|
8.12.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 457/3 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-7 ta’ Diċembru 2016
dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal isem fis-settur tal-inbid
(Darnibole (DOP))
(2016/C 457/03)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 97(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Renju Unit applika għall-protezzjoni tal-isem “Darnibole” skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 dwar il-protezzjoni tad-deżinjazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi fis-settur tal-inbid. B’konformità mal-Artikolu 97(2) ta’ dak ir-Regolament, l-applikazzjoni tar-Renju Unit ġiet eżaminata mill-Kummissjoni. |
|
(2) |
Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 93 sa 96, l-Artikolu 97(1), u l-Artikoli 100 sa 102 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 huma sodisfatti. |
|
(3) |
Sabiex tkun tista’ ssir il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandu għalhekk jippubblika d-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) ta’ dak ir-Regolament u r-referenza tal-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott magħmula matul il-proċedura nazzjonali preliminari għall-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem “Darnibole”, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu Uniku
Id-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-referenza tal-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għall-isem “Darnibole” (DOP) huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni tikkonferixxi l-eċċezzjoni tal-eskussjoni għall-protezzjoni tal-isem speċifikat fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu fi żmien xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2016.
Għall-Kummissjoni
Phil HOGAN
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
ANNESS
DOKUMENT UNIKU
1. Isem/ismijiet li għandhom jiġu rreġistrati
Darnibole
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
DOP - Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta
3. Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli
|
1. |
Inbid |
4. Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed
Likwidu ċar, brillanti u pur, ta’ kulur ħafif, bajdani ħafna, bi ħjiel ta’ lewn ta’ lumi/ħadrani hekk kif tagħtih tidwira fit-tazza. Pur u frisk, aroma ta’ intensità medja b’espressjon tal-varjetà tal-għenba Bacchus, kwalità minerali, kważi fumigata. Bacchus xott ħafna, assolutament pur, bi ħjiel ta’ bżar abjad fl-aħħar. Barra minn hekk, għandu dawn kollha li ġejjin jew uħud minnhom:
Frisk b’espressjoni ta’ minerali li tlesti l-palat għal ħjiel ta’ tuffieħ jew ta’ ribes li jibda fuq quddiem u jippersisti sal-aħħar. Xi minn daqqiet, fl-aħħar jitfaċċa ħjiel ta’ ħawħ abjad u kumkwat u ħjiel ta’ ħaxix frisk. Fih inqas togħmiet ovvji ta’ frott u huwa aktar minerali minn varjetajiet oħrajn ta’ Bacchus.
Karatteristiki analitiċi ġenerali
|
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% ta’ volum) |
15 |
|
Qawwa alkoħolika attwali minima (f’% ta’ volum) |
10 |
|
Aċidità totali minima |
sitta (6) fi grammi għal kull litru espressa bħala aċidu tartariku |
|
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru) |
18 |
|
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru) |
150 |
5. Metodi tal-produzzjoni tal-inbid
a. Prattiki enoloġiċi essenzjali
Metodi Enoloġiċi Speċifiċi
Metodi enoloġiċi speċifiċi:
|
— |
Sistema ta’ ċineg trasportaturi li tippermetti għażla ta’ għeneb ta’ kwalità. |
|
— |
Pressjoni pnewmatika tal-għasir massima ta’ 1,5 bar. |
|
— |
Fermentazzjoni bierda b’temperatura ta’ 16 °C u dik massima ta’ 18 °C. |
|
— |
Id-Darnibole jrid isir fil-fabbrika tal-inbid biswit, f’Camel Valley. |
Ebda prodott mill-annimali ma jista’ jintuża għal xi parti tal-proċessi, pereżempju, l-ebda ġelatina.
Restrizzjonijiet rilevanti dwar il-produzzjoni tal-inbid:
Jinqata’ bl-idejn; it-tisħiq irid jibda fi żmien sagħtejn (2) mit-tlestija tal-qtugħ; jinsaħaq bir-rombli; l-għasir pnewmatiku bil-bużżieqa; sedimentazzjoni kiesħa b’temperatura ta’ 4 °C; tiswib ħafif, ħmira aromatika, fermentazzjoni kiesħa b’temperatura ta’ 16 °C, tiswib bi Gravità Speċifika ta’ 1000, fermentazzjoni totali, irfinar, ebda prodotti mill-annimali, stabilità ta’ proteina u tartrat, tisfija sterili, analiżi ta’ qabel l-ibbottiljar, ibbottiljar b’tapp bil-kamin. Reġistrar bir-reqqa tal-proċessi kollha.
Prattika kulturali:
Sistema ta’ żabra bl-idejn Guyot, singola jew doppja. Żbir bl-idejn kif xieraq, tirqim tal-ħajt tal-weraq tad-dielja u tneħħija tal-għeniqed ta’ frott/weraq kif xieraq. Qtugħ bl-idejn, għażla tal-frott ta’ kwalità.
b. Ħsad massimu
Tunnellati u ettolitri:
8 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru
6. Żona demarkata
Iż-żona kollha ta’ 5 ettari, demarkata bħala Darnibole, tinsab fuq żona ta’ saff antik ta’ lavanja ta’ taħt il-ħamrija li fil-Punent tagħha tmiss ma’ żona totalment differenti ta’ ħamrija ta’ ramel alluvjali (il-qiegħ antik tax-xmara River Camel) u fil-Lvant l-art issir aktar ċatta u tipprovdi inklinazzjoni mhux daqstant wieqfa u dan l-aspett jiffaċċja wkoll kemxejn fil-Lvant tan-Nofsinhar. Fin-nofsinhar, iż-żona tad-Darnibole għal darb’oħra tmiss mal-ħamrija antika ta’ qiegħ ix-xmara River Camel filwaqt li fit-Tramuntana, l-art hija ‘l fuq mill-faxxa termali ottimali. Il-ferrovija li m’għadhiex tintuża (li saret il-Camel Trail) tiddemarka l-konfini tan-Nofsinhar. Darnibole huwa l-isem antik ta’ Delabole, barriera tal-lavanja fil-qrib.
7. Għeneb tal-inbid ewlieni
Bacchus
8. Deskrizzjoni tal-rabta/rabtiet
Iż-żona Darnibole tinsab eżattament fin-nofs ta’ Cornwall. Iż-żona għandha kwantità ideali ta’ xita u Darnibole tinsab direttament fl-iktar faxxa termali sħuna ta’ Camel Valley. Iż-żona kollha ta’ 5 ettari demarkata bħala Darnibole tinsab fuq żona ta’ ħamrija antika tal-Perjodu Devonjan u saff antik ta’ lavanja ta’ taħt il-ħamrija. Is-saffi antiki ta’ lavanja ta’ taħt il-ħamrija huma magħrufa mad-dinja kollha, b’mod partikolari fil-Ġermanja, minħabba l-effett benefiku tagħhom fuq il-produzzjoni tal-għeneb u l-kwalità tal-inbid. Il-ħsad massimu huwa riżukltat tal-esperjenza. L-intensità distintiva, l-aroma, il-konsistenza fil-ħalq u t-togħma fina huma riżultat ta’ staġun twil ta’ tkabbir b’temperatura massima tas-sajf ta’ inqas mill-medja, li tagħti kwalità minerali, fina u mrażżna u karatteristtika ta’ tuffieħ jew ta’ ribes.
9. Kundizzjonijiet essenzjali oħra
Qafas ġuridiku:
Fil-leġiżlazzjoni tal-UE
Tip ta’ kundizzjoni supplimentari:
L-ippakkjar isir fiż-żona demarkata
Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:
Ma japplikaw ebda restrizzjonijiet fuq l-ibbottiljar
Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott
https://www.gov.uk/government/uploads/system/uploads/attachment_data/file/82477/darnibole-specification.pdf