IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.6.2021
COM(2021) 282 final
2021/0137(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.6.2021
COM(2021) 282 final
2021/0137(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipula li l-Istati Membri jridu jqisu l-politiki ekonomiċi tagħhom u l-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjonijiet ta’ interess komuni u għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom fil-Kunsill. Dan jistipula li l-Kunsill irid jadotta linji gwida dwar l-impjiegi (l-Artikolu 148), filwaqt li jispeċifika li dawn għandhom ikunu konsistenti mal-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi (l-Artikolu 121).
Filwaqt li l-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi jibqgħu jgħoddu għal kwalunkwe durata ta’ żmien, il-linji gwida dwar l-impjiegi iridu jitfasslu kull sena. Il-linji gwida ġew adottati flimkien għall-ewwel darba fl-2010 (“il-pakkett integrat”) u jirfdu l-istrateġija Ewropa 2020. Il-linji gwida integrati baqgħu stabbli sal-2014. Fl-2015 ġew adottati l-linji gwida integrati riveduti. Fl-2018 il-linji gwida dwar l-impjiegi ġew allinjati mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat f’Novembru 2017 mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, bl-għan li jiġu xprunati r-riformi fil-livell nazzjonali u biex iservu ta’ boxxla għal proċess imġedded ta’ konverġenza fl-Ewropa kollha. Il-Linji Gwida baqgħu l-istess fl-2019. Fl-2020, ġew allinjati biex jiġu integrati elementi relatati mal-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
Flimkien mal-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi, il-linji gwida dwar l-impjiegi qegħdin jiġu ppreżentati bħala Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (il-Parti II tal-Linji Gwida Integrati) u jipprovdu l-bażi għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi fl-oqsma rispettivi.
L-objettivi u l-prijoritajiet ġenerali li ġew espressi fil-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi jibqgħu validi. F’konformità mal-Artikolu 148(2) tat-TFUE, il-validità tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi għall-2021 jeħtieġ li tiġi kkonfermata b’Deċiżjoni tal-Kunsill, wara li jiġu kkonsultati l-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat tal-Impjiegi.
Il-“Linji Gwida dwar l-Impjiegi” huma dawn li ġejjin:
Linja Gwida 5: Nagħtu spinta lid-domanda għax-xogħol
Linja Gwida 6: Insaħħu l-provvista ta’ ħaddiema u ntejbu l-aċċess għall-impjiegi, għall-ħiliet u għall-kompetenzi
Linja Gwida 7: Insaħħu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u l-effettività tad-djalogu soċjali
Linja Gwida 8: Nippromwovu l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, inrawmu l-inklużjoni soċjali u niġġieldu l-faqar
2021/0137 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 148(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 1 ,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 2 ,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 3 ,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi 4
Billi:
(1)L-Istati Membri u l-Unjoni jridu jaħdmu biex tiġi żviluppata strateġija koordinata għall-impjiegi u b’mod partikolari biex tiġi promossa forza tax-xogħol b’ħiliet, imħarrġa u adattabbli, kif ukoll swieq tax-xogħol li jkunu orjentati lejn il-ġejjieni u jwieġbu għat-tibdil ekonomiku, bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi ta’ livell massimu ta’ impjiegi u progress soċjali, tkabbir ibbilanċjat, livell għoli ta’ protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjent stabbilit fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri jridu jikkunsidraw il-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjoni ta’ interess komuni u jridu jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom f’dan ir-rigward fi ħdan il-Kunsill, filwaqt li jqisu l-prattiki nazzjonali marbutin mar-responsabbiltajiet ta’ min imexxi u tal-ħaddiema.
(2)L-Unjoni trid tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, kif ukoll l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal. Meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni trid tqis ir-rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjiegi, il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, livell għoli ta’ edukazzjoni u taħriġ u l-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem kif stabbilit fl-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
(3)F’konformità mat-TFUE, l-Unjoni żviluppat u implimentat strumenti ta’ koordinazzjoni tal-politika għall-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi. Bħala parti minn dawn l-istrumenti, il-Linji Gwida għall-Politiki dwar l-Impjiegi tal-Istati Membri (“il-Linji Gwida”) stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1512( 5 ), flimkien mal-Linji Gwida ġenerali għall-Politiki Ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184( 6 ), jiffurmaw il-Linji Gwida Integrati. Dawn għandhom jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-politika fl-Istati Membri u fl-Unjoni, li tirrifletti l-interdipendenza bejn l-Istati Membri. Is-sett li jirriżulta ta’ politiki u riformi kkoordinati Ewropej u nazzjonali jikkostitwixxi taħlita sostenibbli u ġenerali xierqa ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi li jenħtieġ li tikseb effetti kollaterali pożittivi.
(4)Il-Linji Gwida huma konsistenti mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni u ma’ inizjattivi varji tal-Unjoni, inkluż ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Ottubru 2020( 7 ), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2016( 8 ) , ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2016( 9 ), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2018( 10 ) , ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja( 11 ), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2019( 12 ) , ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019( 13 ), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2014( 14 ), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2020( 15 ), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar appoġġ attiv effettiv għall-impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19 (EASE) tal-4 ta’ Marzu 2021( 16 ) u r-[Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija Ewropea għat-Tfal( 17 )].
(5)Is-Semestru Ewropew jiġbor flimkien strumenti differenti f’qafas ġenerali għall-koordinazzjoni u s-sorveljanza ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi multilaterali integrati. Filwaqt li jsegwi s-sostenibbiltà ambjentali, il-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà, is-Semestru Ewropew jintegra l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u l-għodda ta’ monitoraġġ tiegħu, it-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali, u jipprevedi impenn qawwi mas-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra. Jappoġġa t-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Jenħtieġ li l-politiki dwar l-impjiegi u dawk ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri jimxu id f’id mat-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija b’impatt newtrali fuq il-klima, ambjentalment sostenibbli u diġitali, filwaqt li jtejbu l-kompetittività, jiżguraw kundizzjonijiet xierqa tax-xogħol, irawmu l-innovazzjoni, jippromwovu l-ġustizzja soċjali u l-opportunitajiet indaqs, kif ukoll jindirizzaw l-inugwaljanzi u d-disparitajiet reġjonali.
(6)It-tibdil fil-klima u l-isfidi relatati mal-ambjent, il-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, it-telexogħol, l-ekonomija tal-pjattaformi u t-tibdil demografiku se jittrasformaw l-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej. Jenħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jaħdmu flimkien biex jindirizzaw b’mod effettiv dawn il-fatturi strutturali u jadattaw is-sistemi eżistenti kif meħtieġ, filwaqt li jirrikonoxxu l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri u l-politiki relatati. Dan jirrikjedi azzjoni ta’ politika koordinata, ambizzjuża u effettiva kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali, f’konformità mat-TFUE u d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-governanza ekonomika. Jenħtieġ li azzjoni ta’ politika bħal din tinkludi spinta għall-investiment sostenibbli, impenn imġedded għal riformi b’sekwenza xierqa li jtejbu t-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, il-produttività, il-kundizzjonijiet xierqa tax-xogħol, il-koeżjoni soċjali u territorjali, il-konverġenza ’l fuq, ir-reżiljenza u l-eżerċizzju ta’ responsabbiltà fiskali. Jenħtieġ li tikkombina miżuri min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, filwaqt li tqis l-impatti tagħhom mil-lat ambjentali, soċjali u tal-impjiegi.
(7)Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni pproklamaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali( 18 ) (“il-Pilastru”). Il-Pilastru jistabbilixxi għoxrin prinċipju u dritt biex jappoġġaw swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb, strutturati madwar tliet kategoriji: opportunitajiet u aċċess indaqs għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni u inklużjoni soċjali. Il-prinċipji u d-drittijiet jagħtu direzzjoni lill-istrateġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżguraw li t-tranżizzjonijiet għan-newtralità klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali, id-diġitalizzazzjoni u l-bidla demografika jkunu soċjalment ekwi u ġusti. Il-Pilastru, flimkien mat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali li takkumpanjah, jikkostitwixxi qafas ta’ referenza għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-impjiegi u soċjali tal-Istati Membri, biex imexxi r-riformi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u biex jirrikonċilja s-suq “soċjali” u s-“suq” fl-ekonomija moderna tal-lum, inkluż permezz tal-promozzjoni tal-ekonomija soċjali. Fl-4 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ressqet Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ( 19 ), inkluż miri ewlenin ambizzjużi iżda realistiċi u submiri komplementari għall-2030 fl-oqsma tal-impjiegi, tal-ħiliet, tal-edukazzjoni u soċjali.
(8)Fit-8 ta’ Mejju 2021, il-Mexxejja tal-UE fis-Summit Soċjali ta’ Porto ( 20 ) rrikonoxxew il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bħala element fundamentali tal-irkupru filwaqt li nnutaw li l-implimentazzjoni tiegħu se ssaħħaħ l-isforz tal-Unjoni lejn tranżizzjoni diġitali, ekoloġika u ġusta u tikkontribwixxi għall-kisba ta’ konverġenza ekonomika u soċjali ’l fuq u għall-indirizzar tal-isfidi demografiċi. Enfasizzaw li d-dimensjoni soċjali, id-djalogu soċjali u l-involviment attiv tas-sħab soċjali huma fil-qalba ta’ ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna. L-Istati Membri sabu li l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li ppreżentat il-Kummissjoni pprovda gwida utli għall-implimentazzjoni tal-Pilastru, inkluż fl-oqsma tal-impjiegi, tal-ħiliet, tas-saħħa u tal-protezzjoni soċjali. Kienu sodisfatti bil-miri ewlenin il-ġodda tal-UE għall-2030 dwar l-impjiegi (78 % tal-popolazzjoni ta’ età ta’ bejn 20 u 64 sena jenħtieġ li jkollhom impjieg), il-ħiliet (60 % tal-adulti kollha jenħtieġ li jipparteċipaw f’taħriġ kull sena) u t-tnaqqis tal-faqar (ta’ mill-inqas 15-il miljun, inkluż ħames miljun tifel u tifla) u t-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali riveduta bil-ħsieb li jiġi mmonitorjat il-progress lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Soċjali bħala parti mill-qafas ta’ koordinazzjoni tal-politika fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Barra minn hekk, innutaw li, issa li l-Ewropa qed tibda tirkupra gradwalment mill-pandemija tal-COVID-19, il-prijorità se tkun li nimxu mill-protezzjoni għall-ħolqien tal-impjiegi u t-titjib tal-kwalità tal-impjiegi, u enfasizzaw li l-implimentazzjoni tal-prinċipji fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali se tkun essenzjali biex jiġi żgurat il-ħolqien ta’ aktar impjiegi u impjiegi aħjar għal kulħadd fil-qafas ta’ rkupru inklużiv. Fl-aħħar nett, l-Istati Membri enfasizzaw l-importanza li jiġi segwit mill-qrib, inkluż fl-ogħla livell, il-progress miksub lejn l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-miri ewlenin tal-UE għall-2030.
(9)Ir-riformi fis-suq tax-xogħol, inkluż il-mekkaniżmi nazzjonali għall-iffissar tal-pagi, jenħtieġ li jsegwu l-prattiki nazzjonali tad-djalogu soċjali, bil-ħsieb li jiġu pprovduti pagi ġusti li jippermettu livell ta’ għajxien deċenti u tkabbir sostenibbli. Jenħtieġ ukoll li jippermettu l-opportunità meħtieġa għal kunsiderazzjoni wiesgħa tal-kwistjonijiet soċjoekonomiċi, inkluż titjib fis-sostenibbiltà, fil-kompetittività, fl-innovazzjoni, fil-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, fil-faqar fost dawk li jaħdmu, fl-edukazzjoni u l-ħiliet, fis-saħħa pubblika u l-inklużjoni u fid-dħul reali. L-Istati Membri u l-Unjoni jenħtieġ li jiżguraw li l-impatt soċjali, tal-impjiegi u ekonomiku tal-kriżi tal-COVID-19 jittaffa u li t-tranżizzjonijiet ikunu soċjalment ġusti u xierqa. Jenħtieġ li jitkompla t-tisħiħ tal-irkupru u tal-isforz biex tiġi stabbilita soċjetà inklużiva u reżiljenti li fiha n-nies ikunu protetti u jkollhom is-setgħa biex jantiċipaw u jiġġestixxu l-bidla, u li fiha jistgħu jipparteċipaw attivament fis-soċjetà u fl-ekonomija. Hemm bżonn ta’ sett koerenti ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol li jikkonsistu f’inċentivi temporanji ta’ reklutaġġ u ta’ tranżizzjoni, politiki dwar il-ħiliet u servizzi tal-impjiegi imtejba biex jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol kif enfasizzat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) dwar appoġġ attiv effettiv għall-impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19 (EASE).
(10)Jenħtieġ li tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħha, tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jiġu appoġġati l-impjiegi taż-żgħażagħ. Jenħtieġ li jiġu żgurati l-aċċess u l-opportunitajiet għal kulħadd u jenħtieġ li jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, inkluż fejn jidħlu t-tfal, b’mod partikolari billi jiġu żgurati funzjonament effettiv tas-swieq tax-xogħol u sistemi tal-protezzjoni soċjali xierqa u inklużivi, u billi jitneħħew l-ostakli għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta’ investimenti fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u fil-ħiliet diġitali. L-aċċess f’waqtu u ugwali għal servizzi tal-kura fit-tul u tal-kura tas-saħħa bi prezz li jintlaħaq, inkluż il-prevenzjoni u l-promozzjoni tal-kura tas-saħħa, huwa partikolarment rilevanti, fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19 u f’kuntest ta’ soċjetajiet li qed jixjieħu. Jenħtieġ li l-persuni b’diżabbiltà li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u għall-iżvilupp soċjali jkomplu jilħqu l-potenzjal tagħhom. Mas-seħħ ta’ mudelli ekonomiċi u kummerċjali ġodda fil-postijiet tax-xogħol tal-Unjoni, ir-relazzjonijiet tax-xogħol qed jinbidlu wkoll. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-relazzjonijiet tax-xogħol li jirriżultaw minn forom ġodda ta’ xogħol iżommu u jsaħħu l-mudell soċjali tal-Ewropa.
(11)Jenħtieġ li l-Linji Gwida Integrati jsawru l-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kunsill jista’ jindirizza lill-Istati Membri. Minħabba n-natura politika komprensiva u li tħares ’il quddiem tal-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza u peress li l-Istati Membri kollha ppreżentaw tali pjanijiet, fl-2021 ma kienx hemm bżonn li l-Kummissjoni tipproponi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. Madankollu, il-Kummissjoni pproponiet rakkomandazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni baġitarja tal-Istati Membri fl-2021 kif previst skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.
(12)Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mir-REACT-EU( 21 ) li jirrinforza l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni sal-2023, mill-Fond Soċjali Ewropew Plus, mill-Faċilità l-ġdida għall-Irkupru u r-Reżiljenza ( 22 ) u fondi oħrajn tal-Unjoni, fosthom il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u InvestEU, biex irawmu l-impjiegi, l-investimenti soċjali, l-inklużjoni soċjali, u l-aċċessibbiltà, u jippromwovu l-opportunitajiet għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol, it-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ kwalità għolja għal kulħadd, inkluż il-litteriżmu u l-ħiliet diġitali. Filwaqt li l-Linji Gwida Integrati huma indirizzati lill-Istati Membri u lill-Unjoni, jenħtieġ li jiġu implimentati fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, bl-involviment mill-qrib tal-parlamenti, kif ukoll tas-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.
(13)Il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali jenħtieġ li jimmonitorjaw il-mod li bih il-politiki rilevanti jiġu implimentati fid-dawl tal-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi, skont il-mandati rispettivi tagħhom ibbażati fuq it-Trattat. Dawk il-kumitati u korpi preparatorji oħra tal-Kunsill involuti fil-koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi u soċjali jenħtieġ li jaħdmu flimkien mill-qrib. Jenħtieġ li jiġi sostnut id-djalogu dwar politiki bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri.
(14)Il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali ġie kkonsultat.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, kif stabbilit fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1512, jinżammu għall-2021 u għandhom jitqiesu mill-Istati Membri fil-politiki dwar l-impjiegi u fil-programmi tar-riformi tagħhom.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President