13.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/110


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta' Mejju 2014

li ttemm il-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta' ġebel agglomerat li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(2014/272/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

A.   PROĊEDURA

BIDU

(1)

F'Ġunju 2013 il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet proċediment antidumping fir-rigward ta' importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ġebel agglomerat li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u ppubblikat notifika ta' bidu f'Il Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(2)

Il-proċediment inbeda wara lment imressaq fl-14 ta' Mejju 2013 minn A.St.A Europe (“l-ilmentatur”) f'isem il-produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw iktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' ġebel agglomerat.

(3)

L-ilment kien jinkludi prima facie evidenza ta' dumping tal-prodott imsemmi u ta' ħsara tal-materjal li tirriżulta minnu li kienu biżżejjed biex jiġġustifikaw il-bidu.

(4)

Il-Kummissjoni informat lill-ilmentatur, lill-produtturi tal-Unjoni magħrufin oħra, lill-assoċjazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufin fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-PRC”), lir-rappreżentanti tal-PRC, lill-importaturi magħrufin, lill-produtturi tal-Unjoni magħrufin ta' materji primi u tagħmir għall-produzzjoni ta' ġebel agglomerat, lill-utenti magħrufin, lill-assoċjazzjoni tal-produtturi ta' materji primi u lill-assoċjazzjonijiet tal-utenti u l-konsumaturi tal-bidu tal-proċediment u tal-kwestjonarji mibgħuta. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu taż-żmien stipulat fin-notifika ta' bidu.

(5)

L-ilmentatur, il-produtturi l-oħra tal-Unjoni, il-produtturi esportaturi fil-PRC, l-importaturi u l-utenti taw il-fehmiet tagħhom. Il-partijiet interessati kollha, li talbu dan u wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingħataw smigħ.

B.   IRTIRAR TAL-ILMENT U TWAQQIF TAL-PROĊEDIMENT

(6)

Permezz ta' ittra tat-18 ta' Frar 2014 indirizzata lill-Kummissjoni, l-ilmentatur irtira l-ilment tiegħu.

(7)

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, proċediment jista' jintemm meta jiġi rtirat l-ilment, sakemm dan it-tmiem ma jkunx imur kontra l-interess tal-Unjoni.

(8)

L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda konsiderazzjoni li turi li dan it-tmiem imur kontra l-interess tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-proċediment attwali għandu jintemm. Il-partijiet interessati ġew informati b'dan u ngħataw opportunità li jikkummentaw. Madankollu, ma wasal l-ebda kumment.

(9)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-proċediment antidumping li jikkonċerna importazzjonijiet fl-Unjoni tal-ġebel agglomerat li joriġina fil-PRC għandu jitwaqqaf.

(10)

Din id-Deċiżjoni hija skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċediment antidumping li jikkonċerna importazzjonijiet fl-Unjoni ta' madum u oġġetti oħra ta' wiċċ ċatt, blokki jew ċangaturi ta' ġebel artifiċjali magħquda b'reżini jew ta' agglomerazzjoni ta' ġebel u/jew ħġieġ u/jew mera magħquda b'reżini li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex6810 11 90 , ex6810 19 00 , ex6810 91 00 , ex6810 99 00 , ex7016 10 00 , ex7016 90 40 , ex7016 90 70 u ex7020 00 80 hu b'hekk itterminat.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)   ĠU C 183, 28.6.2013, p. 21.