European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/792

8.4.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/792

tal-24 ta’ Frar 2026

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ pakkett wiesa’ ta’ ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u mill-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, biex jiġu kkonsolidati, approfonditi u estiżi r-relazzjonijiet bilaterali tagħhom, u dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni (UE, Euratom), 2024/995 (1), il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Konfederazzjoni Żvizzera (minn hawn ’il quddiem imsejħa wkoll “l-Iżvizzera”) għal pakkett wiesa’ ta’ftehimiet dwar miżuri relatati mar-relazzjonijiet bilaterali mal-Iżvizzera (il-“pakkett wiesa’”), li jinkludi dispożizzjonijiet istituzzjonali u dwar l-għajnuna mill-Istat, u fejn meħtieġ, adattamenti speċifiċi, għall-ftehimiet eżistenti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżvizzera f’oqsma relatati mas-suq intern (il-“ftehmiet f’oqsma relatati mas-suq intern li fihom tipparteċipa l-Ivizzera”), jiġifieri: Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport ta’ Merkanzija u tal-Passiġġieri permezz tal-Linji tal-Ferroviji u bit-Triq (2) (il-“Ftehim dwar it-Trasport ta’ Merkanzija u tal-Passiġġieri permezz tal-Linji tal-Ferroviji u bit-Triq”), il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (3) (il-“Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru”), il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni (4) (il-“Ftehim dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni”), il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku fir-Rigward tal-Valutazzjoni tal-Konformità (5) (il-“Ftehim dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku”), u l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-Kummerċ fi Prodotti Agrikoli (6) (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ fi Prodotti Agrikoli”), kollha ffirmati fil-21 ta’ Ġunju 1999.

(2)

Id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2024/995 awtorizzat ukoll lill-Kumissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Iżvizzera dwar ftehim dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-programmi tal-Unjoni, dwar mekkaniżmu legalment vinkolanti li jiżgura l-kontribuzzjoni finanzjarja permanenti tal-Iżvizzera għat-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fl-Unjoni, u dwar ftehimiet ġodda dwar l-elettriku, is-saħħa u s-sikurezza alimentari. Barra minn hekk, dik id-Deċiżjoni awtorizzat ukoll il-ftuħ ta’ negozjati dwar ftehimiet fil-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fl-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u fl-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, u dwar l-emenda tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru biex ikun jista’ jsir il-kabotaġġ.

(3)

Il-pakkett wiesa’, kif innegozjat mill-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, jinkludi protokolli dwar dispożizzjonijiet istituzzjonali, dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat u dispożizzjonijiet li jemendaw il-ftehimiet eżistenti f’oqsma relatati mas-suq intern li fihom tipparteċipa l-Iżvizzera, il-Protokoll mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli li jistabbilixxi żona komuni tas-sikurezza alimentari (il-“Protokoll dwar is-Sikurezza Alimentari”), il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-elettriku (il-“Ftehim dwar l-Elettriku”), il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar is-saħħa (il-“Ftehim dwar is-Saħħa”), il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja regolari tal-Iżvizzera lejn it-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fl-Unjoni Ewropea (il-“Ftehim dwar il-Koeżjoni”), il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-programmi tal-Unjoni (il-“Ftehim dwar il-Programmi tal-Unjoni”), il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali (il-“Ftehim dwar l-EUSPA”), kif ukoll il-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kooperazzjoni parlamentari (il-“Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Parlamentari”).

(4)

Id-dispożizzjonijiet istituzzjonali inklużi fil-protokolli istituzzjonali għall-Ftehim dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni, il-Ftehim dwar it-Trasport ta’ Merkanzija u tal-Passiġġieri permezz tal-Linji tal-Ferroviji u bit-Triq, il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, il-Ftehim dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku (il-“protokolli istituzzjonali”) kif ukoll il-Ftehim dwar l-Elettriku, il-Ftehim dwar is-Saħħa u l-Protokoll tas-Sigurtà tal-Ikel, jistabbilixxu obbligi għall-kumitati konġunti stabbiliti skont dawk il-ftehimiet u l-protokolli li jintegraw l-atti kollha tad-dritt tal-Unjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, kif ukoll dispożizzjonijiet li jiżguraw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tal-ftehimiet kollha f’oqsma relatati mas-suq intern li fihom tipparteċipa l-Iżvizzera. Meta l-applikazzjoni ta’ dawk il-ftehimiet u l-protokoll tinvolvi kunċetti tad-dritt tal-Unjoni, dawk il-kunċetti għandhom jiġu interpretati u applikati f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Id-dispożizzjonijiet istituzzjonali jistabbilixxu wkoll mekkaniżmi effettivi għas-soluzzjoni tat-tilwim ibbażat fuq l-arbitraġġ, inkluż ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-mistoqsijiet kollha dwar id-dritt tal-Unjoni. F’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ deċiżjoni tat-tribunal tal-arbitraġġ, il-pakkett wiesa’ jipprevedi li jiġu adottati miżuri ta’ kumpens proporzjonati li għandhom jiġu adottati skont il-ftehim ikkonċernat jew skont kwalunkwe wieħed mill-ftehimiet f’oqsma relatati mas-suq intern li fihom tipparteċipa l-Iżvizzera.

(5)

Il-protokolli emendatorji inklużi fil-pakkett wiesa’ jagħmlu l-bidliet sostantivi meħtieġa għall-ftehimiet eżistenti bejn l-Unjoni u l-Iżvizzera li jaċċertaw il-konsistenza mal-qafas istituzzjonali l-ġdid. Barra minn hekk, il-protokoll emendatorju għall-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru jipprevedi l-iskambju reċiproku tad-drittijiet ta’ kabotaġġ.

(6)

Il-pakkett wiesa’ jinkludi wkoll protokolli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-Ftehimiet dwar it-Trasport bl-Ajru u l-Ftehim dwar it-Trasport ta’ Merkanzija u tal-Passiġġieri permezz tal-Linji tal-Ferroviji u bit-Triqsabiex jiggarantixxu kundizzjonijiet ekwi għall-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fis-suq intern fl-oqsma koperti minn dawk il-ftehimiet. F’konformità ma’ dawk il-protokolli, l-Iżvizzera għandha tapplika regoli sostantivi u proċedurali, inklużi mekkaniżmi ta’ sorveljanza u infurzar, ekwivalenti għal dawk li japplikaw fl-Unjoni.

(7)

Il-pakkett wiesa’ jinkludi wkoll protokoll emendatorju għall-Ftehim dwar il-Kummerċ fi Prodotti Agrikoli sabiex jaġġorna dak il-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni tat-tilwim tal-ftehim f’konformità mal-prattika stabbilita fil-ftehimiet kummerċjali li għalihom l-Unjoni hija parti.

(8)

Protokoll separat għall-Ftehim dwar il-Kummerċ fi Prodotti Agrikoli huwa inkluż fil-pakkett wiesa’ sabiex jistabbilixxi żona komuni tas-sikurezza alimentari li tkopri d-dimensjonijiet kollha tal-katina alimentari. Dak il-protokoll jinkludi d-dispożizzjonijiet istituzzjonali li huma komuni għall-ftehimiet kollha f’oqsma relatati mas-suq intern li fihom tipparteċipa l-Iżvizzera.

(9)

Il-Ftehim dwar l-Elettriku inkluż fil-pakkett wiesa’ jistabbilixxi r-regoli u l-kundizzjonijiet li taħthom l-Iżvizzera tista’ tipparteċipa fis-suq intern tal-elettriku. Dak il-Ftehim jinkludi d-dispożizzjonijiet istituzzjonali li huma komuni għall-ftehimiet kollha f’oqsma relatati mas-suq intern li fih tipparteċipa l-Iżvizzera kif ukoll regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li huma kważi identiċi għal dawk li japplikaw fl-oqsma tat-trasport bl-ajru u tat-trasport fuq l-art.

(10)

Il-Ftehim dwar is-Saħħa inkluż fil-pakkett wiesa’ għandu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Iżvizzera dwar theddid transfruntier serju għas-saħħa u japplika, b’analoġija, id-dispożizzjonijiet istituzzjonali li huma komuni għall-ftehimiet fl-oqsma relatati mas-suq intern li fih tipparteċipa l-Iżvizzera. Dak il-Ftehim huwa marbut mal-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (“il-Programm l-UE għas-Saħħa”, EU4Health).

(11)

Il-Ftehim dwar il-Koeżjoni inkluż fil-pakkett wiesa’ jistabbilixxi l-bażi legali u jistipula l-parametri għall-kontribuzzjoni finanzjarja regolari tal-Iżvizzera, fil-qafas tal-pakkett wiesa’, lejn it-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fl-Unjoni. Dak il-Ftehim jinkludi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim. F’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ deċiżjoni tal-arbitraġġ, il-Ftehim jipprevedi għal miżuri ta’ kumpens proporzjonati li għandhom jiġu adottati fi kwalunkwe wieħed mill-ftehimiet li jirrelata magħhom il-pakkett wiesa’.

(12)

Il-Ftehim dwar il-EUSPA inkluż fil-pakkett wiesa’ jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-Iżvizzera tista’ tipparteċipa fil-ħidma tal-EUSPA.

(13)

Id-dispożizzjonijiet identiċi fil-protokolli istituzzjonali u fi ftehimiet ġodda inklużi fil-pakkett wiesa’ għandhom jiżguraw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Iżvizzera lejn il-kostijiet tas-sistemi ta’ informazzjoni u tal-aġenziji li tipparteċipa fihom.

(14)

Il-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Parlamentari jistabbilixxi Kumitat Parlamentari Konġunt bħala forum għad-djalogu u d-dibattitu bejn il-membri tal-Parlament Ewropew u tal-Assemblea Federali Żvizzera, bil-ħsieb li jkompli jiżdied il-fehim reċiproku tar-relazzjoni wiesgħa bejn l-UE u l-Iżvizzera, inkluż l-iżvilupp ulterjuri possibbli tagħha

(15)

Il-ftehimiet u l-protokolli inklużi fil-pakkett wiesa’ jikkostitwixxu unità sħiħa koerenti u jistabbilixxu l-arkitettura ta’ sħubija msaħħa u komprensiva f’firxa wiesgħa ta’ oqsma koperti mit-Trattati, abbażi ta’ bilanċ xieraq ta’ drittijiet u obbligi. Għalhekk jenħtieġ li din id-deċiżjoni tkun ibbażata fuq il-bażijiet legali sostantivi previsti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-istabbiliment ta’ assoċjazzjoni li tinvolvi drittijiet u obbligi reċiproċi, azzjoni komuni u proċedura speċjali.

(16)

Bl-għan li tiżdied il-firxa tal-kooperazzjoni tagħhom, il-Ftehim dwar l-EUSPA jipprevedi li l-Partijiet għandhom japplikawh b’mod proviżorju, f’konformità mal-proċeduri u l-leġiżlazzjoni interni rispettivi tagħhom, mill-1 ta’ Jannar 2026, jekk id-data tal-iffirmar ta’ dak il-Ftehim tkun qabel l-1 ta’ Lulju 2026, jew mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara l-iffirmar tiegħu, jekk id-data tal-iffirmar ta’ dak il-Ftehim tkun wara t-30 ta’ Ġunju 2026. Dak il-Ftehim jenħtieġ għalhekk li jiġi applikat b’mod proviżorju, sakemm jidħol fis-seħħ.

(17)

L-iffirmar tal-Ftehim dwar il-Programmi tal-Unjoni huwa suġġett għal proċeduri separati.

(18)

L-iffirmar tad-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-istabbiliment ta’ djalogu ta’ livell għoli dwar il-pakkett bilaterali wiesa’ u l-possibbiltà li r-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżvizzera jenħtieġ li jiġi approvat f’isem l-Unjoni.

(19)

Il-ftehimiet u l-protokolli inklużi fil-pakkett wiesa’ jenħtieġ li jiġu ffirmati f’isem l-Unjoni u d-dikjarazzjonijiet konġunti li jakkumpanjaw dawk il-ftehimiet u l-protokolli jenħtieġ li jiġu approvati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-ftehimiet u l-protokolli li ġejjin huwa b’dan awtorizzat soġġett għall-konklużjoni tagħhom (7):

(a)

Il-Protokoll ta’ Emenda għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni;

(b)

Il-Protokoll Istituzzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni;

(c)

Il-Protokoll ta’ Emenda għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-trasport bl-ajru;

(d)

Il-Protokoll Istituzzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-trasport bl-ajru;

(e)

Il-Protokoll dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-trasport bl-ajru;

(f)

Il-Protokoll ta’ Emenda għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri permezz tal-linji tal-ferrovija u tat-triq;

(g)

Il-Protokoll Istituzzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri permezz tal-linji tal-ferrovija u tat-triq;

(h)

Il-Protokoll dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri permezz tal-linji tal-ferrovija u tat-triq;

(i)

Il-Protokoll ta’ Emenda għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar ir-rikonoxximent reċiproku fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità;

(j)

Il-Protokoll Istituzzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar ir-rikonoxximent reċiproku;

(k)

Il-Protokoll ta’ Emenda għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kummerċ tal-prodotti agrikoli;

(l)

Il-Protokoll għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kummerċ tal-prodotti agrikoli li jistabbilixxi żona komuni ta’ sigurtà fl-ikel;

(m)

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-elettriku;

(n)

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar is-saħħa;

(o)

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja regolari tal-Iżvizzera lejn it-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fl-Unjoni Ewropea;

(p)

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali;

(q)

Il-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kooperazzjoni parlamentari.

Artikolu 2

1.   L-iffirmar tad-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-istabbiliment ta’ djalogu ta’ livell għoli dwar il-pakkett bilaterali wiesa’ u l-possibbiltà li r-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżvizzera jissoktaw jiżviluppaw huwa approvat b’dan (8).

2.   Id-dikjarazzjonijiet konġunti li ġejjin li jakkumpanjaw il-ftehimiet u l-protokolli msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni huma approvati b’dan:

(a)

id-dikjarazzjonijiet konġunti li jakkumpanjaw il-protokoll emendatorju msemmi fl-Artikolu 1, il-punt (a), ta’ din id-Deċiżjoni (9), jiġifieri:

(i)

Id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni;

(ii)

Id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prevenzjoni u l-azzjoni kontra l-abbuż tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2004/38/KE;

(iii)

Id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar ir-rifjut tal-assistenza soċjali u t-terminazzjoni tar-residenza qabel l-akkwist ta’ residenza permanenti;

(iv)

Id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar in-notifika tal-bidu tal-impjieg;

(v)

Id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki;

(vi)

Id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-pożizzjonijiet vakanti tax-xogħol;

(vii)

Id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar objettivi komuni rigward il-libertà li jiġu pprovduti servizzi sa 90 jum ta’ xogħol u li jiġu żgurati d-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati;

(viii)

Id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar sistemi effettivi ta’ kontroll inkluża s-sistema ta’ infurzar doppju tal-Iżvizzera;

(ix)

Id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prinċipju ta’ “paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post” u dwar livell proporzjonat u adegwat ta’ protezzjoni tal-ħaddiema stazzjonati;

(x)

Id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fl-attivitajiet tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol;

(xi)

Id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar is-sistema ta’ reġistrazzjoni dikjaratorja tal-ħaddiema tal-fruntiera;

(xii)

Id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-inklużjoni ta’ żewġ atti legali tal-UE fl-Anness I tal-Ftehim;

(b)

id-dikjarazzjoni konġunta li takkumpanja l-protokoll dwar l-għajnuna mill-Istat imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt (e), ta’ din id-Deċiżjoni;

(c)

id-dikjarazzjoni konġunta li ġejjin li takkumpanja l-protokoll imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt (f), ta’ din id-Deċiżjoni;

(d)

id-dikjarazzjoni konġunta li takkumpanja l-protokoll dwar l-għajnuna mill-Istat imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt (h), ta’ din id-Deċiżjoni;

(e)

id-dikjarazzjoni konġunta li takkumpanja l-ftehim imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt (m), ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   Il-Kunsill jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet li ġejjin mill-Iżvizzera:

(a)

Id-Dikjarazzjoni tal-Iżvizzera dwar miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ persuni li jaħdmu għal rashom fil-kuntest tal-proċedura ta’ notifika għal soġġorni qosra relatati max-xogħol li takkumpanja l-protokoll emendatorju msemmi fl-Artikolu 1, il-punt (a), ta’ din id-Deċiżjoni;

(b)

Id-Dikjarazzjoni mill-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-inklużjoni tal-elementi istituzzjonali b’analoġija fil-Ftehim dwar is-Saħħa li jakkumpanja l-ftehim imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt (n), ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Soġġett għar-reċiproċità, il-ftehim imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt (p), ta’ din id-Deċiżjoni għandu jiġi applikat b’mod proviżorju f’konformità mal-Artikolu 15(3) ta’ dak il-ftehim (10).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. RAOUNA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/995 tat-12 ta’ Marzu 2024 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mal-Konfederazzjoni Żvizzera dwar dispożizzjonijiet istituzzjonali fi ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera relatati mas-suq intern, dwar ftehim dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fi programmi tal-Unjoni u dwar ftehim li jifforma l-bażi għall-kontribuzzjoni permanenti tal-Konfederazzjoni Żvizzera għall-koeżjoni tal-Unjoni (ĠU L, 2024/995, 26.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/995/oj).

(2)   ĠU L 114, 30.4.2002, p. 91, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2002/309(3)/oj.

(3)   ĠU L 114, 30.4.2002, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2002/309(2)/oj.

(4)   ĠU L 114, 30.4.2002, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2002/309(1)/oj.

(5)   ĠU L 114, 30.4.2002, p. 369, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2002/309(5)/oj.

(6)   ĠU L 114, 30.4.2002, p. 132, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2002/309(4)/oj.

(7)  It-testi tal-ftehimiet u l-protokolli se jiġu ppubblikati flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tagħhom.

(8)  Id-dikjarazzjoni se tiġi ppubblikata flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tagħha.

(9)  Id-dikjarazzjonijiet se jiġu ppubblikati flimkien mal-ftehimiet jew il-protokolli li jakkumpanjaw.

(10)  Id-data minn meta l-Ftehim se jiġi applikat b’mod proviżorju se tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/792/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)