati taħt il-parti tal-iżvilupp urban sostenibbli tal-Politika ta’ Koeżjoni u bejn il-bliet li jmexxu l-azzjonijiet innovattivi urbani.
It-termini ta’ referenza għall-punti ta’ kuntatt urbani tal-EUI.
Franza u l-Lussemburgu għandhom punt ta’ kuntatt urban konġunt filwaqt li l-Italja għadha ma ħatret l-ebda punt ta’ kuntatt urban.
Ir-rapport tal-istħarriġ se jiġi ppubblikat lejn l-aħħar tal-2024.
L-attivitajiet u/jew il-proċessi li jikkapitalizzaw fuq l-għarfien li jirriżulta mill-attivitajiet tal-EUI inklużi l-proġetti ta’ azzjoni innovattiva, l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet, l-azzjonijiet ta’ għarfien imwettqa, eċċ. L-attivitajiet ta’ kapitalizzazzjoni se jipprovdu wkoll fora għall-iżvilupp ta’ sinerġiji ma’ inizjattivi u programmi oħra tal-UE.
Kif speċifikat fil-Ftehim ta’ Ljubljana tal-2021 u fil-Programm ta’ Ħidma Pluriennali tiegħu adottat mill-Ministri tal-UE.
L-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2021/1058. L-appoġġ jista’ jinkludi għarfien espert tekniku u/jew tematiku. Ma ntalab l-ebda appoġġ fil-perjodu kopert minn dan ir-rapport.
L-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2021/1058.
Fi prezzijiet kurrenti
Is-sistema ta’ monitoraġġ se tiġi estiża progressivament u se tkopri, permezz tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tagħha, l-output, ir-riżultati u l-impatti tal-EUI fir-rigward tal-objettivi tagħha.
L-EUI u URBACT jikkumplimentaw lil xulxin b’diversi modi, eż. l-EUI tappoġġja l-iskambji bejn belt u oħra ta’ durata qasira filwaqt li URBACT jiffinanzja n-networks tal-bliet ta’ durata twila. Dawn l-istrumenti jorganizzaw ukoll avvenimenti konġunti u l-pjattaforma ta’ għarfien tal-EUI tospita firxa ta’ riżorsi ta’ għarfien ta’ URBACT.
Il-Kumitat tar-Reġjuni, in-networks tal-bliet Ewropej u l-konsultazzjonijiet tal-Istati Membri u ta’ partijiet ikkonċernati urbani oħra.
Ix-xjenzjati ċittadini jirreferu għall-membri tal-pubbliku.
Abbażi ta’ aktar minn 1 100 strateġija integrata għall-iżvilupp urban.
Abbażi tar-rispons riċevut mill-parteċipanti tal-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet.
Eż. l-ESPON, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-UE u l-atturi intergovernattivi.