|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/646 |
28.3.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/646
tas-27 ta’ Marzu 2025
b'appoġġ għall-faċilitazzjoni tal-eżitu ta' suċċess tal-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2026 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (l-Istrateġija tal-UE tal-2003 kontra l-AQM), li tidentifika l-appoġġ għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP) bħala l-ewwel prijorità għal azzjoni fil-livell internazzjonali, u tappella għall-preservazzjoni tal-integrità u l-universalizzazzjoni tat-TNP, il-Ftehimiet ta' Salvagwardja tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), u l-protokolli mehmuża mat-TNP u l-Ftehimiet ta' Salvagwardja tal-IAEA. |
|
(2) |
F'konformità mal-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tal-2016, u l-Istrateġija tal-UE tal-2003 kontra l-AQM, l-azzjonijiet tal-Unjoni jibqgħu bbażati fuq il-konvinzjoni li approċċ multilaterali għas-sigurtà, inkluż id-diżarm u n-nonproliferazzjoni, huwa l-aħjar mod biex tinżamm l-ordni internazzjonali u biex inżommu, nimplimentaw u nsaħħu l-ftehimiet u t-trattati multilaterali dwar id-diżarm u n-nonproliferazzjoni. |
|
(3) |
Fi ħdan il-wegħda aktar ġenerali li jinżamm, jiġi appoġġat u jsir aktar progress fil-qafas tad-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi, il-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża adottata mill-Kunsill fil-21 ta' Marzu 2022 tirrifletti l-impenn kondiviż biex tkompli tiġi appoġġata ċ-ċentralità tat-TNP u tiġi enfasizzata l-ħtieġa li jiġu implimentati l-obbligi kollha taħtha, kif ukoll l-implimentazzjoni ta' impenji ta' Konferenzi ta' Reviżjoni preċedenti tal-Partijiet għat-TNP, inkluż il-ħtieġa għal progress konkret lejn l-implimentazzjoni sħiħa tal-Artikolu VI tat-TNP, bl-għan aħħari tal-eliminazzjoni totali tal-armi nukleari. |
|
(4) |
L-Unjoni qed tinvolvi ruħha b'mod attiv fiċ-ċiklu ta' reviżjoni attwali tat-TNP. Iċ-ċiklu attwali ser jikkonkludi bil-Ħdax-il Konferenza ta' Reviżjoni tal-Partijiet għat-TNP, li għandha ssir fi New York f'April u f’Mejju 2026. |
|
(5) |
L-Unjoni tqis it-TNP bħala s-sisien tar-reġim globali ta' nonproliferazzjoni nukleari, il-pedament essenzjali biex jinkiseb id-diżarm nukleari f'konformità mal-Artikolu VI tiegħu, u element importanti fl-iżvilupp ulterjuri tal-applikazzjoni tal-enerġija nukleari għal finijiet paċifiċi. F'dan ir-rigward, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2005/329/PESK (1), id-Deċiżjoni 2010/212/PESK (2), il-Konklużjonijiet dwar id-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (3), u l-Konklużjonijiet dwar l-Għaxar Konferenza ta' Reviżjoni tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (4). |
|
(6) |
L-Unjoni tkellmet b'mod konsistenti favur aktar inklużività, kif ukoll l-iżvilupp ulterjuri tal-approċċ reġjonali adottat fiċ-ċiklu ta' reviżjoni preċedenti, fil-kuntest tad-diskussjonijiet dwar it-tisħiħ ulterjuri tal-proċess ta' reviżjoni tat-TNP, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-Unjoni għandha tappoġġa attivitajiet li għandhom l-għan li jiffaċilitaw eżitu b'suċċess tal-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2026 tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP) billi tippromwovi inklużività akbar u l-konsolidazzjoni tal-approċċ reġjonali fiċ-ċiklu ta' reviżjoni attwali, filwaqt li żżomm u tippreserva l-integrità tat-TNP permezz ta' fokus ibbilanċjat fuq it-tliet pilastri ta' importanza indaqs u li jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku: id-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari.
2. Sabiex tikseb l-għan imsemmi fil-paragrafu 1, l-Unjoni għandha tappoġġa proġett fir-rigward tal-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2026, bl-attivitajiet li ġejjin:
|
(a) |
torganizza massimu ta' erba' laqgħat reġjonali fl-Afrika, l-Asja u l-Paċifiku, l-Amerka Latina u l-Karibew, u l-Lvant Nofsani; |
|
(b) |
torganizza żewġ avvenimenti sekondarji, wieħed matul it-tmien sessjoni tal-Ewwel Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, u ieħor matul il-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2026, biex tingħata informazzjoni dwar ir-riżultati u l-konklużjonijiet tal-laqgħat reġjonali msemmija hawn fuq; u |
|
(c) |
tappoġġa u tiżgura l-parteċipazzjoni fil-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2026, permezz tal-isponsorizzazzjoni ta' delegat wieħed mill-belt kapitali, mill-akbar numru possibbli ta' Stati Partijiet, b'minimu ta' tlieta. |
Deskrizzjoni dettaljata ta' dan il-proġett tinsab fl-Anness.
Artikolu 2
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-Rappreżentant Għoli) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
2. L-implementazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet tad-Diżarm (UNODA).
Artikolu 3
1. L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 988 941,12.
2. In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta' referenza finanzjarja stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tal-ammont ta' referenza finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mal-UNODA. Il-ftehim ta' finanzjament għandu jistipula li l-UNODA għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, b'mod adatt għad-daqs tagħha.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà li tirrigwarda dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni ta' dak il-ftehim ta' finanzjament.
Artikolu 4
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mħejjija mill-UNODA. Ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni li għandha titwettaq mill-Kunsill.
2. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 5
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 18-il xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, hija għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk f'dak il-perjodu ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim ta' finanzjament.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Marzu 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
P. HENNIG-KLOSKA
(1) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2005/329/PESK tal-25 ta' April 2005 rigward il-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2005 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni ta' Armi Nukleari (ĠU L 106, 27.4.2005, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2005/329/oj).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/212/PESK tad-29 ta' Marzu 2010 relatata mal-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2010 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni tal-Armi Nukleari (ĠU L 90, 10.4.2010, p. 8, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/212/oj).
(3) Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari. Dokument tal-Kunsill ST 8079/15.
(4) Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Għaxar Konferenza ta' Reviżjoni tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP). Dokument tal-Kunsill ST 13243/21.
ANNESS
Il-faċilitazzjoni ta' eżitu ta' suċċess tal-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2016 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari
Kuntest
L-isfidi attwali għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari huma kemm magħrufa sew kif ukoll serji. L-ambjent ġeostrateġiku attwali ra żieda fil-livelli ta' riskju, inkluż ir-riskju tal-użu tal-armi nukleari u l-konflitt. Hemm sinjali emerġenti ta' tellieqa ġdida possibbli tal-armi nukleari. Il-kundizzjonijiet ġeostrateġiċi qed jalimentaw il-muturi tal-proliferazzjoni nukleari, u kriżijiet reġjonali b'implikazzjonijiet nukleari jistgħu jinxterdu lejn stati b'armi nukleari, b'konsegwenzi potenzjalment katastrofiċi.
Madankollu, il-valur tat-TNP għadu rikonoxxut u rispettat b'mod ġenerali u jeżisti għarfien kondiviż tal-valur tat-tisħiħ tat-Trattat u tal-proċess ta' reviżjoni tiegħu. Is-suċċess fil-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2026 huwa realistiku u jista' jinkiseb, iżda jeħtieġ konsultazzjonijiet wesgħin u apprezzament tal-prijoritajiet ta' firxa wiesgħa kemm jista' jkun ta' Stati Partijiet, u firxa varjata ta' partijiet ikkonċernati fi ħdan l-Istati Partijiet, b'mod partikolari dawk li qabel setgħu ma kinux involuti fil-fond fit-TNP.
Tul l-istorja tiegħu ta' ħames deċennji, it-TNP wera li huwa robust u adattabbli. Dan jibqa' l-ftehim multilaterali dwar id-diżarm li l-adeżjoni għalih hija l-aktar mifruxa, għal erba' raġunijiet ewlenin:
|
— |
L-obbligi legalment vinkolanti tiegħu dwar id-diżarm nukleari, inkluż għall-ħames Stati b'armi nukleari; |
|
— |
Is-salvagwardji verifikabbli tiegħu għan-nonproliferazzjoni, issorveljati mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika; |
|
— |
L-obbligu tiegħu li jiffaċilita l-benefiċċji paċifiċi tax-xjenza u t-teknoloġija nukleari, inkluż l-insegwiment ta' żvilupp sostenibbli; u |
|
— |
L-adeżjoni kważi universali għalih, b'191 Stat li ngħaqdu mat-trattat, li jfisser li d-dispożizzjonijiet tiegħu huma vinkolanti għall-maġġoranza l-kbira tal-komunità internazzjonali. |
Mill-estensjoni indefinita tat-TNP fl-1995, Konferenzi ta' Reviżjoni suċċessivi kull ħames snin fittxew modi biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tat-Trattat, inkluż permezz ta' passi prattiċi u pjan ta' azzjoni biex fl-aħħar mill-aħħar tinkiseb dinja ħielsa mill-armi nukleari. Fl-1995, l-2000 u l-2010, il-Konferenzi ta' Reviżjoni tat-TNP adottaw settijiet ta' impenji u obbligi li saħħew l-implimentazzjoni tat-Trattat fit-tliet “pilastri” kollha tiegħu – id-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-użi paċifiċi – u saħħew il-kompromess kbir fil-qalba tiegħu.
Madankollu, il-Konferenzi ta' Reviżjoni tat-TNP fl-2015 u l-2022 naqsu milli jaqblu dwar dokument ta' eżitu sostantiv. B'konsegwenza ta' dan, it-TNP jinsab f'salib it-toroq.
Suċċess fil-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2026 ser isaħħaħ ir-rwol tat-Trattat bħala s-sisien tar-reġim globali ta' nonproliferazzjoni nukleari, il-pedament essenzjali biex jinkiseb id-diżarm nukleari f'konformità mal-Artikolu VI tiegħu, u element importanti fl-iżvilupp tal-applikazzjonijiet tal-enerġija nukleari għal finijiet paċifiċi. Dan ser ikun kritiku biex jiġi enfasizzat u msaħħaħ il-valur dejjiemi tiegħu; ir-rwol tiegħu bħala l-korp multilaterali de facto għan-negozjati dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-armi nukleari; u l-benefiċċji tanġibbli tiegħu fil-qasam tas-sigurtà.
Konferenza ta' Reviżjoni ta' suċċess ser teħtieġ approċċ bilanċjat għat-tliet pilastri kollha tat-Trattat. Ser ikun meħtieġ ukoll li jinbdew it-tħejjijiet ferm qabel il-Konferenza u President b'fehim tal-isfumaturi tal-pożizzjonijiet kollha tal-Istati partijiet u li jkun kiseb il-fiduċja tagħhom ser ikun ta' benefiċċju. Djalogu regolari bejn l-Istati partijiet u l-President nominat u l-uffiċċju tiegħu/tagħha, dwar kif jingħelbu l-ostakli għas-suċċess fl-2026 huwa essenzjali u kien ċentrali għall-abbozzar tad-dokument ta' eżitu finali fl-2022 li ntlaħaq qbil dwaru mill-Istati kollha ħlief wieħed, minkejja ambjent internazzjonali diffiċli.
Dan jista' jinkiseb l-aħjar permezz ta' involviment reġjonali u fuq il-post fl-ogħla livelli possibbli, kif ukoll ma' esperti f'Ġinevra, New York u Vjenna. Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-bliet kapitali, u fil-firxa ta' entitajiet tal-gvern, għandhom interess ċar li jżommu TNP b'saħħtu – kemm jekk huma parlamentari, regolaturi nukleari jew aġenziji tal-iżvilupp u ministeri għad-difiża. Il-pass kritiku jinsab fil-fehim tal-pożizzjonijiet ta' dawn id-diversi partijiet ikkonċernati, u l-bini tal-appoġġ bejniethom.
Permezz tal-Għaxar Ċiklu ta' Reviżjoni tat-TNP, fit-tħejjija għall-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2022, il-President nominat – bis-saħħa tal-appoġġ ġeneruż tal-Unjoni Ewropea – wettaq sensiela ta' konsultazzjonijiet reġjonali fl-Asja-Paċifiku, l-Afrika u l-Amerka Latina. Dawn il-konsultazzjonijiet intlaqgħu tajjeb mill-Istati ta' dawk ir-reġjuni, peress li dawn taw aċċess lill-Presidenti tal-Kumitat Preparatorju għal esperti fil-bliet kapitali, opportunità għal djalogu għall-Istati mingħajr ir-riżorsi biex iżommu delegazzjonijiet kbar fi New York, Ġinevra jew Vjenna, u okkażjonijiet importanti għal diskussjoni dwar il-prijoritajiet reġjonali ewlenin. Billi dawn il-konsultazzjonijiet stabbilew konverżazzjoni bidirezzjonali bejn il-President innominat u l-gvernijiet reġjonali, dawn wittew it-triq għall-appoġġ tal-Istati partijiet kollha ħlief wieħed għall-abbozz tad-dokument ta' eżitu fl-2022.
B'rabta ma' dan, eżitu sinifikanti u ta' suċċess fil-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2026 ser jirrikjedi wkoll approċċi diversi u inklużivi, inkluż dwar il-parteċipazzjoni ta' delegazzjonijiet minn kemm jista' jkun Stati Partijiet, b'mod partikolari dawk minn bliet kapitali, li qabel setgħu ma kellhomx il-possibbiltà li jipparteċipaw. Billi jibda mill-premessa li n-negozjati dwar in-nonproliferazzjoni nukleari u d-diżarm huma aktar ta' suċċess u aktar dejjiema meta l-konverżazzjonijiet jippermettu opinjonijiet u perspettivi ta' Stati differenti, il-proġett jipproponi programm ta' sponsorizzazzjoni.
Dan il-benefiċċju nett għall-Konferenza ta' Reviżjoni jista' jinkiseb permezz tal-isponsorizzazzjoni tal-ivvjaġġar, mill-ibliet kapitali tagħhom, ta' delegati li altrimenti ma jkunux jistgħu jattendu l-Konferenza. B'dan il-mod, tinżamm ir-rabta bejn il-portata tal-konsultazzjonijiet reġjonali fuq il-post u l-Konferenza ta' Reviżjoni stess fi New York, u b'hekk il-potenzjal għal approċċi aktar innovattivi u effettivi għall-isfidi eżistenti.
1. Objettiv u għanijiet tal-proġett
L-objettiv tal-proġett huwa li jgħin biex jiġi ffaċilitat is-suċċess tal-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2026 li ssaħħaħ l-implimentazzjoni tat-TNP fit-tliet pilastri kollha tiegħu. Il-proġett ifittex li jilħaq dak l-għan permezz ta' sensiela ta' konsultazzjonijiet fil-bliet kapitali reġjonali li ser a) jgħinu biex titqajjem sensibilizzazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati fil-bliet kapitali dwar kwistjonijiet ewlenin li qed jiffaċċa t-Trattat u b) jiżguraw li t-tmexxija tal-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2026 tiżviluppa fehim dettaljat tal-prijoritajiet u t-tħassib tal-Istati Partijiet kollha. Approċċ bħal dan jibni fuq l-approċċ reġjonali li fil-biċċa l-kbira kien ta' suċċess meħud matul l-aħħar ċiklu ta' reviżjoni, għalkemm b'firxa usa' ta' partijiet ikkonċernati.
L-għanijiet ewlenin:
|
1. |
Li jinkiseb għarfien u fehim dwar it-tħassib u l-prijoritajiet għaċ-ċiklu ta' reviżjoni tat-TNP tal-2026, f'firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati fl-Istati Partijiet kollha, inkluż billi jiġu żgurati l-inklużività u d-diversità tal-parteċipazzjoni fil-Konferenza ta' Reviżjoni. |
|
2. |
Li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-ostakli, iżda wkoll dwar l-oqsma potenzjali ta' konverġenza abbażi tal-ħafna benefiċċji li jipprovdi t-TNP, inkluż permezz tal-inkorporazzjoni ta' firxa usa' u differenti ta' ilħna, bħal esperti tekniċi minn aġenziji regolatorji u fakultajiet xjentifiċi, kif ukoll dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet bħall-membri parlamentari, bil-konsiderazzjoni dovuta mogħtija għall-iżgurar tal-bilanċ bejn il-ġeneri kemm tal-esperti kif ukoll tal-parteċipanti. |
|
3. |
Li tinbena fiduċja bejn l-Istati u l-President nominat sabiex jiġu żviluppati r-relazzjonijiet b'saħħithom meħtieġa biex jiġi jiffaċilitat is-suċċess tal-Konferenza ta' Reviżjoni . |
|
4. |
Li jitħeġġu l-flessibilità u l-kompromess mill-Istati fir-rigward tal-Konferenza ta' Reviżjoni, u biex jitfittxu ideat għal fejn jinkisbu bażi komuni u jingħelbu d-differenzi. |
|
5. |
Li jiġu żviluppati kontributi għal strateġija li tipproduċi eżitu ta' suċċess fil-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2026, inkluż il-konsiderazzjoni ta' ideat innovattivi tal-karatteristiċi ta' eżitu possibbli li jiżgura l-implimentazzjoni msaħħa tat-Trattat. |
2. Attivitajiet
2.1. Konsultazzjonijiet reġjonali
2.1.1. Għan
L-għan ta' kull laqgħa reġjonali huwa li jissaħħaħ il-fehim tas-sitwazzjoni attwali, jiġu diskussi l-għażliet għal impenn kooperattiv, jiġu ġġenerati soluzzjonijiet u jinbnew relazzjonijiet biex tiġi ffaċilitata konklużjoni b'suċċess għall-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2026.
2.1.2. Temi
Il-laqgħat reġjonali fl-Asja-Paċifiku, l-Afrika, u l-Amerka Latina u l-Karibew, ser ikopru t-tliet pilastri kollha tat-TNP u jindirizzaw il-kwistjonijiet ewlenin li jaffettwaw it-TNP u l-Istati partijiet tiegħu, abbażi ta' deliberazzjonijiet fis-sessjonijiet tal-Kumitat Preparatorju tat-TNP, u meqjusa mil-lenti tal-prijoritajiet u t-tħassib reġjonali. Dan it-tħassib jinkludi iżda mhux limitat għal: l-implimentazzjoni tal-impenji li saru f'ċikli ta' reviżjoni preċedenti; ir-riżoluzzjoni tad-differenzi dwar kif tinkiseb u tinżamm dinja ħielsa mill-armi nukleari; it-tisħiħ tar-reġim tan-nonproliferazzjoni; l-aċċess għall-benefiċċji ta' użi paċifiċi tat-teknoloġija nukleari, inkluż biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; u t-tisħiħ tal-proċess ta' reviżjoni tat-TNP.
Il-laqgħa reġjonali tal-Istati Partijiet għat-TNP fil-Lvant Nofsani tkopri t-tliet pilastri kollha tat-TNP. Barra minn hekk, tindirizza l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni tat-TNP tal-1995 dwar il-ħolqien ta' żona fil-Lvant Nofsani ħielsa minn armi nukleari u mill-armi l-oħra kollha ta' qerda massiva. Avvenimenti reċenti, bħal żviluppi reċenti fir-reġjun jew il-miġja tal-Konferenza b'mandat mill-Assemblea Ġenerali dwar l-istabbiliment ta' Żona tal-Lvant Nofsani ħielsa minn armi nukleari u armi oħra ta' qerda massiva, u l-isfidi li din il-kwistjoni tista' toħloq għal eżitu ta' suċċess fl-2026, jiġġustifikaw approċċ bħal dan.
2.1.3. Format
Il-laqgћat reġjonali ser jiddependu prinċipalment fuq konsultazzjonijiet interattivi. F'kull laqgħa reġjonali, il-President nominat ser jingħata l-opportunità li jippreżenta s-sitwazzjoni attwali dwar iċ-ċiklu ta' reviżjoni. Imbagħad issir sensiela ta' mistoqsijiet lill-Istati, bl-għan li jiġi stimulat impenn interattiv ta' stil "mistoqsija u tweġiba".
Il-laqgħat ser jużaw ukoll panels ta' esperti reġjonali biex jiġġeneraw diskussjonijiet u ideat.
L-istess format jintuża għal laqgħat addizzjonali ma' partijiet ikkonċernati mhux governattivi.
Il-parteċipazzjoni tkun immirata kemm fil-livell tal-esperti kif ukoll f'dak tat-teħid tad-deċiżjonijiet.
2.1.4. Post
Il-laqgħat reġjonali huma mfassla biex jappoġġaw l-interazzjoni mal-gvernijiet minn reġjuni speċifiċi fit-tħejjija għall-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2026. Qed jiġu ssuġġeriti dawn l-erba' laqgħat reġjonali li ġejjin:
|
Pajjiżi minn reġjuni/sottoreġjuni: |
Post issuġġerit: |
|
Afrika (2025) |
Addis Ababa |
|
Amerka Latina/Karibew (2026) |
Belt tal-Messiku |
|
Asja-Paċifiku (2025) |
Bangkok |
|
Lvant Nofsani (2026) |
Amman |
2.1.5. Skeda
L-erba' laqgћat reġjonali ser isiru f'perijodu ta' għaxar xhur, bejn Ġunju 2025 u Marzu 2026. L-iskeda u s-sekwenza eżatti (jiġifieri l-ordni tar-reġjuni koperti) tal-laqgħat reġjonali ser jiġu ddeterminati mill-aġenzija ta' implimentazzjoni, f'konsultazzjoni mal-President nominat tal-Konferenza ta' Reviżjoni u l-UE, b'kont meħud tal-kalendarju tan-NU dwar id-diżarm. Kull laqgħa reġjonali ser iddum sa jumejn.
2.1.6. Responsabbiltajiet tal-aġenzija ta' implementazzjoni
Tħejjija sostantiva:
|
|
F'konsultazzjoni mal-President nominat tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2026, l-aġenzija ta' implimentazzjoni ser tiżviluppa s-sustanza tal-laqgħat reġjonali, u l-aġenda u l-għażla tal-kelliema / l-esperti. |
Appoġġ loġistiku u tal-laqgħat:
|
|
L-aġenzija ta' implimentazzjoni, flimkien mal-Istati reġjonali ospitanti, ser timplimenta l-arranġamenti loġistiċi (l-ibbukkjar tal-postijiet, l-organizzazzjoni tal-catering, it-tagħmir awdjoviżiv, l-arranġamenti tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti u l-esperti, eċċ) għal-laqgћat reġjonali. |
2.2. Sponsorizzazzjoni
2.2.1. Għan
Li appoġġata u żgurata l-parteċipazzjoni, permezz tal-isponsorizzazzjoni ta' persuna waħda għal kull delegazzjoni, minn kemm jista' jkun Stati Parti, u minimu ta' tlieta, fil-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2026, inkluż billi tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ta' delegati minn bliet kapitali li tradizzjonalment ma kinux f'pożizzjoni li jagħmlu dan.
2.2.2. Approċċ / Kriterji
Delegati sponsorjati jintgħażlu minn Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDC), minn pajjiżi li jirċievu l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) (abbażi tal-Lista ta' pajjiżi tal-ODA tal-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp) jew minn Stati Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw. Kriterji addizzjonali għall-programm ta' sponsorizzazzjoni ser ikunu rappreżentanza reġjonali ekwa u ekwitàtal-ġeneru.
2.2.3. Responsabbiltajiet tal-aġenzija ta' implementazzjoni
L-aġenzija ta' implimentazzjoni ser tipprovdi l-arranġamenti meħtieġa għall-allowance għall-ivvjaġġar u għas-sussistenza ta' kuljum għad-delegati magħżula biex jattendu.
2.3. Żewġ avvenimenti paralleli
2.3.1. Għan
Avveniment sekondarju wieħed huwa previst li jsir matul l-Ewwel Kumitat (UNGA80), u wieħed ser isir fil-marġini tal-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2026 innifisha.
2.3.2. Temi
Huwa maħsub li l-ewwel avveniment sekondarju, matul l-Ewwel Kumitat tal-UNGA80 ser iservi biex jipprovdi introduzzjoni u reviżjoni tal-istatus taż-żewġ konsultazzjonijiet reġjonali li ser ikunu saru f'dak l-istadju. Dan ikun jinkludi informazzjoni mill-President nominat dwar il-ħidma mwettqa sa dak il-punt, inkluż kwalunkwe riżultat preliminari. It-tieni avveniment sekondarju, li ser isir matul il-Konferenza ta' Reviżjoni nnifisha, iservi biex jiġu kondiviżi r-riżultati u l-konklużjonijiet finali. Sabiex jiżdied l-impatt tas-sejbiet, dan l-avveniment sekondarju għandu jsir kmieni fil-Konferenza ta' Reviżjoni, idealment matul l-ewwel ġimgħa tagħha.
2.3.3. Format
Il-President nominat ser jinforma lill-Istati partijiet dwar l-iżviluppi u s-sejbiet, jiddeskrivi l-isfidi u l-opportunitajiet u jissuġġerixxi approċċi possibbli. L-avveniment ikun jinvolvi sessjonijiet interattivi ta' mistoqsijiet u tweġibiet bejn il-President nominat u dawk li qed jattendu, maħsub biex jinkludi delegati mill-Istati Partijiet kif ukoll mis-soċjetà ċivili.
2.3.4. Post
Kwartieri ġenerali tan-NU (New York)
2.3.5. Responsabbiltajiet tal-aġenzija ta' implementazzjoni
Tħejjija sostantiva:
|
|
F'konsultazzjoni mal-President nominat, l-aġenzija ta' implimentazzjoni ser tiżviluppa s-sustanza tal-avvenimenti sekondarji, kif ukoll l-aġenda u l-għażla ta' kelliema / esperti. |
Loġistika u servizzi tal-konferenzi:
|
|
L-aġenzija ta' implimentazzjoni ser timplimenta l-arranġamenti loġistiċi (l-ibbukkjar tal-postijiet, l-organizzazzjoni tal-catering, it-tagħmir awdjoviżiv). |
3. Viżibbiltà tal-UE
L-aġenzija ta' implimentazzjoni għandha tieħu l-miżuri kollha xierqa biex tirreklama l-fatt li dan il-proġett ġie ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. L-appoġġ tal-Unjoni ser ikun enfasizzat matul il-preżentazzjonijiet u l-laqgħat ta' informazzjoni pubbliċi u privati tal-President nominat. L-appoġġ tal-Unjoni ser jiġi rikonoxxut ukoll fl-istediniet u f'materjal miktub ieħor li jiġi kondiviż mal-parteċipanti fid-diversi attivitajiet. L-aġenzija ta' implimentazzjoni ser tiżgura li l-Unjoni ser tkun irrappreżentata fl-avvenimenti kollha li huma appoġġati f'dan il-proġett.
4. Aġenzija ta' implimentazzjoni
L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta' Diżarm (il-Fergħa tal-Armi ta' Qerda Massiva).
5. Persunal – Persunal tal-proġett: Konsulent fil-livell B/C u assistent amministrattiv part-time fil-livell G-5
Minħabba l-kapaċità limitata tal-persunal fi ħdan il-Fergħa tal-Armi ta' Qerda Massiva tal-UNODA, huwa previst li l-appoġġ ta' konsulent fil-livell B/C (ekwivalenti għal membru tal-persunal P3) u assistent part-time fil-livell G-5 ikun meħtieġ biex jissorvelja l-aspetti sostantivi u amministrattivi/organizzattivi tal-proġett. Dawn ser jinkludu l-iżvilupp tal-aġendi u l-materjali meħtieġa tal-laqgħat reġjonali, l-identifikazzjoni u aktar tard il-ġbir tal-fehmiet tal-parteċipanti, it-tħejjija tas-sommarji tal-laqgħat u l-għoti ta' kontributi għar-rapport finali. Barra minn hekk, il-persunal ta' appoġġ ser ikun responsabbli għall-arranġamenti loġistiċi, inkluż l-ibbukkjar tal-post u l-arranġamenti tal-ivvjaġġar għall-parteċipanti u l-esperti.
Il-membri tal-persunal inkwistjoni jirrapportaw lura lill-Kap tal-Fergħa tal-Armi ta' Qerda Massiva.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/646/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)