SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Sitt Awla)
9 ta’ Settembru 2009 ( *1 )
“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti Komunitarja — Sigurtà u sorveljanza ta’ bini tal-Kummissjoni fil-Lussemburgu — Ċaħda tal-offerta ta’ offerent — Trattament ugwali — Aċċess għal dokumenti — Protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Obbligu ta’ motivazzjoni — Trasferiment ta’ impriża — Rikors għad-danni”
Fil-Kawża T-437/05,
Brink’s Security Luxembourg SA, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn C. Point u G. Dauphin, avukati,
rikorrenti
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. Manhaeve, M. Šimerdová u K. Mojzesowicz, bħala aġenti, assistiti minn J. Stuyck, avukat,
konvenuta
sostnuta minn
G4S Security Services SA, preċedentement Group 4 Falck — Société de surveillance et de sécurité SA, stabbilita fil-Lussemburgu, irrappreżentata minn M. Molitor, p. Lopes Da Silva, N. Cambonie u N. Bogelmann, avukati,
intervenjenti
li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Novembru 2005 li tiċħad l-offerta magħmula mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti 16/2005/OIL (sigurtà u sorveljanza tal-bini), tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Novembru 2005 li l-kuntratt jingħata lil offerent ieħor, ta’ allegata deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni li tiċħad li tirtira ż-żewġ deċiżjonijiet tagħha msemmija iktar ’il fuq, kif ukoll taż-żewġ ittri tal-Kummissjoni, tas-7 u tal-14 ta’ Diċembru 2005, li jirrispondu lit-talbiet għal informazzjoni tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, rikors għad-danni intiż li jinkiseb kumpens għad-danni allegatament subiti mir-rikorrenti,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Is-Sitt Awla),
komposta minn A. W. H. Meij, President, V. Vadapalas u L. Truchot (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Novembru 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-kuntest ġuridiku
A — Leġiżlazzjoni applikabbli għall-kuntratti pubbliċi tal-Komunitajiet Ewropej
|
1 |
L-Artikolu 100(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1 Vol. 4, p. 74, iktar ’il quddiem ir-“regolament finanzjarju”), jipprovdi dan li ġej: “L-awtorità tal-kuntratti għandha tinnotifika lill-kandidati jew lill-appaltaturi kollha li l-applikazzjonijiet jew l-offerti tagħhom huma miċħuda bil-bażi li fuqhom tkun ittieħdet id-deċiżjoni u lill-appaltaturi kollha li l-offerti tagħhom huma ammissibbli u li jagħmlu talba bil-miktub, bill-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi ta’ l-appaltatur b’suċċess u l-isem ta’ l-appaltatur li lilu jingħata il-kuntratt. B’dana kollu, ċerti dettalji ma jkunx hemm ħtieġa li jkunu żvelati meta l-iżvelar tagħhom ikun ifixkel l-applikazzjoni tal-liġi, ikun kuntrarju ta’ l-interess pubbliku jew ikunu ta’ ħsara għall-interessi leġittimi tan-negozju ta’ l-impriżi pubbliċi jew privati jew jista’ jgħawweġ il-kompetizzjoni ġusta bejn dawk l-impriżi.” |
|
2 |
L-Artikolu 149(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 1261/2005 tal-20 ta’ Lulju 2005 (ĠU L 287M, 18.10.2006, p. 226, iktar ’il quddiem ir-“regoli ddettaljati għall-implementazzjoni”), jipprovdi: “L-awtoritajiet kontraenti għandhom jgħarrfu mill-aktar fis lill-kandidati u min jifta’ l-offerti bid-deċiżjonijiet meħuda dwar l-għotja tal-kuntratt jew kuntratt ta’ qafas jew id-dħul f’sistema ta’ akkwist dinamiku, inklużi l-għanjiet għala ddeċidew li ma jagħtux kuntratt jew kuntratt ta’ qafas jew li jimplimentaw sistema ta’ akkwist dinamiku li għalih kien hemm sejħa għall-offerti jew li tinbeda mill-ġdid il-proċedura.” |
|
3 |
L-Artikolu 149(3) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, jipprovdi: “Għall-kuntratti li ngħataw mill-istituzzjonijiet komunitarji f’isimhom stess, skond l-Artikolu 105 tar-Regolament Finanzjarju, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jinnotifikaw l-aktar kmieni possibbli wara d-deċiżjoni ta’ għoti u l-aktar tard matul il-ġimgħa ta’ wara, b’mod simultanju u individwali lil kull min telfa’ offerta jew lil kull kandidat eliminat, permezz ta’ ittra u fax jew posta elettronika, li l-offerta jew il-kandidatura tagħhom ma ġietx aċċettata u billi jiġi ppreċiżat f’kull każ ir-raġunijiet għal din l-eliminazzjoni ta’ l-offerta jew tal-kandidatura. L- awtoritajiet kontraenti fl-istess ħin għandhom jinnotifikaw in-notifiki ta’ l-eliminazzjoni indirizzati lillkandidati jew lil dawk li tefgħu l-offerti eliminati, id-deċiżjoni dwar l-għotja lil dak li ntgħażel billi jiġi ppreċiżati d-deċiżjoni nnotifikata ma tikkostitwixxix impenn min-naħa ta’ l-awtorità kontraenti kkonċernata: Dawk li tefgħu l-offerti jew il-kandidati eliminati jistgħu jakkwistaw informazzjoni kumplimentari dwar irragunijiet għall-eliminazzjoni tagħhom, permezz ta’ talba bil-miktub, permezz ta’ ittra, fax jew posta elettronika u għal dawk kollha li tefgħu offerta aċċettabbli, fuq il-karatteristiċi u l-vantaġġi ta’ l-offerta li ntgħażlet kif ukoll l-isem ta’ min ta din l-offerta, bla preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 100(2), it-tieni inċiż, tar-Regolament Finanzjarju. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jirrispondu f’tul ta’ żmien ta’ ħmistax-il ġurnata li għandhom jibdew jgħoddu mid-data ta’ l-ilqugħ tat-talba. L-awtoritajiet kontraenti ma jistgħux jipproċedu għall-firma tal-kuntratt ma’ dak li ngħata l-kuntratt jew tal-kuntratt ta’ qafas ħlief skond perijodu ta’ ġimgħatejn kalendarji, li għandhom jibdeq jgħoddu mill-ġurnata ta’ wara d-data ta’ notifika simultanja tad-deċiżjonijiet ta’ l-eliminazzjoni ta’ l-attribuzzjoni. Jekk ikun il-każ, dawn jistgħu jissospendu l-firma tal-kuntratt biex isir eżami kumplimentari dwar jekk it-talbiet jew il-kummenti magħmula minn dawk li tefgħu offerta jew minn kandidati eliminati matul il-perijodu ta’ ġimgħatejn kalendarji, skond in-notifika tad-deċiżjonijiet ta’ eliminazzjoni jew ta’ attribuzzjoni, jew kull informazzjoni oħra pertinenti milqugħa matul dan il-perijodu jiġġustifkaw dan. F’dan il-każ, il-kandidati kollha jew dawk kollha li tefgħu offerta huma informati fi żmien tliet ijiem ta’ xogħol wara d-deċiżjoni tas-sospensjoni.” |
B — Leġiżlazzjoni dwar id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet
|
4 |
Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331): “1. L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’: […]
[…] 6. Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati. […]” |
|
5 |
L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi: “1. Applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokument għandhom isiru f’xi forma miktuba, inkluża l-forma elettronika, f’waħda mill-ilsna msemmija fl-Artikolu 314 [KE] u b’mod preċiż biżżejjed sabiex tgħin lill-istituzzjoni issib id-dokument. L-applikant mhux obbligat li jagħti r-raġunijiet għall-applikazzjoni. 2. Jekk applikazzjoni mhijiex preċiża biżżejjed, l-istituzzjoni għandha titlob lill-applikant sabiex jiċċara l-applikazzjoni u għandha tgħin l-applikant f’dan il-proċess billi, per eżempju, tagħti tagħrif dwar l-użu tar-reġistri pubbliċi ta’ dokumenti. 3. Fil-każ ta’ applikazzjoni dwar dokument twil ħafna jew dwar numru kbir ta’ dokumenti, l-istituzzjoni involuta tista’ tkellem lill-applikant b’mod informali, sabiex isibu soluzzjoni imparzjali [ekwa]. 4. L-istituzzjoni għandha tagħti tagħrif u għajnuna lil ċittadini dwar kif u fejn l-applikazzjonijiet għal aċċess għad-dokumenti jistgħu jsiru.” |
|
6 |
L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1049/2001, li jistabbilixxi l-metodi ta’ pproċessar tal-applikazzjoni inizjali, jipprovdi kif ġej: “1. Applikazzjoni għall-aċċess għal dokument għandha tiġi proċessata mill-ewwel. Rikonoxximent ta’ l-irċevuta għandha tintbagħat lill-applikant. Sa’ 15-il jum utli mir-reġistrazzjoni ta’ l-applikazzjoni, l-istituzzjoni għandha jew tagħti aċċess għad-dokument mitlub u tagħti aċċess skond l-Artikolu 10 f’dak il-perjodu jew, f’tweġiba bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali u tavża l-applikant dwar id-dritt tiegħu jew tagħha li jagħmel jew tagħmel applikazzjoni konfermatorja skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. 2. Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-applikant jista’, sa 15-il jum utli minn meta jirċievi r-risposta mill-istituzzjoni, jagħmel applikazzjoni konfermatorja fejn jitlob lill-istituzzjoni li terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha. 3. F’każijiet eċċezzjonali, per eżempju fil-każ ta’ applikazzjoni dwar dokument twil ħafna jew dwar numru kbir ta’ dokumenti, it-terminu previst fil-paragrafu 1 jista’ jiġi estiż bi 15-il jum utli, sakemm l-applikant jiġi avżat minn qabel u jingħataw raġunijiet dettaljati. 4. Nuqqas mill-istituzzjoni li tagħti twieġeb [tweġiba] fit-terminu preskritt jagħti d-dritt lill-applikant li jagħmel applikazzjoni konfermatorja.” |
|
7 |
L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet konfermatorji, jipprovdi: “1. Applikazzjoni konfermatorja għandha tiġi proċessata mal-ewwel. Sa żmien 15-il jum utli mir-reġistrazzjoni ta’ din l-applikazzjoni, l-istituzzjoni għandha jew tagħti l-aċċess għad-dokument mitlub u tagħti aċċess skond l-Artikolu 10 f’dak il-perjodu jew, fi tweġiba bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali. Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-istituzzjoni għandha tavża l-applikant dwar ir-rimedji tiegħu jew tagħha, jiġifieri proċeduri fil-qrati kontra l-istituzzjoni u/jew ilment lill-Ombudsman, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 230 u 195 [KE], rispettivament. 2. F’każijiet eċċezzjonali, per eżempju fil-każ ta’ applikazzjoni dwar dokument twil ħafna jew dwar numru kbir ta’ dokumenti, it-terminu previst fil-paragrafu 1 jista’ jiġi estiż bi 15 il-jum utli, sakemm l-applikant jiġi avżat minn qabel u jingħataw raġunijiet dettaljati. 3. Nuqqas mill-istituzzjoni li twieġed fit-terminu stipulat għandu jitqies bħala tweġiba negattiva u jagħti d-dritt lill-applikant li jiftaħ proċedimenti fil-qrati kontra l-istituzzjoni u/jew tagħmel ilment lill-Ombudsman, taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat tal-KE.” |
C — Leġiżlazzjoni applikabbli għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi
|
8 |
Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98), tikkodifika d-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE, tal-14 ta’ Frar 1977, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU L 61, p. 26), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1998, (ĠU L 201, p. 88). |
|
9 |
Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23 huwa stabbilit fl-Artikolu 1 tagħha, li jipprovdi:
[…]” |
|
10 |
L-Artikolu 1(1)(a) u (b) tal-Liġi Lussemburgiża tad-19 ta’ Diċembru 2003 li tirregola s-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji u t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/23 (Mém. A 2003, p. 3678, iktar ’il quddiem il-“Liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003”), jipprovdi:
|
|
11 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(1) tal-liġi msemmija: “Id-drittijiet u l-obbliġi taċ-ċedent li jirriżultaw minn kuntratt ta’ impjieg jew minn relazzjoni ta’ impjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu ttrasferiti lill-persuna li jsir it-trasferiment favuriha.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
12 |
Brink’s Security Luxembourg SA (iktar ’il quddiem “Brink’s” jew ir-“rikorrenti”), kumpannija stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), kienet inkarigata bis-sorveljanza u l-għassa tal-bini tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej sa minn nofs is-snin 70. |
|
13 |
Fl-2000, ir-rikorrenti kkonkludiet mal-Kummissjoni kuntratt ta’ sorveljanza u ta’ għassa tal-bini tagħha li jinsab fil-Lussemburgu u li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju għall-Infrastruttura u l-Loġistika fil-Lussemburgu (OIL), tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea. Dan il-kuntratt, li ma kienx jipprovdi għal tiġdid lil hinn mill-ħames sena, skada fil-31 ta’ Diċembru 2005. |
|
14 |
Permezz ta’ avviż ta’ tagħrif minn qabel ippubblikat fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Marzu 2005 (ĠU S 56), il-Kummissjoni ħabbret li d-data prevista għat-tnedija ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt dwar kuntratt ta’ sigurtà u ta’ sorveljanza tal-bini msemmi fil-punt 13 iktar ’il fuq kienet il-15 ta’ Mejju 2005. |
|
15 |
Permezz ta’ avviż ta’ sejħa għal offerti ppubblikat fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-1 ta’ Settembru 2005 (ĠU S 168), il-Kummissjoni ppubblikat is-sejħa għal offerti 16/2005/OIL għall-kuntratt ta’ sigurtà u ta’ sorveljanza kkontestat (iktar ’il quddiem is-“sejħa għal offerti”). |
|
16 |
Id-data sakemm kellhom jitressqu l-offerti ġiet iffissata għat-13 ta’ Ottubru 2005. Il-ftuħ tal-offerti seħħ fit-18 ta’ Ottubru 2005 u l-evalwazzjoni tagħhom seħħet fil-11 ta’ Novembru 2005. |
|
17 |
Fit-30 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-kuntratt ma kienx ġie attribwit lilha, peress li l-offerta tagħha ma kinitx kisbet l-aħjar marka finali matul l-evalwazzjoni kwalitattiva u finanzjarja tal-offerti. Fl-istess ittra (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda”), il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija kellha d-dritt li tikseb informazzjoni addizzjonali dwar il-motivi għaċ-ċaħda tal-offerta tagħha. |
|
18 |
Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni tikkomunikalha l-motivi għaċ-ċaħda tal-offerta tagħha, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati mal-offerta magħżula, kif ukoll l-isem tal-offerent li ngħata l-kuntratt. |
|
19 |
Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-offerent magħżul kienet Group 4 Falck — Société de surveillance et de sécurité SA, li saret G4S Security Services SA (iktar ’il quddiem “Group 4 Falck” jew l-“intervenjenti”), u kkomunikatilha xi elementi ta’ paragun tal-evalwazzjoni tal-offerta tagħha fil-konfront tal-offerta ta’ Group 4 Falck. |
|
20 |
Permezz ta’ tliet ittri tal-5 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni terġa teżamina d-deċiżjoni ta’ għoti tagħha tat-30 ta’ Novembru 2005 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-għoti”), u tagħtiha l-kuntratt, filwaqt li indikatilha r-raġunijiet li, fl-opinjoni tagħha, kellhom iżommuha milli taċċetta l-offerta ta’ Group 4 Falck. |
|
21 |
Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni rrispondiet għall-ittri tar-rikorrenti tal-5 ta’ Diċembru 2005. |
|
22 |
Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni l-kunjom, l-isem, il-grad, l-anzjanità fis-servizz u l-assenjazzjoni tal-membri tal-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-offerti kif ukoll motivazzjoni addizzjonali, peress li qieset li r-raġunijiet indikati mill-Kummissjoni ma kinux suffiċjenti. |
|
23 |
Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni, abbażi ta’ raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, ta’ protezzjoni tal-ħajja privata u ta’ integrità tal-persuni, irrifjutat li tipprovdi l-informazzjoni mitluba mir-rikorrenti fir-rigward tal-membri tal-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-offerti. Madankollu, il-Kummissjoni pprovdiet lir-rikorrenti informazzjoni addizzjonali dwar ir-raġunijiet għaliex l-offerta tagħha ġiet miċħuda. |
|
24 |
Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Diċembru 2005, Group 4 Falck informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li timpjega parti mill-persunal tagħha. |
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
|
25 |
B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-15 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. |
|
26 |
B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqet talba għal proċeduri għal miżuri provviżorji u talba għal miżuri provviżorji abbażi tal-Artikolu 105(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. |
|
27 |
B’digriet tas-16 ta’ Diċembru 2005, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ordna li l-iffirmar tal-kuntratt inkwistjoni fil-kuntest tas-sejħa għal offerti jiġi sospiż sakemm jingħata digriet li jiddeċiedi dwar it-talba għal miżuri provviżorji. |
|
28 |
Bħala konsegwenza tal-adozzjoni tad-digriet imsemmi fil-punt 27 iktar ’il fuq, il-kuntratt viġenti bejn Brink’s u l-Kummissjoni ġġedded sal-31 ta’ Jannar 2006, sabiex tiġi ggarantita l-kontinwità tas-sorveljanza u tal-għassa tal-bini inkwistjoni. |
|
29 |
B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Diċembru 2005, Group 4 Falck talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Fl-4 ta’ Jannar 2006, il-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-talba ta’ intervent ta’ Group 4 Falck. |
|
30 |
B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4 ta’ Jannar 2006, ir-rikorrenti ressqet talba għal trattament kunfidenzjali tat-talba għal miżuri provviżorji fil-konfront ta’ Group 4 Falck, liema talba ġiet milqugħa. Fil-5 ta’ Jannar 2006, ir-rikorrenti ppreżentat verżjoni mhux kunfidenzjali tat-talba għal miżuri provviżorji fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza. |
|
31 |
B’digriet tad-9 ta’ Jannar 2006, Group 4 Falck ġiet ammessa tintervjeni f’din il-kawża. |
|
32 |
Fil-11 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq it-talba għal miżuri provviżorji u, fuq talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza abbażi tal-Artikolu 64(3) tar-Regoli tal-Proċedura, ippreżentat verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti kkomunikati lill-Kummissjoni minn Group 4 Falck sabiex tikkonforma ruħha mal-punt 28 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni. |
|
33 |
B’digriet tas-7 ta’ Frar 2006, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji tar-rikorrenti minħabba li hija ma kinitx ipprovat li kien hemm riskju li hija tbati dannu gravi u irreparabbli fin-nuqqas tal-miżuri provviżorji mitluba (T-437/05 R, Ġabra p. II-21). |
|
34 |
Fit-12 ta’ Mejju 2006, ir-rikorrenti ressqet talba għal trattament kunfidenzjali ta’ ċerti annessi fir-rikors. Group 4 Falck ma ppreżentatx osservazzjonijiet fuq din it-talba. |
|
35 |
Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet u dawn wieġbuhom fiż-żmien mogħti. |
|
36 |
It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmulin mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tal-20 ta’ Novembru 2008. |
|
37 |
Matul is-seduta, Group 4 Falck talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ tipproduċi ittri li hija kienet ikkorrispondiet mas-Société nationale de certification et d’homologation (iktar ’il quddiem “SNCH”). Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din it-talba għal produzzjoni ta’ dokumenti. |
|
38 |
Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
|
|
39 |
Ir-rikorrenti talbet ukoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza, abbażi tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, tordna lill-Kummissjoni tressaq is-segwenti elementi:
|
|
40 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
|
Fid-dritt
A — Fuq il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura
|
41 |
F’dak li jirrigwarda t-talba dwar id-data tas-sejħa għal offerti, il-Kummissjoni indikat, fir-replika tagħha, ir-raġunijiet li mmotivaw il-posponiment tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ sejħa għal offerti meta mqabbla mad-data mħabbra fl-avviż ta’ tagħrif minn qabel. Għaldaqstant, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq din it-talba, li saret mingħajr skop. |
|
42 |
F’dak li jirrigwarda t-talba sabiex tiġi mistħarrġa l-osservanza min naħa ta’ Group 4 Falck tal-kriterju msemmi fil-punt 28 tal-ispeċifikazzjonijiet bħala kundizzjoni tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament imressaq abbażi tal-Artikolu 230 KE, il-legalità tal-att ikkontestat għandha tiġi evalwata abbażi tal-elementi ta’ dritt u ta’ fatt li jkunu jeżistu fid-data ta’ meta l-att ikun ġie adottat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Jannar 1997, Opel Austria vs Il-Kunsill, T-115/94, Ġabra p. II-39, punti 87 u 88). |
|
43 |
Għalhekk, kunsiderazzjonijiet dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratt konkluż bejn Group 4 Falck u l-Kummissjoni, inkwantu jikkostitwixxu ċirkustanzi ta’ fatt li seħħew wara l-adozzjoni tal-atti kkontestati, ma jistgħux jiġu invokati insostenn ta’ motiv intiż li jikkonfuta l-validità tal-atti msemmija. |
|
44 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura dwar id-data tas-sejħa għal offerti u l-eżekuzzjoni tal-kuntratt minn Group 4 Falck, għandhom jiġu miċħuda. |
|
45 |
Ser tingħata deċiżjoni dwar it-talba sabiex tiġi kkomunikata l-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni matul l-evalwazzjoni tas-seba’ motiv ta’ dan ir-rikors għal annullament, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza u tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet. |
B — Fuq l-ammissibbiltà tal-ilment ibbażat fuq il-posponiment tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ sejħa għal offerti fil-konfront tad-data mħabbra fl-avviż ta’ tagħrif minn qabel
1. L-argumenti tal-partijiet
|
46 |
Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ppreżentat argument ġdid, ibbażat fuq il-posponiment tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ sejħa għal offerti dwar is-sejħa għal offerti meta mqabbla mad-data mħabbra fl-avviż ta’ tagħrif minn qabel. Dan il-bdil fid-data poġġiha f’sitwazzjoni delikata fir-rigward tal-leġiżlazzjoni soċjali Lussemburgiża, fid-dawl tal-perijodu ta’ avviż minn qabel fil-każ ta’ tkeċċija mill-impjieg previst minn din il-leġiżlazzjoni. L-osservanza tad-data inizjali kienet tippermettilha tantiċipa t-tkeċċijiet jew l-assenjazzjonijiet mill-ġdid bħala konsegwenza tat-telf eventwali tal-kuntratt. |
|
47 |
Barra minn hekk, kieku ġiet osservata d-data prevista fl-avviż ta’ tagħrif minn qabel, Group 4 Falck ma kinitx tkun tista’ tipparteċipa fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti, mingħajr ma tikser l-impenn tagħha li ma tissolleċitax b’mod attiv lill-klijenti tal-kumpanniji ttrasferiti matul perijodu ta’ sitt xhur mid-data tat-trasferiment imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2004 (Każ COMP/M.3396 — GROUP 4 FALCK/SECURICOR) li awtorizzat l-inkorporazzjoni legali bejn Group 4 Falck A/S u Securicor plc (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2004”). |
|
48 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan l-argument, li hija tikkunsidra bħala motiv ġdid, fis-sens tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura. |
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
|
49 |
Abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li jirriżultaw matul il-proċedura. |
|
50 |
Madankollu, motiv li jikkostitwixxi estensjoni ta’ motiv invokat preċedentement, b’mod dirett jew impliċitu, fir-rikors promotur, u li huwa strettament marbut ma dan il-motiv, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, C-104/97 P, Ġabra p. I-6983, punt 29; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni, T-340/04, Ġabra p. II-573, punt 164). Barra minn hekk, l-argumenti li s-sustanza tagħhom tkun strettament marbuta ma’ motiv invokat fir-rikors promotur ma jistgħux jitqiesu li huma argumenti ġodda, u l-preżentata tagħhom hija ammessa fl-istadju tar-replika jew tas-seduta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 1958, Compagnie des hauts fourneaux de Chasse vs L-Awtorità Għolja, 2/57, Ġabra p. 129, 146). |
|
51 |
F’dan il-każ, l-argument tar-rikorrenti, li huwa bbażat fuq il-posponiment tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ sejħa għal offerti meta mqabbla mad-data mħabbra fl-avviż ta’ tagħrif minn qabel, mhuwa bbażat fuq l-ebda element ta’ fatt jew ta’ dritt li ssemma matul il-proċedura. |
|
52 |
Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq is-sitwazzjoni delikata li dan il-posponiment poġġa lir-rikorrenti fiha fir-rigward tal-leġiżlazzjoni soċjali Lussemburgiża applikabbli għat-tkeċċijiet mill-impjieg huwa inammissibbli, għaliex huwa ma jikkostitwixxix estensjoni ta’ motiv invokat preċedentement fir-rikors, u ma għandu l-ebda rabta stretta ma’ tali motiv. |
|
53 |
Min-naħa l-oħra, l-ilment li jgħid li l-osservanza tad-data mħabbra fl-avviż ta’ tagħrif minn qabel kienet ipprekludiet lil Group 4 Falck milli tipparteċipa għas-sejħa għal offerti huwa strettament marbut mar-raba’ motiv tar-rikors, ibbażat fuq il-ksur tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2004. Għalhekk, l-argument ibbażat fuq il-posponiment tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ sejħa għal offerti meta mqabbla tad-data mħabbra fl-avviż ta’ tagħrif minn qabel huwa parzjalment ammissibbli, sa fejn dan isostni r-raba’ motiv tar-rikorrenti, u konsegwentement ser jiġi eżaminat miegħu. |
C — Fuq ir-rikors għal annullament
1. Fuq l-ammissibbiltà
|
54 |
Peress li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors jifformaw parti mill-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku (ara d-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 1987, D.M. vs Il-Kunsill u CES, 108/86, Ġabra p. 3933, punt 10, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV 2/Danmark vs Il-Kummissjoni, T-309/04, T-317/04, T-329/04 u T-336/04, Ġabra p. II-2935, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata), hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tivverifika ex officio jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti. |
a) Fuq l-eżistenza ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-Kummissjoni
|
55 |
Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, bħala prinċipju, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet espressi li jistabbilixxu terminu li meta jiskadi jitqies li l-istituzzjoni li ntalbet tieħu pożizzjoni tkun adottat deċiżjoni impliċita, u li jiddefinixxu l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni, is-skiet waħdu ta’ istituzzjoni ma jistax jiġi pparagunat ma’ deċiżjoni, mingħajr ma titqiegħed indiskussjoni s-sistema ta’ rimedji stabbilita mit-Trattat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Greencore, C-123/03 P, Ġabra p. I-11647, punt 45; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 1999, SGA vs Il-Kummissjoni, T-189/95, T-39/96, T-123/96, Ġabra p. II-3587, punt 27, u Sodima vs Il-Kummissjoni, T-190/95, T-45/96, Ġabra p. II-3617, punt 32). |
|
56 |
F’ċerti ċirkustanzi speċifiċi, dan il-prinċipju jista’ ma jkunx applikabbli, b’tali mod li s-skiet jew in-nuqqas ta’ azzjoni ta’ istituzzjoni jistgħu b’mod eċċezzjonali jitqiesu li għandhom valur ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda (sentenza Il-Kummissjoni vs Greencore, punt 55 iktar ’il fuq, punt 45). |
|
57 |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni li tiċħad l-irtirar tad-deċiżjonijiet ta’ għoti u ta’ ċaħda. Madankollu, l-ebda dispożizzjoni tar-regolament finanzjarju jew tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni ma tistabbilixxi terminu li meta jiskadi jitqies li tkun ittieħdet deċiżjoni impliċita min-naħa tal-awtorità kontraenti li tkun intalbet tevalwa mill-ġdid id-deċiżjoni ta’ għoti jew ta’ ċaħda tagħha. |
|
58 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tinvoka l-ebda ċirkustanza speċifika li tippermetti li, b’mod eċċezzjonali, is-skiet tal-Kummissjoni jiġi pparagunat ma’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda. |
|
59 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-talbiet tar-rikorrenti huma inammissibbli, sa fejn dawn jirrigwardaw l-annullament tal-allegata deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-Kummissjoni. |
b) Fuq l-eżistenza ta’ atti li joħolqu effetti legali vinkolanti
|
60 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti u li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent billi jbiddlu b’mod kunsiderevoli l-pożizzjoni legali tiegħu li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 230 KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9, u tal-14 ta’ Frar 1989, Bossi vs Il-Kummissjoni, 346/87, Ġabra p. 303, 332). |
|
61 |
Dan huwa l-każ tad-deċiżjoni tal-għoti. |
|
62 |
Fir-rigward tal-ittri tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Novembru 2005, tas-7 ta’ Diċembru 2005 u tal-14 ta’ Diċembru 2005, mibgħuta lir-rikorrenti, għandu jiġi vverifikat jekk dawn tabilħaqq fihomx deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 230 KE. |
|
63 |
Skont il-ġurisprudenza, mhuwiex biżżejjed li ittra tkun intbagħtet minn istituzzjoni Komunitarja lid-destinatarju tagħha, b’risposta għal talba magħmula minnu, sabiex din tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 230 KE, u b’hekk tagħti lok li tinbeda proċedura ta’ rikors għal annullament (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 1993, Miethke vs Il-Parlament, C-25/92, Ġabra p. I-473, punt 10; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Mejju 1996, AITEC vs Il-Kummissjoni, T-277/94, Ġabra p. II-351, punt 50, u d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Diċembru 1998, Scottish Soft Fruit Growers vs Il-Kummissjoni, T-22/98, Ġabra p. II-4219, punt 34). L-ittra inkwistjoni għandha fil-fatt tinkludi miżuri li jissodisfaw id-definizzjoni mfakkra fil-punt 60 iktar ’il fuq. |
|
64 |
F’dan il-każ, l-ittra tat-30 ta’ Novembru 2005, li permezz tagħha l-Kummissjoni informat lir-rikorrenti, b’mod preċiż u inekwivoku, biċ-ċaħda tal-kandidatura tagħha, tibdel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħha, u konsegwentement tikkostitwixxi deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata. |
|
65 |
Min-naħa l-oħra, l-ittra tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2005 tinforma lir-rikorrenti li s-servizz legali tagħha ġie kkonsultat dwar waħda mid-domandi li għamlet fl-ittra preċedenti tagħha, dwar l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-offerenti. Barra minn hekk, din tiċħad uħud mill-argumenti li r-rikorrenti semmiet fl-ittri tagħha tal-5 ta’ Diċembru 2005, insostenn ta’ talba għal evalwazzjoni mill-ġdid tad-deċiżjonijiet ta’ għoti u ta’ ċaħda, relatati mal-ksur tal-Liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003 li tittrasponi d-Direttiva 2001/23, kif ukoll l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-Kummissjoni tat istruzzjonijiet lil impjegat ta’ Brink’s sabiex jiġbor il-curriculum vitae u l-ittri ta’ motivazzjoni tal-persunal ta’ Brink’s, bil-għan li dawn id-dokumenti jintbagħtu lil Group 4 Falck. |
|
66 |
Din l-ittra għandha biss natura informativa. Fil-fatt, din ma tagħmel xejn ħlief, minn naħa, tinforma lir-rikorrenti li s-servizz legali tal-Kummissjoni kien ġie kkonsultat u li dan qies li ma setax kien hemm ksur tal-Liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003, u, min-naħa l-oħra, tirrifjuta l-eżistenza ta’ xi istruzzjoni indirizzata lill-persunal ta’ Brink’s. Għalhekk, din hija nieqsa minn effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, u għalhekk, din bl-ebda mod ma biddlet b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti. |
|
67 |
Fir-rigward tal-ittra tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 2005, għandu jiġi osservat li din tinvolvi żewġ aspetti distinti. Permezz ta’ din l-ittra, il-Kummissjoni, minn naħa, tinforma lir-rikorrenti biċ-ċaħda tagħha milli tikkomunikalha l-kompożizzjoni eżatta tal-kumitat ta’ evalwazzjoni u, min-naħa l-oħra, tippreċiża l-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda. |
|
68 |
F’dak li jirrigwarda ċ-ċaħda tal-komunikazzjoni tal-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, għandu jitfakkar, minn naħa, li r-Regolament Nru 1049/2001 japplika għal kull talba għal aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet magħmula bil-miktub u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi dokument bħala “kull kontenut, ikun liema jkun il-medju tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni, ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviż) dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni”. B’hekk, it-talba għal informazzjoni addizzjonali dwar il-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni mressqa mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2005, tikkostitwixxi talba għal aċċess għal dokument abbażi tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001. |
|
69 |
Il-proċedura ta’ aċċess għad-dokumenti tal-Kummissjoni, irregolata mill-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll mill-Artikoli 2 sa 4 tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/937/KE, KEFA, Euratom tal-5 ta’ Diċembru 2001 li temenda r-regoli ta’ proċedura (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 408), tiżvolġi f’żewġ stadji. Inizjalment, l-applikant għandu jindirizza lill-Kummissjoni talba inizjali għal aċċess għal dokumenti. Bħala prinċipju l-Kummissjoni għandha tirrispondi għat-talba inizjali f’terminu ta’ ħmistax-il ġurnata ta’ xogħol minn meta tiġi rreġistrata l-imsemmija talba. Wara, fil-każ ta’ ċaħda totali jew parzjali, l-applikant jista’ jippreżenta, f’terminu ta’ ħmistax-il ġurnata ta’ xogħol minn meta jirċievi r-risposta inizjali tal-Kummissjoni, talba konfermattiva lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni li għandu, bħala prinċipju, jirrispondiha f’terminu ta’ ħmistax-il ġurnata ta’ xogħol minn meta din it-talba tiġi rreġistrata. Fil-każ ta’ ċaħda totali jew parzjali, l-applikant jista’ jressaq rikors ġudizzjarju kontra l-Kummissjoni, jew iressaq ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew, skont il-kundizzjonijiet previsti rispettivament fl-Artikoli 230 KE u 195 KE. |
|
70 |
Skont il-ġurisprudenza, mill-applikazzjoni flimkien tal-Artikoli 3 u 4 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2001/937, kif ukoll tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, jirriżulta li r-risposta għat-talba inizjali tikkostitwixxi biss adozzjoni ta’ pożizzjoni inizjali, li tagħti lill-applikant il-possibbiltà li jitlob lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni jerġa’ jeżamina l-pożizzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T-391/03 u T-70/04, Ġabra p. II-2023, punt 47, u tal-5 ta’ Ġunju 2008, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, T-141/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 56 u 109). |
|
71 |
Konsegwentement, hija biss il-miżura adottata mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni li jkollha n-natura ta’ deċiżjoni u li kompletament tissostitwixxi l-adozzjoni tal-pożizzjoni preċedenti, li tista’ toħloq effetti legali ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tal-applikant, u għalhekk, li tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 230 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 48, u Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punti 57 u 109). |
|
72 |
F’dan il-każ, ir-risposta li tinsab fl-ittra tal-14 ta’ Diċembru 2005, mibgħuta lir-rikorrenti, tikkostitwixxi risposta inizjali tal-Kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, fejn hija kienet qed turi l-intenzjoni tagħha li tiċħad it-talba tar-rikorrenti. Din ir-risposta inizjali tagħti lir-rikorrenti l-possibbiltà li, fl-osservanza tat-termini mogħtija, titlob lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni jirrevedi din l-ewwel adozzjoni ta’ pożizzjoni, billi jadotta deċiżjoni definittiva. |
|
73 |
Issa, ir-rikorrenti ma bgħatet l-ebda talba konfermattiva lill-Kummissjoni wara din ir-risposta inizjali. Peress li hija biss id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali li hija suġġetta għal rikors, tali rikors mhuwiex, bħala prinċipju, ammissibbli fir-rigward tal-ittra tal-14 ta’ Diċembru 2005. |
|
74 |
Madankollu, l-ittra tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 2005 hija vvizjata minn difett proċedurali. Fil-fatt, il-Kummissjoni naqset milli tinforma lir-rikorrenti, hekk kif jimponi l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, bid-dritt tagħha li tippreżenta talba konfermattiva. |
|
75 |
Din l-irregolarità għandha l-konsegwenza li, b’mod eċċezzjonali, tagħmel ammissibbli rikors għal annullament kontra l-imsemmija talba inizjali. Kieku ma kienx hekk, il-Kummissjoni setgħet tista’ tevita l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja minħabba vizzju proċedurali mwettaq minnha. Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li peress li l-Komunità Ewropea hija komunità tad-dritt fejn l-istituzzjonijiet huma suġġetti għall-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mat-Trattat, il-metodi proċedurali applikabbli għar-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti Komunitarja għandhom jiġu interpretati, sa fejn possibbli, b’tali mod li dawn il-metodi jkunu jistgħu jingħataw applikazzjoni li tikkontribwixxi għall-implementazzjoni tal-għan li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jiksbu mid-dritt Komunitarju (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C-521/06 P, Ġabra p. I-5829, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, il-ħtieġa ta’ stħarriġ ġudizzjarju tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, derivanti mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri u li jinsab stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 18; tas-27 ta’ Novembru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-424/99, Ġabra p. I-9285, punt 45, u tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 39). Barra minn hekk, id-dritt għal rimedju effettiv huwa kkonfermat fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU 2000, C 364, p. 1). |
|
76 |
Għall-bqija, l-ittra tal-14 ta’ Diċembru 2005 ma tagħmel xejn iktar ħlief li tippreċiża l-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda, billi tipprovdi elementi ta’ informazzjoni addizzjonali dwar l-evalwazzjoni kwalitattiva tal-offerti. Fuq dan il-punt, din hija nieqsa minn kull natura deċiżjonali u ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 230 KE. |
|
77 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-talbiet diretti kontra l-ittri tal-Kummissjoni tas-7 u tal-14 ta’ Diċembru 2005 huma inammissibbli, minbarra f’dak li jirrigwarda ċ-ċaħda ta’ komunikazzjoni tal-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni. |
|
78 |
Għalhekk, is-suġġett ta’ dan ir-rikors għandu jiġi delimitat għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ għoti u ta’ ċaħda, kif ukoll tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-Kummissjoni milli tikkomunika l-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni li tinsab fl-ittra tal-14 ta’ Diċembru 2005, u għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli t-talbiet diretti kontra l-allegata deċiżjoni impliċita li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet li tirtira d-deċiżjonijiet ta’ għoti u ta’ ċaħda u kontra ż-żewġ ittri ta’ risposta tal-Kummissjoni tas-7 u tal-14 ta’ Diċembru 2005, minbarra f’dak li jirrigwarda ċ-ċaħda ta’ komunikazzjoni tal-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni. |
2. Fuq il-mertu
|
79 |
Ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi insostenn tar-rikors għal annullament tagħha, jiġifieri l-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali minħabba li fl-ispeċifikazzjonijiet il-Kummissjoni ma pprovdietx għat-teħid tal-kuntratti tax-xogħol tal-aġenti assenjati mir-rikorrenti għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ sorveljanza, il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003 u tad-Direttiva 2001/23 li din tittrasponi, il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali minħabba li l-intervenjenti kellha informazzjoni privileġġata, il-ksur tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2004 u tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-prinċipju ta’ trasparenza u tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-ksur tar-regoli tas-suq, tal-ispeċifikazzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kriterju li jirrigwardaw it-taħriġ bażiku tal-ewwel għajnuna jew ta’ tifi tan-nar volontarju u l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u l-ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza u tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet. |
|
80 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-motivi kollha tar-rikorrenti, minbarra s-seba’ wieħed, huma intiżi, fir-rigward tat-talbiet ammissibbli tar-rikorrenti, għal-kisba tal-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ għoti u ta’ ċaħda. Is-seba’ motiv isir insostenn tat-talba għall-annullament tal-ittra tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 2005. |
|
81 |
Fir-rigward tal-ewwel sitt motivi intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ għoti u ta’ ċaħda, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li jkun xieraq li qabel kollox tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjoni tal-għoti. |
|
82 |
L-ewwel motiv jissupponi li, fil-każ fejn il-Liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003 ma kinitx applikabbli, il-Kummissjoni kellha timponi, fuq il-fornitur magħżul il-ġdid, it-teħid tal-kuntratti ta’ xogħol kollha tal-impjegati tar-rikorrenti, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. B’hekk, dan il-motiv huwa sussidjarju meta mqabbel mat-tieni motiv, b’tali mod li t-tieni motiv għandu jiġi eżaminat qabel. |
a) Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003, li tittrasponi d-Direttiva 2001/23
|
83 |
Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet, ibbażati, minn naħa, fuq l-irregolarità tal-offerta ta’ Group 4 Falck u, min-naħa l-oħra, fuq l-illegalità tal-ispeċifikazzjonijiet tal-Kummissjoni. |
Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-irregolarità tal-offerta ta’ Group 4 Falck
— L-argumenti tal-partijiet
|
84 |
Ir-rikorrenti ssostni li, jekk il-Liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003 u d-Direttiva 2001/23 li din tittrasponi, japplikaw għal din il-kawża, ikun jirriżulta li l-offerta ta’ Group 4 Falck hija irregolari għaliex ma kinitx tinkludi l-obbligu tat-teħid tal-kuntratti ta’ xogħol tal-aġenti ta’ Brink’s assenjati għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ sorveljanza konkluż mal-Kummissjoni. |
|
85 |
Hija tosserva li Group 4 Falck iddikjarat, f’ittra tal-14 ta’ Diċembru 2005 mibgħuta lir-rikorrenti, li kien beħsiebha ma tosservax il-Liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003, peress li fiha, Group 4 Falck spjegat li kienet disposta li timpjega biss madwar 40 persuna bi prijorità minn fost l-impjegati anzjani fis-servizz ta’ Brink’s. Hija tenfasizza li, fil-31 ta’ Marzu 2006, Group 4 Falck kienet ħadet il-kuntratt tax-xogħol ta’ 56 mill-173 impjegat li Brink’s kienet assenjat għat-twettiq tal-kuntratt. |
|
86 |
Għaldaqstant, ir-rikorrenti tqis li Group 4 Falck kisret il-liġi Lussemburgiża u d-Direttiva 2001/23 li hija tittrasponi, billi ħadet biss parti mill-ex impjegati mingħajr ma żammet id-drittijiet tagħhom. Għalhekk, iċ-ċaħda tal-Kummissjoni li tirtira d-deċiżjoni tal-għoti tagħha, minkejja l-elementi prodotti mir-rikorrenti, hija illegali. |
|
87 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-applikabbiltà tal-liġi invokata mir-rikorrenti minħabba li f’dan il-każ ma seħħ l-ebda trasferiment ta’ impriża. Sussidjarjament, hija tosserva li, anki li kieku seħħ trasferiment ta’ impriża, hija ma setgħetx tkun taf b’dan fl-istadju tal-preparazzjoni tas-sejħa għal offerti. |
|
88 |
Group 4 Falck tingħaqad mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inapplikabbiltà tal-Liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003. Hija tosserva wkoll li, peress li t-teħid ta’ parti sostanzjali mill-persunal hija kundizzjoni determinanti fit-twettiq ta’ trasferiment ta’ impriża, u peress li l-ispeċifikazzjonijiet ma kinux jimponu din il-kundizzjoni, id-Direttiva 2001/23 ma setgħetx tapplika a priori. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
|
89 |
Skont l-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2001/23, trasposta fid-dritt Lussemburgiż bl-Artikolu 1 tal-Liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003 invokata mir-rikorrenti, din id-direttiva “għandha tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali”. |
|
90 |
Skont il-paragrafu 1(b) ta’ dan l-istess Artikolu, “ikun hemm trasferiment fis-sens ta’ din id-Direttiva meta jkun hemm trasferiment ta’ xi entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività ekonomika, indipendentement minn jekk l-attività hijiex ċentrali jew anċillari”. |
|
91 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju deċiżiv sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ trasferiment fis-sens tad-Direttiva 2001/23 huwa jekk l-entità inkwistjoni żżommx l-identità tagħħa, u dan jirriżulta, b’mod partikolari, mit-tkomplija effettiva jew il-bidu mill-ġdid tal-attività tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Marzu 1986, Spijkers, 24/85, Ġabra p. 1119, punti 11 u 12, u tal-11 ta’ Marzu 1997, Süzen, C-13/95, Ġabra p. I-1259, punt 10). |
|
92 |
Is-sempliċi ċirkustanza li s-servizzi pprovduti mill-offerent magħżul preċedenti u mill-offerent magħżul il-ġdid huma simili ma tfissirx li jista’ jiġi konkluż li kien hemm trasferiment ta’ entità ekonomika bejn l-impriżi suċċessivi. Fil-fatt, tali entità ma tistax tiġi limitata għall-attività li ġiet fdata lilha. L-identità tagħha tirriżulta wkoll minn elementi oħra bħall-persunal li jifformaha, l-istruttura tagħha, l-organizzazzjoni tax-xogħol li twettaq, il-metodi ta’ kif topera jew, jekk ikun il-każ, saħansitra l-mezzi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex topera (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 1998, Hidalgo et, C-173/96 u C-247/96, Ġabra p. I-8237, punt 30). |
|
93 |
Għalhekk, peress li, f’settur bħal dak tal-għassa, fejn l-attività ekonomika hija essenzjalment ibbażata fuq il-ħaddiema, grupp ta’ impjegati li fit-tul iwettqu attività komuni jista’ jikkostitwixxi entità ekonomika, tali entità tista’ żżomm l-identità tagħha lil hinn mit-trasferiment tagħha meta l-offerent magħżul il-ġdid ma jillimitax ruħu li jkompli l-attività inkwistjoni, iżda jieħu wkoll parti essenzjali, f’termini ta’ numru u ta’ kompetenza, mill-persunal li l-predeċessur tiegħu kien assenja preċedentement għal dan l-inkarigu (sentenza Hidalgo et, punt 92 iktar ’il fuq, punt 32). |
|
94 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża bejn l-offerent magħżul preċedenti u l-appaltatur il-ġdid tiddependi fuq l-eventwali teħid, min-naħa tal-offerent magħżul il-ġdid, ta’ parti essenzjali, f’termini ta’ numru u ta’ kompetenza, mill-impjegati li r-rikorrenti kienet assenjat għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Konsegwentement, il-Kummissjoni, la meta ppubblikat is-sejħa għal offerti, u lanqas meta adottat id-deċiżjoni tal-għoti, ma setgħet tkun taf jekk kinux jeżistu l-kundizzjonijiet fattwali meħtieġa sabiex ikun hemm trasferiment ta’ impriża li jinvolvi l-applikazzjoni tal-Liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003 li tittrasponi d-Direttiva 2001/23. |
|
95 |
Barra minn hekk, l-ittra tal-14 ta’ Diċembru 2005 invokata mir-rikorrenti, fejn Group 4 Falck wriet ir-rieda li timpjega 40 persuna supplimentari b’mod prijoritarju minn fost l-impjegati ta’ Brink’s assenjati għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt li kien ingħata lilha, hija sempliċi espressjoni ta’ intenzjoni. Din ma tistax tiġi pparagunata mat-teħid ta’ parti essenzjali, f’termini ta’ numru u ta’ kompetenza, tal-impjegati (li jammontaw għal 173) li Brink’s kienet assenjat għall-kuntratt inkwistjoni, jiġifieri għall-kundizzjoni meħtieġa mill-ġurisprudenza sabiex ikun hemm trasferiment ta’ impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hidalgo et, punt 92 iktar ’il fuq, punt 32). |
|
96 |
Barra minn hekk, din l-intenzjoni ġiet espressa wara li saret l-offerta minn Group 4 Falck u wara li ngħatat id-deċiżjoni tal-għoti. Issa, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE, il-legalità tal-att Komunitarju inkwistjoni għandha tiġi evalwata abbażi tal-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li kienu jeżistu fil-ġurnata ta’ meta dan l-att ġie adottat (sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 7; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni, T-371/94 u T-394/94, Ġabra p. II-2405, punt 81, u tal-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, T-109/01, Ġabra p. II-127, punt 50) u tal-informazzjoni li l-istituzzjoni awtriċi tal-att seta’ kellha meta adottatu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punt 168). Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka quddiem il-Qorti Komunitarja elementi ta’ fatt li seħħew wara li ngħatat id-deċiżjoni tal-għoti, jew elementi li l-Kummissjoni ma setgħetx tkun taf bihom waqt l-adozzjoni tagħha. L-istess jgħodd għall-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li Group 4 Falck ħadet, fil-31 ta’ Marzu 2006, 56 mill-173 impjegat li kienet assenjat għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt ikkontestat. |
|
97 |
Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li ċ-ċirkustanzi ta’ fatt neċessarji għall-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża la kienu sodisfatti meta saret l-offerta ta’ Group 4 Falck fit-12 ta’ Ottubru 2005, u lanqas meta ttieħdet id-deċiżjoni tal-għoti. |
|
98 |
Barra minn hekk, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ilment tar-rikorrenti li jirrigwarda l-illegalità taċ-ċaħda tal-Kummissjoni milli tirtira d-deċiżjoni tal-għoti tagħha, fid-dawl tan-nuqqas ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda u tal-inammissibbiltà tat-talbiet tar-rikorrenti intiżi għall-annullament tal-ittri tal-Kummissjoni tas-7 u tal-14 ta’ Diċembru 2005, ħlief f’dak li jirrigwarda ċ-ċaħda tal-komunikazzjoni tal-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni. |
|
99 |
Konsegwentement, għandu jitqies li l-argument tar-rikorrenti ma jistax jirnexxi. |
|
100 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li din il-parti għandha tinċaħad. |
Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-illegalità tal-ispeċifikazzjonijiet tal-Kummissjoni
— L-argumenti tal-partijiet
|
101 |
Ir-rikorrenti tilmenta li fl-ispeċifikazzjonijiet mogħtija lill-offerenti, il-Kummissjoni ma inkludietx l-inventarji tal-impjegati tagħha u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt tagħhom. Fin-nuqqas ta’ tali inventarju, kien impossibbli li waħda mill-offerti mressqa mill-offerenti l-oħra tkun tinkludi fiha t-teħid tal-impjegati msemmija. |
|
102 |
Il-Kummissjoni tqis li, anki li kieku tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża, minn dan ma jistax jiġi dedott obbligu fuq l-awtorità kontraenti li timponi t-teħid tal-kuntratti ta’ xogħol fl-ispeċifikazzjonijiet. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
|
103 |
Abbażi tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji u l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet huma marbuta li jiżguraw ruħhom li l-kundizzjonijiet previsti f’sejħa għal offerti ma jħajrux lill-offerenti potenzjali jiksru l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-attività tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2000, AICS vs Il-Parlament, T-139/99, Ġabra p. II-2849, punt 41). |
|
104 |
F’dan il-każ, in-nuqqas ta’ inventarju tal-impjegati ta’ Brink’s fl-ispeċifikazzjonijiet ma jistax jitqies li jħajjar lill-offerenti jew lill-offerent magħżul jiksru l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-osservanza tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża. Fl-ispeċifikazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ma imponiet l-ebda kundizzjoni li neċessarjament twassal għall-ksur tal-Liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003, billi tgħamel impossibbli kull teħid tal-kuntratti ta’ xogħol fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża. L-uniċi kundizzjonijiet fl-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-persunal, jiġifieri l-ħtieġa ta’ esperjenza professjonali minima ta’ sena, ta’ tliet snin jew ta’ ħames snin skont il-funzjoni moqdija, u l-ħtieġa li mill-inqas 10% tal-aġenti ta’ sigurtà għandu jkollhom taħriġ bażiku tal-ewwel għajnuna u/jew ta’ tifi tan-nar volontarju, ma jostakolawx l-osservanza ta’ eventwali obbligu li jirriżulta mil-Liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003 li jittieħdu l-kuntratti ta’ xogħol tal-aġenti li Brink’s kienet assenjat għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ sorveljanza. |
|
105 |
Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet kienu jipprovdu espressament li meta jiffirma l-kuntratt, l-offerent magħżul kellu jkun konformi mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-Lussemburgu, u b’hekk wissew lill-offerenti sabiex jiżguraw ruħhom li kienu qed josservaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ. |
|
106 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ilment tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ inventarju tal-impjegati tagħha fl-ispeċifikazzjonijiet għandu jinċaħad. |
b) Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali applikat għall-kuntratti pubbliċi
L-argumenti tal-partijiet
|
107 |
Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni, meta imponiet anzjanità minima ta’ sena, poġġietha f’sitwazzjoni sfavorevoli inkwantu, peress li kellha l-kuntratt sa mis-snin 70, hija kienet timpjega numru kbir ta’ impjegati li l-anzjanità tagħhom kienet superjuri għal-sena, ħaġa li kienet tirrappreżenta spiża f’pagi li l-offerenti l-oħra ma kellhomx għalfejn jintegraw fl-offerti tagħhom. Għalkemm it-teħid tat-totalità tal-kuntratti ta’ xogħol, biż-żamma tad-drittijiet tagħhom, tal-impjegati ta’ Brink’s assenjati għall-kuntratt inkwistjoni ma jorbotx lill-offerent magħżul il-ġdid, il-Kummissjoni kellha b’hekk tagħmel dan it-teħid obbligatorju sabiex tevita tali ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. |
|
108 |
Ir-rikorrenti tqis li l-impożizzjoni tal-obbligu tat-teħid tal-kuntratti ta’ xogħol ma kienx jipprekludi lill-offerenti l-oħra milli jipproponu prezzijiet inferjuri, billi jtejjbu aspetti oħra mill-offerti tagħhom. |
|
109 |
Il-Kummissjoni tosserva li l-kundizzjoni ta’ esperjenza professjonali minima ta’ sena għall-aġenti hija rekwiżit realistiku u adattat għan-natura speċifika tal-funzjoni ta’ sorveljanza tal-bini tagħha, li barra minn hekk ikkontribwixxiet sabiex il-kuntratt ikun miftuħ sal-massimu għall-kompetizzjoni. |
|
110 |
Hija żżid li l-ħtieġa ta’ esperjenza professjonali minima għola, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tal-pagi ta’ Brink’s, kienet tkun diskriminatorja fir-rigward tal-offerenti l-oħra. |
|
111 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li hija ma kellhiex l-awtorità taħt id-dritt Lussemburgiż li timponi t-tiġdid tal-kuntratti ta’ xogħol. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
|
112 |
Skont l-Artikolu 89(1) tar-regolament finanzjarju, il-kuntratti pubbliċi kollha li huma ffinanzjati totalment jew parzjalment mill-baġit għandhom ikunu konformi mal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ proporzjonalità, ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni. |
|
113 |
Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-awtorità kontraenti hija marbuta, f’kull fażi tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, li tosserva l-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-offerenti u, konsegwentement, li tosserva l-ugwaljanza tal-opportunitajiet tal-offerenti kollha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C-496/99 P, Ġabra p. I-3801, punt 108; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Embassy Limousines & Services vs Il-Parlament, T-203/96, Ġabra p. II-4239, punt 85, u tat-12 ta’ Lulju 2007, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T-250/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 45). |
|
114 |
Il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-offerenti, li għandu l-iskop li jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni f’saħħitha u effettiva bejn l-impriżi li jipparteċipaw fl-għoti ta’ kuntratt pubbliku, jimponi li l-offerenti kollha jkollhom l-istess opportunitajiet fil-formulazzjoni tat-termini tal-offerti tagħhom u għalhekk jimplika li dawn għandhom jiġu ppreżentati taħt l-istess kundizzjonijiet għall-kompetituri kollha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Marzu 2008, European Network vs Il-Kummissjoni, T-332/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 125, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
115 |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ trasparenza, li jikkostitwixxi korollarju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, dan essenzjalment għandu l-iskop li jiggarantixxi n-nuqqas ta’ riskju ta’ favoritiżmi u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti. Dan jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura ta’ għoti jkunu fformulati b’mod ċar, preċiż u inekwivoku, fis-sejħa għal offerti jew fl-ispeċifikazzjonijiet (sentenza Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, punt 113 iktar ’il fuq, punt 111). |
|
116 |
Fl-istess sens, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 131(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni jipprovdi li “[L-is]peċifikazzjonijiet tekniċi iridu jagħtu aċċess ugwali lill-kandidati u lil min jitfa’ l-offerti u mhux ikollhom l-effett li joħolqu xkiel mhux iġġustifikat biex ikun hemm offerti kompetittivi”. |
|
117 |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni li, billi imponiet, fl-ispeċifikazzjonijiet, il-kundizzjoni ta’ esperjenza professjonali minima ta’ sena, is-sejħa għal offerti ma kinitx tippermetti li jiġi żgurat li l-offerenti jingħataw trattament ugwali. |
|
118 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni ta’ esperjenza professjonali minima ta’ sena għall-aġenti fil-qasam tal-għassa, prevista fil-punt 21 tal-ispeċifikazzjonijiet, tapplika b’mod indistint għall-offerenti kollha. |
|
119 |
Barra minn hekk, din il-kundizzjoni ġiet stabbilita b’mod ċar, preċiż u inekwivoku. |
|
120 |
Barra minn hekk, il-ħtieġa ta’ esperjenza professjonali minima ta’ sena ma tidhirx inadatta fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ sorveljanza li għandhom jitwettqu fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Għandu jiġi osservat li, għall-impjiegi ta’ persuna responsabbli għall-bini u ta’ kap ta’ grupp, l-ispeċifikazzjonijiet kienu jeħtieġu esperjenza professjonali minima ta’ ħames snin fil-qasam tal-għassa, fejn minimu ta’ sentejn minnhom bħala responsabbli minn gruppi ta’ għassa, u esperjenza professjonali minima ta’ tliet snin għall-operaturi tad-dispaċċ ta’ sigurtà. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet li jirrigwardaw l-esperjenza professjonali tal-aġenti juru l-intenzjoni tal-awtorità kontraenti li tadatta l-ħtiġijiet relatati mal-esperjenza professjonali mal-ispeċifiċitajiet tax-xogħol li għandu jsir. |
|
121 |
Mill-bqija, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-adegwatezza tal-ħtieġa ta’ esperjenza professjonali minima ta’ sena għall-ispeċifiċitajiet tax-xogħol li għandu jsir. |
|
122 |
F’kull każ, il-Kummissjoni, hekk kif tenfasizza, ikkontribwixxiet sabiex tnaqqas in-numru ta’ offerenti potenzjali billi imponiet esperjenza professjonali superjuri għal sena, u bl-istess mod naqset l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva mingħajr ma dan jidher ġustifikat min-neċessitajiet tal-funzjonijiet. Tali kundizzjoni tikkostitwixxi xkiel mhux ġustifikat għal-għoti tal-kuntratti skont l-Artikolu 131 tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni. |
|
123 |
Għandu jiġi osservat ukoll li d-Direttiva 2001/23, trasposta fid-dritt Lussemburgiż permezz tal-Liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003, għandha kamp ta’ applikazzjoni determinat. Il-Kummissjoni ma kinitx obbligata, peress li ma kinux sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ trasferiment ta’ impriża (ara l-punti 89 sa 97 iktar ’il fuq), li timponi t-tiġdid tal-kuntratti ta’ xogħol. Fil-fatt, il-Kummissjoni la għandha s-setgħa li tobbliga lil kumpannija tittrasferixxi l-kuntratti ta’ xogħol tagħha, u lanqas li tobbligha timpjega lil persuni li hija ma għażlitx. |
|
124 |
Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata, abbażi tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-offerenti, li timponi esperjenza professjonali minima superjuri għal sena, u lanqas li timponi t-teħid tal-aġenti assenjati minn Brink’s għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Għalhekk, dan il-motiv għandu jinċaħad. |
c) Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali applikat għall-kuntratti pubbliċi, li jirriżulta mill-fatt li Group 4 Falck kellha informazzjoni privileġġata meta ressqet l-offerta tagħha
L-argumenti tal-partijiet
|
125 |
Ir-rikorrenti tqis li Group 4 Falck kellha informazzjoni privileġġata li tirrigwardaha, li setgħet tgħinha u tkun ta’ vantaġġ fil-preparazzjoni tal-offerta tagħha. Minn dan jirriżulta ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, u b’mod iktar partikolari tat-trattament ugwali tal-offerenti. |
|
126 |
Din l-informazzjoni essenzjali kienet ingħatat minn Securicor Luxembourg — li saret Brink’s — lill-kumpannija prinċipali preċedenti tagħha matul l-inkorporazzjoni legali bejn Group 4 Falck A/S u Securicor, sabiex tirrispondi għat-talbiet għal informazzjoni addizzjonali magħmula mill-Kummissjoni wara notifika tal-konċentrazzjoni. B’mod partikolari, din l-informazzjoni tikkonsisti fid-dħul mill-bejgħ għal kull klijent u għal kull attività, f’informazzjoni dwar il-kuntratti, f’listi ta’ klijentela, f’informazzjoni dwar il-persuni ta’ kuntatt kif ukoll analiżi tal-prezzijiet, tal-ispejjeż, tal-marġini u tal-profitti. Anki jekk jitqies li l-Kummissjoni setgħet leġittimament ma tkunx taf b’dan il-fatt matul l-għoti tal-kuntratt, hija kellha tirtira d-deċiżjoni tal-għoti tagħha meta r-rikorrenti ġibditilha l-attenzjoni dwar dan il-fatt f’ittra tal-5 ta’ Diċembru 2005. |
|
127 |
Ir-rikorrenti tenfasizza li d-dispożittiv ta’ iżolament (“ring fencing”) stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2004 sabiex tiżgura ruħha li Group 4 Falck ma tkunx tista’ tuża sigrieti kummerċjali, għarfien professjonali, informazzjoni kummerċjali u kull informazzjoni kunfidenzjali oħra dwar l-assi trasferiti, ġie stabbilit biss b’effett mid-data ta’ din id-deċiżjoni. |
|
128 |
Il-Kummissjoni tqis li l-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-offerenti ma jinkisirx bis-sempliċi fatt li wieħed mill-offerenti għandu ċerta informazzjoni, anki jekk privileġġata, li ma għandhomx l-offerenti l-oħra. Hija tqis li mhijiex marbuta li tivverifika b’mod sistematiku jekk l-informazzjoni li għandhom l-offerenti hijiex ta’ natura kunfidenzjali. |
|
129 |
Il-Kummissjoni tippreċiża li hija ma kellha l-ebda raġuni għalfejn taħseb, fiż-żmien tal-għoti tal-kuntratt, li l-offerent magħżul kellu tali informazzjoni, peress li kien ġie implementat dispożittiv ta’ iżolament wara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2004. Ir-rikorrenti ma pprovatx, skont il-Kummissjoni, li Group 4 Falck ibbenifikat minn informazzjoni privileġġata. |
|
130 |
L-intervenjenti tindika li qatt ma kisbet informazzjoni dwar ir-rikorrenti jew dwar il-kuntratt inkwistjoni min-naħa tal-kumpannija prinċipali tagħha, Group 4 Falck A/S, jew mill-kumpannija li ġiet stabbilita mill-inkorporazzjoni legali taż-żewġ gruppi, il-kumpannija Group 4 Securicor plc, la qabel u lanqas wara l-inkorporazzjoni legali. Hija tosserva li, f’kull każ, l-informazzjoni li ġiet trażmessa, skont ir-rikorrenti, kienet ġenerika wisq sabiex tkun utli fil-kuntest ta’ din l-offerta, inkwantu ma kinitx tinkludi informazzjoni essenzjali bħad-dettalji tal-ispejjeż (pagi, rata ta’ assentejiżmu, spejjeż ta’ tgħalim u ta’ taħriġ) u l-marġni ta’ profitt tal-kuntratt inkwistjoni. Barra minn hekk, din l-informazzjoni hija antika u obsoleta, fid-dawl tal-bdil li seħħ wara l-integrazzjoni tar-rikorrenti fil-grupp Brink’s Inc. u tad-differenzi kbar bejn is-sejħa għal offerti inkwistjoni u dik preċedenti (definizzjoni mill-ġdid tal-kategoriji ta’ aġenti u tal-funzjonijiet assenjati lilhom, obbligi ġodda ta’ taħriġ u iktar limitazzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-materjal). |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
|
131 |
Għandu jiġi determinat jekk Group 4 Falck kellhiex informazzjoni kunfidenzjali li setgħet tavvantaġjaha b’mod determinanti fil-preparazzjoni tal-offerta tagħha. Dan jeħtieġ li jiġi stabbilit, minn naħa, li informazzjoni essenzjali ta’ dan it-tip ġiet trażmessa mir-rikorrenti waqt in-notifika ta’ konċentrazzjoni u, min-naħa l-oħra, li din l-informazzjoni ġiet sussegwentement ikkomunikata lil Group 4 Falck mill-kumpannija prinċipali tagħha u użata minn Group 4 Falck fil-preparazzjoni tal-offerta tagħha. |
|
132 |
Ir-rikorrenti ssostni li ttrażmettiet informazzjoni essenzjali lill-kumpannija prinċipali preċedenti tagħha, Securicor, li minnha bbenifikat Group 4 Falck. Hija ressqet, bħala anness mar-rikors, numru ta’ messaġġi elettroniċi mibgħuta bejn il-5 ta’ Marzu 2004 u s-26 ta’ April 2004 lil Securicor, li b’mod partikolari jinkludu informazzjoni dwar is-suq tal-għassa fil-Lussemburgu, dwar id-dħul mill-bejgħ magħmul mill-ikbar għaxar kuntratti tar-rikorrenti (fejn l-ewwel fil-lista hemm l-għassa tal-bini tal-Kummissjoni) u dwar l-istruttura tal-ispejjeż, diretti u indiretti, tal-attività ta’ għassa tagħha. Fost l-informazzjoni trażmessa tidher ukoll informazzjoni soċjali, bħar-rata medja kkonstatata ta’ leave minħabba mard, jew il-portata tas-sigħat żejda, kif ukoll ir-rata tal-qligħ fir-rigward tal-attività ta’ għassa tar-rikorrenti. |
|
133 |
Din l-informazzjoni, dwar l-attivita kollha ta’ għassa tar-rikorrenti u mhux dwar il-kuntratt inkwistjoni, mhijiex tali li avvantaġġat lill-offerent magħżul b’mod determinanti, għaliex din ma tippermettix li jiġi kkalkolat bi preċiżjoni l-prezz tal-offerta tar-rikorrenti. |
|
134 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda prova insostenn tal-affermazzjoni tagħha li tgħid li din l-informazzjoni ngħatat lil Group 4 Falck mill-kumpannija prinċipali tagħha u użata minn Group 4 Falck waqt il-preparazzjoni tal-offerta tagħha, bi ksur tad-dikjarazzjonijiet ta’ kunfidenzjalità ffirmati mill-impjegati ta’ Group 4 Falck, b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2004. |
|
135 |
Għandu jiġi osservat ukoll li r-rikorrenti u l-intervenjenti ma kinux l-uniċi impriżi li tefgħu offerta. Anki jekk jitqies li l-offerent magħżul kellu l-informazzjoni msemmija, kien ikun riskjuż li dan jifformula l-offerta tiegħu biss fil-konfront ta’ dik tar-rikorrenti, li kienet biss waħda mis-sitt offerenti, billi jibbaża ruħu fuq informazzjoni li tmur lura għall-2004 u preċedenti għat-trasferiment ta’ Securicor Luxembourg — li saret Brink’s — mill-grupp Brink’s, li setgħet, sadanittant, introduċiet bdil sostanzjali fit-tmexxija tal-impriża. |
|
136 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti la pprovat li ttrażmettiet, waqt in-notifika tal-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, informazzjoni kunfidenzjali ta’ natura li tavvantaġġja lil Group 4 Falck fil-preparazzjoni tal-offerta tagħha, u lanqas li tali informazzjoni ġiet trażmessa lil Group 4 Falck mill-kumpannija prinċipali tagħha u użata mill-offerent magħżul fil-kuntest tas-sejħa għal offerti. |
|
137 |
Għalhekk, dan il-motiv għandu jinċaħad. |
d) Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2004
L-argumenti tal-partijiet
|
138 |
Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-għoti hija illegali minħabba li din tikser id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2004. |
|
139 |
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2004 awtorizzat l-inkorporazzjoni legali bejn Group 4 Falck A/S u Securicor bla ħsara għat-trasferiment ta’ ċertu numru ta’ assi, fosthom Securicor Luxembourg, trasferita lill-grupp Brink’s. Skont ir-rikorrenti, l-għoti lil Group 4 Falck tal-kuntratt inkwistjoni, li qabel kien miżmum minn Brink’s, għandu l-effett li jippermetti lil Securicor li tirkupra l-ishma tas-suq u l-assi ttrasferiti fil-kuntest tal-inkorporazzjoni legali. Barra minn hekk, dan l-irkupru ġie permess mid-detenzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali miksuba minn grupp Group 4 Securicor waqt in-notifika tal-konċentrazzjoni. |
|
140 |
Il-Kummissjoni tikkontesta kull ksur tad-deċiżjoni tagħha tat-28 ta’ Mejju 2004, b’mod partikolari tal-impenji li Group 4 Falck A/S u Securicor ħadu sabiex jiksbu deċiżjoni li l-konċentrazzjoni kienet kompatibbli mas-suq komuni. |
|
141 |
Il-Kummissjoni tenfasizza li l-impenn Nru 10 msemmi fid-deċiżjoni, li jgħid li għal perijodu ta’ sitt xhur mid-data tat-trasfeiment Group 4 Falck Securicor ma kellhiex tissolleċita b’mod attiv lill-klijenti tal-kumpanniji ttrasferiti, ma nkisirx. Fil-fatt, is-sottomissjoni tal-offerta ta’ Group 4 Falck seħħet fit-12 ta’ Ottubru 2005, jiġifieri wara t-terminu ta’ sitt xhur mit-trasferiment, li seħħ fl-4 ta’ Marzu 2005. |
|
142 |
Skont l-impenn Nru 9 msemmi fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2004, Group 4 Falck kienet ukoll marbuta li ma tiksibx jew tuża informazzjoni kunfidenzjali dwar ir-rikorrenti. Issa, skont il-Kummissjoni, Group 4 Falck ma setgħetx tikser dan l-impenn fid-dawl tad-dispożittiv ta’ iżolament implementat waqt l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, hekk kif jikkonferma r-rapport tal-mandatarju inkarigat li jinvestiga l-osservanza tal-impenji meħuda. Il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti ma tressaq l-ebda prova intiża sabiex turi li l-impenji meħuda nkisru. |
|
143 |
Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tippreċiża li d-dispożittiv ta’ iżolament ġie implementat biss wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2004, u jirrigwarda biss l-informazzjoni mogħtija wara li ngħatat din id-deċiżjoni, filwaqt li l-informazzjoni kunfidenzjali dwar is-suq inkwistjoni ngħatat qabel din id-data. |
|
144 |
Hija tgħid ukoll li, kieku d-data prevista mill-avviż ta’ tagħrif minn qabel ġiet osservata, Group 4 Falck ma kinitx tkun awtorizzata li tipparteċipa fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti, fid-dawl tat-terminu ta’ sitt xhur previst mill-impenn Nru 10. |
|
145 |
Il-Kummissjoni tenfasizza li d-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ sejħa għal offerti mħabbra fl-avviż ta’ tagħrif minn qabel hija biss stima, ta’ natura indikattiva. Hija tispjega li l-elaborazzjoni tas-sejħa għal offerti ħadet iktar żmien milli kien inizjalment previst, għaliex kienet tikkonċerna diversi organi tal-Komunità. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
|
146 |
L-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni lil Group 4 Falck iwassal sabiex il-grupp li rriżulta mill-inkorporazzjoni legali jirkupra l-ishma tas-suq, u b’hekk l-assi ttrasferiti, għandu jinċaħad. L-għan tat-trasferiment tal-assi li Securicor kellha fis-suq tal-għassa fil-Lussemburgu impost mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2004 huwa li jiġi prekluż li l-konċentrazzjoni twassal għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti f’dan is-suq. Dan it-trasferiment ma għandux l-iskop li l-grupp li rriżulta mill-inkorporazzjoni legali jiġi prekluż milli jerġa’ jikseb l-ishma tas-suq tiegħu fis-suq ikkonċernat, sakemm din il-kisba mill-ġdid tal-ishma tiegħu mis-suq tkun tirriżulta mill-kompetizzjoni ħielsa, bħal f’dan il-każ. L-interpretazzjoni tar-rikorrenti fir-rigward tat-trasferiment tal-assi impost mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2004 twassal għal-distorsjoni tal-kompetizzjoni ħielsa, billi jiġi blokkat b’mod permanenti s-sehem tas-suq miżmum mill-kumpannija sussidjarja tal-grupp li tirriżulta mill-inkorporazzjoni legali fis-suq ikkonċernat. |
|
147 |
F’dak li jirrigwarda l-ksur tal-impenn Nru 9 relattiv għall-preklużjoni milli tinkiseb u tintuża informazzjoni kunfidenzjali, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tressaq l-ebda element ta’ fatt jew provi insostenn tal-affermazzjoni tagħha li tgħid li dan l-impenn inkiser. |
|
148 |
Lanqas ma nkiser l-impenn Nru 10 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2004 li jipprekludi lil Group 4 Falck milli, għal perijodu ta’ sitt xhur mit-trasferiment, jiġifieri sal-4 ta’ Settembru 2005, tissoleċita b’mod attiv lill-klijenti antiki tagħha (li l-Kummissjoni kienet tifforma parti minnhom). Fil-fatt, huwa biss it-tfiegħ formali ta’ offerta li jista’ jitqies bħala solleċitazzjoni attiva, f’dak li jirrigwarda kuntratt suġġett għal sejħa għal offerti. Issa, l-offerta ta’ Group 4 Falck intefgħet fit-12 ta’ Ottubru 2005, wara li skada t-terminu. La t-talba ta’ Group 4 Falck tal-25 ta’ Marzu 2005, intiża sabiex tkun informata bid-data ta’ meta kienu ser ikunu disponibbli l-ispeċifikazzjonijiet, u lanqas dik tal-1 ta’ Settembru 2005, intiża sabiex jinkisbu l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti, ma jistgħu jitqiesu bħala solleċitazzjoni attiva f’dan il-kuntest. |
|
149 |
Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq id-diskrepanza bejn il-pubblikazzjoni tas-sejħa għal offerti u d-data mħabbra fl-avviż ta’ tagħrif minn qabel għandu jinċaħad. Fil-fatt, id-data mħabbra f’dan l-avviż hija biss stima, nieqsa minn karattru vinkolanti fuq l-awtorità kontraenti. |
|
150 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li dan il-motiv għandu jinċaħad. |
e) Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-prinċipju ta’ trasparenza u tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet
L-argumenti tal-partijiet
|
151 |
Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni previst mill-Artikolu 253 KE, mill-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1), mill-Artikolu 100(2) tar-regolament finanzjarju u mill-Artikolu 149(3) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni. |
|
152 |
Hija tqis li l-komunikazzjoni waħedha tal-marki rispettivament attribwiti lil Group 4 Falck u lilha stess abbażi ta’ kull kriterju ta’ għoti, mingħajr ma jiġi ppreċiżat il-metodu ta’ evalwazzjoni użat u lanqas l-applikazzjoni prattika tiegħu, tikkostitwixxi motivazzjoni insuffiċjenti. Ir-rikorrenti tfakkar li hija indikat b’mod ċar lill-Kummissjoni, fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2005, li hija kienet tqis li l-motivazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni kienet insuffiċjenti. |
|
153 |
Ir-rikorrenti tqis li r-risposta pprovduta mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tal-14 ta’ Diċembru 2005, li tillimita ruħha li tindikalha li Group 4 Falck kienet ippreżentat biżżejjed dokumenti ta’ prova, hija inaċċettabbli għal istituzzjoni suġġetta għal obbligu ta’ trasparenza. |
|
154 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li, billi ma bagħtitilhiex id-dokumenti pprovduti minn Group 4 Falck sabiex tipprova l-informazzjoni meħtieġa mill-ispeċifikazzjonijiet, il-Kummissjoni kisret id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet. Barra minn hekk, din iċ-ċaħda mhija bbażata fuq l-ebda motiv leġittimu. Hija tqis li l-Kummissjoni setgħet tibgħatilha verżjoni anonima tad-dokumenti. |
|
155 |
Il-Kummissjoni tosserva li hija mmotivat biżżejjed id-deċiżjonijiet ta’ għoti u ta’ ċaħda tagħha fir-rigward tal-ġurisprudenza relattiva għall-firxa tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. |
|
156 |
Hija żżid li peress li l-motivazzjoni tagħha hija suffiċjenti, hija ma kellhiex għalfejn tikkomunika d-dokumenti ta’ prova pprovduti minn Group 4 Falck fil-kuntest tat-tfiegħ tal-offerta tagħha. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
|
157 |
Preliminarjament, għandu jiġi rilevat li r-rikorrenti kkonfermat, b’risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li permezz ta’ dan il-motiv, minkejja t-titolu tiegħu, hija tillimita ruħha li tinvoka l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. |
|
158 |
Hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Lulju 1995, Koyo Seiko vs Il-Kunsill, T-166/94, Ġabra p. II-2129, punt 103, u tat-8 ta’ Mejju 1996, Adia Interim vs Il-Kummissjoni, T-19/95, Ġabra p. II-321, punt 32). |
|
159 |
Kuntrarjament għal dak li tosserva r-rikorrenti, f’dan il-każ, l-obbligu tal-Kummissjoni li tagħti motivazzjoni għaċ-ċaħda tal-offerta tagħha mhuwiex stabbilit mid-Direttiva 92/50. Hekk kif ġie mfakkar fil-punti 1 sa 3 iktar ’il fuq, ir-regolament finanzjarju u r-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni huma d-dispożizzjonijiet rilevanti applikabbli f’dan il-każ, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 100(2) tar-regolament finanzjarju u l-Artikolu 149 tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, li jirregolaw l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-istituzzjoni kompetenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. |
|
160 |
Issa, minn dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll minn ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta li l-awtorità kontraenti tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha jekk tillimita ruħha, qabel kollox, li tinforma immedjatament lill-offerenti eliminati bil-motivi taċ-ċaħda tal-offerta tagħhom u jekk tipprovdi, sussegwentement, lill-offerenti li ppreżentaw offerta ammissibbli u li jressqu talba espressa għal dan l-iskop, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati mal-offerta magħżula kif ukoll l-isem tal-offerent magħżul, f’terminu ta’ ħmistax-il ġurnata mid-data tat-talba bil-miktub (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Settembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T-465/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
161 |
Dan il-metodu ta’ proċedura huwa konformi mal-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 253 KE. |
|
162 |
Konsegwentement, sabiex jiġi stabbilit jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni osservatx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, għandhom jiġu eżaminati d-deċiżjonijiet ta’ għoti u ta’ ċaħda kif ukoll l-ittri tal-Kummissjoni tal-5, tas-7 u tal-14 ta’ Diċembru 2005, mibgħuta lir-rikorrenti b’risposta għat-talbiet espressi tagħha tal-1, tal-5 u tat-8 ta’ Diċembru 2005 intiżi sabiex tinkiseb informazzjoni supplimentari dwar id-deċiżjonijiet ta’ għoti u ta’ ċaħda. |
|
163 |
Fid-deċiżjoni ta’ ċaħda, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 100(2) tar-regolament finanzjarju, esponiet il-motivi għalfejn l-offerta tar-rikorrenti kienet inċaħdet, jiġifieri li l-offerta msemmija ma kinitx kisbet l-aħjar marka mogħtija wara l-evalwazzjoni finali. Din kienet tinforma wkoll lir-rikorrenti bil-possibbiltà li titlob informazzjoni addizzjonali dwar il-motivi taċ-ċaħda tal-offerta tagħha u, peress li l-offerta kienet ammissibbli, li tikseb il-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati mal-offerta magħżula kif ukoll l-isem tal-offerent magħżul. |
|
164 |
Fir-rigward tal-ittri tal-5, tas-7 u tal-14 ta’ Diċembru 2005, għandu qabel kollox jiġi rilevat li l-Kummissjoni rrispondiet it-talbiet bil-miktub tar-rikorrenti tal-1, tal-5 u tat-8 ta’ Diċembru 2005 fit-terminu ta’ ħmistax-il ġurnata, minn meta ġew irċevuti t-talbiet imsemmija, kif previst fl-Artikolu 149(3) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni. |
|
165 |
L-ittra tal-5 ta’ Diċembru 2005 kienet tipprovdi: “[…] L-ispeċifikazzjonijiet kienu jipprovdu li l-kuntratt jingħata lill-offerta ekonomikament l-iktar vantaġġuża, skont il-metodoloġija spjegata fl-ispeċifikazzjonijiet b’mod dettaljat. L-offerent magħżul tal-kuntratt relattiv għas-sejħa għal offerti […] huwa l-kumpannija: [Group 4 Falck] […] Il-paragun tal-evalwazzjoni tal-offerta tagħkom fil-konfront ta’ dik tal-offerent magħżul huwa mfisser fid-dettall fit-tabella li tinsab hawn taħt:
[…]” |
|
166 |
L-ittra tal-14 ta’ Diċembru 2005, li kien fiha ħafna informazzjoni b’risposta għall-preċiżazzjonijiet mitluba mir-rikorrenti, kienet b’mod partikolari tindika: “[…] Bi tkomplija mal-ittra preċedenti tagħna, jekk jogħġbok, iktar ’il quddiem sib l-informazzjoni addizzjonali għall-evalwazzjoni kwalitattiva tal-offerti:
F’dak li jirrigwarda l-kriterji 26 u 27, id-deskrizzjonijiet ipprovduti, kemm minn Brink’s kif ukoll minn Group 4 Falck, tqiesu bħala kompleti u sodisfaċenti ħafna. Għalhekk dawn jistħoqqu l-massimu tal-marki, b’mod konformi mal-metodoloġija spjegata fl-ispeċifikazzjonijiet. F’dak li jirrigwarda l-kriterju 28, Group 4 Falck ipprovdiet biżżejjed dokumenti ta’ prova li jippermettu li jiġu ġustifikati l-10 marki miksuba għal dan il-kriterju. Għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità tal-offerta tal-kompetitur tagħkom, m’aħniex awtorizzati li nagħtukom iktar dettalji dwar il-kontenut. […]” |
|
167 |
Għandu jiġi kkonstatat li, billi ppreċiżat, fl-ittri tagħha, l-isem tal-offerent magħżul kif ukoll il-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati mal-offerta magħżula fil-konfront ta’ dik tar-rikorrenti fir-rigward tal-kriterji ta’ għoti stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet, il-Kummissjoni mmotivat biżżejjed fid-dritt iċ-ċaħda tal-offerta tar-rikorrenti. |
|
168 |
Fl-ewwel lok, it-tabelli pprovduti kienu jippermettu lir-rikorrenti li tipparaguna direttament, għal kull kriterju, il-marki li kienu ngħatawlha ma’ dawk miksuba mill-offerent magħżul, peress li l-Kummissjoni ma limitatx ruħha li tikkomunika lir-rikorrenti t-totali tal-marki miksuba miż-żewġ offerenti kkonċernati. B’mod partikolari, l-ewwel tabella kienet tippermetti lir-rikorrenti li tidentifika b’mod immedjat ir-raġunijiet preċiżi għalfejn l-offerta tagħha ma kinitx intgħażlet, jiġifieri l-kisba ta’ marka inferjuri għal dik ta’ Group 4 Falck f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni finanzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Frar 2002, Esedra vs Il-Kummissjoni, T-169/00, Ġabra p. II-609, punti 191 sa 193; tal-25 ta’ Frar 2003, Strabag Benelux vs Il-Kunsill, T-183/00, Ġabra p. II-135, punt 57, u tal-25 ta’ Frar 2003, Renco vs Il-Kunsill, T-4/01, Ġabra p. II-171, punt 95). |
|
169 |
Fit-tieni lok, mill-ittra tal-14 ta’ Diċembru 2005 jirriżulta wkoll li l-offerta tar-rikorrenti ma kinitx ġiet ikklassifikata, għal ebda waħda mit-tliet kategoriji ta’ kwalità stabbiliti mill-ispeċifikazzjonijiet, f’pożizzjoni aħjar minn dik tal-offerta magħżula. Barra minn hekk, il-kummenti ġenerali li jinsabu f’din l-ittra flimkien mal-marki kienu jagħtu dettalji fuq ir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tagħti l-massimu tal-marki liż-żewġ offerti inkwistjoni. |
|
170 |
Finalment, ir-rikorrenti ma tistax validament issostni li l-Kummissjoni ma informatiex dwar il-metodu ta’ evalwazzjoni użat għal kull kriterju kif ukoll dwar l-applikazzjoni prattika tiegħu. |
|
171 |
Fil-fatt, bħala destinatarja tal-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti, Brink’s kienet informata b’mod preċiż bil-metodu ta’ evalwazzjoni użat mill-Kummissjoni saħansitra qabel ma din assenjat il-kuntratt inkwistjoni lill-intervenjenti. Sussegwentement, permezz tal-ittra tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 2005, ingħatawlha d-dettalji mitluba fir-rigward kif dan il-metodu ġie applikat. |
|
172 |
Fir-rigward tal-kriterji msemmija fil-punti 26 u 27 tal-ispeċifikazzjonijiet, dawn l-ispeċifikazzjonijiet kienu jiddeskrivu l-metodu ta’ evalwazzjoni użat, billi jfakkru b’mod partikolari li deskrizzjoni sodisfaċenti ħafna tal-organizzazzjoni implementata sabiex, minn naħa, tiġi żgurata b’mod ottimali l-provista tas-servizz fid-diversi postijiet u, min-naħa l-oħra, sabiex jitnaqqas id-dewmien fl-implementazzjoni ta’ dispożittiv effettiv matul diversi manifestazzjonijiet jew avvenimenti mhux previsti jew ta’ kull modifika li ssir lid-dispożittiv ta’ għassa, twassal għall-kisba tal-marka massima, jiġifieri 10 marki, għal kull wieħed minn dawn iż-żewġ kriterji. Fl-ittra tagħha tal-14 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni spjegat l-applikazzjoni li kienet wettqet ta’ dan il-metodu billi indikat lir-rikorrenti li d-deskrizzjonijiet ipprovduti minn Brink’s u minn Group 4 Falck abbażi ta’ dawn iż-żewġ kriterji tqiesu bħala sodisfaċenti ħafna, u li ġie attribwit lilhom il-massimu tal-marki, b’mod konformi mal-metodoloġija dettaljatament spjegata fl-ispeċifikazzjonijiet. |
|
173 |
Fir-rigward tal-kriterju msemmi fil-punt 28 tal-ispeċifikazzjonijiet, dan tal-aħħar jippreċiża l-metodu ta’ evalwazzjoni użat, billi jindika li l-offerta li jkollha l-ikbar perċentwali ta’ aġenti li jkunu segwew taħriġ bażi tal-ewwel għajnuna jew ta’ tifi tan-nar volontarju tingħata l-massimu tal-marki, filwaqt li l-offerti l-oħra jingħataw marka inferjuri b’mod proporzjonali mad-differenza bejnhom u l-iktar perċentwali għolja. Għaldaqstant, l-għoti tal-marka massima lill-offerta tar-rikorrenti u lil dik tal-offerent magħżul, mgħarraf li r-rikorrenti permezz tal-ittra tal-14 ta’ Diċembru 2005, kien ifisser li dawn iż-żewġ impriżi kienu indikaw perċentwali identika. Konsegwentement, l-applikazzjoni tal-metodu stabbilit mill-ispeċifikazzjonijiet ma kienx jirrikjedi, skont l-obbligu ta’ motivazzjoni, xi spjegazzjoni partikolari min-naħa tal-Kummissjoni, apparti d-dettalji mogħtija lir-rikorrenti b’risposta għat-talba tagħha għal kjarifiki dwar id-dokumenti ta’ prova prodotti mill-intervenjenti. |
|
174 |
Fir-rigward tal-evalwazzjoni finanzjarja tal-offerti, il-punt 29 tal-ispeċifikazzjonijiet kien jippreċiża li l-offerta li jkollha l-iktar prezz baxx kienet ser tingħata l-massimu tal-marki, filwaqt li l-offerti l-oħra kienu ser jingħataw marka proporzjonali b’mod invers. B’hekk, il-marki mogħtija lill-offerta tar-rikorrenti u lil dik tal-offerent magħżul kienu bbażati fuq raġunament matematiku li l-applikazzjoni tiegħu ma kienet titlob l-ebda spjegazzjoni addizzjonali min-naħa tal-Kummissjoni. |
|
175 |
Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, kif interpretat mill-ġurisprudenza. |
|
176 |
Għandu jiġi rilevat ukoll li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tikkomunika lir-rikorrenti, abbażi tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ għoti u ta’ ċaħda, id-dokumenti pprovduti minn Group 4 Falck. Fil-fatt, l-Artikolu 100(2) tar-regolament finanzjarju jipprovdi biss li l-awtorità kontraenti għandha tikkomunika, fuq talba bil-miktub, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati mal-offerta magħżula kif ukoll l-isem tal-offerent magħżul. |
|
177 |
Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jinċaħad, peress li l-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni. |
f) Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli tas-suq, fuq l-inosservanza tal-ispeċifikazzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kriterju kwalitattiv dwar it-taħriġ bażi tal-ewwel għajnuna u/jew ta’ tifi tan-nar volontarju tal-aġenti u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
|
178 |
Ir-rikorrenti tiddikjara li, la meta tefgħet l-offerta tagħha, u lanqas fil-ġurnata tal-preżentata tar-rikors, Group 4 Falk ma kellhiex l-aġenti ta’ sigurtà neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni. Għalhekk, hija ssostni li l-intervenjenti ma setgħetx tipproduċi d-dokumenti ta’ prova meħtieġa mill-punt 28 tal-ispeċifikazzjonijiet, jiġifieri l-kopji taċ-ċertifikati ta’ taħriġ tal-aġenti, sabiex tipprova li 100% tal-aġenti tas-sigurtà kkonċernati kellhom taħriġ fl-ewwel għajnuna u/jew ta’ tifi tan-nar volontarju kif kienet ħabbret fl-offerta tagħha. Issa, skont ir-rikorrenti, l-indikazzjoni ta’ perċentwali mhux ipprovat iwassal għall-irregolarità tal-offerta u tad-deċiżjoni li assenjatlu l-kuntratt. Għalhekk, l-offerta ta’ Group Falck kellha tinċaħad. |
|
179 |
Ir-rikorrenti tqis li l-perċentwali indikata mill-intervenjenti fl-offerta tagħha kellha, minn tal-inqas, titnaqqas għall-livell tar-relazzjoni bejn in-numru ta’ ċertifikati pprovduti minn Group 4 Falck u dawk ipprovduti mir-rikorrenti, jiġifieri għal madwar 45%, minflok 100%. |
|
180 |
Ir-rikorrenti tinsisti fuq il-fatt li l-kriterju msemmi fil-punt 28 tal-ispeċifikazzjonijiet huwa kriterju għall-għoti tal-kuntratt, u mhux impenn kuntrattwali, u li l-perċentwali mħabbra kellha tkun verifikata u verifikabbli fil-ġurnata tat-tfiegħ l-offerta. |
|
181 |
Fir-replika u fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent, ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-valur probatorju tal-ittra tal-SNCH tal-11 ta’ Ottubru 2005. Hija ssostni li dan id-dokument ma jistax jistabbilixxi li 100% tal-aġenti ta’ sigurtà ta’ Group 4 Falck segwew it-taħriġ meħtieġ, għaliex dan jikkostitwixxi biss ċertifikazzjoni ta’ sistema ta’ amministrazzjoni tal-kwalità konformi mal-istandard ISO 9001:2000 (iktar ’il quddiem “ISO 9001”) ibbażat fuq sondaġġi u b’hekk suġġett għar-riskju tal-kampjuni. |
|
182 |
Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-valur probatorju ta’ dan id-dokument minħabba li dan ma għandux destinatarju u minħabba li ma jsemmix l-iskop eżatt għalfejn ġie stabbilit. Hija tqis ukoll li l-firmatarju tiegħu ma kienx awtorizzat li jaġixxi f’isem l-SNCH, peress li la huwa inkarigat bit-tmexxija u lanqas bl-amministrazzjoni tagħha. Hija ssostni li ġew eżerċitati pressjonijiet minn Group 4 Falck fuq l-awdituri ta’ SNCH sabiex tikseb il-formulazzjoni tal-ittra tal-11 ta’ Ottubru 2005. |
|
183 |
Mal-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent, ir-rikorrenti annettiet diversi dokumenti, fosthom posta elettronika tat-18 ta’ Diċembru 2006 tal-awditur ta’ SNCH li ffirma l-ittra tal-11 ta’ Ottubru 2005. Mal-osservazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti annettiet ukoll ħames dikjarazzjonijiet mill-impjegati tagħha, intiżi sabiex jikkonfermaw li r-rappreżentanti ta’ SNCH sostnew, waqt laqgħa li seħħet fil-bini ta’ Brink’s fis-6 ta’ Diċembru 2006, li fformulaw l-ittra tal-11 ta’ Ottubru 2005 minħabba l-insistenza ta’ Group 4 Falck. Ir-rikorrenti pproponiet ukoll lill-Qorti tal-Prim’Istanza li tipproċedi bis-smigħ ta’ diversi impjegati tagħha li pparteċipaw għal din il-laqgħa, kif ukoll ta’ żewġ impjegati ta’ SNCH. |
|
184 |
Il-Kummissjoni tqis li l-marki ma jingħatawx skont in-numru ta’ ċertifikati pprovduti, iżda biss fid-dawl tal-perċentwali indikata, b’mod partikolari peress li l-awtorità kontraenti ma tistax a priori tiddetermina n-numru ta’ aġenti neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt. |
|
185 |
Skont il-Kummissjoni, it-78 ċertifikat ipprovduti minn Group 4 Falck jipprovaw li 100% tal-impjegati li dan l-offerent kellu l-intenzjoni li jassenja għall-kuntratt diġà kellhom it-taħriġ meħtieġ fil-mument tal-evalwazzjoni tal-offerta. Min-naħa tagħha, iċ-ċertifikazzjoni tal-SNCH tipprova li 100% tal-aġenti ta’ Group 4 Falck x’aktarx kienu segwew taħriġ fl-ewwel għajnuna u/jew ta’ tifi tan-nar volontarju fil-mument tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, għaliex din tiċċertifika kull aġent ġdid impjegat jiġi mħarreġ. |
|
186 |
Il-Kummissjoni tosserva li l-interpretazzjoni ta’ Brink’s tal-kriterju relattiv għat-taħriġ tal-aġenti twassal sabiex ikun meħtieġ li l-offerenti li jkollhom diġà fost l-impjegati tagħhom it-totalità tal-aġenti meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Minn dan ikun jirriżulta trattament mhux ugwali tal-offerenti, li mingħajr dubju jwassal għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni lill-offerent magħżul preċedenti. |
|
187 |
L-intervenjenti tosserva li, meta pprovdiet 78 ċertifikat ta’ taħriġ, hija pprovdiet daqstant ċertifikati daqs in-numru ta’ aġenti msemmija fil-punt 22 tal-ispeċifikazzjonijiet. Fir-rigward tal-aġenti l-oħra li jistgħu jiġu assenjati għall-kuntratt, u li mhumiex imsemmija fil-punt 22 tal-ispeċifikazzjonijiet, Group 4 Falck ipprovdiet iċ-ċertifikat ta’ SNCH li jipprova b’mod globali t-taħriġ tagħhom fil-qasam tal-ewwel għajnuna u tat-tifi tan-nar. |
|
188 |
Skont l-intervenjenti, iċ-ċertifikat tal-SNCH li pprovdiet jippermetti li jiġi pprovat li l-persunal operattiv jingħata taħriġ inizjali fl-oqsma tal-ewwel għajnuna u tat-tifi tan-nar, b’mod konformi mal-istandard ISO 9001, li l-osservanza tiegħu hija kkonfermata mill-ewwel ċertifikat, dan ukoll maħruġ mill-SNCH, wara diversi proċeduri ta’ awditjar mwettqa għand Group 4 Falck. |
|
189 |
L-intervenjenti kkontestat l-ammissibbiltà tal-provi l-ġodda ppreżentati mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent fir-rigward tal-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura. Sussidjarjament, waqt is-seduta, hija pproduċiet provi ġodda b’risposta għal dawk ippreżentati mir-rikorrenti. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
— Fuq l-ammissibbiltà tal-provi ġodda prodotti mir-rikorrenti u mill-intervenjenti
|
190 |
Skont l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura fir-replika jew fil-kontroreplika, il-partijiet jistgħu jipproduċu provi ulterjuri li jsostnu l-argumenti tagħhom, iżda għandhom jagħtu r-raġunijiet għaliex dawn il-provi ġew ippreżentati tard. Madankollu, skont il-ġurisprudenza, il-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-provi prodotti wara li tiġi prodotta prova kuntrarja mill-kontroparti fir-risposta tagħha ma jaqgħux taħt ir-regola ta’ dekadenza prevista mill-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-produzzjoni ta’ provi ġodda u għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 66(2) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, li jipprovdu espressament li l-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-provi mressqa jibqgħu riżervati (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punti 71 u 72, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Trends, T-448/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 52). |
|
191 |
F’dan il-każ, il-produzzjoni mir-rikorrenti tal-posta elettronika tal-SNCH tat-18 ta’ Diċembru 2006, tal-posta elettronika tad-direttur legali ta’ Brink’s tal-istess ġurnata, tad-dikjarazzjonijiet tal-impjegati li assistew għal-laqgħa tas-6 ta’ Diċembru 2006, kif ukoll tad-dokumenti K1 sa K4, relatati mal-istandard ISO 9001 u għall-SNCH, jikkostitwixxu prova kuntrarja intiża sabiex tirrispondi għad-dokumenti mressqa mill-intervenjenti fin-nota ta’ intervent, bil-għan li turi s-saħħa probatorja tad-dokument tal-11 ta’ Ottubru 2005 stabbilit mill-SNCH, jiġifieri l-istatuti tal-SNCH u tas-Société nationale de contrôle technique, ir-Regolament Gran Dukali tat-28 ta’ Diċembru 2001 li jiddetermina sistema ta’ akkreditament tal-organi ta’ ċertifikazzjoni u ta’ spezzjoni kif ukoll tal-laboratorji ta’ ttestjar, u li joħolqu l-Uffiċċju Lussemburgiż ta’ akkreditament u ta’ sorveljanza, kumitat ta’ akkreditament u assoċjazzjoni nazzjonali tal-awdituri tal-kwalità u tekniċi (Mém. A 2002, p. 94), u ċ-ċertifikat ISO 9001 tal-14 ta’ Frar 2005 ta’ Group 4 Falck. Għaldaqstant, din mhijiex milquta mir-regola ta’ dekadenza prevista mill-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura, u għandha tiġi ddikjarata ammissibbli. |
|
192 |
Id-dokumenti mressqa mill-intervenjenti waqt is-seduta kienu jikkonsistu f’korrispondenza bejn l-intervenjenti u l-SNCH dwar il-valur probatorju tal-ittra tal-11 ta’ Ottubru 2005 u tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li jgħidu li dan id-dokument ġie stabbilit wara pressjonijiet min-naħa ta’ Group 4 Falck fuq l-awdituri tal-SNCH. Dawn jikkostitwixxu wkoll prova kuntrarja, intiża sabiex twieġeb għall-osservazzjonijiet u għall-provi prodotti mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent. Għaldaqstant, dawn għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli. |
— Fuq il-mertu
|
193 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa rigward l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratt wara li tkun saret sejħa għal offerti, u li l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Novembru 1978, Agence européenne d’intérims vs Il-Kummissjoni, 56/77, Ġabra p. 2215, punt 20; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Frar 2000, ADT Projekt vs Il-Kummissjoni, T-145/98, Ġabra p. II-387, punt 147, u tas-6 ta’ Lulju 2005, TQ3 Travel Solutions Belgium vs Il-Kummissjoni, T-148/04, Ġabra p. II-2627, punt 47). |
|
194 |
Il-partijiet jagħtu interpretazzjonijiet differenti tal-kriterju msemmi fil-punt 28 tal-ispeċifikazzjonijiet. Għaldaqstant, għandu jitfakkar il-kontenut tal-punt 28, qabel ma jiġi ppreċiżat is-sens ta’ dan il-kriterju u, fl-aħħar mill-aħħar, qabel ma jiġi eżaminat il-valur probatorju tal-ittra tal-SNCH tal-11 ta’ Ottubru 2005. |
|
195 |
Il-punt 28 tal-ispeċifikazzjonijiet kien jiddisponi kif ġej: “Taħriġ bażiku fl-ewwel għajnuna u/jew ta’ tifi tan-nar volontarju Il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ eżekuzzjoni tas-servizz jistabbilixxu li minimu ta’ 10% tal-aġenti ta’ sigurtà għandu jkollhom taħriġ bażiku fl-ewwel għajnuna u/jew ta’ tifi tan-nar volontarju.
L-offerta li tagħti l-perċentwali massima tingħata l-massimu tal-marki. L-offerti l-oħra ser jingħataw marka proporzjonali b’mod invers.” |
|
196 |
Ir-rikorrenti u l-intervenjenti sostnew li 100% tal-aġenti ta’ sigurtà tagħhom kellhom tali taħriġ, u kisbu 10 marki kull wieħed. Ir-rikorrenti ppreżentat 173 ċertifikat ta’ taħriġ insostenn ta’ din il-perċentwali, filwaqt li l-intervenjenti ppreżentat 78 ktejjeb ta’ taħriġ, li jikkorrispondu għall-impjegati li hija kellha diġà l-intenzjoni li tassenja għall-kuntratt inkwistjoni u li l-curriculum vitae tagħhom kienu diġà ntbagħtu skont il-punt 22 tal-ispeċifikazzjonijiet, kif ukoll ittra tal-SNCH tal-11 ta’ Ottubru 2005 li tiddikjara li, fil-kuntest taċ-ċertifikazzjoni ISO 9001 ta’ Group 4 Falck, il-persunal kollu jingħata taħriġ inizjali fil-qasam tal-ewwel għajnuna u tat-tifi tan-nar, li huwa disponibbli pjanijiet ta’ taħriġ u ta’ aġġornament, u li rapporti magħmula fl-2004 u fl-2005 juru li l-proċeduri implementati huma effettivament applikati. |
|
197 |
Skont ir-rikorrenti, kienu biss l-offerenti li setgħu juru, hekk kif għamlet hija stess, li għandhom, fil-ġurnata tat-tfiegħ tal-offerta, l-aġenti ta’ sigurtà kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, u li t-totalità ta’ dawn l-aġenti jibbenifikaw minn taħriġ fl-ewwel għajnuna u/jew ta’ tifi tan-nar volontarju, li setgħu jindikaw perċentwali ta’ 100%. |
|
198 |
Din l-interpretazzjoni ma tistax tintlaqgħa. Fil-fatt, din twassal, kif tenfasizza l-Kummissjoni, għal ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-offerenti, għaliex din tagħti vantaġġ lill-offerent magħżul attwali tal-kuntratt, li jkun l-uniku li jkollu l-aġenti kollha neċessarji. Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ħtieġa li l-offerent ikun jiddisponi, fil-mument meta jitfa l-offerta tiegħu, min-numru ta’ persunal meħtieġ, tagħti privileġġ l-offerent magħżul attwali (sentenza TQ3 Travel Solutions Belgium vs Il-Kummissjoni, punt 193 iktar ’il fuq, punt 90). Barra minn hekk, huwa impossibbli li l-awtorità kontraenti tiddetermina minn qabel in-numru ta’ aġenti neċessarji, li jista’ jvarja minn offerent għall-ieħor skont il-metodi ta’ organizzazzjoni li jkun adotta. |
|
199 |
B’hekk, il-perċentwali msemmija fil-punt 28 tal-ispeċifikazzjonijiet għandha tinftiehem bħala relattiva għall-aġenti ta’ sigurtà li ser ikunu assenjati għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Peress li din il-perċentwali għandha tiġi pprovata fl-istadju tat-tfiegħ tal-offerta, huwa leġittimu li jiġu aċċettati dokumenti li jipprovaw, minn naħa, li l-perċentwali mħabbra tikkorrispondi mal-perċentwali ta’ aġenti li għandhom it-taħriġ meħtieġ fost l-aġenti li l-offerent kien diġà marbut li jidentifika skont il-punt 22 tal-ispeċifikazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, li tkun ġiet implementata politika ta’ taħriġ sabiex jiġi żgurat li kull aġent ġdid impjegat ikollu t-taħriġ meħtieġ. |
|
200 |
Fir-rigward tal-valur probatorju tal-ittra tal-SNCH tal-11 ta’ Ottubru 2005, għandu jiġi osservat li mal-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent, ir-rikorrenti annettiet posta elettronika tat-18 ta’ Diċembru 2006 tal-awditur tal-SNCH li ffirma l-ittra tal-11 ta’ Ottubru 2005. Fiha, il-firmatarju ta’ din l-ittra jippreċiża li l-ittra tal-11 ta’ Ottubru 2005 ma għandha titqies la bħala ċertifikat u lanqas bħala dikjarazzjoni, u li din ma tistax tipprova li 100% tal-persunal ikkonċernat irċieva taħriġ fl-ewwel għajnuna u/jew ta’ tifi tan-nar volontarju. Konsegwentement, il-portata tal-ittra tal-11 ta’ Ottubru 2005 tillimita ruħha, skont il-firmatarju tagħha, li tfakkar li l-eżistenza ta’ politika ta’ taħriġ u l-implementazzjoni effettiva tagħha ġew verifikati u ċċertifikati b’mod konformi mal-istandard ISO 9001. |
|
201 |
Għandu jiġi kkonstatat li waqt l-evalwazzjoni tal-offerta tal-offerent magħżul, l-ittra tal-SNCH tal-11 ta’ Ottubru 2005 ma ġietx interpretata mill-Kummissjoni bħala li tfisser li 100% tal-aġenti ta’ Group 4 Falck kienu segwew it-taħriġ meħtieġ sal-ġurnata tat-tfiegħ tal-offerta. Din serviet sempliċement sabiex tipprova li kienet teżisti politika ta’ taħriġ u li din kienet effettivament applikata. Flimkien mat-78 ċertifikat ta’ taħriġ li jiċċertifikaw li l-aġenti kollha li Group 4 Falck kellha diġà l-intenzjoni li tassenja għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni kellhom tali taħriġ, dan l-element seta’ ġustament jitqies bħala ta’ natura li jipprova li 100% tal-aġenti ta’ sigurtà impjegati minn Group 4 Falck kien ser ikollhom it-taħriġ meħtieġ matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt. |
|
202 |
F’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ destinatarju u tan-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-iskop tal-ittra tal-11 ta’ Ottubru 2005, għandu jiġi osservat li l-ispeċifikazzjonijiet kienu jeħtieġu li l-perċentwali ddikjarati mill-offerenti tiġi pprovata minn dokumenti probatorji u jirreferu għal kopji ta’ ċertifikati, mingħajr madankollu ma jimponu xi formalità. Għalhekk, dawn l-argumenti għandhom jinċaħdu. |
|
203 |
Fir-rigward tal-kwalità tal-firmatarju, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li awditur tal-SNCH kellu l-awtorità li joħroġ dan it-tip ta’ ċertifikat. Barra minn hekk, il-mandatarju tal-SNCH, f’ittra tas-27 ta’ Frar 2007 ippreżentata mill-intervenjenti matul is-seduta, ikkonferma li l-awditur ikkonċernat kellu l-awtorità li jiffirma dan it-tip ta’ dokument bis-saħħa ta’ delegi ta’ firma mogħtija lill-esperti tal-SNCH. |
|
204 |
Anki l-argument tar-rikorrenti relattiv għall-pressjonijiet eżerċitati minn Group 4 Falck għandu jinċaħad, għaliex il-ħruġ ta’ ittra li tiddikjara li ċ-ċertifikazzjoni ISO 9001, favur Group 4 Falck, tinkludi l-eżistenza ta’ politika ta’ taħriġ, kif jipprevedi dan l-istandard, jifforma parti mis-servizzi normali li organu ta’ ċertifikazzjoni joffri lil kull kumpannija ċċertifikata minnu, fuq sempliċi talba, hekk kif ikkonferma l-mandatarju tal-SNCH fl-ittra msemmija tas-27 ta’ Frar 2007. |
|
205 |
F’dan ir-rigward, jidher li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet validament tiddeċiedi fuq dan l-ilment abbażi tal-argumenti żviluppati kemm matul il-proċedura bil-miktub kif ukoll matul dik orali u fid-dawl tad-dokumenti prodotti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tinċaħad it-talba li jinstemgħu x-xhieda mressqa mir-rikorrenti. |
|
206 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li dan il-motiv għandu jinċaħad. |
g) Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza u tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet
|
207 |
Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet, ibbażati, minn naħa, fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet u, min-naħa l-oħra, fuq l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi fir-rigward ta’ wieħed mill-membri tal-kumitat ta’ evalwazzjoni. |
Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet
— L-argumenti tal-partijiet
|
208 |
Ir-rikorrenti tqis li, billi ċaħdet li tikkomunikalha l-kompożizzjoni eżatta tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni ġabet fix-xejn id-dritt ta’ aċċess taċ-ċittadini għall-atti tal-istituzzjonijiet. Hija żżid li din iċ-ċaħda ma tistax tkun ġustifikat mill-motiv ibbażat fuq il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-persuni. |
|
209 |
Filwaqt li tinvoka l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni mitluba ma tistax tiġi żvelata. Hija ssostni li l-komunikazzjoni tal-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni tikser il-protezzjoni tal-ħajja privata u l-integrità tal-individwi. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
|
210 |
Kif ġie indikat fil-punti 72 sa 75 iktar ’il fuq, l-ittra tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 2005 kkonċernata minn dan il-motiv, għalkemm tikkostitwixxi risposta għal domanda inizjali, għandha titqies bħala att li jista’ jkun suġġett ta’ rikors għal annullament, fid-dawl tad-difett proċedurali li jirriżulta min-nuqqas ta’ informazzjoni dwar id-dritt li titressaq talba konfermattiva. |
|
211 |
Għalhekk, għandu jiġi determinat jekk il-Kummissjoni setgħetx tibbaża r-risposta tagħha fuq l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1)(b), tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u l-integrità tal-individwu. |
|
212 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2000, L-Olanda u van der Wal vs Il-Kummissjoni, C-174/98 P u C-189/98 P, Ġabra p. I-1, punt 27; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Frar 2002, Kuijer vs Il-Kunsill, T-211/00, Ġabra p. II-485, punt 55, u Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 84). |
|
213 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżami meħtieġ għall-ipproċessar ta’ talba ta’ aċċess għal dokumenti għandu jkun konkret. Fil-fatt is-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni mhuwiex biżżejjed biex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, T-2/03, Ġabra p. II-1121, punt 69; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il-Kunsill, T-110/03, T-150/03 u T-405/03, Ġabra p. II-1429, punt 75). Applikazzjoni bħal din, bħala regola ġenerali, tista’ tiġi ġġustifikata biss fil-każ fejn l-istituzzjoni tkun evalwat minn qabel jekk l-aċċess għad-dokument jistax jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ preġudizzju għal interess protett għandu jkun raġjonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku sabiex ikun jista’ jiġi invokat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C-39/05 P u C-52/05 P, Ġabra p. I-4723, punt 43). |
|
214 |
Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat jekk tapplikax l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi ddeterminat jekk l-aċċess tar-rikorrenti għall-kompożizzjoni (il-kunjom, il-grad, l-anzjanità fis-servizz u l-assenjazzjoni tal-membri) tal-kumitat ta’ evalwazzjoni jistax b’mod konkret u effettiv jippreġudika l-protezzjoni tal-ħajja privata u l-integrità tal-membri tal-imsemmi kumitat. |
|
215 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-membri tal-kumitat ta’ evalwazzjoni ġew innominati fil-kwalità ta’ rappreżentanti tad-dipartimenti interessati, u mhux personalment. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżvelar tal-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni ma jikkonċernax il-ħajja privata tal-persuni inkwistjoni. |
|
216 |
F’kull każ, l-iżvelar ta’ din il-kompożizzjoni ma jistax b’mod konkret u effettiv jippreġudika l-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-persuni inkwistjoni. Is-sempliċi appartenenza għall-imsemmi kumitat, f’isem l-entità li l-persuni inkwistjoni jirrappreżentaw, ma tikkostitwixxix tali preġudizzju, u l-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-persuni kkonċernati mhijiex ippreġudikata. |
|
217 |
Għaldaqstant, mhuwiex ipprovat li l-komunikazzjoni tal-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni kienet tkun ta’ natura li tippreġudika l-ħajja privata u l-integrità tal-persuni kkonċernati fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. |
|
218 |
Għaldaqstant, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 2005 li permezz tagħha din ċaħdet li tikkomunika l-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni lir-rikorrenti. |
Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi fir-rigward ta’ wieħed mill-membri tal-kumitat ta’ evalwazzjoni
— L-argumenti tal-partijiet
|
219 |
Ir-rikorrenti tallega li membru tal-kumitat ta’ evalwazzjoni għandu rabta ta’ affinità ma’ impjegat ta’ Group 4 Falck, u li b’hekk jeżisti kunflitt ta’ interessi fir-rigward ta’ dan il-membru tal-kumitat ta’ evalwazzjoni. |
|
220 |
Il-Kummissjoni tippreċiża li l-kumitat ta’ evalwazzjoni ġie kompost b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 146 tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, u li l-membri tiegħu ffirmaw dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interessi u kkonfermaw, b’risposta għal domanda li saritilhom wara l-allegazzjoni tar-rikorrenti, li ma għandhom l-ebda rabta ta’ affinità ma’ persuna li teżerċità attività professjonali fi ħdan Group 4 Falck. |
|
221 |
Hija żżid li r-rikorrenti ma tressaq l-ebda prova li l-eżerċizzju imparzjali tal-funzjonijiet ta’ membru tal-kumitat ta’ evalwazzjoni ġie kompromess minn interessi ekonomiċi jew minn kull interess ieħor kondiviż mal-benefiċjarju. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
|
222 |
Ir-rikorrenti ssostni li “l-attitudni ta’ ċaħda tal-Kummissjoni ssaħħaħ id-dubji [tagħha] […] fir-rigward ta’ trattament ekwu tal-offerta tagħha u li din l-offerta ġiet eżaminata skont il-kriterji tal-ispeċifikazzjonijiet u skont l-eżiġenzi tagħhom” u li “[d]awn id-dubji ġew reċentement imsaħħa mill-għarfien b’kumbinazzjoni ta’ informazzjoni inkwetanti, peress li jidher li wieħed mill-membri ta’ dawn il-kumitati għandu rabta ta’ affinità ma’ persuna li teżerċità l-attività professjonali tagħha fi ħdan l-offerent magħżul”. |
|
223 |
Ir-rikorrenti, li tirrikorri għal sempliċi allegazzjonijiet ta’ fatt magħmula purament fuq nota ta’ dubju, ma tressaq l-ebda ħjiel ta’ prova li tista’ tqiegħed fid-dubju l-imparzjalità tal-membri tal-kumitat ta’ evalwazzjoni. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jinċaħad. |
|
224 |
Fir-rigward tat-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura dwar il-komunikazzjoni tal-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, għandu jiġi rilevat li, anki li kieku l-miżura mitluba kella tiġi ordnata, din il-kompożizzjoni tkun biss tista’ tiġi kkomunikata lill-Qorti tal-Prim’Istanza, u mhux lir-rikorrenti, skont id-dispożizzjonijiet tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li jiddisponi li “[m]eta dokument, li l-aċċessibbiltà tiegħu tkun ġiet miċħuda minn istituzzjoni komunitarja, jitressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest ta’ rikors li jirrigwarda l-validità ta’ din iċ-ċaħda, dan id-dokument ma jingħatax lill-partijiet l-oħra”. Għalhekk, il-miżura mitluba mhijiex ta’ natura li tippermetti lir-rikorrenti li tipprova li l-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi fir-rigward ta’ wieħed mill-membri tal-kumitat ta’ evalwazzjoni hija fondata. Barra minn hekk, din ma tistax tgħin lill-Qorti tal-Prim’Istanza, għaliex din ma tistax tivverifika l-eżistenza tal-allegat kunflitt ta’ interessi minn lista tal-membri tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, fid-dawl tan-nuqqas ta’ indikazzjonijiet speċifiċi ta’ din l-allegazzjoni. |
|
225 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pprovatx kif il-miżura mitluba tista’ tikkontribwixxi għat-twaqqif tal-kawża, għall-iżvolġiment tal-proċedura u għar-regolazzjoni tal-kontroversja, kif jeħteġ l-Artikolu 64(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Għaldaqstant, it-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tar-rikorrenti għandha tinċaħad. |
|
226 |
Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ittra tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 2005 għandha tiġi annullata inkwantu din tiċħad il-komunikazzjoni tal-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni tas-sejħa għal offerti, u li t-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-għoti għandhom jinċaħdu. |
|
227 |
Rigward it-talba għal annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda, din għandha neċessarjament tinċaħad bħala konsegwenza taċ-ċaħda tat-talba għal annullament tad-deċiżjoni tal-għoti, li magħha hija strettament marbuta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ April 2007, Deloitte Business Advisory vs Il-Kummissjoni, T-195/05, Ġabra p. II-871, punt 113, u tat-12 ta’ Novembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T-406/06, Ġabra p. II-247, punt 120). |
|
228 |
Isegwi li r-rikors għal annullament għandu jinċaħad, minbarra f’dak li jirrigwarda t-talba għall-annullament tal-ittra tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 2005 inkwantu din ċaħdet il-komunikazzjoni tal-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni tas-sejħa għal offerti. |
D — Fuq ir-rikors għad-danni
1. Fuq l-ammissibbiltà
a) L-argumenti tal-partijiet
|
229 |
Il-Kummissjoni tqis li r-rikors għad-danni tar-rikorrenti huwa inammissibbli, peress li r-rikors għal annullament huwa infondat. Fl-opinjoni tagħha, talba għad-danni bbażata fuq l-illegalità tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku tippresupponi neċessarjament il-konstatazzjoni tal-illegalità tad-deċiżjoni tal-għoti. |
|
230 |
Ir-rikorrenti tallega li r-rikors għad-danni huwa ammissibbli indipendentement mill-fondatezza tar-rikors għal annullament. Fil-fatt, hija tqis li lmenti bħal-bdil fid-data jew iċ-ċaħda ta’ aċċess għal ċerti dokumenti jippermettu, b’mod awtonomu, li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Kummissjoni. |
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
|
231 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-azzjoni għad-danni bbażata fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, hija rimedju awtonomu, li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fil-kuntest tas-sistema tar-rimedji u li huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju maħsuba fid-dawl tal-għan speċifiku tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Diċembru 1971, Zuckerfabrik Schöppenstedt vs Il-Kunsill, 5/71, Ġabra p. 975, punt 3; tas-26 ta’ Frar 1986, Krohn vs Il-Kummissjoni, 175/84, Ġabra p. 753, punt 26, u tas-17 ta’ Mejju 1990, Sonito et vs Il-Kummissjoni, C-87/89, Ġabra p. I-1981, punt 14). Hija differenti minn rikors għal annullament peress li l-għan tagħha mhuwiex it-tneħħija ta’ miżura speċifika, iżda l-kumpens għad-danni kkawżati minn istituzzjoni (sentenzi Zuckerfabrik Schöppenstedt vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 3; Krohn vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32, u Sonito et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14). Il-prinċipju tal-awtonomija tar-rikors għad-danni huwa għalhekk ġustifikat mill-fatt li l-għan ta’ tali rikors huwa differenti minn dak ta’ rikors għall-annullament (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Ottubru 2000, Fresh Marine vs Il-Kummissjoni, T-178/98, Ġabra p. II-3331, punt 45, u tal-21 ta’ Ġunju 2006, Danzer vs Il-Kunsill, T-47/02, Ġabra p. II-1779, punt 27). |
|
232 |
Ir-rikors huwa disponibbli għal kull persuna fiżika jew ġuridika li tqis li sofriet dannu minħabba fatt tal-Komunità. L-azzjoni tiġi preskritta wara ħames snin minn meta jseħħ id-dannu. |
|
233 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, iċ-ċaħda tat-talba għal annullament tad-deċiżjonijiet ta’ għoti u ta’ ċaħda, minnu nnifsu, ma jwassalx għall-inammissibbiltà tar-rikors għad-danni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ġunju 1993, Van Parijs et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-257/93, Ġabra p. I-3335, punt 14; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Diċembru 1994, Unifruit Hellas vs Il-Kummissjoni, T-489/93, Ġabra p. II-1201, punt 31). Għaldaqstant, ir-rikors għad-danni għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. |
2. Fuq il-mertu
a) L-argumenti tal-partijiet
|
234 |
Skont ir-rikorrenti, l-aġir illegali tal-Kummissjoni, li jista’ jwassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha, jirriżulta mill-annullament neċessarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni kkunsidrati mir-rikors għal annullament. Hija tallega li l-Kummissjoni, peress li eċċediet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, wettqet żball gravi u manifest u kisret ċerti regoli tad-dritt Komunitarju kif ukoll ir-regoli li imponiet fuqa nnifisha fil-preparazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tagħha. |
|
235 |
Ir-rikorrenti tosserva li d-dannu subit jikkonsisti f’dannu kummerċjali sostanzjali marbut mat-telf ta’ kuntratt kbir, bla ħsara għal danni oħra, bħal li eventwalment tkun obbligata li twettaq tkeċċija mix-xogħol, iebsa u finanzjarjament għolja, kollettiva tal-impjegati tagħha. Ir-rabta kawżali hija, fl-opinjoni tagħha, manifesta. |
|
236 |
Fir-rikors, ir-rikorrenti talbet kumpens provviżorju fl-ammont ta’ EUR miljun għad-danni li sofriet. Fir-replika, hija żiedet dan l-ammont għal EUR 3191702.58. Dan l-ammont jinkludi l-marġni netta tal-parti tal-attività fuq ħames snin, jiġifieri EUR 3 084 702.58, u parti mill-ispejjeż ta’ taħriġ imħallsa għall-106 aġenti li baqgħu fi ħdana, intiżi sabiex tiġi żgurata r-rikonverżjoni tagħhom, jiġifieri EUR 107000 li r-rikorrenti tirriżerva d-dritt li tvarja skont l-ispejjeż reali sostnuti. Hija tippreċiża li ma tinvokax, abbażi tad-danni tagħha, it-telf ta’ opportunità li terġa’ tirbaħ il-kuntratt, iżda r-realizzazzjoni ta’ dannu ċert. Fil-fatt, hija ssostni li, mingħajr l-aġir illegali tal-Kummissjoni, hija kienet terġa’ tirbaħ il-kuntratt. B’hekk, ir-rabta kawżali hija stabbilita. |
|
237 |
Fir-rigward tal-aġir illegali, il-Kummissjoni ssostni li mill-karattru infondat tar-rikors għal annullament, jirriżulta li hija ma kisret l-ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni aġixxiet b’mod illegali, ir-rikorrenti ma pprovatx l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement ikkaratterizzat tad-dispożizzjonijiet invokati. |
|
238 |
Fir-rigward tad-dannu, il-Kummissjoni tfakkar li l-oneru tal-prova jinsab fuq ir-rikorrenti. Hija tenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta li tattribwixxi kumpens għad-dannu marbut mat-telf ta’ opportunità. Barra minn hekk, u skont it-termini stess tar-rikors, il-karattru ċert tad-dannu marbut mal-obbligu li l-persunal tar-rikorrenti jitkeċċa huwa nieqes. |
|
239 |
Il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti ma tippruvax l-eżistenza ta’ rabta kawżali, u tillimita ruħha li ssostni li din ir-rabta kawżali hija “manifesta”. Hija ssostni li r-rikors għal annullament u r-rikors għad-danni mhux kuntrattwali huma żewġ rikorsi distinti, u li r-rikorrenti ma tippreċiżax il-bażi li fuqha hija għandha l-intenzjoni li tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Kummissjoni, li donna qegħda titħawwad mat-talba għal annullament tagħha. |
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
|
240 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, minħabba aġir illegali tal-istituzzjonijiet tagħha, hija suġġetta għal numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir li huma akkużati bih l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-danni u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Diċembru 2005, FIAMM u FIAMM Technologies vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-69/00, Ġabra p. II-5393, punt 85, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
241 |
Peress li dawn it-tliet kundizzjonijiet, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà, huma kumulattivi, in-nuqqas ta’ waħda minnhom huwa biżżejjed sabiex ir-rikors għad-danni jiġi miċħud mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Settembru 2006, CAS Succhi di Frutta vs Il-Kummissjoni, T-226/01, Ġabra p. II-2763, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
242 |
Fir-rigward tal-aġir illegali, il-ġurisprudenza teżiġi li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punt 42). Il-kriterju deċiżiv sabiex jitqies li ksur tad-dritt Komunitarju huwa suffiċjentement serju huwa dak tan-nuqqas ta’ osservanza manifest u gravi, minn Istituzzjoni Komunitarja, tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha. Meta din l-istituzzjoni jkollha biss setgħa diskrezzjonali kunsiderevolment imnaqqsa, saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Camar u Tico, C-312/00 P, Ġabra p. I-11355, punt 54; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, T-198/95, T-171/96, T-230/97, T-174/98 u T-225/99, Ġabra p. II-1975, punt 134). |
|
243 |
F’dan il-każ, l-argumenti kollha li r-rikorrenti qajmet sabiex tipprova l-illegalità tad-deċiżjonijiet ta’ għoti u ta’ ċaħda ġew eżaminati u miċħuda (ara l-punti 84 sa 228 iktar ’il fuq). Għalhekk, ir-responsabbiltà tal-Komunità ma tistax tiġi stabbilita abbażi tal-allegata illegalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet. |
|
244 |
Fir-rigward tal-illegalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 2005 li tiċħad it-talba għall-komunikazzjoni tal-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn iċ-ċaħda ta’ komunikazzjoni kkontestat u d-dannu invokat, li jirriżulta mit-telf tal-kuntratt inkwistjoni. |
|
245 |
Isegwi li t-talba għad-danni għandha tinċaħad. |
Fuq l-ispejjeż
|
246 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. |
|
247 |
Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, peress li l-parti l-kbira tat-talbiet tar-rikorrenti nċaħdu, għandu jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, nofs l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni u minn Group 4 Falck, inklużi dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
|
|
Meij Vadapalas Truchot Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2009. Firem |
Werrej
|
Il-kuntest ġuridiku |
|
|
A — Leġiżlazzjoni applikabbli għall-kuntratti pubbliċi tal-Komunitajiet Ewropej |
|
|
B — Leġiżlazzjoni dwar id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet |
|
|
C — Leġiżlazzjoni applikabbli għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi |
|
|
Il-fatti li wasslu għall-kawża |
|
|
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet |
|
|
Fid-dritt |
|
|
A — Fuq il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura |
|
|
B — Fuq l-ammissibbiltà tal-ilment ibbażat fuq il-posponiment tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ sejħa għal offerti fil-konfront tad-data mħabbra fl-avviż ta’ tagħrif minn qabel |
|
|
1. L-argumenti tal-partijiet |
|
|
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
|
C — Fuq ir-rikors għal annullament |
|
|
1. Fuq l-ammissibbiltà |
|
|
a) Fuq l-eżistenza ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-Kummissjoni |
|
|
b) Fuq l-eżistenza ta’ atti li joħolqu effetti legali vinkolanti |
|
|
2. Fuq il-mertu |
|
|
a) Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003, li tittrasponi d-Direttiva 2001/23 |
|
|
Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-irregolarità tal-offerta ta’ Group 4 Falck |
|
|
— L-argumenti tal-partijiet |
|
|
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
|
Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-illegalità tal-ispeċifikazzjonijiet tal-Kummissjoni |
|
|
— L-argumenti tal-partijiet |
|
|
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
|
b) Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali applikat għall-kuntratti pubbliċi |
|
|
L-argumenti tal-partijiet |
|
|
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
|
c) Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali applikat għall-kuntratti pubbliċi, li jirriżulta mill-fatt li Group 4 Falck kellha informazzjoni privileġġata meta ressqet l-offerta tagħha |
|
|
L-argumenti tal-partijiet |
|
|
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
|
d) Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2004 |
|
|
L-argumenti tal-partijiet |
|
|
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
|
e) Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-prinċipju ta’ trasparenza u tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet |
|
|
L-argumenti tal-partijiet |
|
|
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
|
f) Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli tas-suq, fuq l-inosservanza tal-ispeċifikazzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kriterju kwalitattiv dwar it-taħriġ bażi tal-ewwel għajnuna u/jew ta’ tifi tan-nar volontarju tal-aġenti u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni |
|
|
L-argumenti tal-partijiet |
|
|
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
|
— Fuq l-ammissibbiltà tal-provi ġodda prodotti mir-rikorrenti u mill-intervenjenti |
|
|
— Fuq il-mertu |
|
|
g) Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza u tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet |
|
|
Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet |
|
|
— L-argumenti tal-partijiet |
|
|
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
|
Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi fir-rigward ta’ wieħed mill-membri tal-kumitat ta’ evalwazzjoni |
|
|
— L-argumenti tal-partijiet |
|
|
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
|
D — Fuq ir-rikors għad-danni |
|
|
1. Fuq l-ammissibbiltà |
|
|
a) L-argumenti tal-partijiet |
|
|
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
|
2. Fuq il-mertu |
|
|
a) L-argumenti tal-partijiet |
|
|
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
|
Fuq l-ispejjeż |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.